Language of document : ECLI:EU:T:2012:637

Kawża T-164/12 R

Alstom

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Proċeduri għal miżuri provviżorji — Kompetizzjoni — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li titrażmetti dokumenti lil qorti nazzjonali – Kunfidenzjalità — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Talba għal miżuri provviżorji — Fumus boni juris — Urġenza — Ibbilanċjar tal-interessi”

Sommarju — Digriet tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Novembru 2012

1.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — Fumus boni juris — Urġenza — Dannu gravi u irreparabbli — Natura kumulattiva — Ibbilanċjar tal-interessi kollha inkwistjoni — Ordni ta’ eżami u metodu ta’ verifika — Setgħa diskrezzjonali tal-Imħallef għal miżuri provviżorji

(Artikoli 256(1), TFUE 278 TFUE u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 104(2))

2.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Kundizzjonijiet għall-għoti — Ibbilanċjar tal-interessi kollha inkwistjoni — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li titrażmetti dokumenti kunfidenzjali lil qorti nazzjonali

(Artikolu 278 TFUE)

3.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Kundizzjonijiet għall-għoti — Urġenza — Dannu gravi u irreparabbli — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li titrażmetti dokumenti kunfidenzjali lil qorti nazzjonali — Riskju ta’ ksur tad-dritt għal rimedju effettiv

(Artikolu 278 TFUE; Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

4.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Kundizzjonijiet għall-għoti — Fumus boni juris — Eżami prima facie tal-motivi invokati insostenn tar-rikors prinċipali — Rikors kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li titrażmetti dokumenti kunfidenzjali lil qorti nazzjonali — Motiv ibbażat fuq l-adegwatezza tal-garanziji ta’ kunfidenzjalità offruti mill-qorti nazzjonali — Motiv li prima facie ma huwiex infondat

(Artikoli 278 TFUE u 339 TFUE)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni

(ara l-punti 24-27)

2.      L-ibbilanċjar ta’ interessi differenti involuti jfisser għall-Imħallef għal miżuri provviżorji li dan għandu jiddetermina jekk l-interess li għandha l-parti li titlob il-miżuri provviżorji jipprevalix jew le fuq l-interess li għandha l-applikazzjoni immedjata tal-att inkwistjoni billi jeżamina, b’mod iktar partikolari, jekk l-annullament eventwali ta’ dan l-att mill-qorti meta tiddeċiedi fuq il-mertu jippermettix li s-sitwazzjoni li kienet ipprovokata mill-eżekuzzjoni immedjata tagħha tiġi kkonfutata u, bil-kontra, jekk is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-imsemmi att tkunx ta’ natura li tostakola l-effett sħiħ tiegħu, fil-każ li l-azzjoni prinċipali tiġi miċħuda. F’dan il-kuntest, l-Imħallef għal miżuri provviżorji jista’ wkoll iqis xieraq li jieħu inkunsiderazzjoni l-interessi ta’ terzi.

F’dan ir-rigward, l-iskop aħħari tal-miżuri provviżjori huwa limitat sabiex jiggarantixxi l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni futura fuq il-mertu. Konsegwentement, din il-proċedura għandha karattru purament anċillari meta mqabbla mal-kawża prinċipali li torbot fuqha, b’mod li d-deċiżjoni meħuda mill-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jkollha natura provviżorja fis-sens li ma tkun tista’ la tippreġudika d-deċiżjoni futura fuq il-mertu u lanqas ma trendiha illużorja billi tnaqqsilha l-effettività tagħha. Minn dan isegwi neċessarjament li l-interess difiż minn xi parti għal miżuri provviżjori ma huwiex denju għal protezzjoni sa fejn din il-parti titlob lill-imħallef għal miżuri provviżorji jadotta deċiżjoni li, lil hinn milli jkollha natura purament provviżorja, għandha bħala effett, preġudizzju fir-rigward tad-deċiżjoni futura fuq il-mertu u li tirrendiha illużorja billi tiġi mċaħħda mill-effettività tagħha.

Dan ikun il-każ għaldaqstant fir-rigward tal-kontenzjuż, quddiem l-Imħallef għal miżuri provviżorji, li jikkonċerna t-trażmissjoni lil qorti nazzjonali, mitluba fil-kuntest ta’ kawża pendenti, minn istituzzjoni ta’ dokumenti li jinkludu sigrieti professjonali riċevuti minn din tal-aħħar fi proċeduri ta’ kompetizzjoni. Fl-ipoteżi li t-talba għal miżuri provviżorji tiġi miċħuda u, konsegwentement, id-dokumenti trażmessi lill-qorti nazzjonali, din tal-aħħar tkun f’pożizzjoni li tiddeċiedi qabel il-qorti tal-Unjoni ma tagħmel dan fil-kuntest tal-kawża prinċipali. Għaldaqstant, il-konsegwenza taċ-ċaħda ta’ din it-talba tkun il-ġudizzju minn qabel fis-sens tad-deċiżjoni futura fuq il-mertu, jiġifieri ċaħda tar-rikors għal annullament.

Konsegwentement, f’tali każ, għandha tiġi sospiża l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li jiġu trasmessi l-imsemmija dokumenti sabiex tiġi bbilanċjata l-applikazzjoni effikaċi tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni mal-osservanza tan-natura anċillari tal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

(ara l-punti 29-31, 36, 37, 39, 42)

3.      Hemm urġenza ċara li jiġi protett l-interess tal-applikant, meta jkun hemm riskju li huwa jsofri dannu gravi u irreparabbli fil-każ ta’ ċaħda tat-talba tiegħu għal miżuri provviżorji. Dan ikun il-każ għaldaqstant fir-rigward tal-kontenzjuż, quddiem l-Imħallef għal miżuri provviżorji, li jikkonċerna t-trażmissjoni lil qorti nazzjonali, mitluba fil-kuntest ta’ kawża pendenti, minn istituzzjoni ta’ dokumenti li jinkludu sigrieti professjonali riċevuti minn din tal-aħħar fi proċeduri ta’ kompetizzjoni.

Fil-fatt, fl-ipoteżi li, minn naħa, din it-talba tiġi miċħuda u d-dokumenti trażmessi u, min-naħa l-oħra, il-qorti nazzjonali tiddeċiedi qabel il-qorti tal-Unjoni kellha ż-żmien sabiex tiddeċiedi fuq ir-rikors fil-kuntest tal-kawża prinċipali li tikkonċerna l-eventwali natura illegali tat-trażmissjoni ta’ informazzjoni, id-dritt tar-rikorrenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jitlef is-sens tiegħu.

Konsegwentement, id-dritt fundamentali għal rimedju effetti, stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Konvenvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jista’ jiġi kkawżat ħsara gravi u irreparabbli, suġġett għal eżami tal-kundizzjoni li tirrigwarda l-fumus boni juris, jidher li huwa urġenti li tingħata s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni mitluba.

(ara l-punti 37, 45, 47, 49)

4.      F’proċeduri għal miżuri provviżorji, il-kundizzjoni li tirrigwarda l-fumus boni juris hija ssodisfatta meta għall-inqas mill-motivi invokati mill-parti li titlob il-miżuri provviżorji insostenn tal-azzjoni prinċipali jidher, prima facie, rilevanti u, fi kwalunkwe każ, mhux infondat, sa fejn jirrileva l-eżistenza ta’ diffikultajiet legali kumplessi li s-soluzzjoni tagħhom ma tkunx immedjata u għalhekk titlob eżami fil-fond, li ma jistax jitwettaq mill-Imħallef għal miżuri provviżorji, iżda jrid ikun suġġett għall-kawża prinċipali, jew fejn id-dibattitu bejn il-partijiet jirrileva l-eżistenza ta’ kontroversja legali importanti li s-soluzzjoni tagħha ma tkunx immedjata.

Fil-kuntest ta’ talba għal sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li titrażmetti lil qorti nazzjoni dokumenti li jinkludu sigrieti professjonali, jeżisti, mal-ewwel daqqa t’għajn, fumus boni juris li jirrigwarda argumentazzjoni li tqajjem kwistjonijiet ta’ liġi ġodda, dwar il-livell ta’ garanziji offruti mill-qorti nazzjonali sabiex tiġi protetta l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni trażmessa, li ma jistgħux jitqiesu irrilevanti, u li soluzzjoni tagħha jistħoqilha eżami fil-fond fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu tista’ tqis xieraq li tiddeċiedi fuq il-portata tal-kontroll li għandha teżerċita l-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-informazzjoni kunfidenzjali tiġi trażmessa biss meta l-qorti nazzjonali toffri garanziji konkreti fir-rigward tal-kapaċità tagħha u tal-volontà tagħha li tipproteġi l-kunfidenzjalità ta’ din l-informazzjoni. Fi kliem ieħor, il-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu tista’ titwassal sabiex tistaqsi fuq il-kwisjtoni dwar jekk il-prekawzjonijiet meħuda f’din il-kawża mill-Kummissjoni, sabiex jiġi osservat l-obbligu li għandha taħt l-Artikolu 339 TFUE, kinux suffiċjenti jew jekk hija kellhiex tipproċedi għal analiżi iktar dettaljata tal-mekkaniżmu propost mill-qorti nazzjonali sabiex tiġi protetta l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni mitluba. Barra minn hekk, anki jekk dawn il-prekawzjonijiet kienu jitqiesu li huma adegwati, fil-prinċipju, sabiex jiġi osservat dan l-obbligu, huwa possibbli li, anki jekk il-Kummissjoni tieħu l-prekawzjonijiet kollha neċessarji, il-protezzjoni ta’ terzi tista’, f’ċerti każijiet, ma tiġix żgurata bis-sħiħ. F’dawn l-ipoteżijiet eċċezzjonali, il-Qorti Ġenerali tindika li l-Kummissjoni tista’ tirrifjuta l-komunikazzjoni ta’ dokumenti lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali.

(ara l-punti 50, 58, 59, 61)