Language of document : ECLI:EU:T:2011:144

Kawża T-84/08

Intesa Sanpaolo SpA

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali COMIT — Trade mark nazzjonali figurattiva preċedenti Comet — Raġuni relattiva għal rifjut — Probabbiltà ta’ konfużjoni — Xebh tas-sinjali — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009] — Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 216/96”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Appell quddiem il-Bordijiet tal-Appell — Kritika tad-deċiżjoni kkontestata mill-konvenut fl-osservazzjonijiet tiegħu

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 216/96, Artikolu 8(3))

2.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(1)(b))

3.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(1)(b))

1.      Mill-kliem tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 216/96, li jistipula r-regoli tal-proċedura tal-Bordijiet tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni tas-Suq Intern (Trade Marks u Disinni), kif emendat, jirriżulta li, fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, il-konvenuta tista’, fl-osservazzjonijiet tagħha, teżerċita d-dritt tagħha li tikkontesta d-deċiżjoni li qed tiġi kkontestata. Is-sempliċi kwalità tagħha bħala konvenuta tippermettilha b’hekk li tikkontesta l-validità tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 216/96 ma jillimitax dan id-dritt għall-motivi diġà mqajma fl-appell. Fil-fatt, huwa jipprovdi li t-talbiet jikkonċernaw punt mhux imqajjem fl-appell. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni ma tagħmel ebda riferiment għall-fatt li l-konvenuta setgħet tippreżenta hija stess appell mid-deċiżjoni kkontestata. Iż-żewġ rimedji ġuridiċi jeżistu sabiex tiġi kkontestata d-deċiżjoni li oppożizzjoni tiġi milqugħa u li tiċħad it-talba għal reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja.

(ara l-punt 23)

2.      Fil-kuntest tal-eżami ta’ oppożizzjoni mressqa mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, ma hemm xejn li jipprekludi li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ xebh viżiv bejn trade mark verbali u trade mark figurattiva, peress li dawn iż-żewġ tipi ta’ trade marks għandhom konfigurazzjoni grafika li tista’ toħloq impressjoni viżiva.

(ara l-punt 37)

3.      Għall-konsumatur medju Ġermaniż, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjal verbali COMIT, li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala trade mark Kommunitarja għas-servizzi li jaqgħu taħt il-klassijiet 35, 36, 41 u 42 skont il-Ftehim ta’ Nice, u t-trade mark figurattiva Comet, irreġistrata preċedentement fil-Ġermanja għal servizzi identiċi.

Fil-fatt, minħabba xebh qawwi bejn is-sinjali inkwistjoni, b’mod partikolari xebh viżiv u fonetiku, u minħabba identiċità kkonstatata bejn is-servizzi kkonċernati, huwa probabbli li l-pubbliku jikkonfondi t-trade marks inkwistjoni, fid-dawl tal-fatt li l-konsumatur ikollu biss rarament il-possibbiltà li jagħmel paragun dirett tad-diversi trade marks iżda jkollu joqgħod fuq l-istampa imperfetta li jżomm fil-memorja tiegħu. B’hekk, minkejja ċerta differenza kunċettwali u l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju Ġermaniż, li teżisti probabbiltà li dan il-pubbliku jista’ jemmen li s-servizzi inkwistjoni joriġinaw mill-istess impriża jew, jekk ikun il-każ, minn impriżi li għandhom rabta ekonomika bejniethom.

(ara l-punti 33, 34, 45-47)