Language of document : ECLI:EU:T:2011:704

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

30 ta’ Novembru 2011 (*)

“Dumping – Importazzjonijiet tas-silikomanganiż li joriġinaw miċ-Ċina u mill-Każakistan – Rikors għal annullament – Prezz tal-esportazzjoni – Paragun bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali – Kalkolu tal-marġni tat-twaqqigħ tal-prezzijiet – Responsabbiltà mhux kuntrattwali”

Fil-Kawża T‑107/08,

Transnational Company “Kazchrome” AO, stabbilita f’Aktioubé (il‑Każakistan),

ENRC Marketing AG, stabbilita fi Kloten (l-Isvizzera),

irrappreżentati inizjalment minn L. Ruessmann u A. Willems, sussegwentement minn A. Willems u S. De Knop, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat inizjalment minn J.‑P. Hix, bħala aġent, assistit minn G. Berrisch u G. Wolf, avukati, sussegwentement minn J.‑P. Hix u B. Driessen, bħala aġenti, assistiti minn G. Berrisch, avukat,

u

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn H. van Vliet u K. Talabér-Ritz, bħala aġenti,

konvenuti,

sostnuti minn

Euroalliages, stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn J. Bourgeois, Y. van Gerven u N. McNelis, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba għall-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1420/2007, tal-4 ta’ Diċembru 2007, li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ silikomanganiż li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u fil-Każakstan u li jtemm il-proċediment dwar l-importazzjonijiet ta’ silikomanganiż li joriġinaw fl-Ukrajna (ĠU L 317, p. 5), sa fejn dan jikkonċerna l-importazzjonijiet tas-silikomanganiż prodott minn Transnational Company “Kazchrome” AO, u, min-naħa l-oħra, talba għad-danni,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn O. Czúcz (Relatur), President, I. Labucka u D. Gratsias, Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Mejju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-24 ta’ Lulju 2006, Euroalliages ippreżentat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ilment kontra l-importazzjonijiet tal-silikomanganiż (iktar ’il quddiem is-“SiMn”) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, mill-Każakistan u mill-Ukraina.

2        Fis-6 ta’ Settembru 2006, il-Kummissjoni ppubblikat avviż dwar il-ftuħ tal-proċedura antidumping rigward l-importazzjonijiet ta’ [SiMn] li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, mill-Każakistan u mill-Ukraina (ĠU C 214, p. 14).

3        Ir-rikorrenti, Transational Company “Kazchrome” AO (iktar ’il quddiem “Kazchrome”) u ENRC Marketing AG (iktar ’il quddiem “ENRC”) – rispettivament, kumpannija li taqa’ taħt id-dritt Każaki li tipproduċi b’mod partikolari il-ferrosilikomanganiż u kumpannija li taqa’ taħt id-dritt Svizzeru, attiva fil-kummerċjalizzazzjoni u l-bejgħ ta’ dan il-prodott, li t-tnejn li huma jagħmlu parti mill-grupp ikkontrollat minn Eurasian Natural Resources Corporation plc – ikkritikaw, permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Settembru 2006, il-ftuħ tal-investigazzjoni minħabba b’mod partikolari li, skont dawn il-kumpanniji, l-ilment ma kienx jinkludi provi suffiċjenti tal-eżistenza tad-dumping li tiegħu huwa s-suġġett is-SiMn li joriġina mill-Każakistan u tal-ħsara importanti li tirriżulta minn dan id-dumping għall-industrija Komunitarja.

4        Fil-25 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrenti l-konklużjonijiet provviżorji tagħha. Il-partijiet ikkonċernati ngħataw terminu li kien jiskadi fit-8 ta’Awwissu 2007 sabiex jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar dan id-dokument. Ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fl-14 ta’ Awwissu 2007.

5        Fil-5 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni ħarġet id-dokument ta’ informazzjoni finali. Il-partijiet ikkonċernati ngħataw terminu li kien jiskadi fil-15 ta’ Ottubru 2007 sabiex jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar dan id-dokument. Ir-rikorrenti ppreżentaw il-kummenti tagħhom fil-15 ta’ Ottubru 2007.

6        Il-Kummissjoni bagħtet id-dokument ta’ informazzjoni finali rrivedut lir-rikorrenti permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Ottubru 2007. Ir-rikorrenti u l-partijiet ikkonċernati l-oħra ngħataw terminu li kien jiskadi fit-12 ta’ Novembru 2007 f’nofs-in-nhar sabiex ikunu jistgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet inizjali tagħhom fis-7 ta’ Novembru 2007. Fit-12 ta’ Novembru 2007, ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet addizzjonali tagħhom dwar id-dokument ta’ informazzjoni finali rrivedut.

7        Fl-4 ta’ Diċembru 2007, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament (KE) Nru 1420/2007 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ [SiMn] li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u fil-Każakstan u li jtemm il-proċediment dwar l-importazzjonijiet ta’ [SiMn] li joriġinaw fl-Ukrajna (ĠU L 317, p. 5, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”).

8        Ir-regolament ikkontestat, fl-Artikolu 1(1) tiegħu, jipprovdi:

“Huwa b’dan impost dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ [SiMn] (inkluż ferro-siliko-manganiż) li jaqgħu fi ħdan il-Kodiċijiet NM 72023000 u ex 81110011 (kodiċi TARIC 8111 00 11 10), li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u fil-Każakstan.”

9        Skont l-Artikolu 1(2) tar-regolament ikkontestat, ir-rata tad-dazju antidumping definittiv applikabbli għall-prezz nett liberu fil-fruntiera Komunitarja, qabel il-ħruġ mid-dwana, għall-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Każakistan hija ta’ 6.5 %.

10      Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/789/KE, tal-4 ta’ Diċembru 2007, li tissospendi d-dazju definittiv ta’ antidumping impost bir-[regolament ikkontestat] fuq importazzjonijiet tas-[SiMn] li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Każakistan (ĠU 317, p.79), id-dazju antidumping ġie sospiż għal perjodu ta’ disa’ xhur.

11      Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni wieġbet għall-osservazzjonijiet tar-rikorrenti tas-7 u tat-12 ta’ Novembru 2007.

12      Is-sospensjoni li tirriżulta mid-Deċiżjoni 2007/789 ġiet estiża sas-6 ta’ Settembru 2009 permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 865/2008, tas-27 ta’ Awwissu 2008, li jestendi s-sospensjoni tad-dazju definittiv antidumping impost permezz tar-[regolament ikkontestat] fuq l-importazzjonijiet tas-[SiMn] li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Każakistan (ĠU L 237, p.1).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

13      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li issa saret il-Qorti Ġenerali) fid-29 ta’ Frar 2008, ir-rikorrenti ressqu din il-kawża.

14      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Ġunju 2008, Euroalliages talbet li tintervjeni f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.

15      Permezz ta’ digriet tad-19 ta’ Jannar 2009, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba għal intervent għal dak li jikkonċerna t-talba għal annullament u ċaħad it-talba għal intervent għal dak li jikkonċerna t-talba għad-danni.

16      Billi l-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tielet Awla, li lilha għaldaqstant ġiet assenjata din il-kawża.

17      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Il-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-18 ta’ Mejju 2011.

18      Ir-rikorrenti jitolbu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-regolament ikkontestat sa fejn jimponi dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ SiMn prodott u/jew mibjugħ minnhom;

–        tordna lill-Kunsill u lill-Kummissjoni in solidum sabiex iħallsu danni lir-rikorrenti, inklużi l-interessi, bħala kumpens għad-dannu li ġarrbu b’riżultat b’mod partikolari tal-ftuħ tal-investigazzjoni u tal-adozzjoni tar-regolament ikkontestat;

–        tikkundanna lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għall-ispejjeż .

19      Il-Kunsill jitlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

20      Il-Kummissjoni titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tirrifjuta kemm it-talba għal annullament kif ukoll dik għad-danni bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad iż-żewġ talbiet bħala infondati;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

21      Euroalliages jitlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tirrifjuta t-talba għal annullament;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

22      Waqt is-seduta, bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti indikaw, minn naħa, li t-talba tagħhom għal annullament kienet intiża għall-annullament tar-regolament ikkontestat unikament għal dak li jirrigwarda l-importazzjonijiet ta’ SiMn prodott minn Kazchrome u, min-naħa l-oħra, li t-talba għad-danni kienet indirizzata unikament kontra l-Kunsill.

23      Barra minn hekk, għal darba oħra bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ppreċiżaw li t-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali fir-rigward ta’ Euroalliages kellha tinftiehem, għal dak li jikkonċerna t-talba għad-danni, fis-sens li tkopri l-elementi fattwali ta’ din it-talba u mhux l-argumentazzjoni ġuridika.

 Id-dritt

 Fuq it-talba għal annullament

24      Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal annullament sa fejn hija diretta kontriha minħabba li r-regolment ikkontestat kien ġie adottat mill-Kunsill.

25      Ir-rikorrenti ma għamlu ebda argument f’dan ir-rigward.

26      Għandu jiġi kkonstatat li t-talba intiża għall-annullament tar-regolament ikkontestat hija inammissibbli sa fejn hija diretta kontra l-Kummissjoni peress li dan ir-regolament kien ġie adottat unikament mill-Kunsill. Fil-fatt, inkonformità mal-ġurisprudenza, ir-rwol tal-Kummissjoni fil-proċeduri antidumping jintegra ruħu fil-kuntest tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill. Il-Kummissjoni hija inkarigata li tibda l-investigazzjonijiet u li tiddeċiedi, fuq il-bażi ta’ dawn tal-aħħar, li tagħlaq il-proċedura jew, għall-kuntrarju, li tkomplihom billi tadotta miżuri provviżorji u billi tipproponi lill-Kunsill l-adozzjoni ta’ miżuri definittivi bħalma huwa r-regolament ikkontestat. Madankollu, is-setgħa li tittieħed deċiżjoni hija tal-Kunsill, li jista’ jastjeni minn kull deċiżjoni jekk ma jaqbilx mal-Kummissjoni jew, għall-kuntrarju, jista’ jieħu deċiżjoni fuq il-bażi tal-proposti ta’ din tal-aħħar (ara d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1987, Nashua et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 150/87, Ġabra p. 4421, punti 6 u 7, u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Insostenn tat-talba tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tnax-il motiv jew gruppi ta’ motivi.

28      Għandhom jiġu eżaminati l-ewwel ir-raba’ grupp ta’ motivi, dwar il-paragun bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, kif ukoll il-ħames grupp ta’ motivi, dwar il-kalkolu tal-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet.

 Fuq ir-raba’ grupp ta’ motivi, dwar il-paragun bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali.

29      Ir-rikorrenti jsostnu b’mod partikolari li l-Kunsill naqas milli jwettaq l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu u kiser ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45), kif emendat (iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”) [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51, b’rettifika fil-ĠU 2010 L 7, p. 22)], u b’mod partikolari l-Artikolu 2(10)(i) tiegħu [li sar l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament Nru 1225/2009], peress li għamel aġġustament fil-forma ta’ tnaqqis fil-prezz tal-esportazzjoni ta’ Kazchrome minħabba kummissjonijiet allegati ta’ ENRC, u dan peress li din tal-aħħar allegatament għandha funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent li jaġixxi fuq il-bażi ta’ kummissjoni.

30      Il-Kunsill isostni li l-motivazzjoni mogħtija fir-regolament ikkontestat kien biżżejjed, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatti u tal-iskambji li seħħew bejn il-Kummissjoni u r-rikorrenti matul il-proċedura antidumping u li dawn ma stabbilixxewx li kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta għamel l-aġġustament ikkontestat u li għalhekk kiser l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku.

31      F’dan ir-rigward, hemm lok li wieħed ifakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u r-raġunament tal-istituzzjoni, awtur tal-att, għandu jidher b’mod ċar u inekwivoku f’din il-motivazzjoni, b’tali mod li l-persuni interessati jkunu jistgħu jsiru jafu il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħdua u b’tali mod li l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, b’mod partikolari fid-dawl tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom f’li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-imsemmi Artikolu 253 KE ma għandhiex tiġi evalwata biss fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu iżda fid-dawl ukoll tal-kuntest tiegħu u tat-totalità tad-dispożizzjonijiet legali li jirregolaw is-suġġett inkwistjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Settembru 2003, Eurocoton et vs Il-Kunsill, C‑76/01 P, Ġabra p. I‑10091, punt 88, u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      L-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku jipprovdi li:

“Għandu jsir paragun xieraq bejn il-prezz ta’ l-esportazzjoni u l-valur normali. Dan il-paragun għandu jsir fl-istess livell tal-kummerċ u fejn għandhom x’jaqsmu l-bejgħ magħmula kemm jista’ jkun kważi fl-istess ħin u b’kont dovut meħud ta’ differenzi oħra li jaffettwaw il-paragun tal-prezz. […] Fejn il-kondizzjonijiet speċifikati huma milħuqa, il-fatturi li għalihom jista jsir aġġustament huma mniżżla kif ġej.

[…]

(i)       Il-kummissjonijiet

Għandu jsir aġġustament għad-differenzi fil-kummissjonijiet imħallsa fejn jidħol il-bejgħ taħt kunsiderazzjoni. Il-kelma kummissjonijiet għandha tinftiehem li tinkludi ż-żieda fuq il-prezz li jirċievi negozjant tal-prodott jew prodott simili jekk il-funzjonijiet ta’ dak in-negozjant huma simili għal dawk ta’ aġent li jaġixxi fuq il-bażi ta’ kummissjoni.

[…]”

33      Fil-każ inkwistjoni, mill-premessa 67 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li, peress li Kazchrome esportat il-prodott ikkonċernat lejn il-Komunità b’ENRC bħala intermedjarja, iddefinita bħala kumpannija tan-negozju relatata stabbilita f’pajjiż terz, il-prezz tal-esportazzjoni ġie stabbilit fuq il-bażi tal-prezz li bih il-prodott importat inbiegħ mill-ġdid minn ENRC lill-ewwel xerrej indipendenti fil-Komunità.

34      Fil-premessi 73 sa 75 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill ikkunsidra li, sabiex isir paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, kien xieraq li jsiru xi aġġustamenti lill-prezz tal-esportazzjoni hekk kif stabbilit fil-premessa 67, b’mod partikolari fir-rigward tal-kummissjonijiet. F’dan ir-rigward, huwa sostna li, fis-sistema tal-bejgħ ta’ Kazchrome lejn il-Komunità, ENRC kellha funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent li jaġixxi fuq il-bażi ta’ kummissjoni u li l-ENRC ma kinitx tintervjeni fis-sistema tal-bejgħ interna ta’ Kazchrome.

35      Bi tweġiba għal mistoqsija mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, il-Kunsill ikkonferma li, kif jidher li joħroġ mill-formulazzjoni tal-premessa 74 tar-regolament ikkontestat, ir-riferiment magħmul f’din il-premessa għall-fatt li ENRC ma kinitx tintervjeni fis-sistema tal-bejgħ interna ta’ Kazchrome kien intiż biss li jindika r-raġuni għalfejn kien ġie kkunsidrat li kien hemm differenza bejn il-bejgħ intern u l-bejgħ għall-esportazzjoni li kienet tiġġustifika l-aġġustament u ma kienx intiż li jservi ta’ bażi għall-klassifikazzjoni tar-relazzjonijiet bejn ir-rikorrenti bħala relazzjonijiet simili għal dawk li jeżistu bejn il-prinċipal u l-aġent u, konsegwentement, li jservi ta’ motivazzjoni għall-eżistenza tal-“kummissjonijiet” inklużi fil-prezz tal-esportazzjoni. Dan l-element kien jikkonċerna għalhekk l-inċidenza fuq il-paragun bejn il-prezzijiet tal-fattur li minħabba fih sar l-aġġustament u mhux l-eżistenza tagħha stess.

36      Għalhekk, hemm lok li jiġi rrilevat li l-konklużjoni tar-regolament ikkontestat fis-sens li ENRC kellha funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent li jaġixxi fuq il-bażi ta’ kummissjoni, hija bbażata fuq żewġ elementi msemmija fil-premessa 74 tar-regolament ikkontestat: il-fatt li r-rikorrenti huma żewġ entitajiet ġuridiċi distinti u l-fatt li huma jaħdmu fuq il-bażi ta’ relazzjoni xerrej/bejjiegħ.

37      Barra minn hekk, mir-regolament ikkontestat kif ukoll mill-preċiżazzjonijiet mogħtija mill-Kunsill quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta li, għal dawn ir-raġunijiet, il-Kunsill ried jindika li r-rikorrenti kellhom relazzjoni kummerċjali stabbilita f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni normali u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ENRC ma setgħetx tkun ikkunsidrata li qiegħda taġixxi bħala dipartiment intern tal-bejgħ.

38      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, billi ssemmi dawn iż-żewġ elementi biss, il-formulazzjoni tar-regolament ikkontestat ma tippermettix li wieħed ikun jaf bil-kunsiderazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi li servew ta’ bażi għall-konklużjoni li wasal għaliha l-Kunsill.

39      Fil-fatt, minn naħa, għalkemm huwa evidenti li r-rikorrenti huma entitajiet ġuridiċi distinti u għalhekk li ENRC ma hijiex dipartiment intern tal-bejgħ, din il-kunsiderazzjoni ma hijiex biżżejjed sabiex tissostanzja l-konklużjoni li l-funzjonijiet tal-ENRC ma kinux dawk ta’ dipartiment intern tal-bejgħ imma dawk ta’ aġent li jaġixxi fuq il-bażi ta’ kummissjoni

40      Min-naħa l-oħra, is-sempliċi affermazzjoni li r-rikorrenti “jaħdmu fuq il-bażi ta’ relazzjoni xerrej/bejjiegħ”, ma tippermettix li wieħed jifhem ir-raġunijiet għalfejn il-Kunsill ikkunsidra, minkejja l-elementi miġjuba mir-rikorrenti, li r-relazzjoni kummerċjali bejniethom kienet stabbilita f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni normali u li, konsegwentement, il-funzjonijiet ta’ ENRC ma kinux dawk ta’ dipartiment intern tal-bejgħ imma dawk ta’ aġent li jaġixxi fuq il-bażi ta’ kummissjoni. Hemm lok li jiġi rrilevat, fil-fatt, li, matul l-investigazzjoni, ir-rikorrenti ġabu elementi sabiex juru li ENRC ma kinitx taġixxi bħala bejjiegħ relatat iżda bħala dipartiment intern tal-bejgħ għall-impriżi ta’ Kazchrome.

41      Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li l-Kunsill għandu raġun meta jsostni li l-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni tar-regolament ikkontestat kinitx tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu (ara l-punt 31 iktar ’il fuq), iżda anki fid-dawl tal-iskambji li saru bejn il-Kummissjoni u r-rikorrenti matul il-proċedura antidumping, din il-kunsiderazzjoni ma tippermettix li jiġi kkonstatat li l-obbligu ta’ motivazzjoni kien ġie osservat fil-każ inkwistjoni.

42      Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li l-Kunsill ma pprovdiex fin-noti bil-miktub tiegħu, u lanqas waqt is-seduta, preċiżazzjonijiet fir-rigward tal-atti tal-proċess fejn jinsabu l-iskambji rilevanti. Barra minn hekk, preċiżazzjonijiet supplimentari fir-rigward tar-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni pproponiet lill-Kunsill sabiex jikkunsidra li r-rikorrenti kellhom relazzjoni ta’ xerrej/bejjiegħ la kienu jidhru fid-dokument ta’ informazzjoni finali tal-5 ta’ Ottubru 2007 (premessa 72) u lanqas fid-dokument ta’ informazzjoni finali rrivedut tal-31 ta’ Ottubru 2007 (premessa 74). Dawn iż-żewġ dokumenti huma miktuba, fil-fatt, b’mod identiku bħar-regolament ikkontestat u ma jagħtux iktar preċiżazzjonijiet. Lanqas ma tidher informazzjoni supplimentari fid-dokumenti li jikkonċernaw speċifikament lir-rikorrenti u li ntbagħtu fl-istess ħin bħaż-żewġ dokumenti msemmija iktar ’il fuq jew iktar tard, bħalma hija l-ittra tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Diċembru 2007 mibgħuta bħala tweġiba għar-reazzjonijiet tar-rikorrenti għad-dokument ta’ informazzjoni finali rrivedut.

43      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-evalwazzjoni tal-Kunsill fis-sens li ENRC kellha, fis-sistema tal-bejgħ ta’ Kazchrome lejn il-Komunità, funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent li jaġixxi fuq il-bażi ta’ kummissjoni, hija vvizzjata minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni.

44      L-argumenti l-oħra mqajma mill-Kunsill matul is-seduta ma humiex ta’ natura li jbiddlu din l-evalwazzjoni.

45      Il-Kunsill isostni li l-fondatezza tal-evalwazzjoni tiegħu tirriżulta, minn naħa, minn allegat grad għoli ta’ formalità tal-kuntratt ta’ xiri-bejgħ li jorbot lir-rikorrenti [kunfidenzjali] (1), u min-naħa l-oħra, minn ċerti elementi mqajma mir-rikorrenti fir-rikors tagħhom sabiex juru li l-ENRC ma kinitx tiffunzjona bħala aġent li jaġixxi fuq il-bażi ta’ kummissjoni. Huwa għalhekk isostni li l-funzjonijiet ta’ ENRC ma setgħux jiġu pperċepiti bħala komplementari għal dawk ta’ Kazchrome [kunfidenzjali] u li l-istruttura tal-grupp li jappartjenu għalih ir-rikorrenti tikkonferma li r-relazzjoni li teżisti bejniethom setgħet tiġi kkunsidrata biss bħala relazzjoni ekwivalenti għal relazzjoni bejn mandat u mandatarju li jaġixxi fuq il-bażi ta’ kummissjoni. Issa, skont il-Kunsill, il-fatt li l-kuntratt li jirregola r-relazzjonijiet bejn ir-rikorrenti huwa, fl-opinjoni tiegħu, partikolarment formali kien fatt manifest li ma kellux għalfejn jissemma espliċitament.

46      Madankollu, anki jekk jiġi ammess li l-allegat grad għoli ta’ formalità tal-kuntratt kien manifest, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti kienu ssottomettew matul il-proċedura antidumping sensiela sħiħa ta’ elementi dwar ir-relazzjoni ta’ bejniethom u dwar il-funzjonijiet ta’ ENRC li, fil-fehma tagħhom, juru li din tal-aħħar kellha l-funzjonijiet speċifiċi ta’ dipartiment intern tal-bejgħ ta’ produttur. Issa, għandu jiġi kkonstatat li, minn qari tar-regolament ikkontestat u tad-dokumenti li jinsabu fil-proċess, ma huwiex possibbli għar-rikorrenti – u għall-Qorti Ġenerali – li jifhmu li l-evalwazzjoni fis-sens li dawn kellhom relazzjoni ta’ xerrej/bejjiegħ stabbilita f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni kienet tistrieħ fuq l-allegat formalità tal-kuntrattt li jorbothom u lanqas, a fortiori, li jifhmu liema kienu r-raġunijiet għalfejn din il-formalità kienet tiġġustifika, fiha nfisha, l-evalwazzjoni kkontestata minkejja ċ-ċirkustanzi l-oħra invokati. Għalhekk, għandu b’mod partikolari jiġi osservat li, bħala tweġiba għar-referenza li saret mill-Kunsill għall-kuntratt fir-risposta, ir-rikorrenti jsostnu, fir-replika, li din il-formalità eventwali hija dovuta għal xkiel estern li ma għandux x’jaqsam man-natura tar-relazzjoni tagħhom.

47      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-referenza mill-Kunsill għall-formalità tal-kuntratt li jorbot lir-rikorrenti għandha tkun ikkunsidrata bħala motivazzjoni ġdida miġjuba waqt l-istadju tar-rikors kontenzjuż li ma hijiex ta’ natura li tirrimedja n-nuqqas ta’ motivazzjoni kkonstatat iktar ’il fuq.

48      L-istess jgħodd għal dak li jirrigwarda r-referenza magħmula mill-Kunsill għal elementi oħra msemmija mir-rikorrenti fir-rikors tagħhom, elementi li, skont il-Kunsill, jikkonfermaw il-fondatezza tal-evalwazzjoni tiegħu (ara l-punt 45 iktar ’il fuq), iżda li la ssemmew fir-regolament ikkontestat u lanqas fil-kitbiet tal-Kummissjoni waqt il-proċedura amministrattiva. Barra minn hekk, il-Kunsill ma jissottometti ebda element li jwassal għall-konstatazzjoni li r-rikorrenti kellhom neċessarjament jifhmu li kienu dawn l-elementi li wassluh sabiex jadotta l-pożizzjoni tiegħu.

49      Għalhekk għandu jintlaqa’ l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni mqajjem mir-rikorrenti fil-kuntest tar-raba’ grupp ta’ motivi tagħhom.

 Fuq il-ħames grupp ta’ motivi, dwar il-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz

50      Ir-regolament ikkontestat ikkonkluda li, għal dak li jirrigwarda l-prodott li joriġina mill-Każakistan, kien jeżisti twaqqigħ tal-prezz globali ta’ 4.5 % fuq bażi medja bbilanċjata, jiġifieri li l-prodott inbiegħ fil-Komunità bi prezz 4.5 % inqas mill-prezz tal-industrija Komunitarja (premessa 104).

51      Skont ir-regolament ikkontestat, il-marġini tat-twaqqigħ tal-prezz ġie kkalkolat, għall-pajjiżi kollha, billi tqabblu l-prezzijiet “ex fabbrika” tal-industrija Komunitarja mal-prezzijiet tal-merkanzija importata fil-mument tad-dħul tagħhom fit-territorju tal-Komunità, aġġustati debitament għall-ispejjeż tal-ħatt u tar-rilaxx mid-dwana.

52      Peress li wħud mill-prodotti tar-rikorrenti kienu ġew ittrasportati permezz tal-ferrovija mill-Każakistan għall-portijiet ta’ Klaïpeda (il-Litwanja) jew Kaliningrad (ir-Russja), dawn il-prodotti qassmu l-Litwanja taħt il-proċedura doganali tat-“tranżitu estern”, qabel ma tgħabbew u ġew ittrasportati, permezz tal-ibħra internazzjonali, sal-port tad-destinazzjoni, li ġeneralment huwa Rotterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi). Madakollu, inkonformità mal-metodoloġija msemmija fil-punt 51 iktar ’il fuq, il-prezzijiet ta’ dawn il-prodotti tar-rikorrenti, għall-finijiet tal-paragun mal-prezzijiet tal-industrija Komunitarja, kienu ġew ikkalkolati billi mill-prezz tal-esportazzjoni “rilaxxati mid-dwana” tnaqqsu l-ispejjeż li jikkorrispondu għat-trasport bejn il-punt fuq il-fruntiera bejn il-Bjelorussja u l-Litwanja li fih il-prodotti ddaħħlu f’dan l-aħħar Stat u l-port ta’ destinazzjoni.

53      Ir-rikorrenti jsostnu li, meta kkalkola l-marġini tat-twaqqigħ tal-prezz billi għamel referenza għall-prezzijiet tal-prodotti tagħhom meta dawn jidħlu għall-ewwel darba fit-territorju Komunitarju filwaqt li dawn il-prodotti jiġu rilaxxati mid-dwana x’imkien ieħor, il-Kunsill kiser b’mod partikolari l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku [li sar l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1225/2009] u wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Huma jfakkru li l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku jeżiġi eżami oġġettiv tal-effett tal-importazzjonijiet fuq il-prezzijiet fuq is-suq Komunitarju u jsostnu li l-Kunsill kiser din id-dispożizzjoni peress li l-aġġustament li sar huwa manifestament inġust u diskriminatorju.

54      Il-Kunsill isostni li r-Regolament bażiku ma jurix fid-dettall kif l-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezz għandha ssir u jafferma li huwa għandu, konsegwentement, marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ f’dan ir-rigward. Huwa jikkunsidra li l-metodu użat għall-kalkolu tal-prezzijiet tal-importazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz ma huwiex manifestament inġust u diskriminatorju u josserva, konsegwentement, l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku.

55      Għandu jiġi osservat li mill-argumenti tal-partijiet jirriżulta li l-iktar metodu preċiż sabiex wieħed jikkalkola t-twaqqigħ tal-prezz huwa billi wieħed iqabbel il-prezzijiet tal-importazzjonijiet u dawk tal-prodotti tal-industrija Komunitarja billi jiġu inklużi l-ispejjeż kollha involuti sal-installazzjonijiet tal-klijenti. Peress li dan il-metodu ma kienx prattiku minħabba n-numru kbir ta’ kalkoli li dan kien jimplika, il-partijiet qablu li sabiex jikkunsidraw li paragun ġust jista’ jsir billi jitqabblu l-prezzijiet “ex fabbrika”, mingħajr l-ispejjeż tat-trasport, tal-prodotti tal-industrija Komunitarja mal-prezzijiet tal-importazzjonijiet li jinkludu parti mill-imsemmija spejjeż sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-importazzjonijiet ma humiex f’kompetizzjoni mal-prodotti Komunitarji bil-prezz “ex fabbrika” tagħhom u li dawn l-importazzjonijiet ikollhom jiġu ttrasportati għal distanzi itwal sabiex jaslu fl-installazzjonijiet tal-klijenti Komunitarji.

56      Il-partijiet madankollu ma jaqblux għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk il-punt ta’ referenza li minnu l-ispejjeż tat-trasport tal-importazzjonijiet ma għandhomx jiġu inklużi fil-prezz tal-importazzjonijiet, sabiex tiġi żgurata n-natura ġusta tal-paragun mal-prodotti tal-industrija komunitarja, huwiex il-punt fejn jinħarġu mid-dwana, kif isostnu r-rikorrenti, jew il-post minn fejn l-importazzjonijiet jidħlu għall-ewwel darba fit-territorju tal-Komunità, kif sostnut mill-Kunsill.

57      Issa, għandu jiġu osservat li, għall-finijiet tal-kawża preżenti, ma huwiex neċessarju li tittieħed pożizzjoni dwar il-punt ta’ referenza li jkun l-iktar xieraq b’mod ġenerali u huwa biżżejjed li jiġi eżaminat jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, l-għażla tal-Kunsill kinitx manifestament inadegwata.

58      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 1(1) tar-Regolament bażiku [li sar l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1225/2009] jipprovdi li “[d]azju kontra xiri taħt il-prezz [dazju antidumping] jista’ jiġi applikat għal kwalunkwe prodott mixtri taħt il-prezz [li huwa s-suġġett ta’ dumping] li l-liberazzjoni tiegħu għal ċirkulazzjoni ħielsa fil-Komunità tikkawża ħsara”. Din id-dispożizzjoni, meħuda mill-Artikolu 1 intitolat “Il-Prinċipji”, tistabbilixxi r-regola essenzjali fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ dazji antidumping li tipprovdi li ma huwiex biżżejjed li l-prodotti importati jkunu s-suġġett ta’ dumping iżda huwa meħtieġ ukoll li t-tqegħid tagħhom f’ċirkulazzjoni ħielsa tikkawża ħsara. Huwa preċiżament sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ħsara li r-Regolament bażiku jipprovdi fl-Artikolu 3(2) u (3) tiegħu [li sar l-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament Nru 1225/2009], li għandu jsir eżami oġġettiv tal-effett tal-importazzjonijiet fuq il-prezzijiet tal-prodotti simili fis-suq tal-Komunità u li, għall-finijiet ta’ dan l-eżami, ser jiġi eżaminat jekk, fir-rigward tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping, kienx hemm twaqqigħ kunsiderevoli tal-prezz meta mqabbel mal-prezz ta’ prodott simili jew jekk dawn l-importazzjonijiet kellhomx l-effett, b’xi mod ieħor, li jwaqqgħu b’mod sinjifikattiv il-prezzijiet jew li jipprekludu b’mod kunsiderevoli żidiet fil-prezz li, fin-nuqqas ta’ dawn l-importazzjonijiet, kienu jimmaterjalizzaw.

59      Minn dan jirriżulta li huwa b’mod partikolari b’referenza għall-possibbiltà l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping jikkawżaw ħsara li għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni ta’ jekk il-Kunsill wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta stabbilixxa l-punt ta’ referenza li fid-dawl tiegħu kellhom jiġu kkalkolati, fil-każ inkwistjoni, il-prezzijiet tal-prodotti tar-rikorrenti li kellhom jitqabblu mal-prezzijiet tal-industrija Komunitarja. Il-Kunsill stess jirrikonoxxi, barra minn hekk, ir-relazzjoni li teżisti bejn it-twaqqigħ tal-prezz u r-rabta kawżali meta jafferma li “il-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz għandu importanza partikolari fil-kuntest tal-eżami tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet sabiex tiġi evalwata r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma s-suġġett tad-dumping u l-ħsara kkonstatata” u li dan il-grupp ta’ motivi “jikkonċerna aspett tekniku li huwa rilevanti kemm sabiex tiġi stabbilita l-ħsara kif ukoll sabiex tiġi stabbilita r-rabta kawżali”.

60      Ir-rikorrenti jsostnu li l-prezzijiet tal-importazzjonijiet kellhom jiġu kkalkolati billi wieħed jibda mill-prezzijiet tal-esportazzjoni “rilaxxati mid-dwana”, u għalhekk fil-port tal-ħruġ mid-dwana u mhux fil-punt tad-dħul fit-territorju tal-Komunità. Huma jsostnu b’mod partikolari li l-għażla ta’ dan il-punt tal-aħħar hija inġusta peress li timplika li l-kwistjoni ta’ jekk merkanzija li għaliha l-klijent iħallas prezz identiku u li tiġi kkonsenjata fl-istess post tikkawżax jew le ħsara lill-industrija Komunitarja tiddependi minn jekk ir-rotta użata għat-trasport tagħha sal-port tal-ħruġ mid-dwana tinkludix jew le tranżitu inizjali minn fuq it-territorju Komunitarju, u dan anki jekk dan it-tranżitu jseħħ taħt is-sistema doganali tat-“tranżitu estern” u ma jimplikax l-importazzjoni tal-merkanzija.

61      Il-Kunsill jirribatti li l-importazzjonijiet jaslu fis-suq Komunitarju meta dawn jidħlu għall-ewwel darba fit-territorju tal-Komunità, filwaqt li l-prodotti tal-industrija Komunitarja jaslu fis-suq Komunitarju meta joħorġu mill-fabbrika u li għalhekk huwa f’dawn iż-żewġ postijiet li jista’ jitqies li l-prodotti huma f’kompetizzjoni diretta bejniethom, u għalhekk li jista’ jsir paragun ġust.

62      Għandu jiġi osservat li, kif isostnu r-rikorrenti, il-prezzijiet użati mill-Kunsill ma jirriflettux il-prezzijiet innegozjati mal-klijenti fil-Komunità, jiġifieri ġeneralment il-prezz CIF (cost, insurance and freight) (prezz, assigurazzjoni u trasport) fil-port tal-ħruġ mid-dwana, u jirrappreżentaw biss valur iddeterminat mill-Kunsill stess. Għalkemm huwa minnu li kull proċedura antidumping timplika kalkoli kumplessi u, ta’ spiss, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ valuri ddeterminati, xorta jibqa’ l-fatt li, peress li l-valur użat mill-Kunsill sabiex jeżamina t-twaqqigħ tal-prezz ikun ġie kkalkolat matul l-investigazzjoni permezz tal-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti, ma jistax ikun li dan il-valur ikun ittieħed inkunsiderazzjoni mill-klijenti sabiex jiddeċiedu jekk humiex ser jixtru mingħand l-industrija Komunitarja jew mingħand ir-rikorrenti. Dan il-valur lanqas biss ma jista’ kkalkolat mill-imsemmija klijenti minħabba li ma hemm xejn li juri li huma jkunu jafu bil-vjaġġ eżatt li tkun għamlet il-merkanzija qabel ma tasal fil-punt fejn tinħareġ mid-dwana u li għalhekk dawn il-klijenti jkunu jafu li l-prodotti kienu, għal parti mill-vjaġġ tagħhom, diġà għaddew mit-territorju Komunitarju. Il-Kunsill għalhekk ammetta, fi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, li huwa ma kienx jaf jekk il-klijenti kinux jafu bir-rotta tal-merkanzija, iżda li, fi kwalunkwe każ, din ir-rotta ma kinitx tinteressahom, peress li l-unika ħaġa importanti għalihom kien il-prezz finali tal-prodott meta dan jasal fil-fabbrika tagħhom.

63      Minn dan jirriżulta li huma l-prezzijiet innegozjati bejn ir-rikorrenti u l-klijenti u mhux il-prezzijiet fi stadju intermedjarju tat-trasport, anki jekk fit-territorju Komunitarju, li setgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tal-klijenti li jakkwistaw il-prodotti tar-rikorrenti u mhux dawk tal-industrija Komunitarja. Fil-fatt, anki jekk, kif isostni l-Kunsill, dak li jinteressa lill-klijenti huwa l-prezz finali tal-prodott meta dan jasal fil-fabbrika tagħhom, xorta jibqa’ l-fatt li, kif jenfasizzaw ir-rikorrenti fi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, il-klijenti jafu sewwa l-ispejjeż tat-trasport mill-port fejn il-merkanzija tinħareġ mid-dwana sal-fabbriki tagħhom u għalhekk jistgħu faċilment jikkalkolaw il-prezz finali fuq il-bażi tal-prezzijiet CIF fil-port fejn il-merkanzija tinħareġ mid-dwana li kienu ġew innegozjati magħhom.

64      Minn dan jirriżulta wkoll li, kif jaffermaw ir-rikorrenti, il-prodotti kollha li huma, jew produtturi oħra li ġejjin minn pajjiżi oħra li jesportaw, biegħu lill-klijenti Komunitarji kkawżaw l-istess ħsara, kienet liema kienet ir-rotta għat-trasport tagħhom, jekk dawn inbiegħu lill-klijenti fl-istess post u bi prezz identiku jew simili ħafna.

65      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li fil-każ tal-merkanzija tar-rikorrenti jew ta’ esportaturi oħra li ddaħħlet fit-territorju Komunitarju fil-port fejn inħarġet mid-dwana, il-Kunsill ikkunsidra li l-ispejjeż tat-trasport bejn il-portijiet u l-installazzjonijiet tal-klijent kienu ekwivalenti għal dawk tat-trasport bejn il-fabbrika tal-produttur Komunitarju u dawn l-istess installazzjonijiet. Issa, il-Kunsill ma jistabbilixxix li t-tnaqqis supplimentari ta’ parti importanti mill-ispejjeż tat-trasport li saru qabel il-wasla fil-port fejn il-merkanzija tinħareġ mid-dwana kien indispensabbli sabiex jiġi żgurat paragun ġust, jiġifieri, sabiex fil-prezz tal-importazzjonijiet ma jiġux inklużi spejjeż li ma humiex inklużi fil-prezz tal-industrija Komunitarja, f’sitwazzjoni fejn il-merkanzija kienet qassmet il-Litwanja, taħt is-sistema tat-tranżitu estern, għal tul ta’ mijiet ta’ kilometri qabel ma tgħabbiet u ġiet ittrasportata f’ibħra internazzjonali.

66      Din il-konstatazzjoni tista’ tkun illustrata permezz ta’ referenza għall-eżempju propost mill-Kunsill stess fil-kontroreplika. Dan tal-aħħar fil-fatt jistaqsi għal liema raġuni l-prezzijiet ta’ parti mill-merkanzija tar-rikorrenti ma għandhomx jiġu kkalkolati fid-dawl tat-tranżitu tagħhom mill-fruntiera bejn il-Litwanja u l-Bjelorussja filwaqt li l-prodotti tal-produtturi Pollakki jkollhom ukoll jiġu ttrasportati mill-fabbriki tagħhom fil-Polonja. Madankollu, peress li l-ispejjeż mill-fabbrika fil-Polonja kienu ġew ikkunsidrati bħala ekwivalenti għal dawk mill-port ta’ Rotterdam għall-importazzjonijiet li wasslu direttament u li kienu nħarġu mid-dwana fil-punt imsemmi, b’ebda mod ma huwa stabbilit li t-tnaqqis inkwistjoni tal-ispejjeż importanti marbuta mat-trasport mill-fruntiera bejn il-Litwanja u l-Bjelorussja sal-port ta’ Rotterdam kien indispensabbli sabiex jiġi żgurat paragun ġust bejn il-prezzijiet tal-merkanzija tar-rikorrenti u l-prezzijiet tal-merkanzija ta’ produttur Pollakk.

67      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, fil-każ inkwistjoni, il-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li l-paragun oġġettiv bejn il-prezzijiet tal-importazzjonijiet u dawk tal-industrija Komunitarja fil-każ inkwistjoni kien jeżiġi li l-punt ta’ referenza għad-determinazzjoni tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet kellu jkun il-frunteria ta’ bejn il-Bjelorussja u l-Litwanja għall-prodotti tar-rikorrenti li kienu ttrasportati permezz tal-portijiet ta’ Klaïpeda u ta’ Kaliningrad.

68      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tal-Kunsill fis-sens li l-fatt li wieħed jikkunsidra li l-punt ta’ referenza għad-determinazzjoni tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet kien il-port fejn dawn jinħarġu mid-dwana joħloq problemi għas-sistema peress li jinkoraġġixxi lill-esportaturi sabiex jiftehmu mal-klijenti tagħhom dwar ħruġ mid-dwana fil-post li jkun l-eqreb lejn il-fabbriki tagħhom, għandu jitfakkar li l-konklużjoni li tirriżulta mill-eżami magħmul iktar ’il fuq tikkonċerna biss il-kawża preżenti u li l-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom, l-elementi rilevanti kollha ta’ kull każ, inklużi indizji li jippermettu li wieħed jikkunsidra li, b’differenza mill-kawża preżenti, l-għażla tal-mezzi tat-trasport u tal-punti fejn il-merkanzija tinħareġ mid-dwana tkun intiża li tfixkel il-paragun ta’ bejn il-prezzijiet tal-importazzjonijiet u tal-prodotti Komunitarji.

69      Għandu għalhekk jintlaqa’ l-ilment ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mqajjem mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ħames grupp ta’ motivi tagħhom.

70      Għandu jiġi osservat li, mingħajr l-aġġustament applikat għall-prezzijiet tal-esportazzjoni ta’ Kazchrome hekk kif stabbilit fil-premessa 67 tar-regolament ikkontestat, il-prodotti tar-rikorrenti ma kinux jiġu kkunsidrati bħala li huma s-suġġett ta’ dumping jew, minn tal-inqas, il-marġni tad-dumping stabbilit kien ikun inqas minn dak ikkalkolat fir-regolament ikkontestat u li serva sabiex jiġi ddeterminat id-dazju antidumping impost (premessa 170). Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li l-kalkolu tal-prezzijiet tal-esportazzjonijiet tar-rikorrenti lejn il-Komunità fil-mument tat-tranżitu tagħhom fuq il-fruntiera ta’ bejn il-Bjelorussja u l-Litwanja kellu bħala effett twaqqigħ tal-prezzijiet meta mqabbla ma’ dawk tal-industrija Komunitarja li huwa l-bażi tal-konklużjoni li l-importazzjoni tal-prodotti tar-rikorrenti kienet ikkawżat il-ħsara mġarrba mill-industrija Komunitarja (premessa 145 tar-regolament ikkontestat). Minn dan jirriżulta li ż-żewġ ilmenti li ntlaqgħu mill-Qorti Ġenerali jittrattaw evalwazzjonijiet li jikkostitwixxu l-bażi meħtieġa għall-impożizzjoni ta’ dazju antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ SiMn prodott minn Kazchrome.

71      Fid-dawl ta’ dak li għadu kemm intqal, hemm lok li r-regolament ikkontestat jiġi annullat għal dak li jirrigwarda l-importazzjonijiet ta’ SiMn prodott minn Kazchrome, mingħajr ma jkun hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar il-motivi u l-argumenti l-oħra mqajma mir-rikorrenti

 Fuq it-talba għad-danni

72      Permezz ta’ din it-talba, ir-rikorrenti jixtiequ jiksbu kumpens għal tliet tipi ta’ danni li jikkonsistu fit-telf ta’ profitti, fl-ispejjeż li saru minħabba l-proċedura u fit-telf imġarrab fil-valur tal-azzjoni tal-kumpannija parent tagħhom fis-7 ta’ Diċembru 2007.

73      Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità fir-rigward ta’ aġir illegali tal-korpi tagħha huwa meħtieġ li jkunu sodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir imputat kontra l-istituzzjoni, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1982, Oleifici Mediterranei vs KEE, 26/81, Ġabra p. 3057, punt 16, u tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Lulju 1998, Bergaderm et Goupil vs Il-Kummissjoni, T‑199/96, Ġabra p. II‑2805, punt 48). Meta waħda mit-tliet kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità ma tkunx sodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Frar 2002, Förde-Reederei vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑170/00, Ġabra p. II‑515, punt 37, u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      Fil-każ inkwistjoni, l-evalwazzjoni għandha tinbeda bil-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-illegalitajiet allegati u d-dannu invokat.

75      Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, ir-rabta kawżali bejn it-telf ta’ profitti u l-illegalitajiet invokati, ir-rikorrenti jsostnu li, li kieku l-Kummissjoni ma aġixxietx b’mod illegali meta bdiet il-proċedura kontra l-Każakistan, meta kompliet bil-proċedura u meta proponiet miżuri, u li kieku l-Kunsill ma adottax b’mod illegali r-regolament ikkontestat, huma kienu jiġġeneraw ħafna iktar profitti minn dawk li fil-fatt kisbu fuq is-suq Komunitarju. Huma jsostnu f’dan ir-rigward li l-bejgħ ta’ ENRC lill-Komunità juri, mill-bidu tal-proċedura antidumping sal-preżentata tar-rikors, tnaqqis ta’ ċertu importanza fil-valur totali ta’ [kunfidenzjali].

76      Għandu jiġi kkonstatat li sempliċi riferiment għat-tnaqqis fl-ammont tal-bejgħ ma jistax ikun biżżejjed sabiex tintwera r-rabta kawżali meħtieġa mill-ġurisprudenza sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li mill-proċess jirriżulta li l-ammont tal-importazzjonijiet u tal-bejgħ tal-industrija Komunitarja jinbidel b’mod radikali minn sena għall-oħra. Għalhekk, b’mod partikolari, filwaqt li r-rikorrenti jallegaw li d-differenza bejn l-ammont tal-bejgħ fl-2006 u dak tal-2007 hija biżżejjed sabiex tintwera r-rabta kawżali, mill-argumenti tagħhom fil-kuntest tat-talba tagħhom għal annullament, b’mod partikolari mill-motiv li jirrigwarda l-akkumulazzjoni bejn l-importazzjonijiet tagħhom u dawk tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, jirriżulta li l-esportazzjoni tagħhom lejn il-Komunità fl-2004 [kunfidenzjali] kienu inqas minn dawk tal-2007 [kunfidenzjali], minkejja li f’dak iż-żmien ma kien hemm ebda investigazzjoni dwarhom. Bl-istess mod, il-paragun bejn iċ-ċifri tal-esportazzjonijiet tal-2006 [kunfidenzjali] u dawk tal-2007 [kunfidenzjali] u bejn iċ-ċifri tal-esportazzjonijiet tal-2002 u tal-2003 [kunfidenzjali] u dawk tal-2004 [kunfidenzjali] juri li t-tnaqqis sostanzjali fl-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Każakistan ma humiex unikament il-konsegwenza tal-ftuħ ta’ proċedura antidumping jew tal-impożizzjoni tad-dazji antidumping.

77      Il-paragun tal-ammonti ta’ bejgħ indikati fir-regolament ikkontestat fir-rigward ta’ pajjiżi oħra jikkonferma n-natura varjabbli tal-imsemmija ammonti skont is-snin fuq is-suq inkwistjoni. B’hekk, it-tabella li tidher fil-premessa 137 tar-regolament ikkontestat u li tirrigwarda l-importazzjonijiet fil-Komunità li joriġinaw mill-Afrika t’Isfel, tindika żieda ta’ 70 % fl-2003 (81 330 tunnellata) meta mqabbla mal-2002 (47 808 tunnellata), segwita bi tnaqqis ta’ 27.76 % fl-2004 (58 753 tunnellata) meta mqabbla mal-2003. It-tabella li tidher fil-premessa 138 tar-regolament ikkontestat u li tirrigwarda l-importazzjonijiet fil-Komunità li joriġinaw minn pajjiżi terzi minbarra n-Norveġja, l-Indja, l-Afrika t’Isfel u l-pajjiżi kkonċernati mill-investigazzjoni tindika żieda ta’ 28 % fl-2003 (108 539 tunnellata) meta mqabbla mal-2002 (84 904 tunnellata) segwita b’żieda oħra ta’ 15.05 % fl-2004 (124 872 tunnellata) meta mqabbla mal-2003, filwaqt li l-paragun bejn iċ-ċifri għas-snin 2004 u 2005 (63 178 tunnellata) juri tnaqqis ta’ 49.41 %.

78      Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, ir-rabta kawżali bejn l-ispejjeż li saru minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċedura amministrattiva u l-illegalitajiet invokati, ir-rikorrenti jsostnu li, li kieku l-Kummissjoni ma inkludietx, b’mod żbaljat, lill-Każakistan fl-investigazzjoni, huma ma kinux iġarrbu dawk l-ispejjeż u li, kieku, ġaladarba bdiet il-proċedura, il-Kummissjoni ma kinitx aġġixxiet b’nuqqas ta’ osservanza gravi u manifesta tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u/jew b’abbuż tal-poter tagħha, il-kooperazzjoni tagħhom u l-ispejjeż konnessi kienu jevitawalhom l-impożizzjoni tad-dazju antidumping.

79      Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li, kif isostni l-Kunsill, l-ispejjeż li saru għall-finijiet tal-parteċipazzjoni fil-proċedura amministrattiva setgħu jkunu kkawżati biss, l-iktar l-iktar, mill-ftuħ tal-investigazzjoni u mill-iżvolġiment tagħha u mhux mill-adozzjoni tar-regolament ikkontestat fih innifsu.

80      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, id-dannu għandu jirriżulta direttament mill-illegalità invokata u mhux mill-għażla tar-rikorrent fir-rigward ta’ kif għandu jirreaġixxi għall-att allegatament illegali. F’dan is-sens, ġie kkunsidrat li s-sempliċi fatt li l-aġir illegali kkostitwixxa kundizzjoni neċessarja (conditio sine qua non) għall-ħolqien tad-dannu, fis-sens li dan ma kienx jinħoloq fl-assenza ta’ dan l-aġir, ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita rabta każwali (ara f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T‑113/04, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punti 31 sa 40).

81      Issa, il-produtturi/esportaturi (jew kwalunkwe parti oħra interessata) ma humiex obbligati jipparteċipaw fi proċedura antidumping (digriet tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Marzu 1996, Dysan Magnetics u Review Magnetics vs Il-Kummissjoni, T‑134/95, Ġabra p.II‑181, punt 27) u dawn huma liberi li jevalwaw l-opportunità u l-interess li jipparteċipaw kif ukoll l-intensità tal-parteċipazzjoni tagħhom u tal-ispejjeż li jsiru għal dan il-għan. Barra minn hekk, dawn huma liberi, b’mod partikolari, li jagħżlu li jipparteċipaw unikament billi jitolbu lill-persunal tagħhom sabiex jiġbru l-affermazzjonijiet rilevanti u li jiġu rrappreżentati mill-persunal tas-servizz ġuridiku tagħhom jew li jinkarigaw uffiċċju ta’ avukati għal dan il-għan.

82      Fi kwalunkwe każ, kif isostni l-Kunsill, l-ispejjeż invokati li jikkorrispondu għax-xogħol tal-persunal tar-rikorrenti ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li għandhom konnessjoni diretta mal-investigazzjoni minħabba li s-salarju tal-persunal tagħhom kellu jitħallas indipendentement mill-eżistenza ta’ proċedura antidumping li kienet għaddejja. Barra minn hekk, ir-rikorrenti lanqas biss ma sostnew li l-persuni li pparteċipaw fil-proċedura kienu ġew irreklutati sabiex isegwu din il-proċedura jew li dawn il-persuni kienu ser jitkeċċew fin-nuqqas ta’ volum ta’ xogħol supplimentari kkawżat mill-investigazzjoni.

83      Għal dak li jirrigwarda l-ħlas tal-avukati, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li r-rikorrenti sempliċement jinvokaw dawn l-ispejjeż mingħajr biss jippruvaw juru li dawn kienu indispensabbli u li ma jirriżultawx mill-għażla tagħhom fir-rigward tal-mod kif jirreaġixxu għall-ftuħ tal-investigazzjoni.

84      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ma jistabbilixxux l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-illegalitajiet li huma jallegaw u l-ewwel żewġ tipi ta’ dannu li qegħdin jinvokaw. Għalhekk, it-talba għad-danni għandha tiġi rrifjutata għal dak li jirrigwarda dan l-allegat dannu mingħajr ma jkun meħtieġ li tiġi eżaminata l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju jew ir-realtà tad-dannu invokat.

85      Għal dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, id-dannu li jikkonsisti fit-telf imġarrab minħabba t-tnaqqis fil-valur tal-azzjoni tal-kumpannija parent tar-rikorrenti fis-7 ta’ Diċembru 2007, għandu jiġi kkonstatat li dan b’ebda mod ma jissemma fil-kuntest tal-argumenti tagħhom dwar ir-rabta kawżali. Issa, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li japplika għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess Statut, u skont l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikors għandu jinkludi, b’mod partikolari, is-suġġett tal-kawża u espożizzjoni sommarja tal-motivi mressqa. Dawn l-elementi għandhom ikunu ċari u preċiżi biżżejjed sabiex jippermettu lill-konvenut jippreprara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar ir-rikors, jekk hemm bżonn, mingħajr informazzjoni oħra (digrieti tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 1993, De Hoe vs Il-Kummissjoni, T‑85/92, Ġabra p. II‑523, punt 20; tal-21 ta’ Mejju 1999, Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni, T‑154/98, Ġabra p. II‑1703, punt 49, u tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 1999, Ismeri Europa vs Il-Qorti tal-Awdituri, T‑277/97, Ġabra p. II‑1825, punt 29). Għaldaqstant, it-talba għad-danni għandha tiġi rrifjutata bħala inammissibbli għal dak li jirrigwarda dan l-aħħar dannu invokat.

86      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, it-talba għad-danni għandha tiġi rrifjutata fit-totalità tagħha.

 Fuq it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedra u għal miżuri istruttorji

87      Ir-rikorrenti talbu lill-Qorti Ġenerali sabiex din titlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jipproduċu sensiela sħiħa ta’ dokumenti rigward uħud mill-ilmenti li kienu qajmu kif ukoll sabiex tordna l-ħatra ta’ espert indipendenti fl-ekonomija sabiex jistabbilixxi rapport dwar diversi aspetti tal-kawża.

88      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ma hemmx lok li tintalab il-produzzjoni tad-dokumenti msemmija mir-rikorrenti u lanqas għall-ħatra ta’ espert indipendenti fl-ekonomija.

 Fuq l-ispejjeż

89      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu sa fejn ir-rikors tagħhom kien indirizzat kontra l-Kummissjoni, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż tagħha.

90      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. Fiċ-ċirkustanzi preżenti, għandu jiġi deċiż li r-rikorrenti għandhom ibatu n-nofs l-ispejjeż tagħhom u li l-Kunsill għandu jbati n-nofs l-ieħor tal-ispejjeż tagħhom kif ukoll l-ispejjeż tiegħu stess.

91      Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tordna li parti intervenjenti, li ma hijiex waħda minn dawk imsemmija fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi ta’ din id-dispożizzjoni, għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess. Fiċ-ċirkustanzi preżenti, hemm lok li jiġi deċiż li Euroalliages għandha tħallas l-ispejjeż tagħha stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1420/2007, tal-4 ta’ Diċembru 2007, li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ silikomanganiż li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u fil-Każakstan u li jtemm il-proċediment dwar l-importazzjonijiet ta’ silikomanganiż li joriġinaw fl-Ukrajna, huwa annullat sa fejn japplika għall-importazzjonijiet ta’ silikomanganiż prodott minn Transnational Company “Kazchrome” AO.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Transnational Company “Kazchrome” u ENRC Marketing AG għandhom ibatu nofs l-ispejjeż tagħhom kif ukoll l-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea.

4)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati nofs l-ispejjeż ta’ Transnational Company “Kazchrome” u ta’ ENRC Marketing kif ukoll l-ispejjeż tiegħu stess.

5)      Euroalliages għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Czúcz

Labucka

Gratsias

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-30 ta’ Novembru 2011

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 Data kunfidenzjali moħbija.