Language of document :

Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Lulju 2021 – PB vs Il-Kummisjoni

(Kawża T-407/21)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: PB (rappreżentanti: L. Levi u M. Vandenbussche, avukati)

Konvenut: Il-Kummisjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara dan ir-rikors ammissibbli u fondat;

konsegwentement,

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Mejju 2021, innotifikata fl-10 ta’ Mejju 2021, dwar l-irkupru ta’ rispettivament (i) EUR 4 241 507 (kuntratt TACIS/2006/101-510) (l-ammont prinċipali) jew ta’ EUR 4 674 256.92 (l-ammont prinċipali miżjud b’interessi moratorji fit-30 ta’ April 2021) u ta’ (ii) EUR 1 197 055.86 (kuntratt CARDS/2008/166-429) (l-ammont prinċipali) jew ta’ EUR 1 298 608.85 (l-ammont prinċipali miżjud b’interessi moratorji fit-30 ta’ April 2021) li minnhom għandhom jitnaqqsu EUR 399 825 ;

tordna r-rimbors tal-ammonti kollha rkuprati mill-Kummissjoni abbażi ta’ din id-deċiżjoni, miżjuda b’interessi moratorji bir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew, b’żieda ta’ 7 punti;

tordna l-ħlas ta’ EUR 10 000 bħala danni, bla ħsara għal żieda;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tar-Regolament Finanzjarju sa fejn il-Kummissjoni ma għandha ebda pretensjoni fir-rigward tar-rikorrent, jew fi kwalunkwe każ, ebda pretensjoni ċerta.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-formalitajiet essenzjali, tad-dritt ta’ premura u tal-prinċipju ta’ imparzjalità stabbiliti fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Ir-rikorrent iqis li, sabiex tiġġustifika l-proċedura ta’ rkupru, id-deċiżjoni kkontestata ssostni li ma kienx hemm segwitu għan-nota ta’ debitu, għall-ittra ta’ tfakkira u għall-ittra ta’ intimazzjoni. B’dan il-mod, il-konvenuta naqset, minn naħa, milli tippreċiża li r-rikorrent ikkontestahom u, min-naħa l-oħra, li l-qorti Belġjana ddikjarat lilha nnifisha kompetenti sabiex jieħu konjizzjoni tal-azzjoni li tressqet quddiemha minn HB abbażi taż-żewġ kuntratti. Ir-rikorrent isostni wkoll li l-konvenuta naqset ukoll mill-obbligu ta’ motivazzjoni peress li ma spjegatx il-motivi li wasslu sabiex tiddeċiedi kif għamlet f’dan il-każ. Fl-aħħar nett, ir-rikorrent iqis li l-Kummissjoni ma setgħetx teżamina b’reqqa u b’imparzjalità l-provi kollha tal-każ inkwistjoni.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni li tadotta deċiżjonijiet fuq livell eżekuttiv, in-nuqqas ta’ bażi ġuridika u żball manifest ta’ evalwazzjoni. Ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni ma kellhiex kompetenza li tadotta ż-żewġ deċiżjonijiet li jifformaw titolu eżekuttiv għall-finijiet tal-irkupru tal-ammont allegatament dovut lilha mingħand l-operatur ekonomiku, li r-rikorrent huwa d-direttur tiegħu, u li l-Kummissjoni ssostni huwa responsabbli in solidum, fin-nuqqas ta’ klawżola ta’ arbitraġġ fil-kuntratt li tagħti ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Unjoni għall-kawżi kuntrattwali bejniethom. Ir-rikorrent iqis li jekk il-Kummissjoni ma għandhiex kompetenza sabiex tadotta ż-żewġ deċiżjonijiet kontra l-operatur, hija lanqas ma għandha kompetenza sabiex tagħmel dan kontra r-rikorrent peress li l-azzjoni tagħha hija ta’ natura kuntrattwali.

____________