Language of document : ECLI:EU:T:2012:494

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

27 ta’ Settembru 2012 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-ħġieġ ċatt fiż-ŻEE – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81KE – Iffissar tal-prezzijiet – Prova tal-ksur – Kalkolu tal-ammont tal-multi – Esklużjoni ta’ “captive sales” [bejgħ minn fornituri lil konsumaturi li huma fil-proprjetà sħiħa jew parzjali tal-imsemmija fornituri] – Obbligu ta’ motivazzjoni – Ugwaljanza fit-trattament – Ċirkustanzi attenwanti ”

Fil-Kawża T‑82/08,

Guardian Industries Corp., stabbilita f’Dover, Delaware (l-Istati Uniti),

Guardian Europe Sàrl, stabbilita f’Dudelange (il-Lussemburgu),

irrappreżentati minn S. Völcker, F. Louis, A. Vallery, C. Eggers u H.‑G. Kamann, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre u R. Sauer, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 5791 finali, tat-28 ta’ Novembru 2007, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39165 – Ħġieġ ċatt), sa fejn tikkonċerna r-rikorrenti, u t-tnaqqis tal-multa imposta fuqhom permezz tal-imsemmija deċiżjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, N. Wahl u S. Soldevila Fragoso (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Frar 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Guardian Industries Corp. u Guardian Europe Sàrl jagħmlu parti mill-grupp Guardian, attiv fil-produzzjoni ta’ ħġieġ ċatt u ta’ ħġieġ tal-karozzi. Guardian Industries hija l-kumpannija li tinsab f’ras il-grupp Guardian u indirettament għandha sehem ta’ 100 % mill-kapital ta’ Guardian Europe.

2        Fit-22 u t-23 ta’ Frar 2005 u fil-15 ta’ Marzu 2005, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej wettqet spezzjonijiet għal għarrieda, b’mod partikolari fil-bini ta’ Guardian Flachglas GmbH, Guardian Europe u Guardian Luxguard I SA.

3        Fit-2 ta’ Marzu 2005, Asahi Glass Co. Ltd u s-sussidjarji tagħha kollha, inkluża Glaverbel SA/NV, li sussegwentement saret AGC Flat Glass Europe SA/NV (iktar ’il quddiem “Glaverbel”), ippreżentaw talba sabiex jingħataw immunità mill-multa jew, jekk ikun il-każ, tnaqqis tal-multa skont il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Frar 2002 dwar l-immunità minn multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom f’kawżi li jirrigwardaw akkordji (ĠU 2002, C 45, p. 3).

4        Fit-3 ta’ Jannar 2006, il-Kummissjoni bdiet proċeduri skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) u informa b’dan lill-partijiet fis-6 ta’ Marzu 2006.

5        Fl-10 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni lil diversi kumpanniji, fosthom lir-rikorrenti. Guardian Europe wieġbet għal din it-talba fl-10 ta’ Marzu 2006.

6        Fid-9 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mibgħuta fit-13 u fl-14 ta’ Marzu 2007 lil diversi kumpanniji, fosthom lir-rikorrenti.

7        Fit-28 ta’ Novembru 2007, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2007) 5791 finali, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39165 – Ħġieġ ċatt, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li sommarju tagħha ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-24 ta’ Mejju 2008 (ĠU C 127, p. 9) u li ġiet innotifikata lir-rikorrenti fit-3 ta’ Diċembru 2007.

8        Id-deċiżjoni kkontestata ntbagħtet ukoll lil Asahi Glass, lil Glaverbel, kif ukoll lil Pilkington Deutschland AG, lil Pilkington Group Ltd, lil Pilkington Holding GmbH (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “ Pilkington ”), lil Compagnie de Saint-Gobain SA u lil Saint-Gobain Glass France SA (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “ Saint-Gobain ”).

9        Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-kumpanniji destinatarji tagħha kienu pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 81(1) KE, li nfirex għat-territorju taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), li jikkonsisti minn iffissar ta’ żidiet fil-prezzijiet, minn prezzijiet minimi, minn miri ta’ prezzijiet, minn iffriżar ta’ prezzijiet u minn kundizzjonijiet kummerċjali oħra għall-bejgħ lil klijenti indipendenti ta’ erba’ kategoriji ta’ prodotti ta’ ħġieġ ċatt użati fis-settur tal-kostruzzjoni, jiġifieri l-ħġieġ tat-tip float glass, il-ħġieġ ta’ effiċjenza għolja tal-enerġija, il-ħġieġ laminat u l-mirja mhux ipproċessati, kif ukoll l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva.

10      Ir-rikorrenti instabu ħatja tal-ksur għall-perijodu mill-20 ta’ April 2004 sat-22 ta’ Frar 2005 u ġiet imposta fuqhom in solidum multa ta’ EUR 148 miljun.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

11      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Frar 2008, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

12      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet. Il-partijiet wieġbu għal dawn il-mistoqsijiet fit-terminu mogħti.

13      Fit-8 ta’ Frar 2012, ir-rikorrenti bagħtu li l-Qorti Ġenerali tabella relatata mal-metodi ta’ kalkolu tal-multa li ġiet imposta fuqhom. Fl-10 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni ppreżentat osservazzjonijiet fuq dan id-dokument, li ntbagħtu lir-rikorrenti fl-istess jum.

14      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-13 ta’ Frar 2011.

15      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla parzjalment l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tnaqqas l-ammont tal-multa imposta;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

16      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

17      Insostenn tat-talbiet tagħhom għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti jressqu motiv wieħed, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt dwar it-tul tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju u dwar id-dimensjoni ġeografika tal-akkordju. Insostenn tat-talbiet tagħhom sabiex jitnaqqas l-ammont tal-multa, ir-rikorrenti jqajmu tliet motivi bbażati, l-ewwel nett, fuq il-ħtieġa li jitnaqqas l-ammont tal-multa tagħhom bħala konsegwenza tal-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, it-tieni nett, fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u tal-obbligu ta’ motivazzjoni dwar il-kalkolu tal-multa, u t-tielet nett, fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tar-rwol limitat ħafna u passiv li kellhom fil-ksur u l-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

18      Matul is-seduta, il-partijiet barra minn hekk ikkontestaw l-ammissibbiltà ta’ ċertu numru ta’ dokumenti.

 Fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerti dokumenti u ta’ riferimenti li saru għal dokumenti

 Fuq l-ammissibbiltà tal-ittra tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Frar 2012

19      Fis-seduta, ir-rikorrenti kkontestaw l-ammissibbiltà tal-ittra tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Frar 2012 peress li din l-ittra għandha ċifri li qatt ma ġew ikkomunikati lilhom qabel.

20      Il-Kummissjoni tikkunsidra li din l-ittra, li tikkostitwixxi żieda mat-tweġiba tagħha tat-23 ta’ Jannar 2012 għall-mistoqsijiet mibgħuta lilha mill-Qorti Ġenerali, hija ammissibbli.

21      Għandu jiġi nnotat li din l-ittra waslet fil-Qorti Ġenerali barra t-terminu mogħti mill-Kummissjoni, iżda madankollu hija kienet għadha ma ġietx ikkomunikata lir-rikorrenti fl-10 ta’ Frar 2012. Din l-ittra tinkludi osservazzjonijiet fuq dokument ippreżentat mir-rikorrenti fit-8 ta’ Frar 2012, kif ukoll żieda għat-tweġiba tal-Kummissjoni għal mistoqsija bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali bħala tweġiba qabel is-seduta relatata mal-metodu tal-kalkolu tal-ammont tal-multa proposta mir-rikorrenti fil-każ ta’ esklużjoni tal-captive sales [bejgħ minn fornituri lil konsumaturi li huma fil-proprjetà sħiħa jew parzjali tal-imsemmija fornituri]. B’hekk il-Kummissjoni ppreċiżat, minn naħa, li ċ-ċifri li jinsabu fit-tabella Nru 1 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma kinux jikkonċernaw biss il-bejgħ intern, iżda wkoll il-bejgħ ta’ ċerti kategoriji ta’ ħġieġ li finalment ma ttiħdux inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, il-proporzjon bejn il-bejgħ totali tal-membri tal-akkordju u l-bejgħ intern tagħhom.

22      Fid-dawl tal-kontenut ta’ din l-ittra u tal-fatt li hija ntbagħtet lir-rikorrenti, li għaldaqstant setgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar is-suġġett waqt is-seduta, hemm lok li jiġi kkunsidrat li d-dokument inkwistjoni huwa ammissibbli u li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-rikorrenti għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-ammissibbiltà ta’ riferimenti għal dokumenti li ma ġewx prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali

23      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni kkontestat l-ammissibbiltà ta’ ċerti riferimenti magħmula mir-rikorrenti fis-sottomissjonijiet tagħhom għal dokumenti li ma kinux prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali minħabba li dawn id-dokumenti ma kinux parti mill-proċess tal-Qorti Ġenerali. Hija ċċarat li dan huwa b’mod partikolari l-każ tat-tweġiba tar-rikorrenti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

24      L-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura, dwar l-elementi li għandu jkun fih rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, jipprovdi li dan għandu jkollu “jekk ikun il-każ, in-natura tal-provi li jkun ser iressaq”. Bl-istess mod, skont l-Artikolu 46(1) tal-istess regolament, ir-risposta għandha jkollha l-provi li jkunu ser jitressqu. Dawn id-dispożizzjonijiet huma kkompletati mill-Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li jipprovdi li l-partijiet jistgħu jippreżentaw provi ulterjuri li jsostnu l-argumenti tagħhom fir-replika u fil-kontroreplika.

25      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-preżentazzjoni ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża hija pprojbita, sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura.

26      Madankollu, f’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti la kellhom l-intenzjoni li jipproduċi provi ġodda, lanqas li jqajmu motiv ġdid wara l-għeluq tal-proċedura bil-miktub u huma invokaw biss, waqt il-proċedura orali, ċerti argumenti bbażati fuq dokumenti li ma ġewx ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali. Għandha għaldaqstant tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni u li jiġi kkunsidrat li għall-kuntrarju hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa l-argumenti mressqa mir-rikorrenti matul is-seduta skont il-provi li jinsabu fil-proċess.

27      Barra minn hekk, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, hemm lok li tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-rikorrenti matul is-seduta, relatata għar-riferimenti magħmula mill-Kummissjoni fid-difiża u fir-risposta tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali, u t-tweġiba ta’ Pilkington għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, wara li jiġu eżaminati l-motivi kollha mqajma mir-rikorrenti.

 Fuq it-talbiet għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata

28      Ir-rikorrenti qajmu motiv wieħed insostenn tat-talbiet tagħhom għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt relatati mal-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju u mad-dimensjoni ġeografika tal-akkordju.

29      Ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li naqset milli tistabbilixxi, minn naħa, li huma kienu ngħaqdu mal-akkordju qabel il-11 ta’ Frar 2005 u, min-naħa l-oħra, li dan kien mifrux fit-territorju kollu taż-ŻEE. Il-provi prodotti mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward b’hekk huma ambigwi u kontradittorji u jistrieħu fuq xhieda suġġettivi, vagi u mhux korroborati, kif ukoll fuq suppożizzjonijiet ibbażati fuq avvenimenti sussegwenti.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-evalwazzjoni żbaljata tat-tul tal-paretċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur

30      Il-Kummissjoni rrikonoxxiet lir-rikorrenti ħatja tal-ksur għall-perijodu mill-20 ta’ April 2004 sat-22 ta’ Frar 2005, billi bbażat ruħha fuq diversi provi, jiġifieri dokumenti maqbuda waqt l-ispezzjonijiet, parzjalment ikkorroborati minn dikjarazzjonijiet orali u minn dokumenti pprovduti minn Glaverbel fil-kuntest ta’ talba għal klemenza, kif ukoll fuq it-tweġibiet għall-mistoqsijiet ta’ informazzjoni minn impriżi diversi. Il-Kummissjoni b’hekk ikkunsidrat li r-rikorrenti kienu bdew jipparteċipaw fil-prattiki kollużivi sa mil-laqgħa tal-20 ta’ April 2004 li saret fil-Ġermanja bejn ir-rappreżentant tagħhom u dak ta’ Pilkington, li matulha din tal-aħħar informatha bil-prattiki kollużivi deċiżi bejn Saint-Gobain u Glaverbel. Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Kummissjoni b’mod partikolari bbażat ruħha fuq żewġ paġni ta’ noti miktuba bl-idejn maqbuda fil-bini ta’ Pilkington waqt verifiki għal għarrieda (premessi 155 sa 188 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni qieset li r-rikorrenti kienu komplew jipparteċipaw fil-prattiki kollużivi meta rċevew, fil-15 ta’ Ġunju 2004, telefonata mingħand Pilkington li informathom bil-ftehim konkluż fuq is-suq Taljan, li huma kienu approvaw (premessi 189 sa 196 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni, barra minn hekk, ikkunsidrat li r-rikorrenti kienu pparteċipaw ma’ Glaverbel, Pilkington u Saint-Gobain (iktar ’il quddiem it-“tliet membri l-oħra tal-akkordju”) għal laqgħa fil-Lussemburgu fit-2 ta’ Diċembru 2004, li matulha ttieħdu deċiżjonijiet relatati ma’ żidiet fil-prezzijiet, ma’ prezzijiet minimi u ma’ kundizzjonijiet kummerċjali oħra rigward il-bejgħ ta’ prodotti ta’ ħġieġ ċatt f’diversi pajjiżi fl-Ewropa, billi bbażat ruħha fuq noti miktuba bl-idejn maqbuda fil-bini ta’ Pilkington waqt verifiki għal għarrieda kif ukoll fuq siltiet minn djarji (premessi 197 sa 264 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qieset li r-rikorrenti u t-tliet membri l-oħra tal-akkordju kienu ltaqgħu fil-11 ta’ Frar 2005 f’Pariġi (Franza) sabiex jiftiehmu dwar żidiet fil-prezzijiet u dwar kundizzjonijiet kummerċjali oħra relatati mal-bejgħ ta’ prodotti ta’ ħġieġ ċatt f’diversi pajjiżi tal-Komunità Ewropeja u skambjaw informazzjoni kummerċjali sensittiva (premessi 265 sa 296 tad-deċiżjoni kkontestata).

31      Ir-rikorrenti jikkunsidraw li ma pparteċipawx fl-akkordju qabel il-11 ta’ Frar 2005. Huma jikkontestaw b’hekk li l-laqgħat tal-20 ta’ April u tat-2 ta’ Diċembru 2004 u t-telefonata tal-15 ta’ Ġunju 2004 setgħu jikkostitwixxu indizji li jistabbilixxu l-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju. Huma jiddikkjaraw li dawn il-kuntatti setgħu jikkostitwixxu “fażi ta’ prova” għat-tliet membri l-oħra tal-akkordju, qabel ma tipprova tistedinhom għal laqgħa reali magħha. Ir-rikorrenti jirikonoxxu madankollu li pparteċipaw fil-laqgħa tal-11 ta’ Frar 2005.

32      Qabel kollox għandu jitfakkar li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll il-ġurisprudenza, l-oneru tal-prova ta’ ksur tal-Artikolu 81(1)KE jinsab fuq l-awtorità li tallega, peress li din hija obbligata li tistabbilixxi l-provi xierqa sabiex turi, suffiċjentement skont il-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 58, u tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 86). Barra minn hekk, jekk il-ġudikant ikollu xi dubju, dan għandu jkun ta’ vantaġġ għall-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Frar 1978, United Brands u United Brands Continentaal vs Il-Kummissjoni, 27/76, Ġabra p. 207, punt 265), u skont il-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, il-ġudikant ma jistax għalhekk jikkonkludi li l-Kummissjoni wriet l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni b’mod suffiċjenti skont il-liġi jekk huwa jkollu xi dubju fuq il-kwistjoni, b’mod partikolari fl-ambitu ta’ rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni li timponi multa (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 68, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punt 177). B’hekk huwa meħtieġ li l-Kummissjoni ġġib provi preċiżi u konkordanti sabiex tibbaża l-konvinzjoni ferma li l-ksur kien twettaq. Madankollu kull prova prodotta mill-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Huwa biżżejjed li l-kumpless ta’ indizji invokati mill-istituzzjoni, meta apprezzat b’mod globali, jissodisfa dan ir-rekwiżit (sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 179 u 180).

33      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat, huwa normali li l-attivitajiet relatati mal-prattiki u mal-akkordji antikompetittivi jsiru bil-moħbi, li l-laqgħat isiru bil-moħbi, u li d-dokumentazzjoni relatata magħhom tkun imnaqqsa kemm jista’ jkun. Minn dan isegwi li, anki jekk il-Kummissjoni tiskopri dokumenti li juru b’mod espliċitu li kien hemm kuntatt illegali bejn operaturi, normalment dawn ikunu biss frammentarji u skarsi, b’tali mod li ta’ spiss ikun neċessarju li ċerti dettalji jiġu stabbiliti permezz ta’ deduzzjonijiet. Għaldaqstant, fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ akkordju antikompetittiv għandha tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u indizji, li, ikkunsidrati flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni oħra koerenti, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punti 55 sa 57, u tal-25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni, C‑403/04 P u C‑405/04 P, Ġabra p. I‑729).

34      Meta deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun ibbażata unikament fuq is-suppożizzjoni li l-fatti stabbiliti ma jkunux jistgħu jiġu spjegati jekk mhux minħabba azzjoni miftiehma bejn l-impriżi, huwa biżżejjed li r-rikorrenti jistabbilixxu ċirkustanzi li jagħtu spjegazzjoni differenti għall-fatti stabbiliti mill-Kummissjoni u li jippermettu għalhekk li jissostitwixxu spjegazzjoni oħra plawżibbli tal-fatti għal dik ikkunsidrata mill-Kummissjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Marzu 1984, Compagnie royale asturienne des mines u Rheinzink vs Il-Kummissjoni, 29/83 u 30/83, Ġabra p. 1679, punt 16, u sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra p. II‑931, punt 725).

35      Madankollu, il-Kummissjoni tenfasizza ġustament li din il-ġurisprudenza ma hijiex applikabbli meta l-konstatazzjonijiet tagħha huma bbażati fuq provi dokumentarji (sentenzi tal-Qorti Ġenerali Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, punt 34 iktar ’il fuq, punti 725 sa 727 ; JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punti 186 u 187, u tat-12 ta’ Settembru 2007, Coats Holdings u Coats vs Il-Kummissjoni, T‑36/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 72).

36      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti li skonthom huma ma pparteċipawx fil-ksur qabel il-11 ta’ Frar 2005

–       Fuq il-laqgħa tal-20 ta’ April 2004

37      Ir-rikorrenti qabel kollox jikkontestaw l-għan antikompetittiv tal-laqgħa tal-20 ta’ April 2004 u l-valur probatorju tan-noti ta’ B., impjegat ta’ Pilkington li pparteċipa fl-imsemmija laqgħa. Minn naħa, huma jsostnu, b’hekk li l-laqgħa tal-20 ta’ April 2004 bejn F., impjegat ta’ Guardian Europe, u B. ma kellhiex għan antikompetittiv, kuntrarjament għal-laqgħat sigrieti miżmuma mit-tliet membri l-oħra tal-akkordju fid-9 ta’ Jannar, it-2 ta’ Marzu, u l-15 ta’ Ġunju 2004 u l-11 ta’ Frar 2005. Huma jindikaw li din il-laqgħa seħħet f’ristorant pubbliku, li kellha bħala għan suġġetti ta’ interess komuni u li F. talbet ir-rimbors tal-kont dwar l-ikla. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tan-noti ta’ B. relatati ma’ din l-ikla u li fuqhom ibbażat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, huma jiddikjaraw li dawn ma sarux fl-istess ħin ta’ din l-ikla u li huma ma jikkostitwixxux il-minuti ta’ din tal-aħħar, peress illi jinkludu riflessjonijiet personali. Barra minn hekk, il-kontenut tagħhom għandu jiġi interpretat b’kawtela, peress li huma miktuba bl-Ingliż minn persuna li ma titkellimx bl-Ingliż u mingħajr esperjenza, liema persuna setgħet ikkommettiet żbalji meta rriproduċiet il-proposti li saru matul l-ikla.

38      Għandhom jiġu eżaminati, fl-ewwel lok, in-noti ta’ B. relatati dwar il-laqgħa tal-20 ta’ April 2004 u, fit-tieni lok, l-għan antikompetittiv tal-imsemmija laqgħa.

39      Fir-rigward in-noti ta’ B., ir-rikorrenti jikkontestaw, l-ewwel nett, li huma saru fl-istess ħin ta’ din il-laqgħa, sa fejn F. ma jiftakarx li ra B. jieħdu noti waqt l-ikla. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li t-titolu, “Minuti tal-laqgħa”, u d-data, “20/04/2004”, tal-imsemmija noti huma indizju tali li jikkonferma l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li skontha dawn jikkostitwixxu l-minuti tad-diskussjonijiet li saru bejn F. u B. fl-20 ta’ April 2004 u saru fl-istess ħin tal-imsemmija laqgħa (premessa 157 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-livell ta’ dettall u l-formulazzjoni ta’ dawn in-noti jikkonfermaw ukoll din l-evalwazzjoni u jikkontradixxu l-ipoteżi mressqa mir-rikorrenti li skontha huma kienu miktuba minn B. wara l-imsemmija laqgħa u magħhom żied riflessjonijiet personali. Fil-fatt, jidher ftit probabbli li B. seta’ jiftakar l-informazzjoni skambjata matul l-ikla b’tali grad ta’ preċiżjoni. Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li skontha F. ma jiftakarx jara lil B. jieħu noti matul l-ikla, anki jekk hija fondata, ma hijiex biżżejjed, fiha nnifisha, sabiex tiġi kkontestata l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li skontha dawn in-noti saru fl-istess ħin tal-laqgħa tal-20 ta’ April 2004.

40      Ir-rikorrenti jikkontestaw, it-tieni nett, il-valur probatorju tal-imsemmija noti meta jiddikjaraw li huma fihom riflessjonijiet personali ta’ B. u li huma kienu nkitbu bl-Ingliż minn persuna li ma jitkellimx bl-Ingliż u li ftit għandu esperjenza. Madankollu r-rikorrenti ma pprovdew ebda prova insostenn ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet. Huma jirrikonoxxu wkoll huma stess li dawn in-noti huma puliti u organizzati, u dan huwa dak li jikkostitwixxi l-karatteristiċi ta’ minuti ta’ laqgħa. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, dawn in-noti, imsejħa minn B. bħala “minuti tal-laqgħa”, ma għandhomx riflessjonijiet personali ta’ B., iżda jindikaw l-eżistenza ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn B. u F. Fil-fatt, l-informazzjoni pprovduta minn B. tinsab fl-ewwel parti (intitolata, pereżempju, għar-Renju Unit, għall-Irlanda u għall-Ġermanja “Żieda fil-prezz miftiehem”), filwaqt li dik provduti minn F. hija mqiegħda wara u tinsab, fil-każ tar-Renju Unit, tal-Irlanda u tal-Ġermanja, taħt l-intestatura “Informazzjoni”. In-noti fihom ukoll l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu wara dan l-iskambju ta’ informazzjoni (pereżempju, għall-Ġermanja, “Guardian għandha tikkonferma l-prezz tal-ħġieġ għal S.” u, għall-Italja, “Aħna għandna bżonn nevalwaw il-ġranet ta’ stock għand l-aġenti”). Għaldaqstant hemm lok li l-argumenti tar-rikorrenti jiġu kkunsidrati bħala sempliċi konġetturi li ma humiex biżżejjed sabiex jikkontestaw il-valur probatorju tal-imsemmija noti.

41      Barra minn hekk, min-noti ta’ B. jirriżulta li informazzjoni sensittiva ġiet skambjata matul din il-laqgħa. B’hekk, B. informa lil F. biż-żidiet futuri fil-prezzijiet fir-Renju Unit, fl-Irlanda u fil-Ġermanja miftiehma mit-tliet membri l-oħra tal-akkordju, u F., bħala skambju, ipprovda informazzjoni dwar il-pożizzjoni tar-rikorrenti fl-imsemmija swieq (premessi 159 sa 167 tad-deċiżjoni kkontestata).

42      Minn dawn in-noti jirriżulta wkoll li B. infurma lil F. b’diskussjonijiet li saru bejn it-tliet membri l-oħra tal-akkordju fuq il-prezzijiet u ż-żidiet possibbli fil-prezzijiet fis-suq Taljan, fejn żieda fil-prezzijiet ma kinitx għadha prevista, u li F. indika li, fl-eventwalità ta’ żieda fil-prezzijiet fuq is-suq Taljan, huwa kien jaqbel, kemm li jissospendi l-bejgħ tiegħu fl-imsemmi suq għal perijodu ta’ xahrejn, sabiex jippermettu lit-tliet membri l-oħra tal-akkordju sabiex effettivament jgħollu l-prezzijiet inkwistjoni, jew li jgħollu l-prezzijiet fl-istess ħin bħal dawn tal-aħħar tliet xhur wara, li b’hekk jippermetti liċ-ċentru tal-produzzjoni li kien jipprovdi s-suq Taljan li japplika l-imsemmija żieda.

43      Madankollu, ir-rikorrenti jallegaw li l-informazzjoni pprovduta minn F. matul din il-laqgħa ma kinitx sensittiva, peress illi kienet jew magħrufa minn Pilkington, jew intenzjonalment falza. In-natura sensittiva tal-informazzjoni pprovduta minn F. lil B. tirriżulta madankollu mill-kontenut stess tagħha. Din l-informazzjoni tikkonċerna fil-fatt l-istrateġija kummerċjali tar-rikorrenti, li normalment ma tkunx magħrufa mill-kompetituri. Dan huwa, b’mod partikolari, il-każ ta’ informazzjoni relatata mal-operat tal-impjant ta’ Goole (ir-Renju Unit), tan-numru tal-klijenti tagħha fir-Renju Unit u fl-Irlanda, jew tal-interess tagħha għall-klijenti żgħar attirati mis-servizz “48 siegħa”. Dan jgħodd ukoll għall-informazzjoni relatata mal-prezzijiet applikati lil ċerti klijenti, għall-impressjonijiet relatati mal-interess li ż-żieda fil-prezzijiet fil-Ġermanja tiġi adattata għad-daqs tal-klijenti, jew ukoll tal-aġir li għandu jiġi adottat fl-eventwalità ta’ żieda fil-prezzijiet fl-Italja. Barra minn hekk, il-fatt li B. rreġistra din l-informazzjoni fin-noti tiegħu jikkontradixxi d-dikjarazzjoni li skontha din kienet magħrufa mill-kompetituri.

44      Fl-aħħar nett, il-fatt li, jekk jiġi preżunt stabbilit, ċerta informazzjoni pprovduta minn F. kellha xi ineżattezzi, bħall-fatt li n-numru ta’ kontijiet tal-klijenti kien ta’ 130, u mhux ta’ 150, jew li l-impjant ta’ Goole kien jaħdem b’“kapaċità baxxa” u mhux bl-“inqas kapaċità possibbli” ma għandu l-ebda fuq l-evalwazzjoni tal-valur sinjifikattiv tagħha. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li F. jidher li jsostni fl-affidavit tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2007, ir-riferiment għas-“suq ta’ 135 000 tunnellata” għar-Renju Unit ma jikkostitwixxix informazzjoni żbaljata, iżda waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti mill-membri tal-akkordju sabiex iwettqu żieda fil-prezz, jiġifieri l-istima tal-volum ta’ ħġieġ ċatt li r-rikorrenti kellhom ibiegħu fir-Renju Unit fl-2004 (premessa 161 tad-deċiżjoni kkontestata).

45      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra li skambju ta’ informazzjoni senstittiva kien seħħ waqt din il-laqgħa bejn F. u B. rigward ir-Renju Unit, l-Irlanda, il-Ġermanja kif ukoll l-istrateġija tar-rikorrenti fil-każ ta’ żieda tal-prezzijiet fl-Italja. Kif issostni l-Kummissjoni, dan l-iskambju ta’ informazzjoni jikkostitwixxi, għall-inqas, prattika miftiehma. Hemm lok fil-fatt li jitfakkar li tikkostitwixxi prattika miftiehma pprojbita mill-Artikolu 81(1) KE kull kuntatt dirett jew indirett bejn operaturi ekonomiċi li permezz tiegħu jista’ jiżvela lil kompetitur l-aġir li l-operatur ekonomiku kkonċernat iddeċieda, jew iddelibera, li għandu jieħu fis-suq, meta dan il-kuntatt ikollu bħala għan jew bħala effett li jwassal għal kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li ma jkunux dawk normali tas-suq inkwistjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 117, u tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni, C‑199/92 P, Ġabra p. I‑4287 punt 160; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, imsejħa “Ciments”, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491, punt 1852).Din il-forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi tissostitwixxi b’mod konsapevoli l-kooperazzjoni prattika bejniethom għar-riskji tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, BPB vs Il-Kummissjoni, T‑53/03, Ġabra p. II‑1333, punt 179, u tat-2 ta’ Frar 2012, Denki Kagaku Kogyo u Denka Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑83/08, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 67). Sabiex tiġi pprovata prattika miftiehma, ma huwiex meħtieġ għaldaqstant li jintwera li l-kompetitur inkwistjoni jkun intrabat formalment, ma’ kompetitur wieħed jew iktar, li jadotta dik il-prattika jew dak l-aġir jew li l-kompetituri jkunu ffissaw bejniethom l-aġir futur tagħhom fis-suq. Huwa biżżejjed li, permezz tad-dikjarazzjoni tal-intenzjoni tiegħu, il-kompetitur ikun elimina, jew minn tal-inqas naqqas sostanzjalment, l-inċertezza fir-rigward tal-aġir fis-suq mistenni minnu (sentenzi Ciments, iċċitata iktar ’il fuq, punt 1852 ; BPB vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 182, u Denki Kagaku Kogyo u Denka Chemicals vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67).

46      Għaldaqstant, l-argumenti li jikkontestaw l-għan antikompetittiv tal-imsemmija laqgħa għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. Fil-fatt, fir-rigward tal-kwistjonijiet diskussi waqt il-laqgħa tal-20 ta’ April 2004, spjegati fil-punti 41 u 42 iktar ’il fuq, il-fatt li din inżammet waqt ikla, f’ristorant miftuħ għall-pubbliku u li F. talab ir-rimbors tal-kont tal-ikla ma huwiex biżżejjed, kif il-Kummissjoni sostniet, li jikkontesta n-natura antikompetittiva tal-imsemmija laqgħa.

47      Ir-rikorrenti jikkunsidraw, barra minn hekk, li l-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi li huma kienu ssieħbu mal-ftehim matul il-laqgħa tal-20 ta’ April 2004. B’hekk hija ma wrietx, kif għaldaqstant tirrikjedi l-ġurisprudenza, li B. kien ikkomunika lil F. dettalji rigward il-laqgħat passati bejn il-tliet membri l-oħra tal-akkordju, lanqas li F. kien esprima l-intenzjoni tiegħu li jikkontribwixxi, bl-aġir tiegħu stess, bi kwalunkwe mod għall-akkordju. Barra minn hekk, B. ma kienx stieden lil F. sabiex jattendi l-laqgħa sussegwenti tal-akkordju f’Ġunju 2004, iżda biss dik ta’ Frar 2005. Il-Kummissjoni ma wrietx li B. kien ippropona li jservu bħala kuntatt fir-rigward ta’ xi kompetituri li ma humiex membri tal-grupp Ewropew ta’ produtturi tal-ħġieġ ċatt (iktar ’il quddiem il-“GEPVP”), assoċjazzjoni li nħolqot fl-1978, maħsuba sabiex jirrappreżenta l-produtturi tal-ħġieġ ċatt fl-Ewropa, u magħmul mit-tliet membri l-oħra tal-akkordju u, mill-1 ta’ Lulju 2004, mir-rikorrenti. Fil-fatt, id-dikjarazzjonijiet ta’ Glaverbel f’dan ir-rigward ma humiex ikkorroborati minn provi bil-miktub. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża l-konklużjoni tagħha li l-ikla 20 ta’ April 2004 kellha natura antikompetittiva fuq il-parteċipazzjoni ta’ F. għal-laqgħat sussegwenti ta’ Diċembru 2004 u ta’ Frar 2005 jew għal-laqgħat tal-GEPVP.

48      Skont il-ġurisprudenza, meta tkun kwistjoni ta’ ftehim u ta’ prattiki miftiehma li għandhom għan antikompetittiv, il-Kummissjoni għandha, sabiex tistabbilixxi l-parteċipazzjoni ta’ impriżi fihom, tipprova li l-impriża kellha l-intenzjoni li permezz tal-aġir tagħha stess tikkontribwixxi għall-għanijiet komuni tal-parteċipanti kollha u li hija kienet taf bl-aġir materjali maħsub jew implementat minn impriżi oħra fit-tfittxija tal-istess għanijiet, jew li hija setgħet b’mod raġonevoli tipprevedihom u li hija kienet lesta li taċċetta r-riskju tagħhom (sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 87).

49      F’din il-kawża, min-noti ta’ B. relatati mal-laqgħa tal-20 ta’ April 2004 jirriżulta, minn naħa waħda, li, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta lil F. matul il-laqgħa, ir-rikorrenti kienu mgħarrfa bl-aġir antikompetittiv maħsub mit-tliet membri tal-akkordju u, min-naħa l-oħra, li, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta bħala skambju lil B., huma kellhom l-intenzjoni li jikkontribwixxu, għan-nom tagħhom u permezz tal-aġir tagħhom stess, għall-għanijiet komuni tal-akkordju. Fil-fatt, minkejja li r-rikorrenti kienu, bħalma jsostnu huma stess, kompetitur aggressiv fis-suq, l-informazzjoni pprovduta minn F. fil-kuntest ta’ din il-laqgħa ppermettew lit-tliet membri l-oħra tal-akkordju li jkunu jafu l-pożizzjoni tagħhom fis-swieq tar-Renju Unit, tal-Irlanda u tal-Ġermanja, li fuqhom huma ppjanaw li jimplementaw il-ftehim relatat maż-żidiet fil-prezz miftiehem waqt il-laqgħat preċedenti, kif ukoll sabiex jifirxuh għas-suq Taljan bl-assigurazzjoni tal-kooperazzjoni tar-rikorrenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li n-noti ta’ B. ma ssemmewx li huwa kkomunika lil F. informazzjoni relatata mal-ftehim ta’ żieda fil-prezz rigward il-Benelux jew il-previżjonijiet ta’ żidiet fil-prezz f’pajjiżi oħra, b’mod partikolari fi Franza u fil-Polonja, adottati matul il-laqgħa tat-2 ta’ Marzu 2004, huwa irrilevanti sabiex jiġi stabbilit il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju.

50      Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, u skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 45 u 48 ta’ iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni stabbiliet il-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju sa mil-laqgħa tal-20 ta’ April 2004.

51      L-argument tar-rikorrenti li skontu min-noti meħuda minn B. ma jirriżultax li huwa kien informa lil F. bl-eżistenza u bil-kontenut tal-laqgħat tal-akkordju, u b’mod partikolari l-iktar waħda reċenti, tat-2 ta’ Marzu 2004, ma jistax jaffettwa l-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti laħqux ftehim matul il-laqgħa tal-20 ta’ April 2004. Fil-fatt, kif ġie kkonstatat fil-punt 41 iktar ’il fuq, b’mod partikolari min-noti ta’ B., jirriżulta li dan tal-aħħar ikkomunika lil F. bl-eżistenza ta’ ftehim fuq il-prezzijiet għar-Renju Unit, għall-Irlanda u għall-Ġermanja kif ukoll it-termini għall-implementazzjoni tiegħu (“ġimagħtejn wara” għar-Renju Unit u għall-Irlanda u “l-1 ta’ Mejju - 15 ta’ Mejju – l-1 ta’ Ġunju klijenti bl-ingrossa”, għall-Ġermanja). B’hekk, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li Pilkington ħabbret żieda fil-prezzijiet fir-Renju Unit u fl-Irlanda fid-29 ta’ April 2004, avviż li kien segwit minn avviżi ta’ Saint-Gobain u ta’ Glaverbel, rispettivament fil-11 u fit-18 ta’ Mejju 2004 (premessa 159 tad-deċiżjoni kkontestata, nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 193). Rigward il-Ġermanja, l-ewwel avviż ta’ żieda fil-prezzijiet sar minn Saint-Gobain fil-25 ta’ Mejju 2004, li kien segwit mill-avviżi ta’ Pilkington u ta’ Glaverbel fil-bidu ta’ Ġunju 2004 (premessa 163 tad-deċiżjoni kkontestata, nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 201). B’hekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, dawn tal-aħħar kellhom għarfien preċiż biżżejjed tal-aġir maħsub mit-tliet membri l-oħra tal-akkordju sabiex isegwu l-għanijiet antikompetittivi tagħhom. Minkejja dawn iċ-ċirkustanzi, F. ma ħasibhiex darbtejn sabiex jipprovdi informazzjoni li tikkontribwixxi għall-għanijiet tal-ftehim, bħal dik relatata ma’ żieda eventwali fil-prezz fl-Italja.

52      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti, li skontu min-noti meħuda minn B. ma jirriżultax li huwa kien stieden lil F. sabiex jattendu l-laqgħa li jmiss tal-akkordju, hemm lok li dan jiġi miċħud bħala irrilevanti. Il-Kummissjoni fil-fatt stabbiliet minn provi oħrajn il-parteċipazzjoni diretta jew indiretta tar-rikorrenti għal-laqgħat kollha sussegwenti tal-akkordju sa minn din id-data (ara l-punti 63 u 69 sa 71 iktar ’il quddiem). B’hekk, matul il-laqgħa tal-15 ta’ Ġunju 2004 bejn it-tliet membri l-oħra tal-akkordju, B. ċempel lil F., li kien fuq vaganza, sabiex jikkonferma informazzjoni li dan tal-aħħar kien ikkomunikalu matul il-laqgħa tal-20 ta’ April 2004 dwar l-Italja (premessa 196 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward tal-laqgħa tat-2 ta’ Diċembru 2004, din kienet organizzata minn F. nnifisu u saret fil-Lussemburgu, lejlet il-laqgħa tal-GEPVP, li għaliha attendew biss erba’ rappreżentanti tal-membri tal-akkordju (premessi 199, 201 sa 204 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, kif huma jirrikonoxxu, ir-rikorrenti pparteċipaw fil-laqgħa tal-11 ta’ Frar 2005, li huma kienu mistiedna għaliha minn B.

53      Fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti, li skonthom min-noti meħuda minn B. la jirriżulta x’kienet ir-reazzjoni ta’ F. dwar il-proposti ta’ B. u lanqas li huwa kien wiegħed li jikkontribwixxi għall-kontinwazzjoni tad-diskussjonijiet, hemm lok ukoll li jiġu miċħuda bħala irrilevanti. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 49 iktar ’il fuq, fid-dawl tal-iskambju ta’ informazzjoni li seħħ bejn B. u F. fil-laqgħa tal-20 ta’ April 2004, ir-rikorrenti kienu mgħarrfa bl-aġir antikompetittiv maħsub mit-tliet membri l-oħra tal-akkordju u kellhom l-intenzjoni li jikkontribwixxu, permezz tal-aġir tagħhom stess, għall-għanijiet komuni tal-akkordju, u dan, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 48 iktar ’il fuq, huwa biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju.

54      Dwar ir-rwol ta’ intermedjarju ta’ B., dan jirriżulta mill-minuti tal-laqgħa tal-20 ta’ April 2004 u huwa kkonfermat mid-dikjarazzjonijiet ta’ Glaverbel tat-8 ta’ Marzu u tat-23 ta’ Diċembru 2005, bl-ewwel dikjarazzjoni tkun qabel l-iskoperta mill-Kummissjoni tan-noti ta’ B. (premessi 80 u 160 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-fatt li d-dikjarazzjonijiet ta’ Glaverbel kienu saru fil-kuntest ta’ talba għal klemenza ma jipprekludix lill-Kummissjoni milli tużahom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 32 supra, punt 192). Anki jekk, kif isostnu r-rikorrenti, dawn id-dikjarazzjonijiet ma jmorrux direttament kontra l-interessi ta’ Glaverbel, din tal-aħħar ma għandha ebda interess sabiex tipprovdi lill-Kummissjoni b’informazzjoni żbaljata dwar il-membri l-oħra tal-akkordju. Fil-fatt, kull tentattiv sabiex il-Kummissjoni tiġi żgwidata fil-kuntest ta’ talba għal klemenza jista’ jikkontesta s-sinċerità u l-firxa tal-kooperazzjoni tal-persuna li qed tagħmel din l-imsemmija talba, u, għaldaqstant, tiġi pperikolata l-possibbiltà għal din l-istess persuna li tieħu vantaġġ sħiħ mill-komunikazzjoni fuq il-klemenza (sentenza tas-16 ta’ Novembru 2006, Peróxidos Orgánicos vs Il‑Kummissjoni, T‑120/04, Ġabra p. II‑4441, punt 70). Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-valur probatorju tad-dikjarazzjonijiet ta’ Glaverbel dwar ir-rwol ta’ intermedjarju ta’ B. għandhom jiġu miċħuda.

55      Dwar l-argument tar-rikorrenti li skontu l-fatt li l-Kummissjoni tinvoka l-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat ulterjuri tal-akkordju f’Diċembru 2004 u fi Frar 2005 jew tal-GEPVP sabiex tiġi stabbilita n-natura antikompetittiva tal-laqgħa tal-20 ta’ April 2004 imur kontra l-preżunzjoni ta’ innoċenza, għandu jiġi indikat li l-ġurisprudenza ma tipprekludix lill-Kummissjoni milli tibbaża ruħha fuq ċirkustanzi fattwali li seħħew wara aġir antikompetittiv sabiex tikkonferma l-kontenut ta’ element oġġettiv ta’ prova, bħan-noti meħuda minn B. waqt l-imsemmija laqgħa. Għall-kuntrarju, il-ġurisprudenza invokata mir-rikorrenti tipprekludi li jintużaw provi dwar perijodu preċedenti, li matulhom l-aġir inkwistjoni kien legali, sabiex tiġi stabbilita n-natura antikompetittiva ta’ aġir sussegwenti, li ma huwiex il-każ f’din il-kawża (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Ġunju 1995, Solvay vs Il-Kummissjoni, T‑30/91, Ġabra p. II‑1775, punt 73, u ICI vs Il-Kummissjoni, T‑36/91, Ġabra p. II‑1847, punt 83). Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala nieqes minn kull bażi.

56      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jikkontestaw id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li skontha B. kien iltaqa’ ma’ F. sabiex jinformah dwar il-ftehim tripartitiċi dwar iż-żidiet fil-prezz fir-Renju Unit, fl-Irlanda u fil-Ġermanja jew li jiġi ddeterminat l-attitudni tagħhom fl-eventwalità ta’ żieda fil-prezzijiet fl-Italja, kif ukoll l-eżistenza stess ta’ ftehim dwar prezzijiet fil-Ġermanja. Barra minn hekk, huma jippreċiżaw li, skont il-ġurisprudenza, is-sempliċi fatt li jkun infurmat bl-eżistenza ta’ laqgħat ta’ akkordju ma jammontawx għal ksur.

57      Kif diġà ġie indikat fil-punt 45 iktar ’il fuq, f’din il-kawża, F. pparteċipa fi skambju ta’ informazzjoni sensittiva ma’ B. fir-rigward tar-Renju Unit, tal-Irlanda, tal-Ġermanja u tal-Italja fil-laqgħa tal-20 ta’ April 2004. F. mhux biss ma tbegħedx mill-aġir antikompetittiv li huwa kien ġie informat bih, iżda pprovda informazzjoni rigward l-istrateġija kummerċjali tar-rikorrenti fir-Renju Unit, fl-Irlanda u fil-Ġermanja u indika l-aġir li huma ser jadottaw fl-eventwalità ta’ żieda fil-prezzijiet fl-Italja (ara l-punti 41 sa 44 iktar ’il fuq), sabiex b’hekk titnaqqas b’mod sostanzjali l-inċertezza dwar l-aġir mistenni minnhom fis-suq (ara l-punt 45 iktar ’il fuq). Konsegwentement, l-argumenti tar-rikorrenti, li skonthom min-noti ta’ B. ma jirriżultax li F. daħal f’impenji dwar il-politika futura tagħhom tal-prezzijiet fir-Renju Unit jew li esprima xi tip ta’ sostenn għal żieda fil-prezz, huma irrilevanti. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-fatt li huma kienu mgħarrfa bl-eżistenza ta’ laqgħat ta’ akkordju jista’ jikkostitwixxi ksur jekk, bi skambju, informazzjoni hija pprovduta sabiex tikkontribwixxi għall-għanijiet komuni tal-akkordju (ara l-punti 48 u 49 iktar ’il fuq). Fl-aħħar nett, il-fatti sussegwenti juru li, wara din il-laqgħa, ir-rikorrenti segwew l-aġir tat-tliet membri l-oħra tal-akkordju. Fil-fatt, minn dokument intern tar-rikorrenti jirriżulta li, wara żieda fil-prezz tat-tliet membri l-oħra tal-akkordju fir-Renju Unit u fl-Irlanda, dawn tal-aħħar ukoll żiedu l-prezzijiet (premessa 159 tad-deċiżjoni kkontestata).

58      Fir-rigward tal-argument li skontu l-Kummissjoni ma stabbilietx l-eżistenza ta’ ftehim waqt il-laqgħa tal-akkordju tat-2 ta’ Marzu 2004 rigward iż-żieda fil-prezzijiet għall-Ġermanja, hemm lok li dan jiġi mwarrab bħala irrilevanti. Fil-fatt, min-noti ta’ B. jirriżulta li huwa informa lil F. bl-eżistenza u bil-kontenut tal-imsemmi ftehim, peress li d-data tal-adozzjoni tagħha mit-tliet membri l-oħra tal-akkordju ma hijiex rilevanti, u li F, għaldaqstant kien mgħarraf bih. Barra minn hekk, bi skambju, F. pprovda lil B. informazzjoni relatata mas-sistema ta’ prezzijiet doppji applikata għal S., klijent komuni tar-rikorrenti u għal Pilkington, u kellu jinfurmah bil-prezz tal-bejgħ effettivament mitlub lil dan il-klijent. F. ukoll ippropona firxa ta’ żidiet fil-prezzijiet. Barra minn hekk, fatti sussegwenti kkonfermaw l-eżistenza tal-imsemmi ftehim. Fil-fatt, kif ġie kkonstatat fil-punt 51 iktar ’il fuq, dan il-ftehim ġie eżegwit mit-tliet membri l-oħra tal-akkordju f’dati viċini ta’ dawk imħabbra minn B lil F. waqt il-laqgħa tal-20 ta’ April 2004 u indikati fin-noti tiegħu, il-25 ta’ Mejju 2004 għal Saint-Gobain, l-4 ta’ Ġunju 2004 għal Pilkington u s-7 ta’ Ġunju 2004 għal Glaverbel, filwaqt li d-dati previsti kienu, rispettivament, l-1 u l-15 ta’ Mejju u l-1 ta’ Ġunju 2004). Kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, din id-differenza ma hijiex sinjifikattiva u ma tistax tikkontesta l-eżistenza tal-ftehim jew l-iskambju ta’ informazzjoni li seħħ bejn F. u B. f’dan ir-rigward waqt il-laqgħa tal-20 ta’ April 2004.

59      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ġustament kkonkludiet, fil-premessi 171 u 188 tad-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, li B. ltaqa’ ma’ F. fl-20 ta’ April 2004 sabiex jinfurmah bl-eżistenza ta’ ftehim bejn il-tliet membri l-oħra tal-akkordju fuq iż-żieda fil-prezzijiet għar-Renju Unit, għall-Irlanda u għall-Ġermanja u, min-naħa l-oħra, li, bi skambju, F. kkomunikalu informazzjoni sensittiva dwar l-istrateġija kummerċjali tar-rikorrenti f’dawn is-swieq. Barra minn hekk, fil-każ tal-Italja, F. żvela li, fil-każ fejn seħħet żieda fil-prezzijiet, ir-rikorrenti ma opponewx għaliha. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament kkonkludiet li l-laqgħa tal-20 ta’ April 2004 kienet ta’ natura antikompetittiva u li r-rikorrenti kienu ssieħbu fl-akkordju sa minn din il-laqgħa (premessa 330 tad-deċiżjoni kkontestata premessa 330 tad-deċiżjoni kkontestata).

–       Fuq il-konverżazzjoni telefonika tal-15 ta’ Ġunju 2004

60      Il-Kummissjoni qieset li r-rikorrenti kienu komplew jipparteċipaw fil-prattiki kollużivi meta rċevew, fil-15 ta’ Ġunju 2004, telefonata minn Pilkington li informahom bil-ftehim konkluż dwar is-suq Taljan, li huma kienu approvaw (premessi 189 sa 196 tad-deċiżjoni kkontestata).

61      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda prova tal-kontenut tal-konverżazzjoni telefonika bejn B. u F. li saret matul il-laqgħa tal-15 ta’ Ġunju 2004 u li din hija bbażata biss fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Glaverbel magħmula fil-kuntest tat-talba tagħha għal klemenza tagħha sabiex tiddikjara li, matul din il-konverżazzjoni F. kien indika li ma jopponix il-ftehim fuq il-prezzijiet li jirrigwardaw l-Italja. Fir-realtà, F. llimita ruħu li jiddikjara li, peress li ma huwiex attur sinjifikattiv fis-suq Taljan, ir-rikorrenti ma kinux f’pożizzjoni li jinfluwenzaw il-prezz tal-imsemmi suq, u b’hekk tenna d-dikjarazzjonijiet magħmula waqt l-ikla tal-20 ta’ April 2004. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jikkunsidraw li konverżazzjoni telefonika qasira ma tistax tkun ekwivalenti għal parteċipazzjoni f’laqgħa tal-akkordju li, skont Glaverbel, damet ħames sigħat.

62      Qabel kollox, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 54 iktar ’il fuq, il-fatt li d-dikjarazzjonijiet ta’ Glaverbel saru fil-kuntest ta’ talba għal klemenza nnifsu ma jdgħajjifx fih innifsu l-valur probatorju tagħhom.

63      Ir-rikorrenti jirrikonoxxu li B. ċempel lil F. u li dawn tkellmu dwar l-Italja. Glaverbel, min-naħa tagħha, ippreċiżat li B. kien informa lil F. dwar il-ftehim dwar il-prezzijiet adottati matul il-laqgħa u kien ċar għall-parteċipanti kollha fl-imsemmija laqgħa li, fid-dawl tal-proposti ta’ F., ir-rikorrenti ma kellhomx l-intenzjoni li jopponu għall-imsemmi ftehim (premessa 189 tad-deċiżjoni kkontestata). Kif issostni l-Kummissjoni, dawn id-dikjarazzjonijiet huma kompatibbli ma’ dawk ta’ F., li skonthom kien irripeta lil B. dak li kien diġà qal fil-laqgħa tal-20 ta’ April 2004, jiġifieri li huwa ma kienx attur sinjifikattiv fis-suq Taljan, li din is-sitwazzjoni ma hijiex ser tinbidel fil-futur qrib u li ma setax jinfluwenza dan is-suq. Għaldaqstant, F. b’hekk ikkonferma lil B. li r-rikorrenti ma kinux ser ifixklu l-ftehim dwar iż-żidiet fil-prezz fis-suq Taljan. Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni ta’ Saint-Gobain, mhux ikkontestata mir-rikorrenti, tikkonferma l-eżistenza ta’ rabta bejnhom u l-ftehim adottat matul il-laqgħa tal-15 ta’ Ġunju 2004, sa fejn Saint-Gobain ikkunsidrat li F. kien ipparteċipa fl-imsemmija laqgħa (ara l-premessi 190 u 196 tad-deċiżjoni kkontestata).

64      Il-Kummissjoni ċertament ma pproduċietx prova bil-miktub relatata mal-laqgħa jew mal-konverżazzjoni telefonika tal-15 ta’ Ġunju 2004. Madankollu, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 33 iktar ’il fuq, fil-każijiet fejn il-provi huma frammentarji jew sparsi, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi ċerti dettalji permezz ta’ deduzzjonijiet, kif sar f’din il-kawża fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 196 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, ir-rikorrenti naqsu milli jipprovdu spjegazzjoni alternattiva konsistenti għall-motiv ta’ din it-telefonata, lanqas għall-kontenut tal-konverżazzjoni telefonika bejn B. u F. dwar l-Italja, li huma ma jikkontestawx l-eżistenza tagħhom. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kontenut tal-laqgħa tal-20 ta’ April 2004, li tirrigwarda b’mod partikolari l-Italja, u taċ-ċirkustanzi li fihom seħħet din il-konverżazzjoni telefonika, il-fatt li kienet qasira huwa rrilevanti għall-esklużjoni tan-natura antikompetittiva tagħha.

65      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat, minn naħa, li B. kien ċempel lil F. fil-15 ta’ Ġunju 2004 sabiex jinformah bil-ftehim adottat matul il-laqgħa li kienet saret fl-istess jum bejn ir-rappreżentanti tat-tliet membri l-oħra tal-akkordju u li kien ikkomunikalu l-pożizzjoni tiegħu f’dan ir-rigward u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija komunikazzjoni kienet għaldaqstant ta’ natura antikompetittiva.

–       Fuq il-laqgħa tat-2 ta’ Diċembru 2004

66      Il-Kummissjoni fl-aħħar nett ikkunsidrat li r-rikorrenti kienu pparteċipaw mat-tliet membri l-oħra tal-akkordju għal laqgħa fil-Lussemburgu fit-2 ta’ Diċembru 2004, li matulha kienu ttieħdu deċiżjonijiet relatati ma’ żidiet fil-prezzijiet, ma’ prezzijiet minimi u ma’ kundizzjonijiet kummerċjali oħrajn għall-bejgħ ta’ prodotti ta’ ħġieġ ċatt f’diversi pajjiżi Ewropej, peress li bbażat l-iktar fuq noti bil-miktub maqbuda fil-bini ta’ Pilkington waqt verifiki għal għarrieda kif ukoll fuq siltiet minn djarji (premessi 197 sa 264 tad-deċiżjoni kkontestata).

67      Ir-rikorrenti jikkontestaw li din il-laqgħa tista’ tiġi kkunsidrata bħala li għandha għan antikompetittiv. Fl-ewwel lok, huma jiddikjaraw b’hekk li kienet ikla li kienet avżata lil numru kbir ta’ persuni, li saret f’ristorant miftuħ għall-pubbliku u li F. talab ir-rimbors tal-kont tal-ikla. Fit-tieni lok, huma jikkunsidraw li l-Kummissjoni ma stabbilietx li din il-laqgħa kienet tat lok għal ftehim fuq żidiet futuri bejn il-membri tal-akkordju li rrikjeda l-parteċipazzjoni tagħhom. Huma b’hekk jiddikjaraw li l-proposti ta’ F. f’din l-ikla ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala l-espressjoni tal-qbil tagħhom sabiex jissieħbu mal-akkordju fil-livell taż-ŻEE u li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni relatati ma’ dawn in-noti jikkontradixxu d-dikjarazzjonijiet ta’ Glaverbel. Fil-fatt, skont din tal-aħħar, ma kinitx kwistjoni ta’ żidiet fil-prezz matul l-ikla, peress li r-rikorrenti qatt ma attendew għal laqgħa multilaterali tal-akkordju qabel il-11 ta’ Frar 2005, u d-diskussjonijiet li sar waqt l-ikla kienu limitati għal skambju ta’ informazzjoni. Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jiddikjaraw li l-“iskema ta’ żidiet fil-prezz ” imsemmija fin-noti ta’ B. u l-kummentarji relatati magħhom huma l-espressjoni kemm tal-ideat proprji ta’ B., kif ukoll, iktar probabbilment, ta’ diskussjoni bilaterali bejn B. u H., impjegat ta’ Saint-Gobain, li kienu ġew ippreżentati u, parzjalment, aċċettati waqt il-laqgħa ta’ Frar 2005.

68      Qabel kollox, għandu jiġi ppreċiżat li n-noti ta’ B. huma ta’ żewġ tipi. Dawk tal-ewwel tip saru fuq karta bl-intestatura tal-lukanda N. u ta’ Pilkington u huma ntitolati “laqgħa GEPVP fil-Lussemburgu u tat-tieni tip ttieħdu fuq karta bl-intestatura ta’ Pilkington u huma intitolati “Minuti 2/12/04”. Mid-dikjarazzjonijiet ta’ Pilkington, mhux ikkontestati mir-rikorrenti, jirriżulta li l-ewwel noti inkitbu minn B. fit-3 ta’ Diċembru 2004 għall-użu personali tiegħu u jikkostitwixxu riflessjonijiet dwar il-laqgħa tat-2 ta’ Diċembru 2004, filwaqt it-tieni noti ttieħdu matul il-laqgħa tat-2 ta’ Diċembru 2004.

69      Mill-intestatura ta’ dawn it-tieni noti, “Minuti”, mid-data tagħhom, “2/12/2004” u mill-kontenut tagħhom jirriżulta li huma jikkostitwixxu minuti tal-laqgħa li saret f’din id-data. Huma jirriflettu fil-fatt id-diskussjonijiet li saru fost il-parteċipanti dwar il-prezz tal-ħġieġ ċatt f’pajjiżi differenti taż-ŻEE, l-informazzjoni pprovduta minn F. u, taħt l-intestatura “Ftehim Ġenerali” il-ftehim adottati. Din l-evalwazzjoni hija kkonfermata mill-ewwel dikjarazzjonijiet ta’ Pilkington, li skonthom dawn il-paġni huma magħmula minn noti li saru fl-istess ħin ta’ laqgħa li saret fil-Lussemburgu f’din id-data.

70      Dawn in-noti jistabbilixxu wkoll li l-kwistjonijiet imqajma waqt din il-laqgħa u, għaldaqstant, il-laqgħa nnifisha kellhom manifestament natura antikompetittiva. Fil-fatt, huma juru li l-membri tal-akkordju qablu li jżidu l-prezzijiet f’diversi pajjiżi taż-ŻEE u li F. ipprovda ċerta informazzjoni sensittiva. Glaverbel ikkonfermat ukoll in-natura antikompetittiva tal-imsemmija laqgħa fid-dikjarazzjoni tagħha tat-8 ta’ Marzu 2005, li skontha “waqt din l-ikla, barra d-diskussjonijiet soliti dwar il-prezz, is-sitwazzjoni tal-klijent S. ukoll kienet diskussa fit-tul”.

71      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li n-noti ta’ B. u d-dikjarazzjonijiet konkordanti ta’ Pilkington u ta’ Glaverbel jirrigwardaw id-diskussjonijiet li saru waqt l-ikla li jippermettu, minn naħa, li tiġi stabbilita n-natura antikompetittiva tal-laqgħa tat-2 ta’ Diċembru 2004 u, min-naħa l-oħra, fit-tieni lok, li jiġu nnewtralizzati d-dikjarazzjonijiet ta’ Glaverbel, invokati mir-rikorrenti, li skonthom ma hemmx kwistjoni ta’ żidiet fil-prezzijiet matul din l-ikla. Kif ġie indikat fil-punt 45 iktar ’il fuq, fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti tar-rikorrenti li skonthom il-laqgħa kienet saret waqt ikla u F. talab ir-rimbors tal-kont ta’ din l-ikla ma humiex biżżejjed sabiex jikkontestaw in-natura antikompetittiva tal-imsemmija laqgħa.

72      Ir-rikorrenti jikkontestaw li ftehim ta’ prezzijiet ġie adottat matul il-laqgħa u jiddikjaraw, kif barra minn hekk indikat Pilkington fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li kien hemm skambju ta’ informazzjoni u mhux ftehim. Madankollu, min-noti ta’ B. jirriżulta li, apparti minn dan l-iskambju ta’ informazzjoni, il-membri tal-akkordju adottaw ukoll ftehim dwar il-prezzijiet matul din il-laqgħa. B’hekk, għall-Italja, prezzijiet minimi kienu stabbiliti ; għar-Renju Unit, prezz li għandu jiġi mmirat għalih kif ukoll kalendarju u l-proċedura ta’ żieda fil-prezzijiet ġew stabbiliti ; għall-Istati Baltiċi, żieda fil-prezz, immexxija mir-rikorrenti, ġiet deċiża ; għall-Polonja, żieda fil-prezz f’Marzu 2005, immexxija mir-rikorrenti, ġiet deċiża ; għal Franza, żieda ta’ 10 %, imħabbra mir-rikorrenti, ġiet deċiża ; għall-Benelux, żieda fil-prezz għal Marzu 2005 ġiet deċiża, u fl-aħħar nett, għall-Ġermanja, żieda fil-prezz, immexxija minn Pilkington, ġiet miftiehma. Barra minn hekk, l-aħħar paġna tan-noti ta’ B., intitolata “Ftehim ġenerali” tiġbor fil-qosor il-ftehim dwar il-prezz konkluż u msemmi f’dawn in-noti u tkopri parzjalment fuq il-ftehim l-ieħor.

73      Barra minn hekk, il-fatt li, kif jiddikjaraw ir-rikorrenti, min-noti meħuda minn B ma jirriżultax li F. ipprovda indikazzjonijiet li minnhom tista’ tiġi dedotta l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti għall-ftehim konklużi huwa rrilevanti. Skont ġurisprudenza stabbilita, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni turi li l-impriża kkonċernata pparteċipat f’laqgħat li matulhom ġew konklużi ftehim ta’ natura antikompetittiva, mingħajr ma opponiethom manifestament, sabiex tipprova l-parteċipazzjoni tal-imsemmija impriża fl-akkordju. Ladarba l-parteċipazzjoni f’tali laqgħat tkun ġiet stabbilita, hija din l-impriża li għandha tipproduċi indizji li jistgħu jistabbilixxu li l-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmija laqgħat kienet nieqsa minn kull intenzjoni antikompetittiva, billi turi li hija kienet indikat lill-kompetituri tagħha li hija kienet qed tipparteċipa f’dawn il-laqgħat b’għanijiet differenti minn tagħhom (sentenzi Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 96, u Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 81). Kif il-Qorti tal-Ġustizzja indikat fil-punt 82 tas-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, ir-raġuni wara dan il-prinċipju ta’ dritt hija li, peress li pparteċipat fl-imsemmija laqgħa mingħajr ma ddiżassoċjat ruħha pubblikament mill-kontenut tagħha, l-impriża tat x’tifhem lill-parteċipanti l-oħra li hija kienet qed taqbel ma’ dak li ġie deċiż fiha u li kienet se timxi miegħu

74      Din il-ġurisprudenza relatata mal-approvazzjoni taċita hija bbażata fuq il-premessa li l-impriża kkonċernata tkun ipparteċipat f’laqgħat li matulhom ġew konklużi ftehim ta’ natura antikompetittiva jew ta’ natura manifestament antikompetittiva (ara s-sentenza Coats Holdings u Coats vs Il-Kummissjoni, punt 35 iktar ’il fuq, punt 91, u l-ġurisprudenza ċċitata), u, kif diġà ġie indikat fil-punt 71 iktar ’il fuq, dan huwa l-każ f’din il-kawża.

75      F’din il-kawża, ir-rikorrenti ma pprovdew ebda prova li turi li, għalkemm F. kien pparteċipa fil-laqgħa f’isimhom, huwa kien tbiegħed mill-ftehim adottati. Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti preċedenti, il-parteċipazzjoni biss ta’ F. għal-laqgħa bħala rappreżentant tar-rikorrenti hija biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li huwa esprima, f’isimhom, aċċettazzjoni taċita fir-rigward tal-ftehim adottatif din il-laqgħa.

76      Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, min-noti meħuda minn B. matul il-laqgħa tat-2 ta’ Diċembru 2004 jirriżulta li l-membri tal-akkordju kienu mhux biss skambjaw informazzjoni sensittiva matul din il-laqgħa, iżda adottaw ukoll ftehim fuq iż-żieda fil-prezzijiet għal klassijiet differenti ta’ ħġieġ ċatt għal pajjiżi differenti taż-ŻEE differenti u li F., f’isem ir-rikorrenti, esprima l-aċċettazzjoni taċita tiegħu fir-rigward ta’ dan il-ftehim.

77      Ir-rikorrenti jsostnu, madankollu, li l-“iskema ta’ żieda fil-prezz” imsemmija fin-noti ta’ B. ma tindikax il-konklużjoni ta’ ftehim globali li tirrigwarda ż-żidiet futuri fil-prezzijiet. Għandu jiġi indikat li l-“iskema ta’ żieda fil-prezz” tinsab fin-noti ta’ B. miktuba wara l-ikla, fuq il-karta bl-intestatura tal-lukanda N. Kif ġie indikat fil-punt 68 iktar ’il fuq, dawn in-noti ġew miktuba għall-użu personali tiegħu. F’dan il-kuntest, l-“iskema ta’ żieda fil-prezz” tikkostitwixxi biss l-intestatura li taħtha tinsab tabella li tiġbor fil-qosor il-ftehim differenti dwar il-prezzijiet għas-sena li ġejja msemmi fil-punt 72 iktar ’il fuq, u l-kummenti relatati ma’ dan ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala l-interpretazzjoni magħmula minn B. tar-rwol potenzjali tar-rikorrenti fl-akkordju, lanqas bħala s-sommarju ta’ diskussjoni bilaterali bejn B. u H. wara l-ikla. Għaldaqstant, dan l-argument relatat mal-“iskema ta’ żieda fil-prezz” ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi kkontestat il-fatt li ftehim ta’ żidiet fil-prezzijiet ġie adottat waqt l-imsemmija laqgħa.

78      Ir-rikorrenti jiddikjaraw wkoll li l-frażijiet li jgħidu li “[L]-osservazzjonijiet ġenerali dwar l-aġir ta’ Guardian kienu sostnuti minn oħrajn” u li “[i]l-prezzijiet fis-swieq kollha huma mhedda”, li huma preċedenmti għall-i“skema ta’ żieda fil-prezz”, itennu kummenti ta’ B. ta’ H., impjegat ta’ Saint-Gobain, u/jew ta’ D., impjegat ta’ Glaverbel, li juru li dawn ma tbiegħdux mill-istrateġija aggressiva tagħhom. Din id-dikjarazzjoni ma tistax tikkontesta l-konklużjoni preċedenti. Fil-fatt, dawn il-frażijiet, li huma fil-kuntest ta’ sommarju magħmul minn B., għal finijiet personali, ta’ kwistjonijiet trattati matul il-laqgħa tal-jum ta’ qabel (ara l-punti 68 u 77 iktar ’il fuq), ma jirriflettux teħid ta’ distanza tar-rikorrenti fir-rigward tal-ftehim. Minn naħa, il-frażi li tgħid li “l-prezzijiet fis-swieq kollha huma mhedda” hija dikjarazzjoni tas-sitwazzjoni eżistenti fil-mument tal-laqgħa tat-2 ta’ Diċembru 2004 (ara, pereżempju, il-minuti tal-laqgħa li juru, fir-rigward tar-Renju Unit: “il-prezzijiet fir-RU huma kkunsidrati baxxi” ; fir-rigward ta’ Franza: “Il-prezzijiet huma kważi l-iktar baxxi fl-Ewropa bħalissa”; fir-rigward tal-Ġermanja “DE. Il-prezzijiet għandhom ikunu stabbilizzati immedjatament fil-livelli attwali [...]”, fir-rigward ta’ Spanja , li l-prezzijiet: “niżlin mingħajr kontroll minn xahrejn ilu ”, kif ukoll, fir-rigward tal-ewwel mill-ftehim ġenerali adottat , li huwa previst lil-“[i]ffriżar ta’ prezzijiet fl-Ewropa kollha fix-xhur li ġejjin”). Min-naħa l-oħra, huma msemmi li “l-osservazzjonijiet ġenerali li jirrigwardaw l-aġir ta’ Guardian kienu sostnuti mill-oħrajn”, u dan jikkostitwixxi kritika tal-aġir tar-rikorrenti qabel l-imsemmija laqgħa, li, sa dik id-data, ma kinitx dik mistennija [ara, b’mod partikolari, il-minuti tal-laqgħa li juru li, fir-rigwarda tal-Istati Baltiċi: “[g]ħalkemm kien hemm qbil li jiżdiedu l-prezzijiet (Gl + P għamlu dan) G ma għamlitx dan u, barra minn hekk, il-prezzijiet sa issa huma fl-istess livell (Ø [=medju] 260)”].

79      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti (ara l-punt 32 iktar ’il fuq), il-kuntatti li seħħew bejn dawn u t-tliet membri l-oħra tal-akkordju ma humiex parti mill-“fażi tat-testjar”, iżda jikkostitwixxu parteċipazzjoni reali fl-akkordju. Fil-fatt, ġie stabbilit li r-rikorrenti, irrappreżentati minn F., issieħbu fl-akkordju matul il-laqgħa tal-20 ta’ April 2004, li huma rċevew telefonata fil-15 ta’ Ġunju 2004 u li huma organizzaw ikla fit-2 ta’ Diċembru 2004, u li d-diskussjonijiet li saru matul dawn it-tliet avvenimenti kellhom għan antikompetittiv. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ammettew il-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħa tal-11 ta’ Frar 2005, li wkoll kellha għan antikompetittiv. Peress li l-eżistenza tal-laqgħat tal-20 ta’ April u tat-2 ta’ Diċembru 2004 u l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fihom ġie stabbilit min-noti meħuda minn B. waqt dawn l-imsemmija laqgħat, li l-valur probatorju tagħhom ma kinitx effettivament ikkontestata mir-rikorrenti (ara l-punti 39, 40, 69 u 70 iktar ’il fuq), l-ispjegazzjonijiet ipprovduti minnhom f’dan ir-rigward ma jistgħux jikkontestaw il-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju mill-20 ta’ April 2004.

80      Għaldaqstant, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li r-rikorrenti kienu pparteċipaw fl-akkordju mill-20 ta’ April 2004.

81      Għaldaqstant l-ewwel parti ta’ dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-evalwazzjoni żbaljata tad-dimensjoni ġeografika tal-ftehim

82      Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ksur ġie estiż għaż-ŻEE kollha, peress li awturi tiegħu kienu jbiegħu l-prodotti inkwistjoni għall-inqas fiż-ŻEE u li s-sehem kombinat tagħhom ta’ bejgħ jammonta għal mill-inqas 80 %, li huma fornew lill-klijenti tagħhom fiż-ŻEE mill-faċilitajiet ta’ produzzjoni tagħhom u mill-imħażen li jinsabu f’dan it-territorju kollu, u li l-għan tal-akkordju kien fuq skala Ewropea. Hija enfasizzat f’dan ir-rigward li, għalkemm id-diskussjonijiet kienu differenti skont il-pajjiż taż-ŻEE inkwistjoni, dawn kollha kellhom l-istess għan antikompetittiv (premessi 368-371 tad-deċiżjoni kkontestata).

83      Ir-rikorrenti jikkontestaw din il-konklużjoni tal-Kummissjoni billi jiddikjaraw, minn naħa, li l-pajjiżi msemmija matul il-laqgħat tal-20 ta’ April, il-15 ta’ Ġunju u t-2 ta’ Diċembru 2004 ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-estensjoni ġeografika tal-ftehim minħabba li dawn il-laqgħat ma kellhomx għan antikompetittiv u, min-naħa l-oħra, li l-ftehim dwar il-prezzijiet konklużi matul il-laqgħa tal-11 ta’ Frar 2005 kienu jikkonċernaw biss il-Ġermanja, Spanja, l-Awstrija, il-Portugall u l-Benelux u li dawk li għamlu limitu dwar it-tnaqqis u l-iskontijiet jikkonċernaw biss il-Ġermanja, l-Awstrija u l-Isvizzera.

84      Madankollu għandu jitfakkar li mill-punti 59, 65 u 79 iktar ’il fuq jirriżulta li l-laqgħat tal-20 ta’ April u tat-2 ta’ Diċembru 2004 kif ukoll it-telefonata tal-15 ta’ Ġunju 2004 kellhom għan antikompetittiv. Għaldaqstant, il-pajjiżi msemmija matul dawn il-laqgħat u dawk li l-laqgħa tal-11 ta’ Frar 2005 tirrigwardhom għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita d-dimensjoni ġeografika tal-akkordju.

85      Ir-rikorrenti jsostnu li l-provi mressqa mill-Kummissjoni sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ftehim li jkopri ż-ŻEE kollha huma insuffiċjenti.

86      F’dan il-każ, il-Kummissjoni bbażat id-dikjarazzjoni li skontha l-ftehim tal-akkordju kien mifrux għaż-ŻEE fuq tliet elementi. Dawn huwa, fl-ewwel lok, il-minuti tal-laqgħat differenti tal-akkordju kif ukoll elementi relatati mal-konverżazzjoni telefonika tal-15 ta’ Ġunju 2004. Issa, minn dawn id-dokumenti jirriżulta li l-ftehim differenti kienu jikkonċernaw bosta pajjiżi Ewropej, jiġifieri l-Belġju, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Renju Unit u l-Isvizzera. B’mod iktar partikolari mill-minuti tal-laqgħa tat-2 ta’ Diċembru 2004 jirriżulta li l-parteċipanti kienu ddeċidew li jiffriżaw il-prezzijiet fl-Ewropa kollha (premessa 370 tad-deċiżjoni kkontestata).

87      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-organizzazzjoni tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni tal-ħġieġ ċatt ta’ kull parteċipant fl-akkordju. Fil-fatt, dawn kienu organizzati fiż-ŻEE kollha, sabiex il-produzzjoni ta’ impjant li jinsab f’pajjiż tiġi ddistribwita f’diversi pajjiżi fil-viċin (premessi 55 u 369 tad-deċiżjoni kkontestata). Dan il-fatt ġie kkonfermat ukoll mir-rikorrenti nfushom, F. li indikat li kull impjant kellu s-suq tiegħu, iddeterminat ġeneralment f’raġġ ta’ 300 sa 400 kilometru. L-organizzazzjoni ġeografika tan-netwerk ta’ impjanti ta’ kull membru tal-akkordju b’hekk tippermettilhom li jkopru t-talbiet ta’ ħġieġ ċatt fiż-ŻEE kollha.

88      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-oriġini tal-parteċipanti fil-laqgħat tal-akkordju, li kienu rappreżentanti kummerċjali fil-livell Ewropej tal-membri tal-akkordju kif ukoll ir-rappreżentanti tagħhom l-iktar importanti tagħhom fi ħdan il-kumitat “Marketing u Komunikazzjoni” (Marcomm) tal-GEPVP, li ma ġiex ikkontestat mir-rikorrenti (premessi 369 u 370 tad-deċiżjoni kkontestata).

89      Il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar id-dimensjoni ġeografika tal-ftehim huwa kkonfermat bi provi oħra. L-ewwel nett hemm id-dikjarazzjonijiet ta’ Glaverbel, li skonthom, minn naħa, Saint-Gobain, Pilkington u hija stess ipparteċipaw f’laqgħat bilaterali u multilaterali intiżi li tiġi limitata l-kompetizzjoni fis-suq Ewropew tal-ħġieġ ċatt, li, skont Saint-Gobain, kienet ikkaratterizzata minn tnaqqis kostanti fil-prezzijiet. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ġew informati bil-ftehim eżistenti adottati mit-tliet membri l-oħra tal-akkordju f’Marzu 2004 u kienu pparteċipaw fil-laqgħat minn din id-data (premessi 80 u 81 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, id-dikjarazzjonijiet ta’ Glaverbel f’dan ir-rigward ma jikkonċernawx biss akkordju tripartitiku li huma ma humiex parti minnu. It-tieni nett hemm ilment indirizzat lill-Kummissjoni mill-GEPVP, li l-membri tal-akkordju jagħmlu parti minnu, u relatat ma’ proġett ta’ għajnuna mill-Istat, li fih huwa indikat li “is-suq tal-ħġieġ ċatt huwa suq panEwropew li għandu sehem sinjifikattiv ta’ kummerċ interstatali” (premessa 54 tad-deċiżjoni kkontestata). It-tielet nett hemm il-minuti u n-noti miktuba minn B. l-għada tal-laqgħa tat-2 ta’ Diċembru 2004 u l-minuti tal-laqgħa tal-11 ta’ Frar 2005, li juru li l-parteċipanti fl-akkordju iddiskutew il-pajjiżi Ewropej li ma humiex imsemmija fil-punt 86 iktar ’il fuq, inklużi l-Bulgarija, Ċipru, ir-Rumanija u l-pajjiżi Skandinavi.

90      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuq il-ġurisprudenza li skontha huma l-kumpanniji kkonċernati li jiddeterminaw id-dimensjoni ġeografika tas-suq, li jista’ jkun kemm ikbar, jew iżgħar mis-suq ġeografiku rilevanti, sa fejn dan huwa relatat mal-kwistjoni tal-ħtieġa li jiġi ddefinit is-suq ġeografikament rilevanti sabiex jiġi applikat l-Artikolu 81 KE, kwistjoni li ma tqumx f’din il-kawża. Fil-fatt, skont din il-ġurisprudenza, l-obbligu li jsir delineazzjoni tas-suq f’deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 81 huma impost fuq il-Kummissjoni biss meta, mingħajr tali delineazzjoni, ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat jekk il-ftehim inkwistjoni jistax jolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri u għandu bħala għan jew riżultat il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il-Kummissjoni, T‑62/98, Ġabra p. II‑2707, punt 230, tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, T‑44/00, Ġabra p. II‑2223, punt 132, u tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punt 99). Fil-prinċipju, jekk l-għan stess tal-ftehim huwa li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, ma huwiex meħtieġ li jiġu definiti s-swieq ġeografiċi rilevanti b’mod preċiż, kull meta l-kompetizzjoni attwali jew potenzjali fl-oqsma konċernati neċessarjament kienet ristretta, kemm jekk dawn it-territorji huma swieq fis-sens strett jew le (sentenza Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 132; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Enso Española vs Il-Kummissjoni, T‑348/94, Ġabra p. II‑1875, punt 232, u tat-18 ta’ Lulju 2005, Scandinavian Airlines System vs Il-Kummissjoni, T‑241/01, Ġabra p. II‑2917, punt 99). Sabiex tiddetermina l-portata ġeografika tal-ksur, li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur, huma biżżejjed li l-Kummissjoni tevalwa kemm hi mifruxa ż-żona ġeografika tas-suq jew tas-swieq ikkonċernati, mingħajr ma hija obbligata li tiddefinixxi preċiżament is-swieq inkwistjoni (Scandinavian Airlines System vs Il-Kummissjoni, punt 99).

91      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi rrilevat li l-indizji kollha ppreżentati mill-Kummissjoni, li jew ma humiex ikkontestati mir-rikorrenti, jew li huma kkonfermati minn provi oħra, jippermetti li jistabbilixxi li ż-żona ġeografika kkonċernata mill-akkordju hija mifruxa għat-territorju kollu taż-ŻEE. Huwa għaldaqstant ġustament li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-portata tal-ksur hija mifruxa għat-territorju kollu taż-ŻEE.

92      Hemm lok, għaldaqstant, li t-tieni parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda, u b’hekk dan il-motiv jiġi miċħud kollu kemm hu.

93      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li t-talbiet għal annullament tar-rikors għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-talbiet għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa

94      Insostenn tat-talbiet tagħhom għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa, ir-rikorrenti jqajmu tliet motivi. Fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħhom, huma jitolbu lill-Qorti Ġenerali sabiex tnaqqas l-ammont tal-multa tagħhom bħala riżultat tal-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u tal-obbligu ta’ motivazzjoni dwar il-kalkolu tal-multa, u t-tielet, fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tar-rwol limitat ħafna u passiv li huma kellhom fil-ksur u l-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq in-neċessità ta’ tnaqqis tal-multa minħabba l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata

95      Ir-rikorrenti jsostnu li l-ammont tal-multa tagħhom għandu jitnaqqas sabiex jirrifletti l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata. B’hekk huma jikkunsidraw li l-multa għandha tiġi kkalkulata biss fuq il-bażi tal-bejgħ tal-2004 b’konnessjoni mal-pajjiżi taż-ŻEE fejn il-ksur ma huwiex ikkontestat, li l-ammont tagħhom jitla’ għal EUR 241.6 miljun. Barra minn hekk, huma jqisu li l-multa għandha tikkunsidra t-tul eċċezzjonalment qasir tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju, limitata għal laqgħa waħda u, l-iktar, għal tnax-il jum.

96      Mill-punti 79 u 91 ta’ iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata li, minn naħa, ir-rikorrenti kienu pparteċipaw fl-akkordju bejn l-20 ta’ April 2004 u t-22 ta’ Frar 2005 u, min-naħa l-oħra, li l-ksur ġie mifrux għat-territorju kollu taż-ŻEE.

97      Għaldaqstant ma hemmx lok li jintaqqas l-ammont tal-multa fir-rigward tat-tul jew tad-dimensjoni ġeografika tal-ftehim u għaldaqstant dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv li jirriżulta mill-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u tal-obbligu ta’ motivazzjoni dwar il-kalkolu tal-multa

98      Ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-Kummissjoni kisret, minn naħa, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni meta eskludiet mill-kalkolu tal-multi t-tliet membri l-oħra tal-akkordju l-valur tal-“captive sales”, jiġifieri l-bejgħ intern għall-gruppi, u min-naħa l-oħra, l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni relatat ma’ dawn il-kalkoli.

99      Ir-rikorrenti jenfasizzaw b’hekk li, fin-nuqqas ta’ motivazzjoni relatata mal-kalkolu tal-multa tat-tliet membri l-oħra tal-akkordju u fid-dawl tan-natura kunfidenzjali tad-data użata, huwa impossibbli li jiġi ddeterminat in-natura u l-valur rispettiv tal-“captive sales”għal kull parteċipant fl-akkordju. Huma jsostnu għaldaqstant li hija l-Qorti Ġenerali li għandha tikkumpensa għall-esklużjoni tal-imsemmi bejgħ billi jitnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom proporzjonalment għall-esklużjonijiet mis-suq tal-ħġieġ ċatt. Din is-soluzzjoni tkun kompatibbli mal-linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)( a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006 C 210, p. 2, “Linji Gwida dwar il-kalkolu tal-multi”) sa fejn hija tippermetti li jiġi riflessa b’mod adegwat il-piż relattiv tal-impriża fis-suq rilevanti u li kien diġà ġie adottat mill-Qorti Ġenerali.

100    Ir-rikorrenti jippreċiżaw li l-Kummissjoni eskludiet EUR biljun ta’ “captive sales” fuq volum totali ta’ suq ta’ EUR 2.7 biljun. Din il-figura li tirriżulta mit-tnaqqis tal-ammont totali ta’ bejgħ ta’ ħġieġ ċatt ikkunsidrat fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri EUR 1.7 biljun (premessa 41 tad-deċiżjoni kkontestata), fl-ammont totali kkunsidrat fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jiġifieri EUR 2.7 biljun (premessa 41 tad-deċiżjoni kkontestata), u jirrappreżentaw 37 % tal-volum totali ta’ valur tas-suq ta’ EUR 2.7 biljun.

101    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

102    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiddependi fuq in-natura tal-att inkwistjoni u fuq il-kuntest li fih ġie adottat. Il-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni awtriċi tal-att, b’mod, minn naħa, li l-qorti tal-Unjoni Ewropea tkun tista’ teżerċità l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, u min-naħa l-oħra, li l-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u jivverifikaw jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le, punt 278).

103    Ma huwiex rikjest li l-motivazzjoni tispeċifika kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward ta’ kliemha, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tagħha kif ukoll fir-rigward tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63, u tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, Ġabra p. I‑8947, punt 150).

104    F’din il-kawża, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ftehim antikompetittivi jirrigwardaw il-bejgħ ta’ ħġieġ ċatt lil klijenti indipendenti (premessa 377 tad-deċiżjoni kkontestata) u għaldaqstant dan il-bejgħ sabiex jiġi kkalkulat l-ammont bażiku tal-multi (premessa 41, tabella Nru 1, u premessa 470 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni, għaldaqstant, eskludiet mill-kalkolu tal-multa l-bejgħ ta’ ħġieġ ċatt iddestinat li jiġi ttrasformat minn qsim tal-impriża jew minn kumpannija tal-istess grupp. Peress li l-eżistenza ta’ aġir antikompetittiv ma ġietx stabbilita għall-bejgħ lil klijenti indipendenti, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li eskludiet mill-kalkolu tal-multa l-bejgħ intern tal-membri tal-akkordju vertikalment integrati. Barra minn hekk, ma jistax isir ilment lill-Kummissjoni ma mmotivatx l-esklużjoni tal-imsemmi bejgħ mill-kalkolu tal-multa.

105    Barra minn hekk, kif sostniet il-Kummissjoni, ma ġiex stabbilit li l-membri tal-akkordju vertikalment integrati li jipprovdu l-prodotti kkonċernati lid-diviżjonijiet tal-istess impriża jew lil kumpanniji li jagħmlu parti mill-istess grupp ta’ impriżi jkunu bbenefikaw indirettament miż-żieda fil-prezz miftiehma lanqas li ż-żieda tal-prezzijiet fis-suq upstream tiġi tradotta f’vantaġġ kompetittiv fis-suq downstream għall-ipproċessar ta’ ħġieġ ċatt.

106    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument li skontu l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni billi teskludi l-bejgħ intern mill-kalkolu tal-multa, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jew ta’ nondiskriminazzjoni jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tal-14 ta’ Mejju 1998, BPB Eendracht vs Il-Kummissjoni, T‑311/94, Ġabra p. II‑1129, punt 309 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’din il-kawża, sa fejn il-Kummissjoni kkunsidrat li l-arranġamenti antikompetittivi koprew biss il-prezz ta’ ħġieġ ċatt mitlub lill-klijenti indipendenti, l-esklużjoni tal-bejgħ intern mill-kalkolu tal-ammont tal-multa fil-każ ta’ membri tal-akkordju vertikalment integrati wassalha biss sabiex tittratta sitwazzjonijiet oġġettivament differenti b’mod differenti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li kisret il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

107    Konsegwentement, dan il-motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tar-rwol limitat u passiv ħafna li kellha r-rikorrenti fil-ksur u l-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

108    Ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-rwol passiv u limitat ħafna li huma kellhom fil-ksur mqabbel ma’ dak tat-tliet membri l-oħra tal-akkordju, li pparteċipaw fih għal iktar minn 20 sena. Il-parteċipazzjoni tagħhom hija limitata biss għal laqgħa waħda, li ma kinitx sigrieta, u l-ftehim li ġie adottat jikkonċernaw biss ċerti pajjiżi u qatt ma twettaq. Bl-istess mod, in-noti ta’ B. relatati mal-laqgħa tal-11 ta’ Frar 2005 ma jippermettux li jiġi stabbilit li F. tat il-kunsens tagħha sabiex tipparteċipa fi jew li tmexxi żieda fil-prezzijiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra r-rwol passiv fl-akkordju mir-rikorrenti sabiex tiddetermina l-multa.

109    Skont il-ġurisprudenza, meta jitwettaq ksur minn diversi impriżi, ikun hemm lok, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multi, li tiġi eżaminata l-gravità tal-parteċipazzjoni ta’ kull waħda minnhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punt 623, u Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 48 iktar ’il fuq, punt 92; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Settembru 2010, Trioplast Industrier vs Il-Kummissjoni, T‑40/06, Ġabra p. II‑4893, punt 105), u dan jimplika, b’mod partikolari, li jiġu stabbiliti r-rwoli tagħhom rispettivi fil-ksur matul it-tul tal-parteċipazzjoni tagħhom fih (sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 32 iktar ’il quddiem, punt 150, u sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 1991, Enichem Anic vs Il-Kummissjoni, T‑6/89, Ġabra p. II‑1623, punt 264).

110    Skont it-tielet inċiż tal-punt 29 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi, ir-rwol passiv ta’ impriża fit-twettiq tal-ksur b’hekk jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti. Huma jippreċiżaw li din iċ-ċirkustanza tapplika biss “meta l-impriża kkonċernata tipproduċi l-prova li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur hija sostanzjalment limitata u għaldaqstant turi li, matul il-perijodu li fih hija aderiet mal-ftehim ta’ ksur, hija effettivament astjeniet ruħha milli timplementahom billi aġir kompetittiva fis-suq”. Barra minn hekk, Skont l-imsemmi paragrafu 29, “is-sempliċi fatt li impriża pparteċipat fi ksur għal tul iqsar mill-oħrajn ma jiġix ikkunsidrat bħala ċirkustanza attenwanti, peress li din iċ-ċirkustanza hija diġà riflessa fl-ammont bażi”.

111    Skont il-ġurisprudenza, fost l-elementi tali li jistgħu jiżvelaw ir-rwol passiv ta’ impriża fi ħdan akkordju, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura sostanzjalment iktar sporadika tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat meta mqabbla ma’ dik tal-membri ordinarji tal-akkordju, kif ukoll id-dħul tardiv tagħha fis-suq li kien is-suġġett tal-ksur, indipendentement mit-tul tal-parteċipazzjoni tagħha f’dan il-ksur, jew ukoll l-eżistenza ta’ dikjarazzjonijiet espressi f’dan is-sens magħmula minn rappreżentanti ta’ impriżi terzi li jkunu pparteċipaw fil-ksur (sentenzi tal-Qorti Ġenerali BPB de Eendracht vs Il-Kummissjoni, punt 106 iktar ’il fuq, punt 343, u tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, T‑220/00, Ġabra p. II‑2473, punt 168). F’dan ir-rigward, iċ-ċirkustanzi li fihom kumpannija kienet il-membru l-inqas assidwu fil-laqgħat tal-akkordju jew irċeviet biss informazzjoni kkomunikata unilateralment minn kompetitur, mingħajr ma wriet ebda riżerva jew oppożizzjoni, ma għandhom ebda rwol fl-istabbiliment tar-rwol passiv ta’ din il-kumpannija f’akkordju (sentenza Ciments, punt 45 iktar ’il fuq, punt 1849).

112    F’din il-kawża, qabel kollox, mill-punt 79 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti pparteċipaw fl-akkordju mill-20 ta’ April 2004. B’hekk hemm lok li jiġi rrilevat li, waqt il-laqgħa tal-20 ta’ April 2004 u l-konverżazzjoni telefonika tal-15 ta’ Ġunju 2004, ir-rikorrenti infurmaw lill-kompetituri tagħhom bl-aġir futur tagħhom fis-suq u rċevut mingħand Pilkington, mingħajr ma werew l-ebda oppożizzjoni, informazzjoni dwar il-ftehim dwar iż-żidiet fil-prezzijiet proposti mit-tliet membri l-oħra tal-akkordju. Ir-rikorrenti attendew għal-laqgħat tal-akkordju tat-2 ta’ Diċembru 2004 u tal-11 ta’ Frar 2005, mingħajr ma espliċitament żammew ’il bogħod minn diskussjonijiet antikompetittivi li saru waqt dawn il-laqgħat. Sussegwentement, mill-punt 79 iktar ’il fuq u mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll li r-rikorrenti kienu organizzaw il-laqgħa tat-2 ta’ Diċembru 2004 (premessa 502 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, mill-punti 70 u 72 iktar ’il fuq u mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, waqt il-laqgħat tat-2 ta’ Diċembru 2004 u tal-11 ta’ Frar 2005, ir-rikorrenti aċċettaw li jintroduċu żidiet fil-prezzijiet f’reġjuni differenti u li huma pparteċipaw fi skambju ta’ informazzjoni sensittiva (premessa 502 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant, l-aġir tagħhom fl-akkordju ma jistax ikun ikkwalifikat bħala passiv.

113    Il-fatt li r-rikorrenti ma implementawx xi parti mill-ftehim adottat fil-laqgħat preċedenti tat-2 ta’ Diċembru 2004 u waqt il-laqgħa tal-11 ta’ Frar 2005 ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li dan kellu aġir antikompetittiv fis-suq. Fil-fatt, l-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva li seħħ waqt il-laqgħa tat-2 ta’ Diċembru 2004 u l-konverżazzjoni telefonika tal-15 ta’ Ġunju 2004 tippermetti li jiġi konkluż il-kuntrarju. B’hekk, anki jekk, inizjalment, ir-rikorrenti ma osservawx ċerti ftehim rigward iż-żidiet fil-prezzijiet, b’mod partikolari rigward il-pajjiżi Baltiċi, ġie stabbilit li huma implementaw ftehim oħra u kkollaboraw attivament mat-tliet membri l-oħra tal-akkordju, b’mod partikolari billi pprovdewlhom informazzjoni essenzjali għall-adozzjoni u għall-implementazzjoni ta’ ftehim dwar il-prezzijiet (ara l-punti 57, 59, 63, u 65 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, il-fatt li l-ftehim adottat fil-laqgħa tal-11 Frar 2005 ma ġiex implementat ma jistax jiġi spjegat bħala riżultat ta’ aġir kompetittiv segwit mir-rikorrenti, iżda iktar probabbilment minħabba l-bidu tal-ispezzjonijiet li saru mill-Kummissjoni (ara l-premessa 296 tad-deċiżjoni kkontestata).

114    Barra minn hekk, fir-rigward tal-kalkolu tal-multi imposti fuq it-tliet membri l-oħra tal-akkordju, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni d-diversi okkażjonijiet ta’ reċidiva tal-aġir tagħhom u li ma żiditx il-multi tagħhom sabiex tiżgura n-natura dissważiva tagħhom, filwaqt li d-dħul mill-bejgħ ta’ xi wħud minnhom kien ferm ogħla minn tagħhom. Għaldaqstant, meta ttrattat sitwazzjonijiet differenti bl-istess mod, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

115    Qabel kollox għandu jitfakkar li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fid-determinazzjoni tal-multi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, C‑283/98 P, Ġabra p. I‑9855, punt 47 ; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Diċembru 2006, Westfalen Gassen Nederland vs Il-Kummissjoni, T‑303/02, Ġabra p. II‑4567, punt 151, u Trioplast Industrier vs Il-Kummissjoni, punt 109 iktar ’il fuq, punt 141).

116    Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punt 106 iktar ’il fuq, hemm ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni meta l-istess regola hija applikata għal sitwazzjonijiet differenti. Għandu jiġi ppreċiżat li, f’din il-kawża, il-Kummissjoni ma applikatx fir-rigward tar-rikorrenti la ċ-ċirkustanza aggravanti li tikkostitwixxi r-reċidiva u lanqas koeffiċjent multiplikatur bħala effett dissważiv tal-multa.

117    Fir-rigward tan-natura dissważiva tal-multa, hemm lok li jitfakkar li dan jikkostitwixxi wieħed mill-elementi li għandhom jitqiesu fil-kalkolu tal-ammont tal-multa. Fil-fatt hija ġurisprudenza stabbilita (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punti 105 u 106) li l-multi imposti minħabba ksur tal-Artikolu 81 KE u previsti fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 huma intiżi sabiex jissanzjonaw l-atti illegali tal-impriżi kkonċernati kif ukoll sabiex jiddiswadu kemm l-impriżi inkwistjoni kif ukoll l-operaturi ekonomiċi oħrajn milli jiksru, fil-futur, ir-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea. B’hekk, meta l-Kummissjoni tikkalkola l-ammont tal-multa, hija tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, id-daqs u s-saħħa ekonomika tal-impriża kkonċernata (sentenza Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 119 sa 121). Madankollu, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata, waqt id-determinazzjoni tal-ammont tal-multi skont il-gravità u t-tul tal-ksur inkwistjoni, li tiżgura, fil-każ li l-multi jiġu imposti fuq numru ta’ impriżi involuti fl-istess ksur, li l-ammonti finali tal-multi stabbiliti abbażi tal-kalkolu tagħha għall-impriżi kkonċernati jirriflettu kull distinzjoni bejniethom fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ globali tagħhom jew id-dħul mill-bejgħ rilevanti tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 312).

118    Issa, f’din il-kawża, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li koeffiċjent multiplikatur tal-effett dissważiv tal-multa ġie applikat għal Saint-Gobain fil-kalkolu tal-multa tagħha, minħabba “l-preżenza ikbar tagħha fis-settur tal-ħġieġ” u d-“dħul mill-bejgħ tagħha” [li], f’termini assoluti, huwa ħafna ikbar minn dawk tal-oħrajn”(premessa 519).

119    Fir-rigward tal-impriżi l-oħrajn li pparteċipaw fl-akkordju, għandu jiġi kkonstatat li ebda koeffiċjent ta’ korrezzjoni ma ġie applikat. Madankollu r-rikorrenti ddikjaraw biss li d-dħul mill-bejgħ ta’ Glaverbel kien tliet darbiet ogħla minn tagħhom, mingħajr ma jissemma dak ta’ Pilkington. Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 117 iktar ’il fuq, dan il-fatt waħdu, jekk jiġi stabbilit, ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet obbligata li tagħmel l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent multiplikatur sabiex ikun hemm l-effett dissważiv tal-multa.

120    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni d-differenzi bejn is-sitwazzjonijiet tal-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju billi stabbiliet il-koeffiċjent korrettur multiplikatur eventwali intiż sabiex jiżgura l-effett dissważiv tal-multi.

121    Fir-rigward tal-argument relatat man-nuqqas ta’ żieda fil-multa imposta fuq Saint-Gobain u Glaverbel għal reċidiva, u b’mod partikolari, tat-terminu massimu li lil hinn minnu r-reċidiva ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni, hemm lok li jiġi enfasizzat li la r-Regolament Nru 1/2003 u lanqas il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi ma jipprovdu tali terminu u li n-nuqqas ta’ tali terminu ma jiksirx il-prinċipju ta’ ċertezza legali (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il-Kummissjoni, C‑413/08 P, Ġabra p. I‑5361, punti 66 u 67).

122    Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jirrikjedi li ż-żmien li jgħaddi bejn il-ksur inkwistjoni u l-ksur preċedenti tar-regoli tal-kompetizzjoni jitqies meta tiġi evalwata t-tendenza tal-impriża li tikser dawn ir-regoli. Fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat fuq l-atti tal-Kummissjoni fil-qasam tal-liġi tal-kompetizzjoni, il-qorti tista’ għalhekk tintalab li tivverifika jekk il-Kummissjoni osservatx l-imsemmi prinċipju meta żiedet, minħabba r-reċidiva, il-multa imposta, u, b’mod partikolari, jekk it-tali żieda ġietx imposta b’mod partikolari minħabba ż-żmien li għadda bejn il-ksur inkwistjoni u l-ksur preċedenti tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza Lafarge vs Il-Kummissjoni, punt 121 iktar ’il fuq, punt 70).

123    F’din il-kawża, kif issostni l-Kummissjoni, iktar minn ħmistax-il sena għaddew qabel il-bidu tat-tieni ksur imwettaq minn dawn iż-żewġ impriżi u, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, l-eżistenza ta’ kontinwità bejn l-ewwel u t-tieni ksur ma ġietx stabbilita. Dan il-perijodu ma jistax jikkonferma l-propensità tar-rikorrenti li jiksru r-regoli tal-kompetizzjoni. Hemm lok għalhekk li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni billi kkunsidrat li l-perijodu li għadda bejn iż-żewġ ksur kien twil biżżejjed sabiex jeskludi żieda fil-multa imposta fuq Saint-Gobain u fuq Glaverbel għal reċidiva.

124    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li dan il-motiv jiġi miċħud, u għaldaqstant it-talbiet kollha tar-rikorrenti intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa.

 Fuq l-ammissibbiltà ta’ riferimenti magħmula mill-Kummissjoni bħala risposta ta’ Pilkington għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet

125    Fis-seduta, ir-rikorrenti qajmu eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fuq ir-riferimenti magħmula mill-Kummissjoni fid-difiża tagħha u fit-tweġiba tagħha tat-23 ta’ Jannar 2012 għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali, għat-tweġiba ta’ Pilkington għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, minħabba li huma ma kellhomx aċċess għall-imsemmi dokument waqt il-proċedura amministrattiva u għaldaqstant ma kellhomx għarfien tal-kontenut tagħha. Huma ppreċiżaw li l-Kummissjoni ma setgħetx tuża l-imsemmija tweġiba bħala dokument inkriminanti mingħajr ma jinkisru d-drittijiet tad-difiża tagħhom.

126    Il-Kummissjoni indikat li dawn l-elementi ma kienx fihom elementi inkriminanti kontra r-rikorrenti u ma kinux meħtieġa għas-soluzzjoni tat-tilwima.

127    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha li r-riferimenti magħmula mill-Kummissjoni bħala risposta ta’ Pilkington għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fid-difiża u fit-tweġiba tagħha tat-23 ta’ Jannar 2012 għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali ma humiex meħtieġa għas-soluzzjoni tat-tilwima mill-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

128    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress illi r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Guardian Industries Corp. u Guardian Europe Sàrl huma kkundannati għall-ispejjeż.

Kanninen

Wahl

Soldevila Fragoso

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-27 ta’ Settembru 2012 .

Firem


Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerti dokumenti u ta’ riferimenti li saru għal dokumenti

Fuq l-ammissibbiltà tal-ittra tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Frar 2012

Fuq l-ammissibbiltà ta’ riferimenti għal dokumenti li ma ġewx prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali

Fuq it-talbiet għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-evalwazzjoni żbaljata tat-tul tal-paretċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur

– Fuq il-laqgħa tal-20 ta’ April 2004

– Fuq il-konverżazzjoni telefonika tal-15 ta’ Ġunju 2004

– Fuq il-laqgħa tat-2 ta’ Diċembru 2004

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-evalwazzjoni żbaljata tad-dimensjoni ġeografika tal-ftehim

Fuq it-talbiet għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa

Fuq il-motiv ibbażat fuq in-neċessitŕ ta’ tnaqqis tal-multa minħabba l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq il-motiv li jirriżulta mill-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u tal-obbligu ta’ motivazzjoni dwar il-kalkolu tal-multa

Fuq il-motiv ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tar-rwol limitat u passiv ħafna li kellha r-rikorrenti fil-ksur u l-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

Fuq l-ammissibbiltà ta’ riferimenti magħmula mill-Kummissjoni bħala risposta ta’ Pilkington għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.