Language of document :

Appell ippreżentat fil-21 ta' Mejju 2010 minn Y mis-sentenza mogħtija fis-7 ta' Ottubru 2009 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-29/08, Y vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-193/09 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Y (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: J. Van Rossum, avukat)

Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellant

tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku mogħtija fis-7 ta' Ottubru 2009 (Kawża F-29/08, Y vs Il-Kummissjoni) li tiċħad ir-rikors tal-appellant;

tannulla d-deċiżjoni tal-24 ta' Mejju 2007 li tilliċenzja lill-appellant;

tikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tħallsu r-remunerazzjoni li kien ikompli jirċievi li kieku l-kuntratt tiegħu ma ntemmx qabel, kif ukoll l-allowances kollha li jistgħu jkunu dovuti lilu;

tikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tħallsu kumpens ta' EUR 500 000 bħala kumpens għad-danni morali subiti minnu;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan l-appell, l-appellant jitlob l-annullament tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (TSP) tas-7 ta' Ottubru 2009, mogħtija fil-Kawża Y vs Il-Kummissjoni, F-29/08, li tiċħad ir-rikors li permezz tiegħu l-appellant kien talab, minn naħa waħda, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-liċenzjament tiegħu u, min-naħa l-oħra, il-ħlas tad-danni.

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant isostni illi t-TSP kkommetta żbalji ta' liġi:

billi kkunsidra illi l-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tikkonsulta mal-kumitat tar-rapporti filwaqt li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' April 2004 li stabbilixxiet id-dispożizzjonijiet ġenerali ta' eżekuzzjoni fir-rigward ta' proċeduri li jirregolaw ir-reklutaġġ u l-impjieg tal-membri tal-persunal bil-kuntratt timponi tali konsultazzjoni;

billi kkunsidra li l-appellant kien ġie liċenzjat b'mod validu minkejja illi huwa ma setax isostni l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-opinjoni tal-kumitat tar-rapporti li ma ġiex innotifikat biha;

billi ddeċieda illi n-nuqqas ta' notifika lill-appellant tal-opinjoni tal-kumitat tar-rapporti ma jiksirx id-drittijiet tad-difiża tiegħu;

billi kkunsidra illi d-deċiżjoni ta' liċenzjament ma kinitx ibbażata fuq l-opinjoni tal-kumitat tar-rapporti, minkejja illi din l-opinjoni kienet espressament imsemmija fir-raġunijiet tad-deċiżjoni ta' liċenzjament;

billi qies illi l-istituzzjoni bbażat ruħha biss fuq ilmenti u fuq fatti msemmija fir-rapport dwar il-perijodu ta' prova tal-appellant, minkejja illi mill-kliem ta' din id-deċiżjoni jirriżulta illi kienet ibbażata fuq aspetti relatati ma' allegazzjonijiet ta' korruzzjoni passiva;

billi qies illi d-deċiżjoni ta' liċenzjament kellha bażi valida minkejja illi kienet ibbażata fuq ilmenti u fatti li seħħew qabel id-dħul fis-servizz tal-appellant bħala membru tal-persunal bil-kuntratt;

billi qies illi d-deċiżjon ta' liċenzjament ma kinitx sanzjoni dixxiplinari minkejja li n-nuqqasijiet li dwarhom ġie kkritikat l-appellant taw lok għal bidu ta' proċeduri dixxiplinari li jirrigwardaw l-istess fatti u l-istess aġir bħal dawk użati sabiex jiġġustifikaw id-deċiżjoni ta' liċenzjament.

____________