Language of document :

Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Lulju 2021 – HB vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-408/21)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: HB (rappreżentanti: L. Levi u M. Vandenbussche, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara dan ir-rikors ammissibbli u fondat;

konsegwentement,

tannulla d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Mejju 2021, innotifikati fl-10 ta’ Mejju 2021, dwar l-irkupru ta’, rispettivament (i) EUR 4 241 507 (kuntratt TACIS/2006/101-510) (ammont prinċipali) jew ta’ EUR 4 674 256.92 (ammont prinċipali miżjud bl-interessi moratorji sat-30 ta’ April 2021) u ta’ (ii) EUR 1 197 055.86 (kuntratt CARDS/2008/166-429) (ammont prinċipali) jew ta’ EUR 1 298 608.85 (ammont prinċipali miżjud bl-interessi moratorji sat-30 ta’ April 2021) li minnhom għandhom jitnaqqsu EUR 399 825;

tordna r-rimbors tal-ammonti kollha eventwalment irkuprati mill-Kummissjoni abbażi ta’ din id-deċiżjoni, miżjuda bl-interessi moratorji bir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew, miżjuda b’7 punti;

tordna l-ħlas ta’ euro simboliku bħala danni, suġġett għal żieda;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjonijiet ikkontestati, fuq l-assenza ta’ bażi legali u fuq ksur tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi. Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni ma kellhiex il-kompetenza li tadotta d-deċiżjonijiet ikkontestati, li jikkostitwixxu titolu eżekuttiv għall-finijiet tal-irkupru tal-kreditu li hija tallega li għandha fil-konfront tagħha, fl-assenza ta’ klawżola ta’ arbitraġġ fil-kuntratt bejniethom li tagħti ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Unjoni għat-tilwim bejniethom fil-qasam kuntrattwali.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tar-Regolament Finanzjarju sa fejn il-Kummissjoni ma għandha l-ebda kreditu fil-konfront tar-rikorrenti u, f’kull każ, l-ebda kreditu li huwa ċert.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-formalitajiet essenzjali, tad-dmir ta’ diliġenza u tal-prinċipju ta’ imparzjalità stabbiliti mill-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ssemmi, sabiex tiġġustifika l-ftuħ tal-proċedura ta’ rkupru, li hija ma tatx segwitu għan-nota ta’ debitu, għall-ittra ta’ tfakkir u għall-ittra ta’ intimazzjoni. B’dan il-mod, il-konvenuta naqset, minn naħa, li tispeċifika li r-rikorrenti kkontestathom u, min-naħa l-oħra, li ssemmi li l-qorti Belġjana ddikjarat li għandha ġurisdizzjoni sabiex tisma’ l-azzjoni mressqa quddiemha fir-rigward taż-żewġ kuntratti. Ir-rikorrenti żżid li l-konvenuta kisret ukoll l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni għaliex ma spjegatx ir-raġunijiet li wassluha, f’dan il-każ, sabiex tiddeċiedi kif għamlet. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni ma eżaminatx bir-reqqa u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-każ.

____________