Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta' Frar 2008 - Denki Kagaku Kogyo u Denka Chemicals vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-83/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Denki Kagaku Kogyo K. K. (Tokyo, il-Ġappun) u Denka Chemicals GmbH (Düsseldorf, il-Ġermanja) (rappreżentanti: G. Van Gerven, T. Franchoo u D. Fessenko, lawyers)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-Artikoli 1, 2 u 3 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007)5910 finali tal-5 ta' Diċembru 2007 fil-Każ COMP/F/38.629 - Chloroprene Rubber

sussidjarjament, tnaqqas sostanzjalment il-multa imposta fuq ir-rikorrenti skond l-Artikolu 2 ta' din id-deċiżjoni;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħhom ir-rikorrenti qed jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007)5910 finali tal-5 ta' Diċembru 2007 (Każ COMP/F/38.629 - Chloroprene Rubber) dwar proċedura taħt l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 KEEA sa fejn il-Kummissjoni kkonkludiet li r-rikkorrenti kisru l-Artikolu 81 KE u imponiet multa fuqhom filwaqt li talbithom iwaqqfu immedjatament il-ksur allegat.

In sostenn tat-talbiet tagħhom, ir-rikorrenti ressqu sitt motivi:

Fuq il-bażi ta' l-ewwel u t-tieni motivi tagħhom, ir-rikorrenti jissottomettu, fl-ewwel lok, li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta' evalwazzjoni meta kkonkludiet li r-rikorrenti pparteċipaw fi ksur ta' l-Artikolu 81 KE, peress li la ressqet prova li r-rikorrenti kellhom għan komuni flimkien ma' produtturi oħra tal-chloroprene sabiex joħolqu kartell u lanqas ma ressqet prova li r-rikorrenti pparteċipaw fi prattika miftiehma.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet ta' difiża tagħhom u kif ukoll l-Artikolu 253 KE u l-prinċipju ta' amminstrazzjoni tajba peress li ma pprovdietx aċċess għas-sottomissjonijiet ta' Bayer magħmula fis-seduta in camera.

Fuq il-bażi tat-tielet, ir-raba', il-ħames u s-sitt motivi tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-Prim'Istanza tnaqqas b'mod sinjifikattiv il-multa imposta mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata.

B'mod partikolari, permezz tat-tielet motiv tagħhom, ir-rikorrenti jissomettu li l-Kummissjoni kisret prinċipji ta' ċertezza legali u ta' non-retroattività meta kkalkulat il-multa fuq il-bażi tal-Linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi ta' l-2006 minflok ma applikat il-Linji gwida ta' l-1998.

Permezz tar-raba' motiv tagħhom, ir-rikorrenti jissottomettu li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta' evalwazzjoni fir-rigward tal-kalkolu tal-valur tal-bejgħ għall-finijiet tad-determinazzjoni ta' l-ammont bażiku tal-multa. Barra minn hekk, skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni allegatament kisret il-prinċipju ta' proporzjonalità peress li r-rikorrenti ġew ippenalizzati darbtejn.

Permezz tal-ħames motiv, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta' evalwazzjoni fir-rigward tat-tul ta' żmien tal-kartell.

Fl-aħħar nett, permezz tas-sitt motiv, huwa sottomess li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta' evalwazzjoni u kisret l-Artikolu 253 KE u l-prinċipji ta' proporzjonalità u trattament ugwali peress li naqset milli tnaqqas il-multa imposta fuq ir-rikorrenti fuq il-bażi ta' ċirkustanzi attenwanti.

____________