Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad-19 ta’ Settembru 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesgerichtshof – il-Ġermanja) – Gesamtverband Autoteile-Handel e.V. vs KIA Motors Corporation

(Kawża C-527/18) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Vetturi bil-mutur – Regolament (KE) Nru 715/2007 – L-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) – Informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi – Obbligi tal-manifattur fir-rigward tal-operaturi indipendenti – Aċċess mingħajr restrizzjonijiet u f’format standardizzat għal din l-informazzjoni – Modalitajiet – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Gesamtverband Autoteile-Handel e.V.

Konvenuta: KIA Motors Corporation

Dispożittiv

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma timponix lill-manifatturi tal-vetturi bil-mutur jipprovdu lill-operaturi indipendenti aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi f’format li jista’ jiġi pproċessat elettronikament.

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 715/2007 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-fatt, għal manifattur tal-vetturi bil-mutur, li jiftaħ, favur konċessjonarji u mekkaniks awtorizzati, kanal ta’ informazzjoni ieħor għall-bejgħ ta’ partijiet ta’ bdil oriġinali minn konċessjonarji u mekkaniks awtorizzati billi jirrikorri għal fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni ma jikkostitwixxix aċċess tal-operaturi indipendenti li huwa diskriminatorju meta mqabbel ma’ dak li jibbenefikaw minnu l-konċessjonarji u l-mekkaniks uffiċjali, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li l-operaturi indipendenti għandhom barra minn hekk aċċess nondiskriminatorju għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi fir-rigward tal-kontenut ipprovdut u tal-aċċess mogħti lill-konċessjonarji u lill-mekkaniks awtorizzati.

____________

1     ĠU C 445, 10.12.2018.