Language of document : ECLI:EU:T:2012:637

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

29 ta’ Novembru 2012 (*)

“Proċeduri għal miżuri provviżorji – Kompetizzjoni – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li titrażmetti dokumenti lil qorti nazzjonali – Kunfidenzjalità – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Talba għal miżuri provviżorji – Fumus boni juris – Urġenza –Ibbilanċjar tal-interessi”

Fil-Kawża T‑164/12 R,

Alstom, stabbilita f’Levallois-Perret (Franza), irrappreżentata minn J. Derenne, avukat, N. Heaton, P. Chaplin u M. Farley, solicitors,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Antoniadis, N. Khan u P. Van Nuffel, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

National Grid Electricity Transmission plc, irrappreżentata minn A. Magnus, C. Bryant, E. Coulson, solicitors, J. Turner u D.M. Beard, QC,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għal sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Jannar 2012 li tinsab fl-ittri D/2012/006840 u D/2012/006863 tad-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tal-kompetizzjoni tal-Kummissjoni, li tikkonċerna t-trażmissjoni ta’ ċerti dokumenti lill-High Court of England and Wales [Qorti Superjuri tal-Ġustizzja (l-Ingilterra u Wales)], sabiex jintużaw bħala provi fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat kontra r-rikorrenti, u talba intiża sabiex jiġi ordnat it-trattament kunfidenzjali fil-kuntest tal-proċedura għal miżuri provviżorji tas-sigrieti professjonali li jinsabu fit-tweġiba tar-rikorrenti tat-30 ta’ Ġunju 2006 – Switchgear iżolat bil-Gass,

IL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Rimarki preliminari

1        Areva T&D Holding SA, Areva T&D SA u Areva T&D AG kienu jifformaw parti mill-grupp tar-rikorrenti, Alstom, sat-8 ta’ Jannar 2004, data li fiha Areva għamlet l-akkwist. Fis-7 ta’ Ġunju 2010, Areva biegħethom lil Alstom li semmiethom T&D Holding (sussegwentement Alstom Holdings wara ristrutturazzjonijiet interni datati t-30 u l-31 ta’ Marzu 2012), Alstom Grid SAS u Alstom Grid AG, rispettivament. Dawn it-tliet impriżi huma msemmija f’dan id-digriet bħala l-“kumpanniji Grid”, irrispettivament mill-kumpannija parent tagħhom.

 Il-proċedura quddiem il-Kummissjoni u l-qrati tal-Unjoni Ewropea

2        Fl-20 ta’ April 2006, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fil-Każ COMP/F/38.899 — Switchgear Iżolat bil-Gass (iktar ’il quddiem id-deċiżjoni “SIG”), li għaliha, minn naħa, ir-rikorrenti wieġbet fit-30 ta’ Ġunju 2006 (iktar ’il quddiem it-“tweġiba ta’ rikorrenti”) u, min-naħa l-oħra, Areva u l-kumpanniji Grid irrispondew flimkien l-istess jum bħar-rikorrenti (iktar ’il quddiem it-“tweġiba ta’ Areva u tal-kumpanniji Grid”).

3        Fl-24 ta’ Jannar 2007, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2006) 6762 finali f’dan il-każ li tissanzjona b’mod partikolari lir-rikorrenti, Areva u l-kumpanniji Grid għall-parteċipazzjoni tagħhom f’akkordju fis-suq ta’ switchgear iżolat bil-gass. Fit-18 ta’ April 2008, ir-rikorrenti, minn naħa, u Areva u l-kumpanniji Grid, min-naħa l-oħra, ippreżentaw rikors għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni.

4        Permezz ta’ sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, Areva et vs Il-Kummissjoni (T‑117/07 u T‑121/07, Ġabra p. II-633), il-Qorti Ġenerali naqset l-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti kif ukoll fuq Areva u l-kumpanniji Grid. Areva, minn naħa, u r-rikorrenti u l-kumpanniji Grid, min-naħa l-oħra, ippreżentaw appell kontra din is-sentenza (Kawżi magħquda C‑247/11 P u C‑253/11 P, Areva vs Il-Kummissjoni) fl-24 u fil-25 ta’ Mejju 2011, rispettivament.

 Il-proċeduri quddiem il-High Court of England and Wales

5        Fis-17 ta’ Novembru 2008, National Grid Electricity Transmission plc (iktar ’il quddiem “NGET”) bdiet kawża għad-danni kontra, b’mod partikolari, ir-rikorrenti, Areva u l-kumpanniji Grid quddiem il-High Court of England and Wales (iktar ’il quddiem, il-“High Court”) minħabba li l-prezzijiet li hija kienet ħallset għall-iswitchgear iżolat bil-gass mixrija bejn l-1988 u l-2004 mingħand il-kumpanniji involuti f’dan l-akkordju, kienu eċċessivi minħabba l-eżistenza ta’ dan il-ksur.

6        Fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, NGET talbet li t-tweġiba tar-rikorrenti u dik ta’ Areva u l-kumpanniji Grid. Il-High Court iddeċidiet fuq din it-talba b’sentenza tal-4 ta’ Lulju 2011, wara li tat digriet iddatat il-11 ta’ Lulju 2011 (iktar ‘il quddiem id-“digriet ta’ kunfidenzjalità”), li jistabbilixxi “ċirku ta’ kunfidenzjalità” li l-għan tiegħu kien li tiġi protetta l-informazzjoni kunfidenzjali li tinsab fid-dokumenti disponibbli għall-partijiet fil-proċeduri quddiemha, il-High Court talbet, permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Lulju 2011, it-trażmissjoni mill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli‑81 [KE] u 82[KE]tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), tat-tweġib tar-rikorrenti u dik ta’ Areva u l-kumpanniji Grid. Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Lulju 2011, ir-rikorrenti u l-kumpanniji Grid ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni fir-rigward tat-talba għal trażmissjoni tal-High Court.

7        Fit-28 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni bagħtet ittra lill-High Court tinformaha bl-intenzjoni tagħha li tilqa’ t-talba tagħha, billi speċifikat li hija kellha madankollu tinforma b’dan qabel b’mod partikolari r-rikorrenti u l-kumpanniji Grid. B’ittra ddatata s-26 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni għaldaqstant ikkomunikat lil dawn l-impriżi d-deċiżjoni tagħha li tilqa’ t-talba tal-High Court (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kkontestata”), u d-dokumenti li hija kellha l-intenzjoni li tibgħat jekk huma ma jikkontestawx din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Imħallef għal miżuri provviżorji.

8        Fil-21 ta’ Frar 2012, ir-rikorrenti u l-kumpanniji Grid informaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li jippreżentaw rikors kontra din id-deċiżjoni kif ukoll talba għal miżuri provviżorji quddiem il-President tal-Qorti Ġenerali.

 Proċedura

 It-talba għal miżuri provviżorji u t-talba għal rinunzja parzjali għall-atti

9        Fl-10 ta’ April 2012, ir-rikorrenti u l-kumpanniji Grid ippreżentaw rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. B’att separat tal-istess jum, huma ressqu talba għal miżuri provviżorji intiża li tissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, skont l-Artikoli 278 u 279 TFUE.

10      Wara li rċeviet it-talba għal miżuri provviżorji, il-Kummissjoni ħadet nota tal-ilment tar-rikorrenti u l-kumpanniji Grid li, minkejja l-esklużjoni ta’ elementi pprovduti fil-kuntest tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155), mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-talba tal-High Court, il-verżjoni tat-tweġibiet li hija kellha l-intenzjoni li tittrażmettilha kienet tinkludi tali elementi. B’ittra tas-26 ta’ April 2012, il-Kummissjoni informat dawn l-impriżi li hija kienet iddeċidiet li temenda l-imsemmija verżjonijiet billi tħassar dawn l-elementi.

11      Fl-10 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar it-talba għal miżuri provviżorji.

12      Fil-21 ta’ Mejju 2012, ir-rikorrenti u l-kumpanniji Grid ippreżentaw ittra fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali jinformawha li, wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ April 2012, il-verżjoni emendata tat-tweġiba ta’ Areva u l-kumpanniji Grid ma kinitx għadha toħloq problemi suffiċjentement sinjifikattivi u li, għalhekk, il-kumpanniji Grid iddeċidew li jirtiraw mill-kawża prinċipali u jirtiraw it-talba tagħhom għal miżuri provviżorji. Barra minn hekk, filwaqt li ħadet nota tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti emendat it-talbiet tagħha, fid-dawl tal-fatt li wħud mill-motivi tagħha u dokumenti annessi insostenn tat-talba tagħha ma kienx għadhom rilevanti.

13      Fid-29 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq it-talba għal rinunzja parzjali għall-atti u fuq l-emenda tat-talbiet tat-talb għal miżuri provviżorji mir-rikorrenti.

14      Fit-13 ta’ Ġunju 2012, il-President tal-Qorti Ġenerali adotta digriet ta’ tħassir parzjali fil-Kawża T‑164/12 R sabiex ineħħi l-isem tal-kumpanniji Grid mil-lista tar-rikorrenti. Fl-10 ta’ Lulju 2012, il-President tar-Raba’ Awla ħassar ukoll permezz ta’ digriet l-isem tal-kumpanniji Grid mil-lista tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u kkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll terz minn dawk esposti mill-kumpanniji Grid fil-Kawżi T‑164/12 u T‑164/12 R.

 It-talba għal intervent ta’ NGET u t-talba għal trattament kunfidenzjali tar-rikorrenti

15      Fl-1 ta’ Mejju 2012, NGET ressqet talba għal intervent fil-Kawża T‑164/12 R insostenn tat-talbiet preżunti tal-Kummissjoni. B’ittra tat-22 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni informat lill-President tal-Qorti Ġenerali li hija ma kellhiex oġġezzjoni f’dan ir-rigward. Fit-23 ta’ Mejju 2012, ir-rikorrenti kkomunikat l-osservazzjonijiet tagħha fuq din it-talba, li fihom hija speċifikat, essenzjalment, li ma toġġezzjonax għal dan l-intervent. Permezz ta’ att seperat tal-istess jum, ir-rikorrenti ressqet talba għal trattament kunfidenzjali fir-rigward tal-informazzjoni u dokumenti pprovduti fil-kuntest tal-Kawża T‑164/12 R. Fis-6 ta’ Ġunju 2012, NGET ippreżentat ittra li tindika li aspett tal-proċedura nazzjonali kien ġie ppreżentat b’mod inkorrett minn Alstom fl-osservazzjonijiet tagħha fuq it-talba għal intervent u, f’din l-okkażjoni, irrepetiet l-importanza li jiġi aċċettat l-intervent tagħha sabiex tkun tista’ tassisti lill-Qorti Ġenerali fir-rigward tan-nautra u l-istatus tal-proċeduri quddiem il-High Court.

16      Fl-10 ta’ Lulju 2012, NGET ressqet talba għal intervent insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni fil-Kawża T‑164/12, li ma kinitx suġġetta għal ebda oġġezzjoni la min-naħa tal-Kummissjoni u lanqas min-naħa tar-rikorrenti. Madankollu, din tal-aħħar ressqet, fis-7 ta’ Awwissu 2012, talba għal trattament kunfidenzjali fir-rigward ta’ informazzjoni u dokumenti pprovduti fil-kuntest tal-Kawża T‑164/12.

17      Permezz ta’ digriet tal-4 ta’ Settembru 2012, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta t-talba għal intervent ta’ NGET fil-Kawża T‑164/12. Mingħajr ħsara għall-evalwazzjoni tal-Imħallef għal miżuri provviżorji rigward il-fondatezza tat-talba għal trattament kunfidenzjali, verżjoni mhux kunfidenzjali ppreparata mir-rikorrenti tad-dokumenti pprovduti fil-kuntest tat-talba għal miżuri provviżorji ġiet b’mod partikolari trażmessa lill-intervenjenti li ġiet mistiedna tippreżenta eventwali osservazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward.

18      Fis-27 ta’ Settembru 2012, l-intervenjenti ppreżentat, minn naħa, nota ta’ intervent u, min-naħa l-oħra, l-osservazzjonijiet tagħha fuq it-talba għal trattament kunfidenzjali mressqa mir-rikorrenti li fihom hija ddikjarat li hija ser tafda l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali rigward il-possibbiltà li jiġu adottati miżuri proċedurali li jippermettulha li tinstema’ fuq din il-kwisjtoni. Fit-8 ta’ Ottubru 2012, ir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali nnotifika dawn iż-żewġ dokumenti lir-rikorrenti u lill-Kummissjoni.

 It-talbiet tal-partijiet

19      Ir-rikorrenti titlob, essenzjalment, li l-President tal-Qorti Ġenerali jogħġbu:

–        jordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sakemm il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq l-azzjoni prinċipali;

–        jordna t-trattament kunfidenzjali fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri tas-sigrieti professjonali li jinsabu fit-tweġiba tagħha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

20      Fid-dawl tal-emenda mir-rikorrenti tat-talbiet tagħha (ara l-punt 12 iktar ’il fuq), din tal-aħħar għandha titqies bħala li rrinunzjat għat-talba tagħha għal miżuri provviżorji inkwantu hija tikkonċerna l-elementi ta’ informazzjoni pprovduti fil-kuntest tal-avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell.

21      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, titlob li l-President tal-Qorti Ġenerali jogħġbu:

–        jiċħad it-talba għal miżuri provviżorji;

–        jikkundanna lir-rikorrenti tħallas l-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq it-talba intiża sabiex jinkiseb it-trattament kunfidenzjali matul il-proċedura għal miżuri provviżorji tas-sigriet professjonali li jinsabu fit-tweġiba tar-rikorrenti

22      Fl-osservazzjonijiet tagħha fl-10 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni tqis li t-talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli sa fejn hija intiża li tikseb trattament kunfidenzjali matul dawn il-proċeduri tas-sigrieti professjonali li jinsabu fit-tweġiba tar-rikorrenti.

23      F’dan ir-rigward, hemm lok lijiġi rrilevat li, kif hija abbożżata, it-talba intiża li jinkiseb it-trattament kunfidenzjali matul dawn il-proċeduri fir-rigward tas-sigrieti professjonali li jinsabu fit-tweġiba tar-rikorrenti tista’ tinftiehem biss bħala li hija diretta kontra l-konvenuta. F’din il-kawża, tali talba ma tagħmilx sens peress li l-Kummissjoni hija fil-pussess tal-verżjoni kunfidenzjali tad-dokumenti kkontestati. Jekk, madankollu r-rikorrenti kellha, permezz ta’ din it-talba, l-intenzjoni li titlob tali trattament vis-à-vis eventwali intervenjenti, din it-talba kienet prematura. Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li, kif kien indikat fil-punti 17 u 18 iktar ’il fuq, l-intervenjenti kellha biss aċċess għall-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dokumenti pprovduti fil-kuntest ta’ din it-talba.

 Fuq it-talba għal sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

24      Mill-qari konġunti tal-Artikoli 278 KE u 279 KE, minn naħa, u tal-Artikolu 256(1) KE, min-naħa l-oħra, jirriżulta li l-Imħallef għal miżuri provviżorji jista’, jekk jikkunsidra li ċ-ċirkustanzi hekk jitolbu, jordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ att ikkontestat quddiem il-Qorti Ġenerali jew jordna l-miżuri provviżorji meħtieġa.

25      L-Artikolu 104(2) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jispeċifikaw is-suġġett tal-kawża, iċ-ċirkustanzi li jitolbu l-urġenza kif ukoll ir-raġunijiet ta’ fatt u ta’ dritt li jiġġustifikaw prima facie l-adozzjoni tal-miżura provviżorja li tiġi mitluba. Fil-fatt, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni u l-miżuri provviżorji l-oħrajn jistgħu jingħataw mill-Imħallef għal miżuri provviżorji jekk ikun stabbilit li l-għoti tagħhom ikun iġġustifikat prima facie fil-fatt u fid-dritt (fumus boni juris) u li huma urġenti fis-sens li huwa meħtieġ, sabiex ma jkunx hemm dannu serju u irreparabbli għall-interessi tar-rikorrenti, li huma jiġu deċiżi u jkollhom l-effetti tagħhom qabel id-deċiżjoni fl-azzjoni prinċipali. L-Imħallef għal miżuri provviżorji, skont il-każ, għandu anki jibbilanċja l-interessi involuti (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Frar 2001, L-Awstrija vs Il-Kunsill, C‑445/00 R, Ġabra p. I‑1461, punt 73).

26      Fil-kuntest ta’ dan l-eżami komplessiv, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa u huwa liberu li jiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, il-mod kif dawn id-diversi kundizzjonijiet għandhom jiġu vverifikati kif ukoll l-ordni ta’ dan l-eżami, peress li ebda regola tad-dritt ma timponilu skema ta’ analiżi stabbilita minn qabel għall-evalwazzjoni tal-bżonn li jiġu ordnati miżuri provviżorji [digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Lulju 1995, Il-Kummissjoni vs Atlantic Container Line et, C-149/95 P(R), Ġabra p. I‑2165, punt 23, u tat-3 ta’ April 2007, Vischim vs Il-Kummissjoni, C‑459/06 P(R), mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 25].

27      Fid-dawl tal-elementi fil-proċess, l-Imħallef għal miżuri provviżorji jqis li huwa għandu l-elementi kollha neċessarji sabiex jiddeċiedi fuq din it-talba għal miżuri provviżorji, mingħajr ma jkun hemm ebda bżonn l-ewwel nett li jinstemgħu l-ispjegazzjonijiet orali mill-partijiet jew tiġi adottata miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura kif jitlob l-intervenjenti.

28      Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, qabelxejn huwa neċessarju li jiġu bbilanċjati l-interessi.

 Fuq l-ibbilanċjar tal-interessi

29      Skont ġurisprudenza stabbilita sew, l-ibbilanċjar ta’ interessi differenti involuti jfisser għall-Imħallef għal miżuri provviżorji li dan għandu jiddetermina jekk l-interess li għandha l-parti li titlob il-miżuri provviżorji jipprevalix jew le fuq l-interess li għandha l-applikazzjoni immedjata tad-deċiżjoni inkwistjoni billi jeżamina, b’mod iktar partikolari, jekk l-annullament eventwali ta’ dan l-att mill-qorti meta tiddeċiedi fuq il-mertu jippermettix li s-sitwazzjoni li kienet ipprovokata mill-eżekuzzjoni immedjata tagħha tiġi kkonfutata u, bil-kontra, jekk is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-imsemmi att tkunx ta’ natura li tostakola l-effett sħiħ tiegħu, fil-każ li l-azzjoni prinċipali tiġi miċħuda (ara, f’dan is-sens, digrieti tal-President tal-Qorti tal-11 ta’ Mejju 1989, RTE et vs Il-Kummissjoni, 76/89 R, 77/89 R u 91/89 R, Ġabra p. 1141, punt 15, u tas-6 ta’ Ġunju 2003, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, C‑182/03 R u C‑217/03 R, Ġabra p. I‑6887, punt 142). F’dan il-kuntest, l-Imħallef għal miżuri provviżorji jista’ wkoll iqis xieraq li jieħu inkunsiderazzjoni l-interessi ta’ terzi.

30      Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-kundizzjoni li permezz tagħha s-sitwazzjoni ġuridika maħluqa b’digriet provviżorju għandha tkun riversibbli, għandu jiġi nnotat li l-iskop aħħari tal-miżuri provviżjori huwa limitat sabiex jiggarantixxi l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni futura fuq il-mertu (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Settembru 2004, Il-Kummissjoni vs Akzo u Akcros, C‑7/04 P(R), Ġabra p. I‑8739, punt 36). Konsegwentement, din il-proċedura għandha karattru purament anċillari meta mqabbla mal-kawża prinċipali li torbot fuqha (digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Frar 1996, Lehrfreund vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑228/95 R, Ġabra p. II‑111, punt 61), b’mod li d-deċiżjoni meħuda mill-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jkollha natura provviżorja fis-sens li ma tkun tista’ la tippreġudika d-deċiżjoni futura fuq il-mertu u lanqas ma trendiha illużorja billi tnaqqsilha l-effettività tagħha (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-President tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Mejju 1991, CIRFS et vs Il-Kummissjoni, C-313/90 R, Ġabra p. I‑2557, punt 24, u tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 1995, Connolly vs Il-Kummissjoni, T-203/95 R, Ġabra p. II‑2919, punt 16).

31      Minn dan isegwi neċessarjament li l-interess difiż minn parti għall-proċedura għal miżuri provviżjori ma huwiex denju għal protezzjoni sa fejn din il-parti titlob lill-Imħallef għal miżuri provviżorji jadotta deċiżjoni li, lil hinn milli jkollha natura purament provviżorja, għandha bħala effett ta’ ġudizzju minn qabel fir-rigward tad-deċiżjoni futura fuq il-mertu u li tirrendiha illużorja billi tiġi mċaħħda mill-effettività tagħha.

32      F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali ser tiġi mitluba sabiex tiddeċiedi, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, fuq il-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni kkontestata — li permezz tagħha l-Kummissjoni ddeċidiet li tilqa’ t-talba tal-High Court li tiġi kkomunikata lilha b’mod partikolari t-tweġiba tar-rikorrenti— għandhiex tiġi annullata, fost oħrajn, għal ksur tas-sigriet professjonali protett fl-Artikolu 339 TFUE.

33      L-ewwel nett, għal dak li jikkonċerna l-interess difiż mill-intervenjenti, għandu jiġi rrilevat li, fin-nota ta’ intervent, din tal-aħħar ġibdet l-attenzjoni tal-Imħallef għal miżuri provviżorji fuq il-fatt li, fil-kuntest tal-ibbilanċjar tal-interessi involuti, jeħtieġ li jitqiesu l-possibbiltajiet differenti li joffru l-iskedi rispettivi tal-Qorti Ġenerali u tal-High Court.

34      L-ewwel nett, fl-ipoteżi li t-talba għal sospensjoni tal-eżekuzzjoni tintlaqa’, id-dokumenti kkontestati ma jiġux trażmessi mill-Kummissjoni lill-High Court sakemm il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-proċedura prinċipali, ma tkunx tat is-sentenza tagħha. Madankollu, l-intervenjenti tqis li, jekk il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi favur il-Kummissjoni, iżda tagħti s-sentenza tagħha wara li l-High Court tkun adottat id-deċiżjoni tagħha, hija tkun ipprivata minn dokumenti rilevanti għat-talba tagħha u s-sospensjoni tagħti effettivament lir-rikorrenti l-benefiċċju tal-effetti ta’ sentenza definittiva favuriha għalkemm il-Qorti Ġenerali tkun ċaħdet l-azzjoni prinċipali bħala infondata.

35      Sussegwentement, fl-ipoteżi li t-talba għal miżuri provviżorji tiġi miċħuda, id-dokumenti kkontestati jiġu trażmessi mill-Kummissjoni lill-High Court li, min-naħa tagħha, tikkomunikahom liċ-“ċirku kunfidenzjali” stabbilit bid-digriet tal-11 ta’ Lulju 2011 sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-proċeduri għad-danni. L-intervenjenti tqis li, jekk il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi favur tar-rikorrenti qabel li l-High Court tkun adottat id-deċiżjoni tagħha, l-informazzjoni trażmessa illegalment tiġi eskluża mill-proċeduri nazzjonali.

36      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-intervenjenti ma tiħux inkunsiderazzjoni ipoteżi oħra, kruċjali fid-dawl tal-interessi difiżi mir-rikorrenti: dik li fiha t-talba għal miżuri provviżorji tiġi miċħuda u l-High Court tiddeċiedi qabel li l-Qorti Ġenerali kellha ż-żmien sabiex tiddeċiedi fuq it-talba prinċipali. F’tali każ, sentenza għal annullament issir illużorja u tkun ipprivata mill-effettività. Għaldaqstant, il-konsegwenza taċ-ċaħda ta’ din it-talba tkun il-ġudizzju minn qabel fis-sens tad-deċiżjoni futura fuq il-mertu, jiġifieri ċaħda tar-rikors għal annullament.

37      Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 30 u 31 iktar ’il fuq, għandu għaldaqstant jitfakkar li, quddiem l-Imħallef għal miżuri provviżorji, il-kontenzjuż li jikkonċerna t-trażmissjoni ta’ dokumenti kkontestati minn istituzzjoni għal qorti nazzjonali mitluba fil-kuntest ta’ kawża pendenti, bħala din il-kawża, jista’ jqiegħed inkwisjtoni n-natura aċċessorja tal-proċedura għal miżuri provviżorji.

38      Madankollu, fis-sitwazzjoni li, minn naħa, din it-talba tintlaqa’ u, min-naħa l-oħra, il-High Court tkun f’pożizzjoni li tiddeċiedi qabel li l-Qorti Ġenerali tkun tat id-deċiżjoni tagħha fil-kuntest tal-kawża prinċipali, l-intervenjenti ma urietx li hija ma setgħetx tissalvagwardja l-interess tagħha billi tapplika, bħala rikorrenti quddiem il-High Court, għas-sospensjoni tal-proċeduri għad-danni.

39      Barra minn hekk, is-suċċess ta’ tali talba jidher iktar probabbli milli jekk din is-sospensjoni kienet mitluba mir-rikorrenti bħala konvenuta quddiem il-High Court fl-ipoteżi li, minn naħa, din it-talba tiġi miċħuda u, konsegwentement, id-dokumenti trażmessi lill-High Court u, min-naħa l-oħra, din tal-aħħar tkun f’pożizzjoni li tiddeċiedi qabel ma l-Qorti Ġenerali tagħmel dan fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

40      It-tieni nett, għal dak li jikkonċerna l-interess difiż mill-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li, fl-osservazzjonijiet tagħha tal-10 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni tqis li hija ma għandha ebda interess ieħor ħlief dak li tippreserva l-kompetenza tal-qrati nazzjonali sabiex japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni billi jiżguraw l-effett sħiħ tagħhom u billi jipproteġu d-drittijiet li jikkonferixxu lill-individwi. F’dan ir-rigward, hija tispeċifika li l-interessi involuti ma humiex biss dawk tal-entitajiet li jitolbu kumpens għad-dannu li kkawżalhom agir li jista’ jirristrinġi jew jikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni, iżda wkoll l-interess ġenerali ta’ applikazzjoni effikaċi tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, peress li azzjonijiet għad-danni quddiem il-qrati nazzjonali jistgħu jikkontribwixxu b’mod sinjifikattiv għaż-żamma ta’ kompetizzjoni kompettivita. L-intervenjenti żżid li f’dan ir-rigward kemm il-Kummissjoni u l-qrati tal-Unjoni rrikonoxxew l-importanza li jiżguraw lill-vittmi ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni l-possibbiltà li jippreżentaw rikorsi għall-kumpens għad-danni u li jinvokaw id-drittijiet li jikkonferixxilhom id-dritt tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tirrileva li, fis-sentenza tal-12 ta’ Ġunju 2009 li tiddeċiedi b’mod partikolari fuq it-talba għal sospensjoni tal-proċeduri mressqa mir-rikorrenti u l-konvenuti l-oħrajn kollha quddiem il-High Court fid-dawl tar-rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni AIG, din il-qorti insistiet b’mod speċifiku fuq in-neċessità li ma tiddewwimx il-fażi prekontenzjuża, anki jekk rikorsi kienu għadhom pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali.

41      Għal dak li jikkonċerna l-applikazzjoni effikaċi tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, u b’mod iktar speċifiku tal-proċeduri li jirrigwardaw azzjonijiet għall-kumpens fil-livell nazzjonali, filwaqt li l-importanza tal-veloċità tal-ġustizzja ssib eku partikolari fl-evalwazzjoni tal-Imħallfin għal miżuri provviżorji tal-ibbilanċjar tal-interessi, għandu jiġi kkonstatat lil-Kummissjoni, għalkemm taċċetta min-naħa tagħha l-pożizzjoni tal-High Court, madankollu ma ressqitx talba għal proċedura mħaffa quddiem il-Qorti Ġenerali kif stiednitha r-rikorrenti billi ddikjarat f’din it-talba li, skont il-każ, hija ma topponihiex. Skont l-Artikolu 76 a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, hija l-Kummissjoni li kellha tressaq tali talba, peress li l-intervenjenti ma setgħetx tagħmel dan, sa fejn ir-rapidità li biha jintemmu dawn il-proċeduri kienet element kruċjali tal-pożizzjoni ta’ din l-istituzzjoni.

42      Barra minn hekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 37 sa 39 iktar ’il fuq, li jirrigwardaw il-preservazzjoni tal-effettività tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-kawża prinċipali u taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, għandha tiġi bbilanċjata l-applikazzjoni effikaċi tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni mal-osservanza tan-natura anċillari tal-proċeduri għal miżuri provviżorji. Bilanċ simili kien, barra minn hekk, impliċitament imwettaq meta t-talba għal miżuri provviżorji tistieden lill-President tal-Qorti Ġenerali sabiex jordna l-iżvelar “provviżorju” tal-informazzjoni allegatament kunfidenzjali miżmuma mill-Kummissjoni kienet iddikjarata inammissibbli, inkwantu d-digriet li jilqa’ din it-talba seta’ jinnewtralizza minn qabel il-konsegwenzi tad-deċiżjoni li kellha tingħata sussegwentement fuq il-mertu (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Jannar 2012, Henkel u Henkel France vs Il-Kummissjoni, T‑607/11 R, punti 23 sa 25).

43      It-tielet nett, fin-nota ta’ intervent tagħha datata s-27 ta’ Settembru 2012, l-intervenjenti enfasizzat il-bżonn għall-Imħallef għal miżuri provviżorji li jieħu inkunsiderazzjoni, fl-ibbilanċjar tal-interessi, l-istrateġija ta’ oppożizzjoni li eżerċitat ir-rikorrenti billi rrikorriet għal manuvri dilatorji sabiex tfixkel il-progress tal-proċeduri quddiem il-High Court. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, ebda pass proċedurali elenkat mill-intervenjenti bħala li jostakola l-azzjoni tagħha għad-danni ma kien ikklassifikat bħala abbuż ta’ dritt, fatt li l-intervenjenti jirrikonoxxi. Għalhekk, dawn il-passi proċedurali huma biss l-espressjoni ta’ mezzi legali li parti għandha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tissalvagwardja d-drittijiet tagħha. Meta dawn il-passi proċedurali ġew deċiżi li huma infondati, l-intervenjenti kellha l-ilmenti tagħha milqugħa u l-proċeduri quddiem il-High Court, għalhekk, komplew kif suppost. Min-naħa l-oħra, għalkemm dawn il-proċeduri kienu, skont l-intervenjenti, twal ħafna b’mod mhux normali, l-intervenjenti ma turix madankollu li hija subit dannu minħabba dan it-tul li l-interess tagħha li tiġi żvelata l-informazzjoni kkontestata qabel l-adozzjoni mill-Qorti Ġenerali tas-sentenza tagħha fil-kuntest tal-kawża prinċipali għandha tipprevalixxi fuq l-interess li tiġi ppreservata l-effettività ta’ din is-sentenza (ara l-punti 37 sa 39 iktar ’il fuq).

44      Konsegwentement, l-interess difiż mir-rikorrenti għandu jipprevalixxi fuq l-interess tal-Kummissjoni u tal-intervenjenti li t-talba għal miżuri provviżorji tiġi miċħuda, a fortiori meta l-għoti tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni mitluba tammonta biss li żżomm, għal perijodu limitat, l-istatus quo li kien eżista għal diversi snin (ara, f’dan is-sens, id-digriet RTE et vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 15; ara, wkoll, id-digiret tal-President tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Novembru 2012, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, T‑345/12 R, punt 29), mingħajr ma din tikkawża inkonvenjenzi tali li jkun xieraq li jintemm immedjatament dan il-perijodu ta’ stennija. F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll lir-rikorrenti tipprekludi biss it-trażmissjoni tal-verżjoni kunfidenzjali tad-dokumenti kkontestati. Għalhekk, li tintlaqa’ t-talba għal sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma tostakolax lill-Kummissjoni milli tadotta deċiżjoni ġdida li tippermetti t-trażmissjoni tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dokumenti kkontestati filwaqt li tistenna li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors għal annullament fil-kuntest tal-kawża prinċipali. B’hekk, il-proċeduri quddiem il-High Court jistgħu, sa ċertu punt, jitkomplew.

 Fuq l-urġenza

45      Hemm urġenza ċara li jiġi protett l-interess difiż mill-applikant, meta jkun hemm riskju li huwa jsofri dannu gravi u irreparabbli fil-każ ta’ ċaħda tat-talba tiegħu għal miżuri provviżorji. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li s-sitwazzjoni li tirriżulta mit-trażmissjoni tad-dokumenti kkontestati ma tistax titbiddel iktar. Ladarba l-informazzjoni kunfidenzjali tiġi trażmessa, annullament sussegwenti tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari għal ksur tas-sigriet professjonali protett mill-Artikolu 339 TFUE, ma jaqlibx l-effetti li jirriżultaw mit-trażmissjoni. Konsegwentement, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tkun biss “arzella vojta” jekk l-informazzjoni kkontestata kienet tiġi kkomunikata qabel li l-kawża prinċipali tiġi riżolta.

46      Preliminarjament, għandu jiġi nnotat li, fid-dawl tan-natura speċifika tal-kontenzjuż tat-trażmissjoni ta’ dokumenti kunfidenzjali fil-kuntest tal-proċedura għal miżuri provviżorji (ara l-punt 37 iktar ’il fuq) u taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża (ara l-punti 38 u 39 iktar ’il fuq), huwa biżżejjed li tiġi evalwata l-gravità u n-natura irreparabbli tad-dannu subit mir-rikorrenti f’dan il-każ minħabba t-trażmissjoni stess tal-informazzjoni kkontestata meta mqabbla mad-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

47      Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, fl-ipoteżi li, minn naħa, din it-talba tiġi miċħuda u d-dokumenti jiġu trażmessi mill-Kummissjoni lill-High Court u, min-naħa l-oħra, din tal-aħħar tiddeċiedi qabel li l-Qorti Ġenerali kellha ż-żmien sabiex tiddeċiedi fuq ir-rikors fil-kuntest tal-kawża prinċipali li tikkonċerna l-eventwali natura illegali tat-trażmissjoni ta’ informazzjoni, id-dritt tar-rikorrenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jitlef is-sens tiegħu.

48      Huwa interessanti li jiġi rrilevat l-intervenjenti, li, fit-talba tagħha għal intervent, ġustament speċifikat li hija tkun f’pożizzjoni li tassisti lill-Qorti Ġenerali fuq in-natura u l-istatut tat-talba li hija ressqet fir-Renju Unit, issostni, minn naħa, fl-ittra tagħha tas-6 ta’ Ġunju 2012, li l-High Court ma kellhiex tistenna d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi taħt appell li jirrigwardaw is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali mogħtija wara rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjoni SIG u, min-naħa l-oħra, fin-nota ta’ intervent tagħha tas-27 ta’ Settembru 2012, li huwa probabbli li jeħtieġ iktar żmien għall-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fuq ir-rikors fil-kuntest tal-kawża prinċipali milli jeħtieġ għall-High Court sabiex tagħlaq il-proċeduri nazzjonali. Fid-dawl ta’ din l-informazzjoni, ir-riskju li l-qorti nazzjonali tieħu d-deċiżjoni tagħha, billi tieħu inkunsiderazzjoni informazzjoni trażmessa qabel li l-Qorti Ġenerali kellha l-possibbiltà li tiddeċiedi fuq il-legalità ta’ din it-trażmissjoni jidher li huwa serju u lil hin milli jkun wieħed ipotetiku.

49      Għalhekk, peress li l-Kummissjoni, fil-każ ta’ ċaħda ta’ din it-talba għal miżuri provviżorji, tipproċedi għat-trażmissjoni immedjata tal-informazzjoni kkontestata, hemm riskju li d-dritt fundamentali tar-rikorrenti għal rimedju effettiv, stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, u fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010, C 83, p. 389), jiġi kompromess jekk il-Kummissjoni tiġi awtorizzata li titrażmetti l-informazzjoni inkwistjoni qabel li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fuq l-azzjoni prinċipali. Konsegwentement, peress li d-dritt fundamentali li tibbenefika minnu r-rikorrenti jista’ jiġi kkawżat ħsara gravi u irreparabbli, suġġett għal eżami tal-kundizzjoni li tirrigwarda l-fumus boni juris (ara, għar-rabta mill-qrib bejn din il-kundizzjoni tal-aħħar u l-kundizzjoni li tirrigwarda l-urġenza, id-digriet, tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ April 2008, Ċipru vs Il-Kummissojni, R, T‑87/08 R, T‑88/08 R u T‑91/08 R à T‑93/08 R, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 56 u 57), jidher li huwa urġenti li tingħata s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni mitluba (ara wkoll id-digriet Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 31 sa 33).

 Fuq il-fumus boni juris

50      Skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-kundizzjoni li tirrigwarda l-fumus boni juris hija sodisfatta meta għall-inqas mill-motivi invokati mill-parti li titlob il-miżuri provviżorji insostenn tal-azzjoni prinċipali jidher, prima facie, rilevanti u, fi kwalunkwe każ, mhux infondat, sa fejn jirrileva l-eżistenza ta’ diffikultajiet legali kumplessi li s-soluzzjoni tagħhom ma tkunx immedjata u għalhekk titlob eżami fil-fond, li ma jistax jitwettaq mill-Imħallef għal miżuri provviżorji, iżda jrid ikun suġġett għall-kawża prinċipali, jew meta d-dibattitu bejn il-partijiet jirrileva l-eżistenza ta’ kontroversja legali importanti li s-soluzzjoni tagħha ma tkunx immedjata (ara d-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Settembru 2012, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T‑52/12 R, punt 13, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Artegodan et, C‑39/03 P‑R, Ġabra p. I‑4485, punt 40).

51      Ir-rikorrenti ssostni, b’mod partikolari, li d-deċiżjoni kkontestata tikser, l-ewwel nett, l-Artikolu 339 TFUE, it-tieni nett, il-punt 25 tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-qrati nazzjonali għall-applikazzjoni tal-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] [ĠU 2004, C 101, p. 54) u, it-tielet nett, l-Artikolu 4(3) TUE.

52      F’dan il-kuntest, huwa paċifiku, essenzjalment, li t-trażmissjoni tat-tweġiba tar-rikorrenti kif ippjanata mill-Kummissjoni tikser l-Artikolu 339 TFUE sa fejn il-garanziji offruti mill-High Court sabiex tiġi protetta l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni trażmessa ma tiggarantix l-istess livell ta’ protezzjoni bħala dak li jirriżulta mid-dispożizzjoni tat-Trattat FUE.

53      Billi tfakkar l-obbligu tagħha, speċifikat fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Settembru 1996, Postbank vs Il-Kummissjoni (T‑353/94, Ġabra p. II‑921, punt 90), li tieħu l-prekawzjonijiet kollha neċessarji sabiex jiġi żgurat li dan id-dritt ma jiġix imminat minn, u matul it-trażmissjoni ta’ dokument lill-qorti nazzjonali, il-Kummissjoni tqis li minn din is-sentenza jirriżulta li hija l-qorti nazzjonali li għandha l-obbligu li tiggarantixxi l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni trażmessa u, konsegwentement, hija tosserva dan l-obbigu peress li, minn naħa, hija tindika lill-qorti nazzjonali d-dokumenti jew siltiet li jinkludu informazzjoni kunfidenzjali jew sigrieti tan-negozju u, min-naħa l-oħra, hija tiżgura ruħha li din l-informazzjoni hija trażmessa biss meta l-qorti nazzjonali toffri garanziji konkreti fir-rigward tal-kapaċità tagħha u tal-volontà tagħha li tipproteġi l-kunfidenzjalità ta’ din l-informazzjoni.

54      L-ewwel nett, għal dak li jikkonċerna l-ewwel prekawżjoni li tirrigwarda l-indikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ dokumenti jew siltiet li jaqgħu taħt il-kunfidenzjalità jew taħt is-sigriet tan-negozju, għandu jiġi enfasizzat li, f’din il-kawża, il-Kummissjoni ma qiesitx neċessarju li teżamina l-ġustifikazzjoni għal din il-klassifikazzjoni qabel it-trażmissjoni tal-imsemmija informazzjoni, iżda sempliċement li tindika s-siltiet ikkunsidrati bħala tali mir-rikorrenti. F’dan ir-rigward, huwa notevoli li, fl-osservazzjonijiet tagħha tal-10 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni tmur lura fuq ir-rikonoxximent ta’ din il-klassifika peress li jista’ jiġi dedott mis-sempliċi fatt li hija tikkomunika lill-qorti nazzjonali din l-informazzjoni skont il-prekawżjonijiet li japplikaw għat-trażmissjoni ta’ informazzjoni protetti mill-Artikolu 339 TFUE li din l-informazzjoni taqa’ effettivament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Fi kwalunkwe każ, il-verifika ta’ tali klassifikazzjoni, jekk kienet neċessarja, teħtieġ eżami dettaljat li ma huwiex l-obbligu tal-Imħallef għal miżuri provviżorji li jwettaq.

55      It-tieni nett, għal dak li jikkonċerna l-garanziji konkreti offruti mill-qorti nazzjonali li l-Kummissjoni għandha tiżgura li jeżistu qabel it-trażmissjoni tal-informazzjoni, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni sempliċement iddikjarat li d-digriet ta’ kunfidenzjalità kien jippermetti, fl-opinjoni tagħha, li tiġi protetta l-informazzjoni kunfidenzjali kollha li kienet tinsab fid-dokumenti mitluba skont il-garanziji stabbiliti bl-Artikolu 339 TFUE. F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni kkontestata ma tirriżulta ebda evalwazzjoni rigward l-effetti konkreti tal-protezzjoni prevista mid-digriet ta’ kunfidenzjalità fid-dawl tal-obbligu stabbilit bl-Artikolu 339 TFUE, kif interpretat mill-ġurisprudenza.

56      Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, fl-osservazzjonijiet tagħha datati l-10 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni tindika li l-qorti nazzjonali informatha li d-dokumenti mitluba ser jiġu kkomunikati biss fil-limiti taċ-“ċirku ta’ kunfidenzjalità” stabbilit fil-kuntest tal-proċeduri quddiem il-High Court bi ftehim mal-partijiet fil-kawża u li r-rikorrenti ma esprimiet ebda tħassib rigward il-portata taċ-“ċirku ta’ kunfidenzjalità” jew il-kundizzjonijiet relatati miegħu fl-osservazzjonijiet li hija ppreżentatilha fil-25 ta’ Lulju 2011. Madankollu, l-fatt li l-partijiet fil-kawża quddiem il-High Court, inkluża r-rikorrenti, kienu involuti fid-definizzjoni tal-perimetru taċ-“ċirku ta’ kunfidenzjalità” ma għandux inessi li, fis-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2011 (punt 13), il-qorti nazzjonali speċifikament semmiet il-possibbiltà għal dawn il-partijiet li jippreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Kummissjoni rigward in-natura xierqa tad-deċiżjonili tintlaqa’ jew le t-talba għal trażmissjoni tal-informazzjoni kkonċernata. Barra minn hekk, mill-osservazzjonijiet (punt 34) mibgħuta fil-25 ta’ Lulju 2011 mir-rikorrenti jirriżulta din tal-aħħar kienet informat lill-Kummisjsoni bin-neċessità li jiġi emendat il-kontenut ta’ ċerti dokumenti fil-każ li tintlaqa’ t-talba tal-High Court. Fi kliem ieħor, il-kompożizzjoni taċ-“ċirku ta’ kunfidenzjalità” ċertament ippreżenta diffikultajiet għar-rikorrenti inkwantu din tal-aħħar oġġezzjonat għall-komunikazzjoni f’dan iċ-ċirku tal-verżjonijiet kunfidenzjali tad-dokumenti mitluba. Għaldaqstant, fid-dawl ta’ tali elementi, ma tistax tiġi eskluża l-possibbiltà li, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-Qorti Ġenerali teżamina l-kwisjtoni dwar jekk, sabiex tiġi osservata l-protezzjoni tas-sigriet professjonali skont l-Artikolu 339 TFUE, il-Kummissjoni għandhiex tieħu prekawżjonijiet oħra differenti minn dawk ipprovduti fid-deċiżjoni kkontestata.

57      Fit-tieni lok, mill-analiżi tad-digriet ta’ kunfidenzjalità kkomunikata mill-High Court lill-Kummissjoni bħala anness mat-talba għal trażmissjoni tad-dokumenti kkontestati jirriżulta li ċ-“ċirku ta’ kunfidenzjalità”, li l-kompożizzjoni tiegħu tista’ tkun is-suġġett ta’emendi fil-futur, huwa kkostitwit minn numru kbir ta’ persuni (92 isem jidher fuq din il-lista) li jokkupaw funzjonijiet differenti wkoll bħal avukat estern, konsulent legali intern (dan huwa l-każ pereżempju ta’ żewġ impjegati tal-intervenjenti), segretarja u wkoll operatur tal-kompjuter. Ċertament, il-persuni kollha huma suġġetti għal obbligu ta’ kunfidenzjalità u, skont l-intervenjenti, ebda wieħed minnhom ma jeżerċita funzjonijiet kummerċjali. Madankollu, fid-dawl tad-diskussjonijiet mibdija fil-livell tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-iskambju bejn avukati u klijenti u r-rekwiżit ta’ indipendenza li jimplika n-nuqqas ta’ kwalunkwe relazzjoni ta’ impjieg anki meta jkun hemm obbligi ta’ deontoloġija u ta’ dixxiplina professjonali, il-kwistjoni — li tipprovdi li, fid-dawl tal-modalitajiet f’dan il-każ ta’ diffużjoni fil-livell nazzjonali tal-informazzjoni mitluba li kienu magħrufa mill-Kummissjoni, din tal-aħħar kellha teżamina fid-dettall il-konsegwenzi konkreti tal-imsemmija garanzija fuq il-protezzjoni tas-sigriet professjonali u eventwalment tikkonkludi li t-talba għal trażmissjoni, kif ifformulata, għandha tiġi miċħuda taħt piena li tista’ twassal għal ksur tal-Artikolu 339 TFUE — tista’ raġonevolament titqajjem fil-kuntest tal-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, għandu jiżdied li l-Kummissjoni ma tistax, sabiex turi li l-iżvelar propost ma jistax jiġi assimilat għal żvelar lill-partijiet fil-proċeduri fir-Renju Unit, sempliċement issostni li l-għan ta’ “ċirku ta’ kunfidenzjalità” huwa li jippermetti lill-avukati tal-partijiet li jeżaminaw id-dokumenti żvelati sa fejn, speċifikament, il-kompożizzjoni ta’ dan iċ-ċirku la hija immutabbli u lanqas hija ristretta għal persuni li għandhom l-istatus ta’ avukat.

58      Fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, ma jistax jiġi eskluż li, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu tista’ tqis xieraq li tiddeċiedi fuq il-portata tal-kontroll li għandha teżerċita l-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-informazzjoni kunfidenzjali tiġi trażmessa biss meta l-qorti nazzjonali toffri garanziji konkreti fir-rigward tal-kapaċità tagħha u tal-volontà tagħha li tipproteġi l-kunfidenzjalità ta’ din l-informazzjoni. Fi kliem ieħor, il-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu tista’ titwassal sabiex tistaqsi fuq il-kwisjtoni dwar jekk il-prekawzjonijiet meħuda f’din il-kawża mill-Kummissjoni, sabiex jiġi osservat l-obbligu li għandha taħt l-Artikolu 339 TFUE, kinux suffiċjenti jew jekk hija kellhiex tipproċedi għal analiżi iktar dettaljata tal-mekkaniżmu propost mill-qorti nazzjonali sabiex tiġi protetta l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni mitluba.

59      Barra minn hekk, anki jekk dawn il-prekawzjonijiet kienu jitqiesu li huma adegwati, fil-prinċipju, sabiex jiġi osservat dan l-obbligu, għandu jiġi nnotat li s-sentenza Postbank vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, tispeċifika li huwa possibbli li, anki jekk il-Kummissjoni tieħu l-prekawzjonijiet kollha neċessarji, il-protezzjoni ta’ terzi tista’, f’ċerti każijiet, ma tiġix żgurata bis-sħiħ. F’dawn l-ipoteżijiet eċċezzjonali, il-Qorti Ġenerali tindika li l-Kummissjoni tista’ tirrifjuta l-komunikazzjoni ta’ dokumenti lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali. Fid-dawl tal-fatti fil-kawża, ma huwiex eskluż li l-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu għandha tiddetermina jekk il-Kummissjoni sabitx ruħha f’tali sitwazzjoni.

60      Dawn l-analiżi jqajmu kwistjonijiet ġodda ta’ liġi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kemm fl-ittra tagħha tat-28 ta’ Ottubru 2011 (punt 6), mibgħuta lill-High Court, kif ukoll fid-deċiżjoni kkontestata (punt 14), il-Kummissjoni stess tirrimarka fuq in-natura ġdida tat-talba u tal-problemi involuti.

61      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li din il-kawża tqajjem kwistjonijiet ta’ liġi ġodda li ma jistgħux, prima facie, jitqiesu irrilevanti, u li soluzzjoni tagħha jistħoqilha eżami fil-fond fil-kuntest tal-kawża prinċipali. Għaldaqstant, għandha tiġi ddikjarata l-eżistenza ta’ fumus boni juris (ara, wkoll, id-digriet Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 44 sa 56).

62      Minn dan isegwi li, peress li l-kundizzjonijiet huma sodisfatti f’dan ir-rigward, it-talba għal miżuri provviżorji għandha tintlaqa’ u miżuri provviżorji għandhom jingħataw intiżi li jipprojbixxu lill-Kummissjoni milli titrażmetti l-informazzjoni kkontestata kif previst fid-deċiżjoni kkontestata.

Għal dawn il-motivi,

IL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

tordna:

1)      Is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Jannar 2012 sa fejn tikkonċerna t-trażmissjoni lill-High Court of England and Wales tal-verżjoni kunfidenzjali tat-tweġiba ta’Alstom tat-30 ta’ Ġunju 2006 għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fil-Każ COMP/F/38.899 — Switchgear Iżolat bil-Gass.

2)      Il-kumplament tat-talba għal miżuri provviżorji huwa miċħud.

3)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Il-Lussemburgu, 29 ta’ Novembru 2012.

Reġistratur

 

      Il-President

E. Coulon

 

      M. Jaeger


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.