Language of document : ECLI:EU:T:2010:303

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

9 ta’ Lulju 2010 (*)

“Trade mark Komunitarja – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali Vektor-Lycopin – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Nuqqas ta’ karattru distintiv – Karattru deskrittiv – Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”

Fil‑Kawża T-85/08,

Exalation Ltd, stabbilita f’Ilford, Essex (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn K. Zingsheim, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn S. Schäffner, bħala aġent,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI tas-17 ta’ Diċembru 2007 (Każ R 1037/2007-4), dwar applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali Vektor-Lycopin bħala trade mark Komunitarja,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn J. Azizi, President, E. Cremona u S. Frimodt Nielsen (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Frar 2008,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Lulju 2008,

wara s-seduta tat-2 ta’ Marzu 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fis-6 ta’ Jannar 2006, ir-rikorrenti, Exalation Ltd, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol 1, p. 146), kif emendat [sostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali Vektor-Lycopin.

3        Il-prodotti li fir-rigward tagħhom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 5, 29 u 30 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu b’mod partikolari, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:

–        Klassi 5: “prodotti farmaċewtiċi u veterinarji għal użu mediku; prodotti sanitarji għal użu mediku; prodotti djetetiċi għal użu mediku, ikel għat-trabi”;

–        Klassi 29: “Laħam, ħut, tjur u selvaġġina; estratti tal-laħam; frott u ħaxix ippriżervat, imnixxef u msajjar; ġèli, ġammijiet, frott ippriżervat jew misjur fix-xropp; bajd, ħalib u prodotti tal-ħalib; żejt u xaħmijiet li jittieklu”;

–        Klassi 30: “Kafè, te, kawkaw, zokkor, ross, tapjoka, sago, kafè artifiċjali; dqiq u preparazzjonijiet magħmulin miċ-ċereali; ħobż, għaġina u ħlewwiet, ġelati; għasel, għasel iswed; ħmira, trab tal-ħami; melħ, mustarda; ħall, zlazi (kondimenti); silġ”.

4        Permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2007 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-eżaminatur”), l-eżaminatur ċaħad, skont l-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 37 tar-Regolament Nru 207/2009, l-applikazzjoni għal trade mark għall-prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq, minħabba li t-trade mark Vektor-Lycopin kienet deskrittiva kif ukoll nieqsa minn karattru distintiv għall-pubbliku li jitkellem bil-Ġermaniż u bl-Ingliż tal-Komunità Ewropea, u minħabba li ma setgħetx tiġi rreġistrata skont l-Artikoli 7(1)(b) u (ċ), u 7(2) tar-Regolament Nru 40/94 [li saru l-Artikoli 7(1)(b) u (c), u 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009].

5        Fit-3 ta’ Lulju 2007, ir-rikorrenti, skont l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94 (li saru l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009), appellat mid-deċiżjoni tal-eżaminatur.

6        Permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Diċembru 2007 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell u kkonferma d-deċiżjoni tal-eżaminatur.

7        Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li r-raġunijiet assoluti għal rifjut previsti fl-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 40/94 kienu applikabbli fil-pajjiżi li jitkellmu Ġermaniż u Ingliż fil-Komunità. Dawn id-dispożizzjonijiet, ikkunsidrati flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 40/94, jipprekludu, għaldaqstant, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark Vektor-Lycopin.

8        Fir-rigward tal-applikazzjoni tar-raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, il-Bord tal-Appell ikkonferma l-evalwazzjonijiet tal-eżaminatur li jipprovdu, l-ewwel nett, li l-kelma Ġermaniża “Vektor” (vektor) tintuża fil-qasam ġenetiku għall-molekuli tal-aċidu deoxyribonucleic (DNA) li jintuża sabiex jiddaħħal DNA barrani f’ċellola ospitanti u, it-tieni nett, li l-kelma“vektor” fil-mediċina u fil-qasam tal-ħarsien tal-pjanti, tirriferi għall-organiżmi li jxerrdu l-mard (punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata).

9        Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell approva l-osservazzjonijiet tal-eżaminatur li jipprovdu li l-kelma Ġermaniża “Lycopin” (lycopene) tiddeskrivi karotenojdi b’karatteristiċi kontra l-ossidazzjoni (punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata).

10      Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell innota li l-elementi “vektor” u “lycopin” huma konnessi permezz ta’ ħajfin, skont ir-regoli tal-lingwa Ġermaniża u l-lingwa Ingliża (punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata).

11      Fl-aħħar, il-Bord tal-Appell adotta l-konstatazzjonijiet tal-eżaminatur li jipprovdu li s-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni, meħud fit-totalità tiegħu, kellu tifsira deskrittiva konkreta tal-prodotti koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Fil-fatt, huwa involut suppliment tal-ikel li l-prinċipju attiv tiegħu jista’ jidħol fil-kompożizzjoni tal-prodotti farmaċewtiċi jew tal-prodotti djetetiċi għal użu mediku, jew ukoll tal-ikel għat-trabi kif ukoll tal-prodotti tal-ikel kollha li jaqgħu fil-klassijiet 29 u 30 imsemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq (punti 19 sa 21 tad-deċiżjoni kkontestata).

12      Barra minn hekk, sabiex jiġi ddeterminat il-pubbliku rilevanti, għandhom jiġu inklużi mhux biss il-konsumaturi iżda wkoll il-produtturi u l-bejjiegħa tal-prodotti koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni (punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata).

 It-talbiet tal-partijiet

13      Fir-rikors, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tannulla d-deċiżjoni tal-eżaminatur;

–        tordna lill-UASI jirreġistra t-trade mark Vektor-Lycopin;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

14      L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

15      Fis-seduta, ir-rikorrenti ddikjarat li ser tirrinunzja għat-tieni u għat-tielet kap tat-talbiet tagħha, u ttieħed nota ta’ dan fil-minuti tas-seduta.

 Id-dritt

16      Insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi, l-ewwel wieħed ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 u t-tieni fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Għandu jiġi eżaminat l-ewwel motiv.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

17      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li s-sinjal Vektor-Lycopin huwa kompost minn żewġ elementi li t-tagħqid tagħhom ma huwiex komuni jew magħruf. Is-sinjal Vektor-Lycopin la jinsab fid-dizzjunarji, la fil-lingwa orali u lanqas fil-lingwa miktuba. Dan is-sinjal ma huwiex magħruf jew użat b’mod komuni la fil-mediċina, la fil-bijoloġija, la fil-fiżika u lanqas fil-matematika. Is-sinjal Vektor-Lycopin jikkostitwixxi, għaldaqstant, neoloġiżmu li jissodisfa l-kriterju tal-ġurisprudenza li jipprovdi li t-tagħqid ta’ żewġ kelmiet deskrittivi ma huwiex deskrittiv jekk, minħabba n-natura mhux komuni tat-tagħqid, is-sinjal inkwistjoni joħloq impressjoni suffiċjentement differenti minn dik prodotta mis-sinjifikat tal-kliem li huwa kompost minnhom, b’tali mod li dan is-sinjal, ikkunsidrat fit-totalità tiegħu, huwa ikbar mis-somma tal-elementi individwali li jikkomponuh. Peress li huwa kompletament ġdid, is-sinjal Vektor-Lycopin ma huwiex magħruf mill-pubbliku speċjalizzat fil-mediċina, fil-bijoloġija, fil-farmaċewtika jew fil-fiżika, u lanqas mill-konsumatur finali.

18      It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-element “Vektor” ma huwiex inekwivoku. Skontha, il-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni biss is-sinjifikat ta’ din il-kelma fil-qasam ġenetiku. Issa, din il-kelma għandha diversi tifsiriet oħra f’oqsma differenti, bħal fil-fiżika. Ir-restrizzjoni semantika li għamel il-Bord tal-Appell hija kritikabbli, sa fejn, mingħajr ebda raġuni, hija sfavorevoli għar-rikorrenti. Barra minn hekk, is-sens tal-kelma Ġermaniża “Vektor” partikolari għall-qasam ġenetiku ma huwiex magħruf la mill-pubbliku speċjalizzat kompost minn bijoloġisti, persuni speċjalizzati fil-fiżika, tobba, spiżjara u matematiċi, jew minn speċjalisti oħra u lanqas ma huwa magħruf, a fortiori, mill-konsumatur finali medju tal-prodotti koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. B’hekk, il-pubbliku rilevanti ma jistax jiddeduċi mis-sinjal Vektor-Lycopin li dan jiddeskrivi taħlita ta’ estratti tal-likorizja u tat-tadam. Insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha, ir-rikorrenti tipproponi li tippreżenta lill-Qorti Ġenerali diversi riżultati ta’ stħarriġ ta’ opinjoni.

19      It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li, jekk l-element “Vektor” huwa deskrittiv, kif jallega l-Bord tal-Appell, l-ebda trade mark li fiha din il-kelma ma tkun tista’ tiġi rreġistrata. Issa, jeżistu diversi trade marks Komunitarja, nazzjonali jew internazzjonali li fihom il-kelma “Vektor”. Il-pożizzjoni adottata mill-Bord tal-Appell kellha għaldaqstant twassal, skont ir-rikorrenti, għat-tħassir, skont l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 51(2)(a) tar-Regolament Nru 207/2009] tat-trade marks Komunitarji kollha li fihom il-kelma “Vektor”.

20      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-argumenti li hija żviluppat, kemm insostenn tal-applikazzjoni tagħha għal trade mark u kemm waqt il-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, huma sostnuti kompletament u jagħmlu wkoll parti integrali ta’ dan ir-rikors.

21      Il-UASI jikkontesta l-argumenti kollha tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

22      Skont l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, ma jistgħux jiġu rreġistrati trade marks li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħra ta’ dawn il-prodotti jew servizzi. Barra minn hekk, l-Artikolu 7(2) tal-istess regolament jistabbilixxi li l-Artikolu 7(1) huwa applikabbli anki meta r-raġunijiet għal rifjut jeżistu biss f’parti waħda tal-Komunità.

23      Fil-fatt, is-sinjali jew l-indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ, sabiex jindikaw il-karatteristiċi tal-prodotti jew servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni huma, skont ir-Regolament Nru 40/94, meqjusa bħala inadegwati, minħabba n-natura tagħhom stess, sabiex jissodisfaw il-funzjoni ta’ indikatur ta’ oriġini mwettqa mit-trade mark, bla ħsara għall-possibbiltà li jinkiseb karattru distintiv permezz tal-użu prevista mill-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009] (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Ottubru 2003, UASI vs Wrigley, C-191/01 P, Ġabra p. I-12447, punt 30).

24      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 għandu għan ta’ interess ġenerali, li jirrikjedi li s-sinjali jew indikazzjonijiet li jiddeskrivu l-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi li fir-rigward tagħhom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandhom ikunu jistgħu jintużaw liberament minn kulħadd [sentenza UASI vs Wrigley, iċċitata fil-punt 23 iktar ’il fuq, punt 31, u sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Ġunju 2005, Münchener Rückversicherungs-Gesellschaft vs UASI (MunichFinancialServices), T-316/03, Ġabra p. II-1951, punt 25].

25      Sabiex ikun iġġustifikat rifjut ta’ reġistrazzjoni abbażi tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, ma huwiex neċessarju li s-sinjali u l-indikazzjonijiet li jiffurmaw it-trade mark inkwistjoni jkunu effettivament użati, fil-mument tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, sabiex jiġu deskritti prodotti u servizzi bħal dawk li fir-rigward tagħhom ġiet ippreżentata l-applikazzjoni jew sabiex jiġu deskritti l-karatteristiċi ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi. Huwa biżżejjed, kif jindika l-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni, li dawn is-sinjali jew indikazzjonijiet ikunu jistgħu jintużaw għal dawn il-finijiet. B’hekk, ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal verbali għandha tiġi rrifjutata jekk għall-inqas waħda mit-tifsiriet tiegħu tindika karatteristika tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati (sentenza UASI vs Wrigley, iċċitata fil-punt 23 iktar ’il fuq, punt 32).

26      B’hekk, l-UASI għandu, skont l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, jevalwa jekk trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni tikkostitwixxix, fl-oqsma kkonċernati, deskrizzjoni tal-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati jew jekk ikunx raġjonevoli li jiġi previst li dan ser ikun il-każ fil-futur. Jekk, fit-tmiem ta’ dan l-eżami, il-Bord tal-Appell jasal għall-konklużjoni li dan huwa l-każ, huwa għandu jirrifjuta, fuq il-bażi tal-imsemmija dispożizzjoni, li jipproċedi għar-reġistrazzjoni tat-trade mark (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Frar 2004, Koninklijke KPN Nederland, C-363/99, Ġabra p. I-1619, punt 56).

–       Fir-rigward tal-offerti ta’ provi ppreżentati mir-rikorrenti

27      Insostenn tal-argumenti tagħha intiżi sabiex tikkontesta l-konoxxenza mill-pubbliku rilevanti tas-sens miżmum mill-Bord tal-Appell fir-rigward tal-kelma Ġermaniża “Vektor”, minn naħa, u tal-kliem “Vektor-Lycopin” min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tipproponi li tippreżenta diversi stħarriġ ta’ opinjoni lill-Qorti Ġenerali.

28      Għandu jiġi mfakkar li l-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jeżistu fid-data li fiha l-att ġie adottat. Għaldaqstant, il-legalità ta’ deċiżjoni tal-Bord tal-Appell ma tistax tiġi kkontestata billi jitressqu fatti ġodda quddiem il-Qorti Ġenerali sakemm ma jintweriex li l-Bord tal-Appell kien imissu kkunsidra ex officio dawk il-fatti matul il-proċedura amministrattiva qabel adotta kwalunkwe deċiżjoni f’dan ir-rigward. Fil-fatt, skont l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009], l-UASI jista’ ma jikkunsidrax fatti li l-partijiet ma jkunux invokaw jew provi li ma jkunux ipproduċew fit-terminu previst. Konsegwentement, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, il-punti ta’ fatt li l-UASI ma kellux possibbiltà jieħu konoxxenza tagħhom waqt il-proċedura amministrattiva [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Novembru 2003, HERON Robotunits vs UASI (ROBOTUNITS), T-222/02, Ġabra p. II-4995, punti 50 u 51, u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Fil-kawża preżenti, għandu jiġi kkonstatat li l-istħarriġ ta’ opinjoni li r-rikorrenti pproponiet li tipprovdi lill-Qorti Ġenerali ma ġiex ippreżentat la lill-eżaminatur u lanqas lill-Bord tal-Appell waqt il-proċedura amministrattiva. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma ssostnix li dan l-istħarriġ ta’ opinjoni kien disponibbli fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, anki jekk jitqies li r-riżultat ta’ tali stħarriġ kien disponibbli f’dik id-data, dan ir-riżultat ma jikkostitwixxix fatti magħrufa li jista’ jkollhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ex officio mill-UASI, jiġifieri fatti li jistgħu jkunu magħrufa minn kulħadd jew li, minn tal-inqas, jistgħu jkunu magħrufa permezz ta’ sorsi ġeneralment aċċessibbli [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Ġunju 2004, Ruiz-Picasso et vs UASI – DaimlerChrysler (PICARO), T-185/02, Ġabra p. II-1739, punt 29, u tal-20 ta’ April 2005, Atomic Austria vs UASI – Fabricas Agrupadas de Muñecas de Onil (ATOMIC BLITZ), T-318/03, Ġabra p. II-1319, punt 35]. Minn dan isegwi li, ikun xi jkun il-valur probatorju tagħhom, ir-rikorrenti ma tistax tipprova tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi ta’ provi li hija tipproponi li tippreżenta għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali.

30      Konsegwentement, l-offerti ta’ provi ppreżentati mir-rikorrenti għandha tiġi miċħuda.

–       Fir-rigward tar-riferiment magħmul mir-rikorrenti għall-argumenti żviluppati fl-applikazzjoni għat-trade mark u waqt il-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell

31      Fir-rikors, ir-rikorrenti tindika li l-argumenti li hija żviluppat meta ppreżentat l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tagħha u waqt il-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell huma sostnuti kompletament u jagħmlu wkoll parti integrali ta’ dan ir-rikors.

32      Skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u skont l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, applikabbli għall-qasam tal-proprjetà intellettwali skont l-Artikolu 130(1) u l-Artikolu 132(1) ta’ dawn ir-regoli, ir-rikors promotur għandu jinkludi sunt tal-motivi invokati.

33       Din l-indikazzjoni għandha tirriżulta mit-test stess tar-rikors u għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ mingħajr informazzjoni addizzjonali oħra (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punti 94 u 100, u tat-18 ta’ Lulju 2006, Rossi vs UASI, C-214/05 P, Ġabra p. I-7057, punt 37).

34      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, għalkemm it-test tar-rikors jista’ jiġi sostnut b’riferimenti għal siltiet partikolari minn dokumenti li jkunu annessi miegħu, riferiment globali għal dokumenti oħra ma jistax jikkumpensa għan-nuqqas tal-elementi essenzjali fir-rikors [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Marzu 2005, Sergio Rossi vs UASI – Sissi Rossi (SISSI ROSSI), T-169/03, Ġabra p. II-685, punt 30, u l-ġurisprudenza ċċitata].

35      Minn dan isegwi li r-rikors, sa fejn jirriferi għad-dokumenti ppreżentati mir-rikorrenti quddiem l-UASI, huwa inammissibbli sa fejn ir-riferiment globali magħmul fir-rikors ma jistax jintrabat mal-motivi u mal-argumenti żviluppati fir-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SISSI ROSSI, iċċitata fil-punt 34 iktar ’il fuq, punt 31).

–       Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-pubbliku rilevanti

36      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-pubbliku rilevanti jinkludi l-produtturi u l-konsumaturi kollha tal-prodotti farmaċewtiċi, veterinarji u djetetiċi, tal-ikel tat-trabi u tal-prodotti tal-ikel l-oħra msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq, jiġifieri kemm ċerti professjonisti u kemm il-pubbliki ġenerali. Din id-definizzjoni, li ma ġietx ikkontestata la mir-rikorrenti u lanqas mill-UASI, għandha tiġi approvata.

37      Għaldaqstant, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk, permezz tal-argumenti li hija tinvoka, ir-rikorrenti rnexxilhiex tistabbilixxi li s-sinjal Vektor-Lycopin ma jikkostitwixxix, għall-pubbliku rilevanti ddefinit fil-punt 36 iktar ’il fuq, deskrizzjoni tal-karatteristiċi tal-prodotti kkonċernati u li ma huwiex raġjonevoli li jitqies li dan jista’ jseħħ fil-futur (ara l-punti 25 u 26 iktar ’il fuq).

–       Fir-rigward tal-kontestazzjoni mir-rikorrenti tal-karattru deskrittiv tal-kelma “lycopin”

38      Fil-punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell irrileva li r-rikorrenti ma ppreżentat ebda prova ta’ natura li ddgħajjef l-osservazzjonijiet tal-eżaminatur li jipprovdu li l-element “lycopin” (lycopene) jiddeskrivi karotenojdi b’karatteristiċi kontra l-ossidazzjoni.

39      Għall-ewwel darba waqt is-seduta, ir-rikorrenti kkontestat l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li tipprovdi li l-kelma “lycopin” għandha karattru deskrittiv. Mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi eżaminata l-possibbiltà li jiġi ppreżentat tali argument f’din il-fażi tal-proċedura, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma sostniet l-argumenti tagħha b’ebda preċiżjoni. B’mod partikolari, ir-rikorrenti ma ppreżentat ebda argument ta’ natura li jdaħħal inkwistjoni s-sens tal-kelma “lycopin” miżmum mill-Bord tal-Appell. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma rnexxilhiex iddaħħal inkwistjoni s-sens attribwit lill-element “lycopin” mill-eżaminatur u mill-Bord tal-Appell.

40      Issa, l-ewwel nett, din il-kelma teknika tiddeskrivi suppliment tal-ikel neċessarjament magħruf minn parti tal-pubbliku rilevanti, b’mod partikolari mill-professjonisti tal-preparazzjonijiet tal-prodotti djetetiċi, farmaċewtiċi u veterinarji.

41      It-tieni nett, il-Bord tal-Appell wera, fid-deċiżjoni kkontestata, li s-sens tal-kelma “lycopin” huwa faċilment aċċessibbli għall-konsumaturi tal-prodotti kollha koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Is-sens tal-kelma “lycopin” jidher, fil-fatt, fid-dizzjunarji u fis-siti tal-internet. B’hekk, huwa probabbli li s-sustanza identifikata minn din il-kelma hija magħrufa wkoll minn parti mill-konsumaturi tal-prodotti kollha msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

42      It-tielet nett, il-konsumaturi tal-prodotti farmeċewtiċi, veterinarji, djetetiċi u sanitarji għal użu mediku li ma jafux is-sens tal-kelma “lycopin” ikollhom ħafna drabi t-tendenza li jieħdu parir mill-parti tal-pubbliku rilevanti li tkun taf dan is-sens, jiġifieri mingħand tobba, spiżjara, djetetiċi u bejjiegħa oħra tal-prodotti inkwistjoni. B’hekk, permezz tal-pariri li jirċievu mingħand min jagħti r-riċetti jew permezz tal-informazzjoni mxerrda permezz ta’ medja differenti, il-konoxxenza tas-sens tal-kelma “lycopin” tista’ titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-parti tal-pubbliku rilevanti li hija l-inqas informata tajjeb.

43      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-pubbliku rilevanti għandu konoxxenza tas-sens tal-kelma “lycopin” jew li, tal-inqas, huwa raġjonveoli li jitqies li l-pubbliku rilevanti jista’ jakkwista din il-konoxxenza fil-futur (ara l-punti 25 u 26 iktar ’il fuq).

44      Għandu jiġi mfakkar ukoll li, fir-rigward tat-totalità tal-prodotti koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, b’ebda mod mhuwa eskluż li l-lycopene jkun jista’ jiġi inkorporat fil-preparazzjoni tagħhom. Issa, peress li r-rikorrenti ma llimitatx l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tagħha għal prodotti li ma fihomx il-lycopene jew li ma jistax ikun fihom din is-sustanza, għandu jiġi kkonstatat li teżisti, jew li huwa raġjonevoli li jitqies li tista’ teżisti fil-futur, rabta suffiċjentement diretta u konkreta, fl-għajnejn tal-pubbliku rilevanti, bejn l-element “lycopin” u l-kompożizzjoni tal-prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Novembru 2007, Tegometall International vs UASI – Wuppermann (TEK), T-458/05, Ġabra p. II-4721, punt 94, u l-ġurisprudenza ċċitata].

45      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta kkunsidra li l-element “lycopin” li jikkostitwixxi t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandu karattru deskrittiv fir-rigward tal-prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

–       Fir-rigward tal-argument mqajjem mir-rikorrenti dwar il-poliżemija tal-element “Vektor”

46      Fil-punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li rrifera għal estratt ta’ dizzjunarju li l-UASI pproduċa anness mar-risposta tiegħu, il-Bord tal-Appell indika li, fil-qasam ġenetiku, tal-bijoloġija, tal-mediċina u tal-ħarsien tal-pjanti, l-element “vektor” (vektor) għandu s-sens ta’ aġent li jittrażmetti l-molekuli, sustanzi, jew mard.

47      Mingħajr ma tikkontesta s-sens miżmum mill-Bord tal-Appell, ir-rikorrenti ssostni li, fil-qasam tal-matematika u tal-fiżika, il-kelma Ġermaniża “Vektor” għandha tifsiriet oħra.

48      Issa, huwa suffiċjenti li s-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jkollu karattru deskrittiv f’mill-inqas waħda mit-tifsiriet tiegħu sabiex ma jkunx possibbli li jiġi rreġistrat is-sinjal inkwistjoni. Fil-fatt, ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal verbali għandha tiġi rrifjutata skont l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 jekk, f’mill-inqas waħda mit-tifsiriet potenzjali tiegħu, huwa jindika karatteristika tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati (sentenza UASI vs Wrigley, iċċitata fil-punt 23 iktar ’il fuq, punt 32).

49      Għandu jiġi kkonstatat li, fis-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, l-element “vektor” huwa magħqud mal-element “lycopin”, li, kif stabbilixxa ġustament il-Bord tal-Appell, jindika sustanza li tista’ tiddaħħal fil-kompożizzjoni tal-prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq (ara l-punt 44 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, mifhum fis-sens miżmum mill-Bord tal-Appell, l-element “vektor” jevoka, f’moħħ il-pubbliku rilevanti, karatteristika tal-prodotti koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni li tikkonsisti fil-kapaċità li tixxerred sustanza jew prinċipju attiv li jista’ jidħol fil-kompożizzjoni ta’ dawn tal-aħħar.

50      Minn dan isegwi li, fis-sens miżmum mill-Bord tal-Appell, il-kelma Ġermaniża “Vektor” għandha karattru deskrittiv fil-konfront tal-prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax effettivament issostni li l-istess kelma jista’ jkollha tifsiriet oħra f’ċerti oqsma speċjalizzati, bħal dawk tal-matematika jew tal-fiżika.

–       Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li s-sinjal Vektor-Lycopin jipproduċi impressjoni suffiċjentement differenti minn dik prodotta mis-somma tal-elementi individwali li jikkomponuh

51      Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li l-element “vektor” u l-element “lycopin” għandhom it-tnejn li huma karattru deskrittiv fil-konfront tal-prodotti koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni (ara l-punti 45 u 50 iktar ’il fuq).

52      Madankollu, ir-rikorrenti ssostni li, fis-sinjal Vektor-Lycopin, it-tagħqid tat-termini “vektor” u “lycopin” ma huwiex normali jew magħruf, peress li dan is-sinjal la jinsab fid-dizzjunarji, la fil-lingwa orali u lanqas fil-lingwa miktuba. Skont ir-rikorrenti, is-sinjal Vektor-Lycopin joħloq b’hekk impressjoni suffiċjentement differenti minn dik prodotta mit-tifsira tal-kliem li jikkomponuh, b’tali mod li dan is-sinjal, ikkunsidrat fit-totalità tiegħu, huwa ikbar mis-somma tal-elementi individwali li jikkomponuh.

53      Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li t-tqegħid ħdejn xulxin ta’ żewġ kelmiet deskrittivi jista’ ma jkunx deskrittiv jekk, minħabba n-natura mhux komuni tat-tagħqid, is-sinjal inkwistjoni joħloq impressjoni suffiċjentement differenti minn dik prodotti mit-tifsira tal-kliem li jikkomponuh, b’tali mod li dan is-sinjal, ikkunsidrat fit-totalità tiegħu, ikun ikbar mis-somma tal-elementi individwali li jikkomponuh. F’dan ir-rigward, l-analiżi tal-kelma inkwistjoni fid-dawl tar-regoli lessikali u grammatikali adegwati hija, b’mod partikolari, rilevanti [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Ġunju 2007, Europig vs UASI (EUROPIG), T-207/06, Ġabra p. II-1961, punt 29, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza Koninklijke KPN Nederland, iċċitata fil-punt 26 iktar ’il fuq, punti 98 u 100].

54      Fis-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni f’din il-kawża, iż-żewġ kelmiet “vektor” u “lycopin” jingħaqdu permezz ta’ ħajfin. Dan il-mod ta’ tagħqid ta’ kliem huwa, kif indika l-Bord tal-Appell mingħajr ma ġie kontradett mir-rikorrenti, komuni kemm fil-Ġermaniż u kemm fl-Ingliż.

55      Barra minn hekk, mill-bqija huwa irrilevanti, għall-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv ta’ sinjal, jekk dan jinsabx jew le fid-dizzjunarji [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2007, Borco-Marken-Import Matthiesen vs UASI (Caipi), T-405/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata].

56      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, fl-għajnejn tal-pubbliku rilevanti, it-tagħqida Vektor-Lycopin, assoċjata mal-prodotti tal-ikel, djetetiċi, sanitarji, veterinarji u farmaċewtiċi koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, tevoka l-karatteristika ta’ dawn il-prodotti li jittrażmettu lycopene. Fil-fatt, il-pubbliku rilevanti, jekk isib quddiemu l-assoċjazzjoni tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni mal-prodotti koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, jitwassal sabiex jikkunsidra li l-prodotti inkwistjoni fihom il-lycopene u jippermettu lil dawk li jikkonsmawhom sabiex jassorbu din is-sustanza.

57      Konsegwentement, u mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni kontroversjali ta’ jekk il-pubbliku rilevanti huwiex kapaċi li jifhem li s-sinjal Vektor-Lycopin jindika suppliment tal-ikel ibbażat fuq estratti mit-tadam u mil-likorizja prodott mir-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li t-tagħqid tal-kliem “vektor” u “lycopin” bħal dak fis-sinjal Vektor-Lycopin jikkostitwixxi, fil-moħħ tal-pubbliku rilevanti, indikazzjoni tal-karatteristiċi tal-prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

58      Għaldaqstant, huwa ġustament li l-Bord tal-Appell ikkunsidra li t-trade mark Vektor-Lycopin hija komposta esklużivament minn kliem li jistgħu jintużaw, fil-kummerċ sabiex jindikaw karatteristiċi tal-prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq u li r-reġistrazzjoni tagħha għandha tiġi rrifjutata skont l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94.

–       Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti dwar ir-reġistrazzjoni ta’ trade marks li fihom il-kliem “vektor” jew “vector”

59      Mingħajr ma tressaq l-inqas prova insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha, ir-rikorrenti għandha l-intenzjoni tqajjem argument dwar ir-reġistrazzjoni ta’ diversi trade marks Komunitarji, nazzjonali jew internazzjonali li fihom il-kelma “vektor”. Waqt is-seduta, ir-rikorrenti invokat ukoll ir-reġistrazzjoni bħala trade mark Komunitarja tas-sinjal Vector-Lycopin.

60      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-karattru reġistrabbli ta’ trade mark Komunitarju għandu jiġi evalwat biss fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti, kif interpretata mill-qorti tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-fatt li, anki fis-sistemi legali li għandhom regoli analogi, ġew irreġistrati trade marks identiċi jew paragunabbli għal dik li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jista’, l-iktar l-iktar, jitqies bħala informazzjoni, iżda ma jistax ikollu karattru imperattiv għall-UASI jew għall-qorti tal-Unjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-31 ta’ Jannar 2001, Sunrider vs UASI (VITALITE), T-24/00, Ġabra p. II-449, punt 33, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-3 ta’ Diċembru 2003, Audi vs UASI (TDI), T-16/02, Ġabra p. II-5167, punt 40, u l-ġurisprudenza ċċitata].

61      Għaldaqstant, u anki jekk jitqies li huwa korrett, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-eżistenza ta’ reġistrazzjonijiet Komunitarji, nazzjonali u internazzjonali ta’ trade marks li fihom il-kelma “vektor” u tat-trade mark Vector-Lycopin huwa ineffettiv u jista’ biss jiġi miċħud.

62      Barra minn hekk, il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tista’ tiġi evalwata biss fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni rilevanti u mhux fuq il-bażi tal-prassi deċiżjonali tagħhom [sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Frar 2002, Streamserve vs UASI (STREAMSERVE), T-106/00, Ġabra p. II-723, punt 66].

63      Għaldaqstant, f’kull każ, ir-rikorrenti ma għandha ebda bażi sabiex tistenna li l-konfermazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tad-deċiżjoni adottata f’dan il-każ mill-Bord tal-Appell fir-rigward tar-reġistrazzjoni tat-trade mark Vektor-Lycopin għandha twassal għat-tħassir tal-allegati trade marks Komunitarji preċedenti.

64      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal qabel, għandu jiġi kkunsidrat li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta kkonferma r-rifjut tar-reġistrazzjoni oppost mill-eżaminatur skont l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94

65      Mill-kliem tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li huwa suffiċjenti li tkun applikabbli waħda mir-raġunijiet assoluti għal rifjut f’din id-dispożizzjoni sabiex is-sinjal inkwistjoni ma jkunx jista’ jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Settembru 2002, DKV vs UASI, C-104/00 P, Ġabra p. I-7561, punt 29).

66      Għalhekk, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

 Fuq l-ispejjeż

67      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Exalation Ltd hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.