Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Lulju 2021 –Assaad vs Il-Kunsill

(Kawża T-426/21)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Nizar Assaad (Bejrut, il-Libanu) (rappreżentanti: M. Lester, Barrister, G. Martin u C. Enderby Smith, Solicitors)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/751 tas-6 ta’ Mejju 2021 1 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/743 tas-6 ta’ Mejju 2021 2 , li jemendaw entrata 36 għall-Anness I tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK u entrata 36 għall-Anness II għar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012 tat-18 ta’ Jannar 2012 (iktar ’il quddiem “il-miżuri kkontestati”), sa fejn dawn japplikaw għar-rikorrent.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jallega li l-Kunsill ripetutament qal mill-2011 li r-rikorrent ma huwiex il-persuna elenkata fl-entrata 36 tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni Ewropea fuq is-Sirja. Permezz tal-miżuri kkontestati, il-Kunsill fittex li jreġġa’ lura din il-pożizzjoni, u issa, mingħajr ebda ġustifikazzjoni jew bażi fattwali jew legali, jgħid li r-rikorrent fil-fatt ilu elenkat mill-2011. Il-bażijiet għal annullament tar-rikorrent jikkontestaw it-tibdil tal-Kunsill fil-miżuri kkontestati bħala li huma bbażati fuq diversi żbalji ta’ evalwazzjoni; retroattivi b’mod illegali u inimiċi għall-prinċipju ta’ ċertezza legali; abbuż u użu ħażin ta-setgħat tal-Kunsill; u kuntrarji għall-prinċipju ta’ res judicata.

____________

1 ĠU 2021, L 160, p. 115

2 ĠU 2021, L 160, p. 1