Language of document : ECLI:EU:C:2024:414

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ‑BORDONA

ippreżentati fis‑16 ta’ Mejju 2024 (1)

Kawżi magħquda C512/22 P u C513/22 P

Finanziaria d’investimento Fininvest S.p.A. (Fininvest)

vs

Silvio Berlusconi,

IlBank Ċentrali Ewropew (BĊE) (C512/22 P)

u

Marina Elvira Berlusconi, Pier Silvio Berlusconi, Barbara Berlusconi, Eleonora Berlusconi u Luigi Berlusconi bħala aventi kawża ta’ Silvio Berlusconi,

Silvio Berlusconi

vs

Finanziaria d’investimento Fininvest S.p.A. (Fininvest),

IlBank Ċentrali Ewropew (BĊE) (C513/22 P)

“Appell – Direttiva 2013/36/UE – Sorveljanza prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu – Evalwazzjoni ta’ akkwisti ta’ holdings kwalifikanti – Regolament (UE) Nru 1024/2013 – Mekkaniżmu Superviżorju Uniku – Setgħat tal-Bank Ċentrali Ewropew – Holding kwalifikanti preċedenti – Oppożizzjoni għall-akkwist mill-kumpannija finanzjarja Fininvest ta’ holdings kwalifikanti f’Banca Mediolanum”






1.        Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest (2), iċċarat l-eżerċizzju tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew (iktar ’il quddiem il-“BĊE”) fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi mibdija sabiex jiġu evalwati l-komunikazzjonijiet ta’ akkwist u ta’ bejgħ ta’ holdings kwalifikanti f’istituzzjonijiet ta’ kreditu.

2.        Wara din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fis-sentenza tagħha stess tal‑11 ta’ Mejju 2022 (3), ir-rikors ippreżentat kontra d-Deċiżjoni tal-BĊE tal‑25 ta’ Ottubru 2016 (4), li opponiet l-akkwist tal-holding kwalifikanti, minn Silvio Berlusconi u minn Finanziaria d’investimento Fininvest SpA (Fininvest), f’Banca Mediolanum SpA.

3.        Fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ appelli magħquda, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tindirizza:

–      il-kunċett ta’ akkwist jew ta’ żieda ta’ holding kwalifikanti f’istituzzjoni ta’ kreditu.

–      l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni għall-holdings kwalifikanti qabel id-dħul fis-seħħ tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (iktar ’il quddiem l-“MSU”).

I.      Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

4.        Ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni Ewropea applikabbli f’dan l-appell jikkorrispondu, essenzjalment, għal dawk li rriproduċejt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑219/17 (5). Għalhekk ser nirreferi għalihom, iżda mingħajr il-bżonn li nippriduċihom mill-ġdid.

5.        Id-dispożizzjonijiet iċċitati dak iż-żmien kienu jikkorrispondu:

–      għad-Direttiva 2013/36/UE (6).

–      għar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 (7).

–      għar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (8).

B.      Iddritt nazzjonali

6.        Nirreferi wkoll għall-artikoli tat-Test Uniku dwar il-Banek (9) u għal dispożizzjonijiet oħra tad-dritt Taljan li ċċitajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑219/17.

II.    Ilfatti, ilproċedura quddiem ilQorti Ġenerali u ssentenza appellata

7.        Il-fatti li wasslu għall-kawża huma spjegati fil-punti 1 sa 13 tas-sentenza appellata kif ġej:

“Finanziaria d’investimento Fininvest SpA (Fininvest) hija kumpannija holding rregolata mid-dritt Taljan [li kienet] miżmuma 61.21 % minn Silvio Berlusconi permezz ta’ holdings f’erba’ kumpanniji rregolati mid-dritt Taljan.

Mediolanum kienet kumpannija finanzjarja holding imħallta kkwotata fil-Borża li, sat‑30 ta’ Diċembru 2015, kellha 100 % tal-kapital ta’ Banca Mediolanum SpA.

Fininvest kellha 30.1 % tal-kapital azzjonarju ta’ Mediolanum u Fin. Prog. Italia kellha 26.5 % tal-kapital ta’ din il-kumpannija.

Wara d-dħul fis-seħħ tad-[decreto legislativo no 53 (10)], il-Banca d’Italia (il-Bank tal-Italja) fetaħ proċedura ta’ evalwazzjoni tar-rikorrenti, Fininvest u S. Berlusconi, fil-kwalità tagħhom ta’ azzjonisti kwalifikanti f’kumpanniji finanzjarji holding imħallta.

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Ottubru 2014, il-Bank tal-Italja qies li l-kundizzjoni ta’ reputazzjoni tajba meħtieġa mid-decreto ministeriale [144/1998], […] ma kinitx għadha ssodisfatta minn S. Berlusconi minħabba l-kundanna definittiva tiegħu għal piena ta’ priġunerija minħabba reat ta’ frodi fiskali b’konsegwenza tas-sentenza Nru 35729/13 tal-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), tal‑1 ta’ Awwissu 2013 (iktar ’il quddiem id-‘deċiżjoni tas‑7 ta’ Ottubru 2014’).

Għal din ir-raġuni, il-Bank tal-Italja, minn naħa, ordna s-sospensjoni tad-drittijiet tal-vot tar-rikorrenti u t-trasferiment tal-ishma tagħhom li jaqbżu 9.99 % f’Mediolanum u, min-naħa l-oħra, ċaħad l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni mressqa minn dawn tal-aħħar għall-finijiet taż-żamma ta’ holding kwalifikanti.

Ir-rikorrenti kkontestaw id-deċiżjoni tas‑7 ta’ Ottubru 2014 quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja), li, permezz ta’ sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2015, ċaħdet ir-rikors.

Fit‑30 ta’ Diċembru 2015, permezz ta’ tranżazzjoni ta’ amalgamazzjoni [fużjoni] inversa, Mediolanum ġiet assorbita mill-kumpannija sussidjarja tagħha, Banca Mediolanum.

Fit‑3 ta’ Marzu 2016, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) laqa’ l-appell ippreżentat mir-rikorrenti kontra s-sentenza tat-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio) u annulla d-deċiżjoni tas‑7 ta’ Ottubru 2014.

B’reazzjoni għall-amalgamazzjoni msemmija […] u għas-sentenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) tat‑3 ta’ Marzu 2016 […], il-Bank tal-Italja u l-Bank Ċentrali Ewropew […] qiesu li kienet meħtieġa applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ġdida dwar dan il-holding kwalifikanti, konformement mal-Artikoli 22 et seq. tad-Direttiva 2013/36 […] kif ukoll mal-Artikoli 19 et seq. ta[t-TUB].

Permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Lulju 2016, il-Bank tal-Italja stieden lil Fininvest tressaq applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ akkwist ta’ holding kwalifikanti f’terminu ta’ ħmistax-il jum. Peress li ma tressqet ebda applikazzjoni […], il-Bank tal-Italja ddeċieda, fit‑3 ta’ Awwissu 2016, li jiftaħ ex officio proċedura amministrattiva kontra Fininvest, li fi tmiemha huwa bagħat lill-BĊE, skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament [Nru 1024/2013], proposta ta’ deċiżjoni bid-data tat‑23 ta’ Settembru 2016 li kienet tinkludi opinjoni negattiva fir-rigward tar-reputazzjoni tajba tal-akkwirenti tal-holding inkwistjoni f’Banca Mediolanum u li stiednet lill-BĊE joġġezzjona għall-akkwist.

Permezz tad-Deċiżjoni […] tal‑25 ta’ Ottubru 2016, il-BĊE oġġezzjona għall-akkwist mir-rikorrenti tal-holding kwalifikanti f’Banca Mediolanum minħabba li r-rikorrenti ma kinux jissodisfaw il-kundizzjoni ta’ reputazzjoni tajba u minħabba li kien hemm dubji serji dwar il-kapaċità tagħhom li jiżguraw fil-futur ġestjoni soda u prudenti ta’ din l-istituzzjoni finanzjarja […].

B’mod partikolari, il-BĊE qies, b’applikazzjoni tal-Artikoli 19 u 25 tat-TUB kif ukoll tal-Artikolu 1 tad-Digriet Ministerjali Nru 144, li jittrasponi d-Direttiva 2013/36, li, fid-dawl tal-fatt li S. Berlusconi, azzjonist maġġoritarju u proprjetarju effettiv ta’ Fininvest, kien l-akkwirent indirett tal-holding f’Banca Mediolanum u fid-dawl tal-fatt li huwa kien ġie kkundannat b’mod definittiv għal piena ta’ erba’ snin priġunerija minħabba frodi fiskali, il-kundizzjoni ta’ reputazzjoni tajba imposta fuq id-detenturi ta’ holdings kwalifikanti, fis-sens tal-Artikolu 23(1)(a) tad-Direttiva 2013/36 kif trasposta, ma kinitx issodisfatta. Il-BĊE bbaża ruħu wkoll fuq il-fatt li S. Berlusconi kien wettaq irregolaritajiet oħra u kien suġġett għal kundanni oħra, l-istess bħal membri oħra tal-korpi ta’ tmexxija ta’ Fininvest.”

8.        Din l-espożizzjoni tista’ tiġi kkompletata biż-żieda ta’ ċerti ċirkustanzi fattwali li esponejt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑219/17:

–      il-bordijiet tad-diretturi taż-żewġ kumpanniji qablu dwar fużjoni permezz ta’ “assorbiment invers” ta’ Mediolanum minn Banca Mediolanum (11). Dan il-proġett ta’ fużjoni ġie kkomunikat lill-Bank tal-Italja fis‑26 ta’ Mejju 2015, sabiex tinkiseb l-awtorizzazzjoni tiegħu, f’konformità mal-Artikolu 57 tat-TUB.

–      permezz tad-Deċiżjoni Nru 7969932/21 tal‑21 ta’ Lulju 2015 il-Bank tal-Italja awtorizza l-fużjoni proposta. Fl-ittra li tirreferi għal din id-deċiżjoni, tat‑23 ta’ Lulju 2015, huwa kkonferma d-deċiżjoni tas‑7 ta’ Ottubru 2014, filwaqt li ppreċiża li l-obbligu ta’ bejgħ previst minn din tal-aħħar kellu jinftiehem bħala “li jirreferi għall-azzjonijiet ta’ Banca Mediolanum li, wara l-fużjoni, ser jingħataw [lil Fininvest] inkambju għall-azzjonijiet tal-[kumpannija] Mediolanum.”

9.        Fit‑23 ta’ Diċembru 2016, Fininvest u S. Berlusconi ppreżentaw quddiem il-Qorti Ġenerali rikors għal annullament kontra d-Deċiżjoni tal-BĊE tal‑25 ta’ Ottubru 2016.

10.      Il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, bħala miżura ta’ organizzazzjoni, stiednet lill-partijiet sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu, fil-kawża ineżami, mis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest.

11.      Fil‑21 ta’ Jannar 2019, fid-dawl ta’ din is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appellanti invokaw motivi ġodda ta’ annullament, skont l-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li dwarhom iddeċidew il-BĊE u l-Kummissjoni Ewropea.

12.      Ir-rikorrenti talbu li l-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż, fatt li dan tal-aħħar u l-Kummissjoni opponew għalih.

13.      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għal annullament fl-intier tiegħu u kkundannat lil Fininvest u lil S. Berlusconi jbatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-BĊE, filwaqt li l-Kummissjoni kellha tbati l-ispejjeż tagħha.

III. Ittalbiet talpartijiet u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

14.      Fit‑22 ta’ Lulju 2022, Fininvest u S. Berlusconi (12) ppreżentaw appelli, b’kontenut analogu, mis-sentenza appellata.

15.      Fl-appelli tagħhom, Fininvest u S. Berlusconi jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–      tannulla s-sentenza appellata.

–      b’konsegwenza ta’ dan, tannulla d-Deċiżjoni tal-BĊE tal‑25 ta’ Ottubru 2016.

–      sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni.

–      tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż tal-istanza.

16.      Il-BĊE u l-Kummissjoni talbu li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appelli bħala parzjalment inammissibbli jew ineffettivi u, fi kwalunkwe każ, bħala infondati, jekk ikun meħtieġ, billi tissostitwixxi ċerti motivi tas-sentenza appellata. Il-Kummissjoni titlob, sussidjarjament, li r-rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni kkontestata jiġu miċħuda. Barra minn hekk, huma jitolbu li S. Berlusconi u Fininvest jiġu kkundannati għall-ispejjeż.

17.      Iż-żewġ appelli ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub, tal-proċedura orali u tas-sentenza.

18.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ż-żamma ta’ seduta ma kinitx meħtieġa u li kien meħtieġ li jiġu fformulati konklużjonijiet dwar l-ewwel, it-tieni u d-disa’ aggravju.

IV.    Ammissibbiltà talappelli

19.      Il-BĊE joġġezzjona li l-allegata riabilitazzjoni ta’ S. Berlusconi, li ġiet deċiża fil‑11 ta’ Mejju 2018 (13), tippermettilu jitlob evalwazzjoni mill-ġdid tar-reputazzjoni tajba tiegħu, li l-assenza tagħha ġiet iddeterminata mid-deċiżjoni kkontestata. Minn dan il-BĊE jiddeduċi li l-appellanti ma għandhomx interess li jiksbu l-annullament ta’ din id-deċiżjoni u tas-sentenza appellata.

20.      L-oġġezzjoni ma tistax tintlaqa’ peress li kemm S. Berlusconi (issa, il-werrieta tiegħu) kif ukoll Fininvest għad għandhom interess li tiġi annullata deċiżjoni, kif ukoll is-sentenza li tkun tikkonfermaha, li huma jqisu li hija ta’ preġudizzju għall-interessi tagħhom.

V.      Kunsiderazzjonijiet preliminari: Kunċett ta’ akkwist jew ta’ żieda ta’ holding kwalifikanti

21.      Qabel ma nanalizza l-aggravji, infakkar li l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tal-holdings kwalifikanti hija intiża li tiggarantixxi li biss persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ma jipperikolawx il-funzjonament tajjeb tas-suq bankarju jkollhom aċċess għalih.

22.      B’mod partikolari, l-evalwazzjoni għandha l-għan li tivverifika li l-akkwirent propost igawdi minn reputazzjoni tajba u mis-solidità finanzjarja indispensabbli, b’tali mod li l-istituzzjoni li l-holding tagħha tkun ser tiġi akkwistata tkompli tissodisfa r-rekwiżiti prudenzjali tagħha. L-evalwazzjoni tgħin ukoll sabiex jiġi evitat li t-tranżazzjoni tkun iffinanzjata minn fondi provenjenti minn attivitajiet illegali (14).

23.      L-Artikolu 2(8) tar-Regolament MSU jirreferi għad-definizzjoni ta’ “holding kwalifikanti” li tinsab fil-punt 36 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 (15). Din tfisser “holding diretta jew indiretta f’impriża li tirrapreżenta 10 % jew aktar tal-kapital jew tad-drittijiet tal-vot jew li jagħmluha possibbli li tkun eżerċitata influwenza fuq il-maniġment ta’ dik l-impriża.”

24.      L-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2013/36 jimponi l-obbligu ta’ komunikazzjoni fuq “[…] kull persuna fiżika jew ġuridika jew tali persuni li jaġixxu b’mod konġunt (l-‘akkwirent propost’) li ħadu deċiżjoni jew li jixtru, b’mod dirett jew indirett, parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti f’istituzzjoni ta’ kreditu jew li jkomplu jżidu, b’mod dirett jew indirett, tali parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti f’istituzzjoni ta’ kreditu li, bħala riżultat tagħha, il-proporzjon tad-drittijiet tal-vot jew tal-kapital miżmum jilħaq jew jaqbeż l‑20 %, it‑30 % jew il‑50 % jew b’mod li l-istituzzjoni ta’ kreditu ssir sussidjarja tagħha […] (16).”

25.      Mill-qari flimkien ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-“holding kwalifikanti” hija l-holding, diretta jew indiretta, f’istituzzjoni ta’ kreditu li:

–      tirrappreżenta l‑10 % jew iktar tal-kapital jew tad-drittijiet tal-vot tal-kumpannija; jew

–      tippermetti li tiġi eżerċitata influwenza sinjifikattiva fil-ġestjoni tal-impriża; jew

–      twassal sabiex l-istituzzjoni ta’ kreditu ssir is-sussidjarja tal-akkwirent propost.

26.      L-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2013/36 jipprevedi l-obbligu li jiġu kkomunikati l-akkwisti ta’ dan it-tip ta’ holdings f’istituzzjoni ta’ kreditu u jassimila magħhom iż-żidiet, diretti jew indiretti, ta’ tali holdings meta l-proporzjon ta’ drittijiet ta’ vot jew ta’ kapital miżmum ikun ugwali għal jew iktar minn 20 %, 30 %  50 %.

27.      Ir-rekwiżiti għall-evalwazzjoni tal-akkwisti u taż-żidiet ta’ holdings kwalifikanti huma stabbiliti fl-Artikoli 22 sa 27 tad-Direttiva 2013/36. Il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali ma jistgħux jistabbilixxu rekwiżiti iktar stretti (17).

28.      L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2013/36 jarmonizza l-kriterji sostantivi sabiex jiġu evalwati l-akkwist jew iż-żieda ta’ holding kwalifikanti (18). Sabiex tiġi omoġenizzata l-prattika tal-Istati Membri, fl‑2016 l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej adottaw Linji Gwida Konġunti (19).

29.      Il-proċedura għall-għoti ta’ dawn it-tip ta’ awtorizzazzjonijiet hija rregolata mill-Artikolu 4(1)(c), mill-Artikolu 6(4) u mill-Artikolu 15 tar-Regolament MSU, ikkompletati mill-Artikoli 85 sa 87 tar-Regolament Qafas tal-MSU. Din il-proċedura kienet is-suġġett ta’ evalwazzjoni ddettaljata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest.

30.      Il-BĊE għandu kompetenza esklużiva sabiex jevalwa u jiddeċiedi dwar l-akkwist u ż-żieda ta’ holdings kwalifikanti fl-istituzzjonijiet finanzjarji kollha suġġetti għall-mekkaniżmu superviżorju uniku (20), irrispettivament minn jekk humiex sinjifikattivi u suġġetti għas-superviżjoni diretta mill-BĊE jew mill-awtoritajiet nazzjonali jew le.

VI.    Lewwel aggravju

A.      Largumenti talpartijiet

31.      L-appellanti jikkontestaw l-argumenti mressqa mill-Qorti Ġenerali sabiex tiċħad l-ewwel motiv ta’ annullament invokat quddiemha. Huma jaqsmu l-ewwel aggravju tagħhom f’sitt ilmenti, indikati bl-ittri A, B, C, D, E u F, li jirreferu għall-kwistjonijiet li ġejjin:

–      il-kontroll konġunt eżerċitat mir-rikorrenti fuq Banca Mediolanum. Evalwazzjoni żbaljata tal-konsegwenzi tiegħu.

–      l-istatus ta’ Fininvest bħala detentriċi ta’ holding kwalifikanti f’Banca Mediolanum. Żnaturament tal-fatti u żball ta’ liġi manifest.

–      is-sostituzzjoni, bil-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali, tal-motivazzjoni tal-awtur tad-Deċiżjoni. Ksur tal-Artikoli 263 u 264 TFUE.

–      il-kunċett Ewropew ġdid ta’ akkwist ta’ holding kwalifikanti. Assenza ta’ applikazzjoni tad-dritt nazzjonali.

–      il-ħolqien ta’ każ mhux previst mid-dritt tal-Unjoni mill-Qorti Ġenerali.

–      id-distinzjoni bejn holding indiretta kwalifikanti u holding diretta kwalifikanti: ksur tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2013/36 u tal-Artikolu 22 tat-TUB.

32.      Il-BĊE u l-Kummissjoni jikkontestaw l-argumenti tal-appellanti u jitolbu li dan l-aggravju jiġi miċħud.

B.      Evalwazzjoni

1.      Lewwel u ttieni lment

33.      L-ilment A u B ta’ dan l-ewwel aggravju huma bbażati fuq dawn l-argumenti:

–      il-Qorti Ġenerali (il-punt 81 tas-sentenza appellata) ammettiet li S. Berlusconi u Fininvest kellhom holding kwalifikanti f’Banca Mediolanum, li kienet tippermettilhom jeżerċitaw kontroll konġunt fuq Mediolanum u Banca Mediolanum qabel il-fużjoni inversa.

–      wara li stabbilixxiet din il-premessa (jiġifieri, irrikonoxxiet il-kontroll ta’ Fininvest fuq Banca Mediolanum qabel il-fużjoni), il-Qorti Ġenerali żbaljat meta evalwat il-konsegwenzi ta’ fatt li hija stess ammettiet: peress li l-kontroll kien ippreċeda l-fużjoni, il-BĊE ma kellux jibda proċedura ta’ awtorizzazzjoni għall-akkwist ta’ holding kwalifikanti. Din il-holding kwalifikanti kienet teżisti qabel id-dħul fis-seħħ tar-regoli tal-MSU.

–      il-Qorti Ġenerali qieset (il-punt 70 tas-sentenza appellata) li Fininvest u S. Berlusconi, permezz ta’ Fininvest, kellhom 30.16 % tal-holdings f’Mediolanum, li, min-naħa tagħha, kellha 100 % tal-holdings ta’ Banca Mediolanum. Hija qieset ukoll (il-punt 71 tas-sentenza appellata) li, peress li l-proporzjon tad-drittijiet tal-vot li jistgħu jiġu eżerċitati indirettament, permezz ta’ Mediolanum, minn Fininvest, kien ogħla mil-limitu tal‑20 %, Fininvest u, konsegwentement, S. Berlusconi, indirettament kellhom holding kwalifikanti f’Banca Mediolanum.

–      dawn il-konstatazzjonijiet kellhom iwasslu lill-Qorti Ġenerali tikkonkludi li ma seħħ ebda akkwist bħala riżultat tar-rabta bejn il-fużjoni u s-sentenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) tat‑3 ta’ Marzu 2016, peress li Fininvest u S. Berlusconi kellhom diġà holdings kwalifikanti f’Banca Mediolanum. Għalhekk, l-awtorizzazzjoni tal-BĊE ma kinitx tagħmel sens.

–      billi ma waslet għall-ebda konklużjoni fir-rigward tal-konsegwenzi loġiċi mill-evalwazzjoni tagħha tal-fatti, il-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi.

–      fil-punt 72 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li, wara d-deċiżjoni tas‑7 ta’ Ottubru 2014 (li permezz tagħha l-Bank tal-Italja ssospenda d-drittijiet tal-vot tal-appellanti, irrifjuta li joħroġ awtorizzazzjoni li tippermettilhom iżommu holding kwalifikanti f’Mediolanum u ordnalhom it-trasferiment tal-holdings tagħhom ta’ iktar minn 9.99 % f’Mediolanum), il-holding indiretta tal-appellanti ma kinitx għadha holding kwalifikanti.

–      din il-konklużjoni hija żbaljata, peress li l-holding kwalifikanti tinżamm kollha kemm hija dment li t-trasferiment tal-azzjonijiet ma jseħħx. Fir-rigward tad-drittijiet tal-vot, id-deċiżjoni tas‑7 ta’ Ottubru 2014 ma timplikax, teknikament, is-sospensjoni ta’ dawn id-drittijiet, fid-dawl tal-Artikolu 24 tat-TUB.

–      fil-punt 73 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, wara l-fużjoni permezz ta’ assorbiment ta’ Mediolanum minn Banca Mediolanum, li seħħet fit‑30 ta’ Diċembru 2015, Fininvest saret direttament detentriċi ta’ 9.99 % tal-azzjonijiet ta’ Banca Mediolanum.

–      għal darba oħra, skont l-appellanti, din il-konklużjoni hija żbaljata, peress li l-holding kwalifikanti ta’ Fininvest f’Mediolanum kienet, u baqgħet dejjem l-istess, jiġifieri, 30.16 % tal-kapital azzjonarju.

–      fil-punt 76 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali affermat li, wara l-annullament tad-deċiżjoni tas‑7 ta’ Ottubru 2014 permezz tas-sentenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) tat‑3 ta’ Marzu 2016, Fininvest saret proprjetarja diretta ta’ 30.16 % tal-azzjonijiet ta’ Banca Mediolanum.

–      għal darba oħra, din l-evalwazzjoni, li ssegwi dik taż-żewġ evalwazzjonijiet preċedenti l-oħra, hija żbaljata, skont l-appellanti. L-annullament tad-deċiżjoni tas‑7 ta’ Ottubru 2014 permezz tas-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2016, bl-ebda mod ma biddel il-pożizzjoni inizjali tal-holdings. Għaldaqstant Fininvest ma rkupratx, permezz ta’ din is-sentenza, il-holding tagħha ta’ 30.16 % f’Banca Mediolanum, li qatt ma kienet tilfet. Din is-sentenza hija newtrali fir-rigward tal-ammont tal-holding.

–      Fil-qosor, il-holding ta’ 30.16 % ta’ Fininvest qatt ma naqset għal 9.99 (permezz tad-deċiżjoni tal-Bank tal-Italja) u qatt ma reġgħet saret holding kwalifikanti (wara s-sentenza tal-Kunsill tal-Istat). Din dejjem kienet holding kwalifikanti ta’ 30.16 %.

34.      Inqis li dan l-ilment huwa fondat, għaliex, b’osservanza tal-espożizzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti Ġenerali, din kellha tikkonstata li l-BĊE ma setax jibda l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tal-holdings kwalifikanti.

35.      L-opinjoni tiegħi hija bbażata fuq l‑Artikolu 15 tar‑Regolament MSU u l‑Artikolu 22 tad‑Direttiva 2013/36 It-tnejn jistabbilixxu kontroll tal-akkwist jew taż-żieda ta’ holdings kwalifikanti mill-BĊE mill-mument li daħal fis-seħħ l-MSU, jiġifieri fl‑4 ta’ Novembru 2014.

36.      Madankollu, dan il-kontroll ma jestendix għall-holdings kwalifikanti li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “storiċi”, jiġifieri li kienu jeżistu qabel din id-data. Jekk holding kwalifikanti storika f’istituzzjoni finanzjarja tinżamm, iżda ma tiżdiedx, il-verifika tal-BĊE ma tiġix estiża għaliha.

37.      Dan huwa, preċiżament, l-argument bażiku li l-appellanti jsostnu meta jaffermaw, ġustament, li l-Qorti Ġenerali ma siltitx il-konsegwenzi dovuti wara li qieset li l-holding ta’ S. Berlusconi u Fininvest f’Mediolanum u, permezz ta’ din tal-aħħar, f’Banca Mediolanum kienet holding kwalifikanti storika, preċedenti għad-dħul fis-seħħ tal-MSU, li baqgħet l-istess.

38.      Għall-Qorti Ġenerali, din il-holding storika ġiet affettwata minn tliet avvenimenti, li huma: a) id-deċiżjoni tas‑7 ta’ Ottubru 2014, li ordnat it-trasferiment tal-holdings ta’ S. Berlusconi u Fininvest f’Mediolanum ta’ iktar minn 9.99 %; b) l-assorbiment ta’ Mediolanum minn Banca Mediolanum, li seħħ fit‑30 ta’ Diċembru 2015, li għamel lil Fininvest proprjetarja diretta ta’ 9.99 % tal-azzjonijiet ta’ Banca Mediolanum; u c) l-annullament tad-deċiżjoni tas‑7 ta’ Ottubru 2014 permezz tas-sentenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) tat‑3 ta’ Marzu 2016, li permezz tagħha, Fininvest u S. Berlusconi mill-ġdid reġgħu ġew fil-pussess komplut tal-azzjonijiet tagħhom f’Banca Mediolanum.

39.      Fir-rigward tal-fużjoni, il-Qorti Ġenerali tammetti li S. Berlusconi dejjem kellu holding f’Banca Mediolanum “permezz, l-ewwel, ta’ Fininvest u, mbagħad, ta’ Mediolanum (21).” Madankollu, hija żżid li l-fużjoni permezz ta’ assorbiment invers wasslet għal bidla fl-istruttura ġuridika ta’ din il-holding, li l-BĊE seta’ jikklassifika bħala akkwist “u dan anki jekk l-ammont tal-holding kwalifikanti tar-rikorrenti ma kienx inbidel meta mqabbel ma’ dak miżmum minnhom qabel permezz ta’ Mediolanum (22).”

40.      Kif ser nanalizza fil-kuntest tal-ħames ilment ta’ dan il-motiv, dan l-approċċ tas-sentenza appellata, ibbażat fuq il-kunċett ta’ bidla fl-istruttura ġuridika tal-holding, ma jidhirlix li huwa korrett.

41.      Lanqas ma jidhirli li huwa korrett il-mod ta’ raġunament tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-konsegwenzi li hija tattribwixxi lid-deċiżjoni tas‑7 ta’ Ottubru 2014, jiġifieri fir-rigward tat-tnaqqis tal-holding kwalifikanti ta’ Fininvest u ta’ S. Berlusconi f’Banca Mediolanum għal 9.99 %.

42.      Permezz tad-deċiżjoni tiegħu tas‑7 ta’ Ottubru 2014, il-Bank tal-Italja ordna, ċertament, it-trasferiment tal-azzjonijiet ta’ Fininvest f’Mediolanum li kienu jaqbżu d‑9.99 %. It-trasferiment kellu jseħħ fi żmien 30 xahar mill-ħolqien ta’ trust inkarigat mill-bejgħ. Issa, it-trasferiment tal-azzjonijiet ma twettaqx, minħabba li l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), l-ewwel ordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Bank tal-Italja, u sussegwentement annullaha, b’effett ex tunc, fis-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2016.

43.      Minn din is-sekwenza ta’ atti jirriżulta li l-azzjonijiet rappreżentattivi tal-holding ta’ Fininvest f’Banca Mediolanum kienu għadhom f’idejn din il-kumpannija u ma ġew ittrasferiti lil ebda xerrej.

44.      Konsegwentement, għall-kuntrarju ta’ dak li kkonkludiet il-Qorti Ġenerali (il-punt 72 tas-sentenza appellata), il-holding kwalifikanti ta’ Fininvest u ta’ S. Berlusconi f’Banca Mediolanum ma naqsitx għal 9.99 %, iżda baqgħet l-istess meta beda japplika l-MSU, u meta l-BĊE kiseb il-kompetenza li jawtorizza l-akkwist u ż-żieda ta’ holdings kwalifikanti. L-unika ħaġa li kienet limitata għal perijodu qasir ta’ żmien kienu d-drittijiet tal-vot marbuta mal-azzjonijiet suġġetti għall-obbligu tat-trasferiment.

45.      Dan l-ewwel żball wassal lill-Qorti Ġenerali (il-punt 73 tas-sentenza appellata) twettaq ieħor, meta ddikjarat li, wara l-fużjoni permezz ta’ assorbiment ta’ Mediolanum minn Banca Mediolanum, Fininvest saret detentriċi diretta ta’ 9.99 % tal-azzjonijiet ta’ dan il-bank.

46.      Madankollu, peress li Fininvest diġà kienet id-detentriċi ta’ holding ta’ 30.16 % f’Mediolanum, wara l-fużjoni permezz ta’ assorbiment hija baqgħet iżżomm l-istess holding kwalifikanti ta’ 30.16 % (221 828 000 azzjoni) f’Banca Mediolanum b’mod dirett u mhux 9.99 %, kif qieset il-Qorti Ġenerali.

47.      Dawn iż-żewġ żbalji wasslu lill-Qorti Ġenerali twettaq (il-punt 76 tas-sentenza appellata) ieħor meta sostniet li, wara l-annullament tad-deċiżjoni tal- tas‑7 ta’ Ottubru 2014 permezz tas-sentenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) tat‑3 ta’ Marzu 2016, Fininvest saret detentriċi diretta ta’ 30.16 % tal-azzjonijiet ta’ Banca Mediolanum.

48.      L-imsemmija sentenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) ma wasslitx, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Qorti Ġenerali, għal żieda tal-holding ta’ Fininvest minn 9.99 % għal 30.16 % f’Banca Mediolanum: din il-holding, intenni, ma tnaqqsitx bis-saħħa tad-deċiżjoni tas‑7 ta’ Ottubru 2014.

49.      Dawn it-tliet żbalji tal-Qorti Ġenerali jinvalidaw il-konklużjoni li waslet għaliha fil-punt 77 tas-sentenza appellata (23).

50.      Minn dak li ġie espost hawn fuq jirriżulta li l-holding ta’ Fininvest u ta’ S. Berlusconi f’Banca Mediolanum dejjem kienet holding kwalifikanti ta’ 30.16 %. Fl-assenza ta’ żieda ta’ din il-holding wara d-dħul fis-seħħ tal-MSU, l-awtorizzazzjoni tal-BĊE ma kinitx neċessarja, sabiex titqies bħala holding kwalifikanti “storika”.

51.      Konsegwentement, l-ewwel u t-tieni lment (A u B) tal-ewwel aggravju għandhom jintlaqgħu sa fejn dawn jiżvelaw żball ta’ liġi tas-sentenza appellata dwar il-kundizzjonijiet li jawtorizzaw lill-BĊE jimponi r-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni tal-akkwist jew taż-żieda tal-holdings kwalifikanti fl-istituzzjonijiet ta’ kreditu.

2.      Ittielet ilment (punt C)

52.      L-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli użat argumenti li ma jinsabux fid-Deċiżjoni tal-BĊE, u b’hekk kisret l-Artikoli 263 u 264 TFUE.

53.      Il-kritika hija limitata għal din is-sempliċi formulazzjoni, u tiddikjara li ser tiġi żviluppata fl-ilmenti li ġejjin. Għaldaqstant, din hija nieqsa minn sustanza proprja u għalhekk għandha tiġi miċħuda.

3.      Irraba’ lment (punt D)

54.      Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-Artikolu 4(3) tar-Regolament MSU ma jinkludix riferiment espliċitu għad-drittijiet nazzjonali sabiex jiġi ddeterminat il-kunċett ta’ akkwist ta’ holding kwalifikanti f’istituzzjoni bankarja.

55.      Fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali ma kisritx l-Artikolu 4(3) tar-Regolament MSU (24). Ċertament, din id-dispożizzjoni tipprevedi d-dritt li l-BĊE għandu japplika fl-eżerċizzju tal-kompiti superviżorji tiegħu fil-kuntest tal-MSU. Iżda din ma tirreferix għad-drittijiet nazzjonali sabiex jiġi interpretat kunċett stabbilit minn regola tal-Unjoni, bħall-akkwist ta’ holding kwalifikanti (25).

56.      Fir-rigward ta’ dan il-kunċett, la l-Artikolu 15 tar-Regolament MSU u lanqas l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2013/36 ma jinkludu riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri.

57.      Il-kunċett ta’ akkwist jew ta’ żieda ta’ holding kwalifikanti huwa, kif ġustament qieset il-Qorti Ġenerali (26) , kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha. L-uniformità tisparixxi jekk kull Stat Membru jkun jista’ jiddefinixxih kif ikun jixtieq.

58.      Din hija l-konklużjoni milħuqa mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja: “mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu stabbiliti t-tifsira u l-portata tagħha, għandhom normalment jiġu interpretati awtonomament u b’mod uniformi fl-Unjoni kollha (27).”

59.      Fil-qosor, ir-raba’ lment għandu jiġi miċħud.

4.      Ilħames ilment (punt E)

60.      L-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li assimilat il-kunċett ta’ “akkwist ta’ holding kwalifikanti” ma’ dak ta’ “bidla fl-istruttura ġuridika ta’ holding”. Fl-opinjoni tagħhom, dan l-aħħar kunċett, użat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata (28), huwa estranju għad-dritt tal-Unjoni u ma jistax jintuża f’każijiet bħal din tal-aħħar.

61.      Il-kritika tal-appellanti kontra din is-silta tas-sentenza appellata hija fondata. Il-bidla fl-istruttura ġuridika ta’ holding hija kunċett li la jinsab fid-Direttiva 2013/36 u lanqas fir-Regolament MSU, sabiex jiġi evalwat jekk jeżistix akkwist jew żieda ta’ holding kwalifikanti. Id-dispożizzjonijiet tagħhom ma jispeċifikawx li bidla fl-istruttura ġuridika tista’ tinftiehem bħala akkwist ta’ holding.

62.      Dak li huwa importanti sabiex jiġu evalwati l-akkwist jew iż-żieda, kif ser nispjega iktar ’il quddiem, huwa n-numru ta’ holdings akkwistati (jew miżjuda) (29), iżda mhux l-istruttura ġuridika tagħhom, kunċett bi profili inċerti li jintroduċi wkoll ċerta insigurtà fir-rigward tal-applikazzjoni tiegħu.

63.      Fi kwalunkwe każ, jekk jiġi aċċettat li l-bidliet fl-istruttura ġuridika ta’ holding kienu rilevanti, ikunu biss rilevanti dawk l-emendi sussegwenti għall-istabbiliment tal-MSU, iżda mhux dawk preċedenti, kif diġà spjegajt.

64.      Għall-holdings preċedenti għall-istabbiliment tal-MSU, l-awtorizzazzjoni tal-BĊE tkun meħtieġa biss jekk l-akkwist tagħhom ikun iwassal għal żieda fil-livell ta’ kontroll tal-akkwirent fuq l-istituzzjoni finanzjarja. Il-bidla fl-istruttura ġuridika tal-holding (fil-każ li tiġi rrikonoxxuta r-rilevanza ta’ dan il-kunċett il-ġdid, quod non) ma teħtieġx awtorizzazzjoni tal-BĊE, jekk il-holding kwalifikanti tibqa’ stabbli u ma tiżdiedx.

65.      Hekk ġara fil-kawża ineżami. Fininvest dejjem żammet holding kwalifikanti f’Mediolanum u minħabba dan, f’Banca Mediolanum. Il-fużjoni permezz ta’ assorbiment invers ta’ Mediolanum minn Banca Mediolanum ħolqot riorganizzazzjoni interna tal-istruttura ġuridika tal-grupp ta’ impriżi, iżda l-livell u l-intensità tal-kontroll ta’ Fininvest (30) (u indirettament ta’ S. Berlusconi) fuq din l-istituzzjoni finanzjarja ma nbidlux.

66.      Fi tranżazzjonijiet bħal dik inkwistjoni, li jżommu l-istess livell ta’ kontroll u ta’ influwenza mill-istess persuni u istituzzjonijiet fuq l-istituzzjoni ta’ kreditu, ma hemmx akkwist jew żieda ta’ holding kwalifikanti. F’dan il-kuntest, il-BĊE ma għandux jibda l-proċedura amministrattiva ta’ awtorizzazzjoni.

67.      Il-ħames ilment għandu għalhekk jintlaqa’.

5.      Issitt ilment (punt F)

68.      L-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li n-natura diretta jew indiretta ta’ holding hija element rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk kienx hemm akkwist tal-holding kwalifikanti.

69.      L-Artikolu 22 tad-Direttiva 2013/36 u l-Artikolu 22 tat-TUB jirreferu biss għall-akkwist ta’ holding kwalifikanti, kemm jekk dan ikun dirett jew indirett. Barra minn hekk, S. Berlusconi (li n-nuqqas ta’ reputazzjoni tajba tiegħu wassal għad-Deċiżjoni tal-BĊE) dejjem kellu, qabel u wara l-fużjoni u s-sentenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) tat‑3 ta’ Marzu 2016, holding indiretta fl-istituzzjoni ta’ kreditu.

70.      Dan l-ilment għandu jintlaqa’ wkoll. Mill-punt 8 tal-Artikolu 2 tar-Regolament MSU, mill-punt 36 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament 575/2013 u mill-Artikolu 22 tad-Direttiva 2013/36 jirriżulta li l-ewwel kriterju sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx akkwist jew żieda, diretti jew indiretti (31), ta’ holding kwalifikanti huwa kwantitattiv.

71.      Fil-fatt, l-akkwist għandu jirrappreżenta l‑10 % jew iktar tal-kapital jew tad-drittijiet tal-vot tal-impriża (32) u ż-żieda għandha twassal għal żieda fil-kapital jew fid-drittijiet tal-vot ta’ 20 %, 30 % jew 50 %. Iż-żewġ kriterji l-oħra (influwenza notevoli tal-akkwirent fuq il-ġestjoni tal-impriża u l-istituzzjoni ta’ kreditu li ssir sussidjarja tal-akkwirent) ma japplikawx f’dan il-każ.

72.      B’mod iktar preċiż, għall-finijiet tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2013/36, il-holding kwalifikanti f’istituzzjoni ta’ kreditu tista’ tiġi akkwistata jew miżjuda direttament jew indirettament, mingħajr ma r-riżultat ikun influwenzat mill-użu ta’ xi mezz ta’ akkwist (dirett jew indirett).

73.      Għalhekk, il-fatt determinanti ma huwiex li l-akkwist tal-holding kwalifikanti jkun dirett jew indirett, iżda li dan ikun jeżisti taħt waħda minn dawn il-forom, u li jippermetti li jintlaħaq ċertu livell ta’ kontroll jew ta’ influwenza fuq l-istituzzjoni ta’ kreditu.

74.      Abbażi ta’ din il-premessa, il-Qorti Ġenerali ma interpretatx b’mod korrett l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2013/36, peress li tat importanza lill-bidla ta’ holding indiretta ta’ Fininvest f’Banca Mediolanum f’holding diretta, wara l-fużjoni inversa permezz ta’ assorbiment (33).

75.      Fir-rigward tal-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2013/36, il-Qorti Ġenerali tqis li “[…] meta holding miżmum indirettament permezz ta’ żewġ kumpanniji jsir holding miżmum indirettament permezz ta’ kumpannija waħda, iż-żamma stess ta’ holding kwalifikanti tinbidel fl-istruttura legali tagħha, b’tali mod li tali tranżazzjoni għandha titqies bħala l-akkwist ta’ holding kwalifikanti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (34).”

76.      Madankollu, dan ir-raġunament, li għal darba oħra huwa bbażat fuq il-kunċett ta’ bidla fl-istruttura ġuridika tal-holding (kunċett li diġà kklassifikajt bħala inadatt f’dan il-kuntest), ma jistax jiġi kondiviż. L-applikazzjoni tiegħu għall-fatti meqjusa stabbiliti mill-Qorti Ġenerali tiddependi fuq l-iżball inizjali ta’ approċċ.

77.      Diġà indikajt li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet li, wara l-fużjoni, “[…] l-ammont tal-holding kwalifikanti tar-rikorrenti ma kienx inbidel meta mqabbel ma’ dak miżmum minnhom qabel permezz ta’ Mediolanum (35).” Fi kliem ieħor, il-bidla minn holding indiretta għal holding diretta ma biddlitx is-sitwazzjoni ta’ kontroll ta’ Fininvest fuq Banca Mediolanum, peress li Fininvest dejjem kellha 30.16 % tal-azzjonijiet.

78.      L-istess argument japplika a fortiori fir-rigward tal-holding ta’ S  Berlusconi, li minn dejjem kienet holding kwalifikanti indiretta f’Banca Mediolanum (36).

79.      Issa, jekk dan huwa l-każ (37), in-nuqqas ta’ rilevanza tal-bidla minn modalità ta’ holding (diretta) għal oħra (indiretta) iwassal, f’każ bħal dan inkwistjoni, għal nuqqas ta’ akkwist (ġdid) jew ta’ żieda tal-holding kwalifikanti. F’dan il-kuntest, l-intervent tal-BĊE ma kienx meħtieġ.

80.      Fl-aħħar mill-aħħar, is-sitt (u l-aħħar) ilment tal-ewwel aggravju għandu jintlaqa’.

VII. Ittieni aggravju.

A.      Largumenti talpartijiet

81.      L-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li ċaħdet it-tieni motiv ta’ annullament tagħhom, li huwa bbażat fuq il-fatt li l-applikazzjoni tal-Artikoli 22 u 23 tad-Direttiva 2013/36 għall-holdings fil-kapital azzjonarju akkwistati għal iktar minn għoxrin sena twassal għal ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività.

82.      Huma jsostnu li, għalkemm il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fis-sentenza appellata, li d-Direttiva 2013/36 ma kinitx tapplika għall-akkwist ta’ holdings kwalifikanti preċedenti għad-dħul fis-seħħ tagħha, fil-verità, hija kkonfermat din l-applikazzjoni retroattiva għal dan il-każ. Bl-istess mod, l-iżball allegat fl-ewwel aggravju huwa determinanti għall-finijiet tal-ilment fit-tieni aggravju.

83.      Il-BĊE u l-Kummissjoni jikkontestaw dan l-argument.

B.      Evalwazzjoni

84.      Il-Qorti Ġenerali tikkonferma, ġustament, li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 22 u 23 tad-Direttiva 2013/36 ma jkoprix l-akkwisti ta’ holdings kwalifikanti qabel id-dħul fis-seħħ tagħha u, konsegwentement, li jkunu diġà miżmuma, iżda jkopri biss id-deċiżjonijiet ta’ akkwisti ta’ holdings kwalifikanti proposti wara d-dħul fis-seħħ tagħha (38).

85.      Issa, kif isostnu l-appellanti, din id-dikjarazzjoni ta’ prinċipju ssir ineffettiva jekk, kif enfasizzat l-analiżi tal-ewwel aggravju, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/36 jiġu applikati għal holding kwalifikanti, bħal dik ta’ Fininvest f’Banca Mediolanum, li ma nbidlitx realment (fir-rigward tal-livell tagħha ta’ kontroll u ta’ influwenza fuq l-istituzzjoni ta’ kreditu) qabel u wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva.

86.      Għaldaqstant, it-tieni aggravju għandu jintlaqa’.

VIII. Iddisa’ aggravju

A.      Largumenti talpartijiet

87.      L-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta ddikjarat inammissibbli ż-żewġ motivi ġodda ta’ annullament invokati quddiemha, ibbażati fuq l-illegalità tal-atti preparatorji adottati mill-Bank tal-Italja (39).

88.      L-iżball ta’ liġi seħħ fl-applikazzjoni tal-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, b’rabta mal-motivi l-ġodda invokati wara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest.

89.      Dan huwa żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ “punt ta’ liġi ġdid”, li miegħu jiżdiedu l-insuffiċjenza u l-assenza manifesta ta’ loġika tal-motivazzjoni, u n-nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tan-nuqqas ta’ eżami ex officio tal-motivi l-ġodda. Huma jallegaw il-ksur, b’riżultat ta’ dak li ġie rrilevat, tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta).

90.      Fil-kuntest tal-iżvilupp tal-aggravju, l-appellanti jressqu dawn l-argumenti:

–      il-motivi l-ġodda ta’ annullament kellhom rabta materjali mill-qrib ma’ dawk invokati preċedentement.

–      is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest, tinkludi elementi ta’ interpretazzjoni ta’ portata innovattiva wiesgħa, li jmorru lil hinn mill-allegata natura konfermattiva tagħhom ta’ ġurisprudenza preċedenti. Din is-sentenza tagħti l-ewwel interpretazzjoni erga omnes tal-kompetenzi tal-BĊE f’dan il-qasam, billi tirregola kwistjonijiet ta’ novità u ta’ kumplessità assoluta.

–      id-dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ dawn il-motivi ġodda tikser id-dritt tal-appellanti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u kompluta. Fl-interess ta’ din il-protezzjoni, il-Qorti Ġenerali tista’ teżamina dawn il-motivi anki ex officio, skont l-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

91.      Il-BĊE u l-Kummissjoni jikkontestaw dawn l-argumenti.

B.      Evalwazzjoni

92.      Fis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li:

–      l-Artikolu 263 TFUE jipprekludi lill-qrati nazzjonali milli jeżerċitaw l-istħarriġ tal-legalità fuq l-atti ta’ ftuħ, ta’ investigazzjoni u ta’ proposta mhux vinkolanti adottati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tal-akkwist jew taż-żieda ta’ holdings kwalifikanti (40).

–      hija l-qorti tal-Unjoni, bis-saħħa tal-ġurisdizzjoni esklużiva tagħha sabiex tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-Unjoni skont l-Artikolu 263 TFUE, li għandha tiddeċiedi dwar il-legalità tad-deċiżjoni finali adottata mill-BĊE u li għandha teżamina, sabiex tiżgura l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-persuni kkonċernati, l-eventwali difetti li jivvizzjaw l-atti preparatorji jew il-proposti maħruġa mill-awtoritajiet nazzjonali u li jistgħu jaffettwaw il-validità tad-deċiżjoni finali (41).

93.      Wara l-pubblikazzjoni ta’ din is-sentenza, u wara l-istedina tal-Qorti Ġenerali sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet dwar il-konsegwenzi tagħha fuq ir-rikors (42), l-appellanti qajmu żewġ motivi ġodda ta’ annullament, intiżi li jikkontestaw il-legalità tal-atti preparatorji adottati mill-Bank tal-Italja (b’mod partikolari d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura u l-proposta ta’ deċiżjoni ppreżentata lill-BĊE).

94.      Il-Qorti Ġenerali ddikjarat li ż-żewġ motivi l-ġodda kienu inammissibbli, minħabba li: a) ma kellhomx rabta mill-qrib mal-motivi ta’ annullament li jinsabu fir-rikors; u b) is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma setgħetx titqies bħala punt ta’ liġi li ħareġ matul il-proċedura, fis-sens tal-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (43).

95.      Jidhirli li l-argumenti tal-appellanti huma fondati.

96.      F’dak li jirrigwarda l-assenza ta’ rabta stretta bejn il-motivi l-ġodda ta’ annullament u dawk inizjalment inklużi fir-rikors, inqis li s-sentenza appellata kellha tevalwa din ir-rabta.

97.      Ċertament, it-talba inizjali ma kinitx tqiegħed inkwistjoni l-illegalità tal-atti preparatorji tal-Bank tal-Italja. Issa, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest, l-awtorizzazzjoni tal-akkwist jew iż-żieda ta’ holdings kwalifikanti f’istituzzjonijiet ta’ kreditu taqa’ fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva komposta, li tinvolvi lill-awtoritajiet nazzjonali u lill-BĊE. Dan tal-aħħar għandu s-setgħa ta’ deċiżjoni finali, li jimplika li l-ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tiġi evalwata l-legalità tal-atti adottati fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri hija tal-Qorti Ġenerali u tal-Qorti tal-Ġustizzja.

98.      Konsegwentement, ma jistax jiġi miċħud il-fatt li teżisti rabta, diretta u stretta, bejn l-atti preparatorji tal-awtoritajiet nazzjonali u l-att finali tal-BĊE, peress li dawn jikkostitwixxu elementi tal-istess proċedura amministrattiva komposta. Id-deċiżjoni ta’ validità dwar l-att finali (tal-BĊE) tista’ tkun ikkundizzjonata mid-difetti sostanzjali tal-atti preparatorji (tal-awtoritajiet nazzjonali), li l-appellanti kellhom l-intenzjoni jinvokaw quddiem il-Qorti Ġenerali.

99.      Lanqas ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest, bħala punt ta’ liġi ġdid li ħareġ matul l-iżvolġiment tal-proċedura, adattat li jiġġustifika l-invokar ta’ motivi ġodda ta’ annullament, ma huwa korrett.

100. Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali:

–      tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (44), li tgħid li sentenza li tikkonferma sitwazzjoni ġuridika magħrufa mill-appellant fil-mument tal-preżentata tar-rikors tiegħu ma tistax tiġi kkunsidrata bħala element li jippermetti l-invokazzjoni ta’ motiv ġdid.

–      Hija żżid li “[…] sentenza mogħtija matul il-proċedura ma tistax tiġi invokata bħala element ġdid meta din is-sentenza, bħala prinċipju, sempliċement tagħti interpretazzjoni ex tunc tad-dritt tal-Unjoni […] (45).”

–      hija tinvoka l-valur dikjaratorju, li ma huwiex kostituttiv, u ex tunc tal-interpretazzjoni li tinsab fis-sentenzi preliminari (46).

–      hija ssostni li “l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għandha titqies li kienet magħrufa mir-rikorrenti fil-mument tal-preżentata tar-rikors tagħhom” għal annullament (47).

–      hija tindika li s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest “ma tistax titqies li hija punt ta’ liġi li ħareġ matul il-proċedura fis-sens tal-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura [tal-Qorti Ġenerali] (48).”

101. Jiena ma naqbilx ma’ dan ir-raġunament u mal-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali.

102. Il-Qorti Ġenerali stess aċċettat f’sentenzi oħra li, sabiex jiġu invokati motivi ġodda ta’ annullament, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija matul il-proċedura hija rilevanti meta din tkun tinkludi preċiżazzjonijiet ġodda dwar ir-regoli applikabbli (49).

103. Is-sentenzi li jillimitaw ruħhom jirrepetu ġurisprudenza preċedenti, ċertament, ma jiġġustifikawx l-invokar ta’ motivi ġodda. Dan ma huwiex il-każ tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja li fihom żviluppi ta’ ġurisprudenza preċedenti jew li jkunu jinkludu ġurisprudenza ġdida: f’każijiet bħal dawn, dawn is-sentenzi jservu sabiex jiġu invokati motivi ġodda f’rikors pendenti għal annullament.

104. Il-Qorti tal-Ġustizzja tat deċiżjoni f’dan is-sens fil-kuntest speċifiku tad-Direttiva 2013/32/UE (50). Hija ddikjarat li sentenza tagħha tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ ċirkustanza ġdida, fis-sens tal-Artikoli 33(2)(d) u 40(2) u (3) ta’ din id-direttiva (51). Din id-dikjarazzjoni ma tistax tiġi kkontestata minn natura ex tunc tal-effetti tas-sentenzi mogħtija fil-proċeduri għal deċiżjoni preliminari (52).

105. Is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest, kienet tinkludi dikjarazzjonijiet importanti (u ġodda) dwar l-istħarriġ ġudizzjarju fil-proċeduri amministrattivi kumplessi implimentati fil-kuntest tal-unjoni bankarja, fosthom, b’mod partikolari, dik tal-awtorizzazzjoni tal-akkwisti ta’ holdings kwalifikanti. Din is-sentenza ma tistax tiġi kkunsidrata bħala sempliċi konferma ta’ ġurisprudenza preċedenti.

106. Meta ppreżentaw ir-rikorsi tagħhom, Fininvest u S. Berlusconi ma setgħux ikunu jafu minn qabel li l-atti preparatorji tal-Bank tal-Italja fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni għall-akkwist ta’ holdings kwalifikanti kellhom jiġu kkontestati esklużivament quddiem il-Qorti Ġenerali, u mhux quddiem il-qrati Taljani.

107. B’konsegwenza ta’ dan, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddikjarat bħala inammissibbli ż-żewġ motivi l-ġodda ta’ annullament.

108. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-inammissibbiltà tikser id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-appellanti, protett mill-Artikolu 47 tal-Karta, sa fejn hija pprekludiethom milli jinvokaw l-eventwali difetti ta’ legalità tal-atti preparatorji tad-deċiżjoni finali, sabiex il-Qorti Ġenerali teżaminahom.

109. Għaldaqstant hemm lok li jintlaqa’ d-disa’ aggravju, li, flimkien mal-fatt li l-ewwel (parzjalment) u t-tieni aggravju għandhom ukoll jintlaqgħu, jiddetermina l-annullament tas-sentenza appellata.

IX.    Deċiżjoni mogħtija fuq irrikors għal annullament quddiem ilQorti Ġenerali

110. Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell jiġi milqugħ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. F’tali każ, il-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha tista’ tiddeċiedi t-tilwima, b’mod definittiv, meta l-istat tagħha jkun jippermettilha tagħmel dan.

111. Fil-kawża ineżami, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi neċessarji sabiex tiddeċiedi, b’mod definittiv, ir-rikors għal annullament kontra d-Deċiżjoni tal-BĊE tal‑25 ta’ Ottubru 2016.

112. Għar-raġunijiet esposti fil-punti preċedenti, l-ewwel motiv ta’ annullament invokat mill-appellanti għandu jintlaqa’ u d-Deċiżjoni tal-BĊE tal‑25 ta’ Ottubru 2016 għandha tiġi annullata fl-intier tagħha.

X.      Fuq lispejjeż

113. Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

114. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1), il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

115. L-appellanti talbu li l-BĊE jiġi kkundannat għall-ispejjeż. Jekk, kif nissuġġerixxi, ir-rikorsi tagħhom jintlaqa’, il-BĊE għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż u l-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

XI.    Konklużjoni

116. Fid-dawl ta’ dak li ġie espost hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–      tilqa’ l-appelli u tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑11 ta’ Mejju 2022, Fininvest u Berlusconi vs BĊE (T‑913/16, EU:T:2022:279).

–      tannulla d-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew ECB/SSM/2016–7LVZJ6XRIE7VNZ4UBX81/4, tal‑25 ta’ Ottubru 2016.

–      tikkundanna lill-Bank Ċentrali Ewropew għall-ispejjeż, filwaqt li l-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      C‑219/17, EU:C:2018:1023. Iktar ’il quddiem is-“sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest”.


3      Sentenza tal-Qorti Ġenerali Fininvest u Berlusconi vs BĊE (T‑913/16, EU:T:2022:279, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”).


4      Deċiżjoni ECB/SSM/2016 – 7LVZJ6XRIE7VNZ4UBX81/4.


5      Konklużjonijiet tas‑27 ta’ Ġunju 2018 (EU:C:2018:502).


6      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 73, fil-ĠU 2017 L 20, p. 1, fil-ĠU 2020, L 203, p. 95).


7      Regolament tal-Kunsill tal‑15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament MSU”).


8      Regolament tal-Bank Ċentrali Ewropew tas‑16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas tal-MSU) (ĠU 2014, L 141, p. 1).


9      Decreto Legislativo n. 385 — Testo unico delle leggi in materia bancaria e creditizia (Digriet Legiżlattiv Nru 385 – Test Uniku tal-Liġijiet fil-Qasam Bankarju u ta’ Kreditu) tal‑1 ta’ Settembru 1993 (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 230 tat‑30 ta’ Settembru 1993), fil-verżjoni tiegħu emendata bid-decreto legislativo n. 72 tat‑12 ta’ Mejju 2015 li ttraspona fid-dritt Taljan il-kontenut tad-Direttiva 2013/36 (Digriet Leġiżlattiv Nru 72; iktar ’il quddiem it-“TUB”).


10      Attuazione della direttiva 2011/89/UE, che modifica le direttive 98/78/CE, 2002/87/CE, 2006/48/CE e 2009/138/CE, per quanto concerne la vigilanza supplementare sulle imprese finanziarie appartenenti a un conglomerato finanziario (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 53 – Implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/89/UE, li temenda d-Direttivi 98/78/KE, 2002/87/KE, 2006/48/KE u 2009/138/KE, fir-rigward tas-superviżjoni supplimentari tal-istituzzjonijiet finanzjarji f’kongomerati finanzjarji) tal‑4 ta’ Marzu 2014 (GURI Nru 76 tal‑1 ta’ April 2014, p. 1790).


11      Din kienet “fużjoni intragrupp, bi proporzjon ta’ skambju ta’ azzjonijiet ta’ 1:1”, sabiex tinkiseb is-semplifikazzjoni tal-kumpannija u r-razzjonalizzazzjoni organizzattiva tal-grupp bankarju, ladarba l-kumpannija Mediolanum kienet tikkontrolla l‑100 % tal-azzjonijiet ta’ Banca Mediolanum.


12      Peress li S. Berlusconi miet fit‑12 ta’ Ġunju 2023, l-eredi tiegħu assumew il-pożizzjoni proċedurali tiegħu fil-kuntest ta’ dan l-appell.


13      Ir-raba’ aggravju ta’ dawn iż-żewġ appelli jirreferi għal din ir-riabilitazzjoni.


14      Ara l-Gwida dwar il-proċeduri relatati mal-holdings kwalifikanti, 2023, tal-BĊE, https://www.bankingsupervision.europa.eu/ecb/pub/pdf/ssm.supervisory_guides230523_qualifyingholdingprocedure.en.pdf.


15      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 68, fil-ĠU 2013, L 321, p. 6, fil-ĠU 2017, L 20, p. 2 u fil-ĠU 2023, L 92, p. 29).


16      Ir-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Mejju 2023 dwar is-swieq fil-kriptoassi, u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 1095/2010 u d-Direttivi 2013/36/UE u (UE) 2019/1937 (ĠU 2023, L 150, p. 40, rettifika fil-ĠU 2023, L 154, p. 49), jipprevedi, fl-Artikoli 41 u 42 tiegħu, proċedura ta’ kontroll (tal-akkwist u taż-żieda ta’ holdings kwalifikanti fl-emittent ta’ token irreferenzjat ma’ assi) simili għal dik tad-Direttiva 2013/36.


17      Skont l-Artikolu 22(8) tad-Direttiva 2013/36, “[l]-Istati Membri ma għandhomx jimponu rekwiżiti għan-notifika lill-awtoritajiet kompetenti, jew l-approvazzjoni tagħhom ta’ akkwisti diretti jew indiretti ta’ drittijiet ta’ vot jew kapital li jkunu aktar stetti minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.”


18      Għal dan il-għan, l-Artikolu 23(1) jipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti, sabiex jiżguraw ġestjoni soda u prudenti tal-istituzzjoni ta’ kreditu li fiha jiġi propost l-akkwist, u b’kont meħud tal-influwenza probabbli tal-akkwirent propost fuq l-istituzzjoni ta’ kreditu msemmija, għandhom jevalwaw l-ideoneità tal-akkwirent propost u s-sodizza finanzjarja tal-akkwist propost skont il-kriterji li ġejjin: ir-reputazzjoni tal-akkwirent propost; ir-reputazzjoni u l-esperjenza tad-diretturi l-ġodda proposti; is-solidità finanzjarja tal-akkwirent propost; il-kapaċità tal-entità finanzjarja sabiex tkompli tosserva r-rekwiżiti prudenzjali; u r-riskju ta’ rabtiet ma’ operazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu.


19      L-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, Linji Gwida Konġunti dwar il-valutazzjoni prudenzjali ta’ akkwisti u żidiet ta’ parteċipazzjonijiet kwalifikanti fis-settur finanzjarju (JC/GL/2016/01) (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida Konġunti”), Frankfurt, Diċembru 2016. Disponibbli fuq https://www.eiopa.europa.eu/system/files/2020-10/jc_qh_gls_mt.pdf.


20      Id-Deċiżjoni (UE) 2019/1376 tal-BĊE tat‑23 ta’ Lulju 2019 dwar id-delega tas-setgħa li jiġu adottati deċiżjonijiet dwar l-ippassaportar, l-akkwiżizzjoni ta’ parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti u l-irtirar ta’ liċenzji ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (BĊE/2019/23) (ĠU 2019, L 224, p. 1), tistabbilixxi l-kriterji għad-delega lill-kapijiet ta’ unitajiet ta’ ħidma tal-BĊE tas-setgħa li jadottaw deċiżjonijiet iddelegati dwar ir-reġim ta’ holdings kwalifikanti (Artikolu 4).


21      Punt 79 tas-sentenza appellata.


22      Punt 80 tas-sentenza appellata. Fil-punt 81 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali ttenni li l-appellanti diġà kellhom “[...]ftehim mal-azzjonisti konkluż bejn Fininvest u Fin. Prog. Italia, li kien jippermettilhom jikkontrollaw flimkien Mediolanum u Banca Mediolanum qabel l-amalgamazzjoni [fużjoni] inkwistjoni, […]”


23      Skont il-Qorti Ġenerali, “il-holding indirett ta’ Fininvest f’Banca Mediolanum sar, wara l-amalgamazzjoni inkwistjoni u s-sentenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) tat‑3 ta’ Marzu 2016, holding kwalifikanti dirett.”


24      Din id-dispożizzjoni tipprevedi li, “[g]ħall-fini tat-twettiq tal-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament, u bl-objettiv li jiġu żgurati standards għoljin ta’ superviżjoni, il-BĊE għandu japplika l-liġi rilevanti kollha tal-Unjoni, u fejn din il-liġi tal-Unjoni hija magħmula minn Direttivi, il-leġislazjzoni nazzjonali li tittrasponi dawk id-Direttivi. Fejn il-liġi rilevanti tal-Unjoni tkun magħmula minn Regolamenti u fejn attwalment dawk ir-Regolamenti jagħtu opzjonijiet lill-Istati Membri, il-BĊE għandu japplika wkoll il-leġislazzjoni nazzjonali waqt li jeżerċita dawk l-opzjonijiet.”


25      Il-BĊE għandu japplika l-leġiżlazzjoni nazzjonali (meta jittrasponi d-direttivi jew jilqa’ waħda mill-għażliet li jippermettulu r-regolamenti), iżda dan ma jimplikax li l-kunċett innifsu ta’ akkwisti u ta’ żidiet ta’ holdings kwalifikanti jitħalla għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri.


26      Punt 49 tas-sentenza appellata


27      Sentenzi tal‑11 ta’ April 2019, Tarola (C‑483/17, EU:C:2019:309, punt 36); tal‑1 ta’ Ottubru 2019, Planet49 (C‑673/17, EU:C:2019:801, punt 47); u tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità imposti għal reati tat-traffiku) (C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 81).


28      Kuntrarjament għal dak li jsostnu l-BĊE u l-Kummissjoni, ma hemmx lok li jitnaqqas il-valur tal-użu ta’ dan il-kunċett fis-sentenza appellata, li fiha dan huwa element ewlieni. Dan jinsab fil-punti 57, 78, 80, 81, 84 u 88 tas-sentenza appellata. Permezz tiegħu, il-Qorti Ġenerali ma tillimitax ruħha “tiddeskrivi l-kuntest” jew “tuża termini mhux ġuridiċi, iżda essenzjalment ekonomiċi”, kif isostni b’mod żbaljat il-BĊE (punt 20 tar-risposta tiegħu).


29      Jew li l-akkwist jippermetti li tiġi eżerċitata influwenza sinjifikanti fuq il-ġestjoni tal-impriża jew jirriżulta fil-fatt li l-istituzzjoni ta’ kreditu ssir is-sussidjarja tal-akkwirent propost.


30      Punti 80 u 81 tas-sentenza appellata


31      Il-Kapitolu 1(6) tat-Titolu II tal-Linji Gwida Konġunti jipprevedi żewġ kriterji sabiex jiġi ddeterminat jekk holding hijiex ikkunsidrata indiretta: il-kontroll u l-multiplikazzjoni. Il-kriterju ta’ kontroll jippreżumi li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kollha li jeżerċitaw il-kontroll fuq id-detentur ta’ holding kwalifikanti f’istituzzjoni ssorveljata għandhom jitqiesu bħala akkwirenti indiretti ta’ din il-holding kwalifikanti. Il-kriterju tal-multiplikazzjoni, applikabbli fit-tieni stadju, jikkonsisti fil-multiplikazzjoni tal-perċentwali tal-holdings tul il-katina kollha tal-impriża, li tibda mill-holding miżmuma direttament fl-istituzzjoni ta’ kreditu u tibqa’ togħla tul din katina sakemm ir-riżultat tal-multiplikazzjoni jibqa’ ta’ mill-inqas 10 %.


32      L-Artikolu 27 tad-Direttiva 2013/36 jindika li, “[s]abiex jiġi ddeterminat jekk il-kriterji għal parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti msemmija fl-Artikoli 22, 25   26 ikunux sodisfatti, għandhom jiġu kkunsidrati d-drittijiet tal-vot imsemmija fl-Artikoli 9, 10 u 11 tad-Direttiva 2004/109/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x'jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU 2004, L 390, p. 38)], u l-kondizzjonijiet rigward l-aggregazzjoni tagħhom stipulati fl-Artikolu 12(4) u (5) ta’ dik id-Direttiva.”


33      Punt 77 tas-sentenza appellata.


34      Punt 57 tas-sentenza appellata.


35      Punt 80 tas-sentenza appellata.


36      Il-Qorti Ġenerali tammetti dan il-fatt fil-punt 79 tas-sentenza appellata: “[…] filwaqt li S. Berlusconi kien iżomm holding indirett f’Banca Mediolanum, permezz, l-ewwel, ta’ Fininvest u, mbagħad, ta’ Mediolanum, huwa issa jżomm holding indirett f’Banca Mediolanum permezz ta’ Fininvest biss.”


37      L-appellanti, il-BĊE u l-Kummissjoni ma jaqblux dwar l-ammonti tal-holding u n-natura diretta jew indiretta tagħha, iżda, fil-kuntest ta’ appell, il-verżjoni tal-fatti stabbilita mill-Qorti Ġenerali għandha tipprevali.


38      Punt 98 tas-sentenza appellata.


39      Punti 237 sa 266 tas-sentenza appellata.


40      Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest, dispożittiv.


41      Ibidem, punt 44.


42      Punt 19 tas-sentenza appellata.


43      Skont din id-dispożizzjoni, “[e]bda a motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat matul l-istanza, sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura.”


44      Hija tinvoka, fil-punt 251 tas-sentenza appellata, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑20 ta’ Settembru 2018, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑114/17 P, EU:C:2018:753, punt 39), kif ukoll tal‑14 ta’ Ottubru 2014, Buono et vs Il‑Kummissjoni (C‑12/13 P u C‑13/13 P, EU:C:2014:2284, punti 58 u 60).


45      Punt 255 tas-sentenza appellata.


46      Punt 252 tas-sentenza appellata.


47      Punt 256 tas-sentenza appellata.


48      Punt 257 tas-sentenza appellata.


49      Sentenzi tat‑22 ta’ Marzu 2018, Stavytskyi vs Il‑Kunsill (T‑242/16, EU:T:2018:166, punt 125), u tal‑24 ta’ Settembru 2019, Yanukovich vs Il‑Kunsill (T‑301/18, EU:T:2019:676, punti 78 sa 80), flimkien mas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Azarov vs Il‑Kunsill (C‑530/17 P, EU:C:2018:1031).


50      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).


51      Sentenza tat‑8 ta’ Frar 2024, Bundesrepublik Deutschland (Ammissibbiltà ta’ applikazzjoni sussegwenti) (C‑216/22,EU:C:2024:122, punt 40). Dan huwa l-każ, “[…] indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk din is-sentenza ngħatatx qabel jew wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni preċedenti jew jekk l-imsemmija sentenza tikkonstata li dispożizzjoni nazzjonali li fuqha din id-deċiżjoni ġiet ibbażata hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni jew tillimita ruħha li tinterpreta d-dritt tal-Unjoni, inkluż dik diġà fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni”.


52      Ibidem, punt 41: “il-fatt […] li l-effetti ta’ sentenza li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, tinterpreta regola tad-dritt tal-Unjoni li tmur lura, bħala prinċipju, għad-data tad-dħul fis-seħħ tar-regola interpretata, huwa irrilevanti.”