Language of document : ECLI:EU:T:2011:391

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

15 ta’ Lulju 2011(*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali GOOD LIFE – Trade mark nazzjonali verbali preċedenti GOOD LIFE – Użu ġenwin mit-trade mark preċedenti – Obbligu ta’ diliġenza – Artikolu 74(1) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 76(1) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”

Fil-Kawża T‑108/08,

Zino Davidoff SA, stabbilita fi Fribourg (l-Isvizzera), irrappreżentata minn H. Kunz-Hallstein u R. Kunz-Hallstein, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn R. Pethke u J. Laporta Insa, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

I. Kleinakis kai SIA OE, stabbilita f’Ateni (il-Greċja), irrappreżentata minn K. Siotou, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tat-30 ta’ Novembru 2007 (Każ R 298/2007‑2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn I. Kleinakis kai SIA OE u Zino Davidoff SA,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn J. Azizi (Relatur), President tal-Awla, E. Cremona u S. Frimodt Nielsen, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Frar 2008,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Ġunju 2008,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Mejju 2008,

wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Novembru 2008,

wara li rat il-kontroreplika tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Jannar 2009,

wara s-seduta tat-2 ta’ Marzu 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-14 ta’ Ġunju 2000, ir-rikorrenti, Zino Davidoff SA, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), bis-saħħa tar-Regolament (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issotitwit bir-Regolament (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni huwa s-sinjal verbali GOOD LIFE.

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassi 3 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat.

4        L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil‑Bullettin tat‑Trade marks Komunitarji Nru 27/2001, tas-26 ta’ Marzu 2001.

5        Fil-15 ta’ Ġunju 2001, l-intervenjenti, I. Kleinakis kai SIA OE, ressqet oppożizzjoni skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009) kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni filwaqt li invokat probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009].

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade mark verbali Griega preċedenti GOOD LIFE, irreġistrata taħt in-numru 102-703 u tinkludi l-prodotti li jaqgħu taħt l-klassijiet 3 u 5, li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja “Fwieħa, kosmetiċi, jiġifieri prodotti li jfewħu u li jiffriskaw l-arja”.

7        Fit-3 ta’ Ġunju 2005, ir-rikorrenti talbet prova tal-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti fil-Greċja.

8        Fit-3 ta’ Ottubru 2005, bil-għan li tipprova l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti fil-Ġreċja, l-intervenjenti ssottomettiet id-dokumenti li ġejjin:

–        talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark preċedenti mressqa mir-rikorrenti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ użu tal-imsemmija trade mark kif ukoll fuq id-Deċiżjoni Nru 2910/2002, tat-8 ta’ April 2002, tal-Kumitat Amministrattiv tat-trade marks Griegi (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Griega”) li tirrifjuta din it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità;

–        għaxar irċevuti ta’ bejn s-17 ta’ Mejju 2000 u s-27 ta’ Settembru 2005;

–        17-il fotokopja li juru ġewwa u barra tal-ħwienet tal-bejgħ bl-imnut allegatament klijenti tal-intervenjenti;

–        ritratti skenjati ta’ tliet prodotti bit-trade mark GOOD LIFE.

9        Fl-20 ta’ Diċembru 2006, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni fl-intier tagħha. L-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti ma kienx ġie ppruvat. Id-dokumenti li fuqhom kienet bbażata d-deċiżjoni Griega la kienu speċifikati u lanqas prodotti. Barra minn hekk, żewġ dokumenti biss fost id-dokumenti li ġew prodotti bħala prova dwar l-użu ġenwin kienu jikkonċernaw il-perijodu ta’ referenza, u l-volum tal-bejgħ ma huwiex biżżejjed sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li hemm użu ġenwin tal-imsemmija trade mark.

10      Fis-16 ta’ Frar 2007, l-intervenjenti appellat quddiem l-UASI, skont l‑Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94 (li saru l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009), mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal‑Oppożizzjoni.

11      Permezz tad-deċiżjoni tat-30 ta’ Novembru 2007 (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI laqa’ l-appell, billi annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u billi bagħat lura l-każ quddiemha sabiex tissokta bl-evalwazzjoni tiegħu. Skont il-Bord tal-Appell, id-deċiżjoni Griega li kkonkludiet li hemm użu ġenwin tat-trade mark preċedenti fil-Greċja kienet “tabilħaqq rilevanti f’dan il-każ” (punti 19 u 20 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, żewġ irċevuti u fotokopja tar-ritratt tal-ħanut tal-bejgħ bl-imnut kellhom ikunu prodotti bħala sostenn tal-prova dwar l-użu ġenwin. L-irċevuti tas-17 ta’ Mejju 2000 u tat-8 ta’ Jannar 2001 juru, rispettivament, il-bejgħ ta’ 19 287 u 782 artikolu bit-trade mark preċedenti (punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata). Anki jekk il-provi ma humiex numerużi, dawn huma suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti fil-Greċja (punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata). Anki jekk ebda prova ma tkun biżżejjed fiha nfisha, sabiex jiġi ppruvat użu ġenwin tal-imsemmija trade mark, il-provi prodotti mill-intervenjenti fl-intier tagħhom, meta wieħed iqis b’mod partikolari r-rilevanza tad-deċiżjoni Griega, huma biżżejjed sabiex jiġi konkluż li t-trade mark preċedenti kienet is-suġġett ta’ użu ġenwin fis-sens tal-Artikolu 43(3) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 207/2009), għall-prodotti li kienet ġiet irreġistrata għalihom din it-trade mark (punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata).

 It-talbiet tal-partijiet

12      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI jew lill-intervenjenti għall-ispejjeż.

13      L-UASI jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara inammissibbli t-tieni u r-raba’ motivi;

–        tiċħad il-kumplament tar-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

14      L-intervenjenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

15      Ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi insostenn tar-rikors tagħha, jiġifieri, fl-ewwel lok, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-legalità bit-teħid inkunsiderazzjoni tad-deċiżjoni Griega, fit-tieni lok, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009) u konstatazzjoni fattwali żbaljata, fit-tielet lok, il-motiv ibbażat fuq ksur tar-Regola 22(2) u (3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2869/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jwettaq tibdiliet fl-applikazzjoni tar-Regolament Nru 40/94 (ĠU L 303, p. 1), fir-raba’ lok, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009) kif ukoll kostatazzjoni fattwali żbaljata u fil-ħames lok, il-motiv ibbażat fuq ksur tat-tieni sentenza tal-Artikolu 73(2) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 75(2) tar-Regolament Nru 207/2009).

16      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li kien sar użu ġenwin tat-trade mark preċedenti billi bbaża ruħu fuq id-deċiżjoni Griega kif ukoll fuq l-irċevuti tas-17 ta’ Mejju 2000 u tat-8 ta’ Jannar 2001.

17      Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kiser il-prinċipju tal-legalità, l-Artikolu 43(2) u l-Artikoli 73 u 74 tar-Regolament Nru 40/94 kif ukoll ir-Regola 22(2) u (3) tar-Regolament Nru 2868/95.

18      L-UASI u l-intervenjenti jsostnu li l-Bord tal-Appell ikkonkluda korrettament li kien sar użu ġenwin tat-trade mark preċedenti. L-evidenza pprovduta hija suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li kien sar użu ġenwin mit-trade mark preċedenti fil-Greċja matul il-perijodu inkwistjoni. L-irċevuta tas-17 ta’ Mejju 2000 kienet tkopri 19 287 artikolu u dik tat-8 ta’ Jannar 2001 kienet tkopri 782 artikolu. Madankollu, fil-kontroreplika, l-UASI jirrikonoxxi t-traduzzjoni fqira u għalhekk l-interpretazzjoni żbaljata mill-Bord tal-Appell ta’ dawn l-irċevuti, li jindikaw kwantità inferjuri ta’ artikoli mibjugħa minn dik inizjalment ikkonstatata mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u adottata mill-Bord tal-Appell. Skont l-UASI, dawn l-irċevuti huma negliġibbli fl-evalwazzjoni globali tal-provi dwar użu ġenwin, inklużi l-prova prinċipali li hija d-deċiżjoni Griega li wasslet lill-Bord tal-Appell sabiex jikkunsidra li kien sar użu ġenwin tat-trade mark preċedenti.

19      L-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi li “l-[UASI] għandu jeżamina l-fatti fuq l-inizzjattiva tiegħu stess; madanakollu, fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal ċaħda ta’ reġistrazzjoni, l-Uffiċċju għandu jkun ristrett għal eżaminazzjoni ta’ fatti, ta’ provi u ta’ argumenti ppreżentati mill-partijiet u tar-rimedji mitluba”. Din id-dispożizzjoni hija espressjoni ta’ obbligu ta’ diliġenza, li jipprovdi li l-istituzzjoni kompetenti għandha teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, il-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti għall-każ inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra p. I‑5469, punt 14, u tas-6 ta’ Novembru 2008, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C-405/07 P, Ġabra p. I‑8301, punt 56; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Settembru 1995, Nölle vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑167/94, Ġabra p. II‑2589, punt 73, u d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru, 2005, Arizona Chemical et vs Il-Kummissjoni, T‑369/03, Ġabra p. II‑5839, punt 85).

20      Bl-istess mod, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk kienx hemm prova biżżejjed tal-użu ġenwin ta’ trade mark preċedenti, huma l-UASI u l-Bordijiet tal-Appell tagħha li għandhom jeżaminaw, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi kollha ta’ prova ppreżentati mill-partijiet fil-każ.

21      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ibbaża d-deċiżjoni kkontestata fuq id-deċiżjoni Griega minħabba l-fatt li hija “rilevanti f’dan il-każ” kif ukoll fuq l-irċevuti tas-17 ta’ Mejju 2000 u tat-8 ta’ Jannar 2001. Il-Bord tal-Appell qies li, għalkemm l-ebda tali prova ma tista’ fiha nfisha tkun biżżejjed sabiex tipprova użu ġenwin tat-trade mark preċedenti, l-evidenza fl-intier tagħha hija biżżejjed għal dan il-għan (punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata).

22      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell sempliċement indika li “jemmen li d-deċiżjoni [Griega] hija fil-fatt pjuttost rilevanti hawnhekk”, filwaqt li ammetta li d-deċiżjoni msemmija ma fiha ebda indikazzjoni tan-natura tal-provi ppreżentati matul il-proċedura amministrattiva qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

23      Madankollu, fil-każ fejn l-UASI, inkluż il-Bordijiet tal-Appell tiegħu, jiddeċiedu li jibbażaw ruħhom fuq deċiżjoni nazzjonali bħala prova, dak li huwa, fil-prinċipju, permissibbli [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Frar 2000, Procter & Gamble vs UASI (Forma ta’ sapuna), T‑122/99, Ġabra p. II‑265, punt 61, u tad-19 ta’ Settembru 2001, Henkel vs UASI (Pillola tonda ħamra u bajda), T‑337/99, Ġabra p. II‑2597, punt 58], huwa għandu, skont il-prinċipji stabbiliti fil-punti 19 u 20 iktar ’il fuq, jeżamina bir-reqqa kollha meħtieġa u b’mod diliġenti jekk din l-evidenza tkunx tista’ tindika użu ġenwin ta’ trade mark preċedenti.

24      F’dan il-każ, eżami diliġenti tad-deċiżjoni Griega kien jirrileva li hija tirreferi biss b’mod konċiż għad-dokumenti sottomessi u għall-argumenti mressqa mill-partijiet matul il-proċedimenti li jwasslu għall-adozzjoni tagħha. Barra minn hekk, dawn id-dokumenti ma ġewx inklużi fil-fajl quddiem l-UASI u għalhekk ma kinux disponibbli għall-Bord tal-Appell. Fil-fatt, l-evidenza ppreżentata mill-intervenjenti fil-kawża quddiem l-UASI ma kien fiha ebda dokument mill-fajl tal-proċedimenti quddiem l-awtorità Griega. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bord tal-Appell ma kienx f’pożizzjoni li jifhem ir-raġunament, inkluża l-evalwazzjoni tal-provi u lanqas li jidentifika l-provi li fuqhom kienet ibbażata d-deċiżjoni Griega li tikkonstata użu ġenwin tat-trade mark preċedenti.

25      Issa, il-Bord tal-Appell ma setax japprova l-konklużjoni tal-awtoritajiet Griegi, bħala prova ta’ użu ġenwin tat-trade mark preċedenti, mingħajr evalwazzjoni ulterjuri ta’ jekk id-deċiżjoni Griega kinitx ibbażata fuq evidenza konklużiva, liema evidenza għandha tiġi pprovduta mill-intervenjenti. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94 u l-obbligu ta’ diliġenza sa fejn huwa rrikonoxxa, minkejja n-nuqqas ta’ provi bħal dawn, il-valur probatorju tad-deċiżjoni Griega għall-finijiet ta’ prova ta’ użu ġenwin tat-trade mark preċedenti.

26      Fit-tieni lok, huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-Bord tal-Appell xorta waħda setax leġittimament jitlob l-eżistenza ta’ prova ta’ użu ġenwin tat-trade mark preċedenti billi jibbaża ruħu b’mod partikolari fuq l-irċevuti tas-17 ta’ Mejju 2000 u tat-8 ta’ Jannar 2001. Madankollu, f’dan ir-rigward, huwa ċar li, minħabba traduzzjoni u interpretazzjoni skorretti, huwa b’mod żbaljat li l-Bord tal-Appell ikkonkluda li dawn jistabbilixxu l-bejgħ ta’ 19 287 u ta’ 782 artikolu rispettivament. Fil-fatt, kif ġie rrilevat mir-rikorrenti u kif ammetta l-UASI matul il-proċedimenti, il-kolonna tradotta bħala li tindika “kwantità” fil-fatt tikkorrispondi għall-“prezz ta’ unità” fi drakma Griega. Kif irrikonoxxa l-UASI, il-Bord tal-Appell għalhekk ibbaża ruħu, minħabba nuqqas ta’ diliġenza fit-traduzzjoni, fuq figuri żbaljati fid-deċiżjoni kkontestata.

27      B’hekk, minn traduzzjoni korretta tal-irċevuta tas-17 ta’ Mejju 2000 jirriżulta li minnflok ma nbiegħu 19 287 żejt essenzjali, kremi u sapun bi fwieħa, kienu mibjugħa biss 30 żejt essenzjali, krema waħda u disa’ sapuniet, jew total ta’ 40 prodott. Fir-rigward tal-irċevuta tat-8 ta’ Jannar 2001, minn traduzzjoni korretta joħroġ ċar li 45 sapuna biss tat-trade mark preċedenti kienu ġew mibjugħa. B’kuntrast, kif rikonoxxut mill-UASI matul il-proċedimenti, l-1500 pakkett ifuħ imsemmija fuq din l-irċevuta ma jsemmux it-trade mark preċedenti u għalhekk ma jistgħux jikkostitwixxu prova tal-użu tiegħu. B’hekk, in-numru ta’ prodotti mibjugħa huwa kunsiderevolment iktar baxx minn dak ikkonstatat mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell wettaq żball mhux negliġibbli, fl-evalwazzjoni tiegħu tal-irċevuti tas-17 ta’ Mejju 2000 u tat-8 ta’ Jannar 2001.

28      Minħabba li d-deċiżjoni Griega għandha biss valur probatorju limitat, l-evalwazzjoni korretta tad-data tal-irċevuti kienet determinanti għall-evalwazzjoni tal-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti. Madankollu, minħabba li l-evalwazzjoni ta’ dawn iż-żewġ irċevuti kienet ibbażata fuq traduzzjoni żbaljata, minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata kollha hija vvizzjata bi żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti li jirriżulta minn nuqqas ta’ diliġenza. Għalhekk, matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94 u l-obbligu ta’ diliġenza billi naqas milli jeżamina, b’reqqa u b’imparzjalità l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni. Ma huwiex eskluż il-fatt li, kieku l-imsemmija provi ġew debitament eżaminati, dan seta’, fil-każ inkwistjoni, iwassal lill-Bord tal-Appell għal konklużjoni differenti dwar il-prova tal-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti.

29      Għalhekk, in-natura ta’ dan l-iżball proċedurali timplika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94 għandu jiġi milqugħ.

30      Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata mingħajr il-ħtieġa li jiġu eżaminati motivi oħra.

 Fuq l-ispejjeż

31      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Billi l-UASI tilef il-kawża, hemm lok li huwa jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mir-rikorrenti, skont it-talbiet tagħha.

32      Skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall‑Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tat-30 ta’ Novembru 2007 (Każ R 298/2007‑2) hija annullata.

2)      L-UASI għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti minn Zino Davidoff SA.

3)      I.Kleinakis kai SIA OE għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Azizi

Cremona

Frimodt Nielsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Lulju 2011.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.