Language of document : ECLI:EU:T:2010:303

Kawża T-85/08

Exalation Ltd

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali Vektor-Lycopin — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Nuqqas ta’ karattru distintiv — Karattru deskrittiv — Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”

Sommarju tas-sentenza

Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jintużaw sabiex jindikaw il-karatteristiċi ta’ prodott

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(ċ))

Is-sinjal verbali Vektor-Lycopin, li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni għall-“Prodotti farmaċewtiċi u veterinarji għal użu mediku; prodotti sanitarji għal użu mediku; prodotti djetetiċi għal użu mediku; ikel għat-trabi”, “Laħam, ħut, tjur u selvaġġina; estratti tal-laħam; frott u ħaxix ippriżervat, imnixxef u msajjar; ġèli, ġammijiet, frott ippriżervat jew misjur fix-xropp; bajd, ħalib u prodotti tal-ħalib; żejt u xaħmijiet li jittieklu” u “Kafè, te, kawkaw, zokkor, ross, tapjoka, sago, kafè artifiċjali; dqiq u preparazzjonijiet magħmulin miċ-ċereali; ħobż, għaġina u ħlewwiet, ġelati; għasel, għasel iswed; ħmira, trab tal-ħami; melħ, mustarda; ħall, zlazi (kondimenti); silġ”, li jaqgħu taħt il-klassijiet 5, 29 u 30, rispettivament, skont il-Ftehim ta’ Nice huwa deskrittiv tal-prodotti koperti milll-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, dwar it-trade mark Komunitarja, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti li jinkludi l-produtturi u l-konsumaturi kollha tal-imsemmija prodotti, jiġifieri kemm ċerti professjonisti u kemm il-pubbliku ġenerali.

Għandu jiġi kkunsidrat li l-pubbliku rilevanti għandu konoxxenza tas-sens tal-kelma “lycopin” jew li, tal-inqas, huwa raġjonevoli li jitqies li l-pubbliku rilevanti jista’ jakkwista din il-konoxxenza fil-futur. L-ewwel nett, din il-kelma teknika tiddeskrivi suppliment tal-ikel neċessarjament magħruf minn parti tal-pubbliku rilevanti, b’mod partikolari mill-professjonisti tal-preparazzjonijiet tal-prodotti djetetiċi, farmaċewtiċi u veterinarji. It-tieni nett, li s-sens tal-kelma “lycopin” huwa faċilment aċċessibbli għall-konsumaturi tal-prodotti kollha koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Is-sens tal-kelma “lycopin” jidher, fil-fatt, fid-dizzjunarji u fis-siti tal-internet. B’hekk, huwa probabbli li s-sustanza identifikata minn din il-kelma hija magħrufa wkoll minn parti mill-konsumaturi tal-prodotti kollha inkwistjoni. It-tielet nett, il-konsumaturi tal-prodotti farmeċewtiċi, veterinarji, djetetiċi u sanitarji għal użu mediku li ma jafux is-sens tal-kelma “lycopin” ikollhom ħafna drabi t-tendenza li jieħdu parir mill-parti tal-pubbliku rilevanti li tkun taf dan is-sens, jiġifieri mingħand tobba, spiżjara, djetetiċi u bejjiegħa oħra tal-prodotti inkwistjoni. B’hekk, permezz tal-pariri li jirċievu mingħand min jagħti r-riċetti jew permezz tal-informazzjoni mxerrda permezz ta’ medja differenti, il-konoxxenza tas-sens tal-kelma “lycopin” tista’ titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-parti tal-pubbliku rilevanti li hija l-inqas informata tajjeb.

Fl-għajnejn tal-pubbliku rilevanti, it-tagħqida Vektor-Lycopin, assoċjata mal-prodotti tal-ikel, djetetiċi, sanitarji, veterinarji u farmaċewtiċi koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, tevoka l-karatteristika ta’ dawn il-prodotti li jittrażmettu lycopene. Fil-fatt, il-pubbliku rilevanti, jekk isib quddiemu l-assoċjazzjoni tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni mal-prodotti koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, jitwassal sabiex jikkunsidra li l-prodotti inkwistjoni fihom il-lycopene u jippermettu lil dawk li jikkonsmawhom sabiex jassorbu din is-sustanza.

B’hekk, it-tagħqid tal-kliem “vektor” u “lycopin” bħal dak fis-sinjal Vektor-Lycopin jikkostitwixxi, fil-moħħ tal-pubbliku rilevanti, indikazzjoni tal-karatteristiċi tal-prodotti inkwistjoni.

(ara l-punti 36, 40-43, 56-58)