Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Lulju 2021 – Credit Suisse Group and Credit Suisse Securities (Europe) vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża T-406/21)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Credit Suisse Group AG (Zurich, l-Isvizzera), Credit Suisse Securities (Europe) Ltd (Londra, Ir-Renju Unit) (rappreżentanti: R. Wesseling u F. ten Have, lawyers)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2021) 2871 tat-28 ta’ April 2021 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (Każ AT.40346 - SSA Bonds) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”); sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 1(d) tad-deċiżjoni kkontestata; sussidjarjament, tannulla parzjalment l-Artikolu 1(d) tad-deċiżjoni kkontestata, safejn din tal-aħħar tipprevedi li l-Price Discovery Communications (il-Komunikazzjonijiet irrelatati mad-Determinazzjoni tal-Prezzijiet) jirrestrinġu l-kompetizzjoni skont l-għan u/jew li r-rikorrenti pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu għall-perijodu kollu indikat f'dan l-artikolu;

tannulla l-Artikolu 2(d) tad-deċiżjoni kkontestata; sussidjarjament, tannulla parzjalment l-Artikolu 2(d) tad-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż jew, sussidjarjament, għal parti xierqa mill-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 101 TFUE u ma pprovdietx raġunijiet suffiċjenti għall-konstatazzjoni li r-rikorrenti kienu adottaw aġir li l-għan tiegħu kien li jirrestrinġi u/jew ifixkel il-kompetizzjoni. B’mod partikolari,

il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 101 TFUE billi ma ħaditx biżżejjed inkunsiderazzjoni l-kuntest ġuridiku u ekonomiku rilevanti u li ma ssodisfatx l-oneru tal-prova li għandha fuqha fir-rigward tal-fatt li l-aġir inkwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata jirrestrinġi l-kompetizzjoni minħabba l-għan;

sussidjarjament, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 101 TFUE fis-sens li kkonkludiet li l-Price Discovery Communications (il-Komunikazzjonijiet irrelatati mad-Determinazzjoni tal-Prezzijiet) jirrestrinġu l-kompetizzjoni minħabba l-għan;

fir-rigward tal-Komunikazzjonijiet Discovery tal-Prezzijiet, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi billi ssostitwiet l-evalwazzjoni tan-natura restrittiva tal-kompetizzjoni bis-suġġett tal-evalwazzjoni ta’ jekk l-aġir jaqax barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-“Artikolu 101 TFUE bħala restrizzjoni anċillari.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 101 TFUE billi applikat ħażin il-kunċett ta' ksur uniku u kontinwu. B’mod partikolari,

il-Kummissjoni ma tistabbilixxix u tiġġustifika biżżejjed il-fatt li l-komunikazzjonijiet frekwenti fil-qafas tal-fora ta’ diskussjoni permanenti, prattika li waqfet fi Frar 2013, u l-komunikazzjonijiet bilaterali sporadiċi li seħħew minn Frar 2013, kellhom pjan ġenerali għal għan komuni;

il-Kummissjoni ma tistabbilixxix u ma tiġġustifikax biżżejjed il-fatt li r-rikorrenti kienu jafu, jew kellhom ikunu jafu, bil-komunikazzjonijiet bilaterali ta’ operaturi oħra, jew setgħu raġonevolment jippreveduhom;

id-deċiżjoni kkontestata ma tistabbilixxix u ma timmotiva biżżejjed il-fatt li l-allegat ksur kien kontinwu;

id-deċiżjoni kkontestata ma tippruvax l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu għat-tul kollu tal-perijodu msemmi fl-Artikolu 1(d) tad-deċiżjoni kkontestata.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-metodu tal-Kummissjoni għall-kalkolu tal-multa jikser l-Artikolu 23 tar-Regolament 1/2003 1 , il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi 2 u l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati tagħha. B’mod partikolari,

il-Kummissjoni ma ressqitx raġunijiet suffiċjenti biex tippermetti lir-rikorrenti jevalwaw jekk il-metodu tal-kalkolu tal-multa hux korrett;

il-Kummissjoni tadotta approssimazzjoni tal-valur tal-bejgħ li jissopravaluta b'mod sinjifikattiv l-valur tal-bejgħ tar-rikorrenti u għalhekk l-portata ekonomika tal-allegat ksur, li titbiegħed mill-kunċett ta’ “valur tal-bejgħ” imsemmi fil-linji gwida għall-kalkolu tal-multi;

il-multa imposta fuq ir-rikorrenti tissopravaluta b’mod sinjifikattiv il-gravità tal-allegat ksur;

il-multa imposta fuq ir-rikorrenti tinkludi perijodu li matulu ma pparteċipawx fl-allegat ksur.

____________

1     Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

2     Il-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi imposti bl-Applikazzjoni tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi”)