Language of document : ECLI:EU:C:2024:410

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

ĆAPETA

ippreżentati fis‑16 ta’ Mejju 2024 (1)

Kawża C188/23

Land Niedersachsen

vs

Conti 11. Container Schiffahrts-GmbH & Co. KG MS “MSC Flaminia”

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri, München, il‑Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Konvenzjoni ta’ Basel dwar il-Kontroll tal-Movimenti li Jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta’ Riskju u d-Disponiment Minnhom – Regolament (KE) Nru 1013/2006 – Kamp ta’ applikazzjoni – Skart li jirriżulta minn nar kimiku u splużjonijiet fl-ibħra internazzjonali –Interpretazzjoni tas-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2019, Conti 11. Container Schiffahrt (C‑689/17, EU:C:2019:420)”






I.      Introduzzjoni

1.        Il-ħin huwa l-05:42 ta’ filgħodu tal‑14 ta’ Lulju 2012. Il-Flaminia, bastiment li jġorr il-kontejners, jinsab fuq vjaġġ minn Charleston (l-Istati Uniti) għal Antwerpen (il-Belġju) meta, f’nofs l-Atlantiku, ifaqqa’ nar ikkawżat minn sustanzi kimiċi u jsegwu splużjonijiet. Issir ħsara estensiva u l-bastiment jiġi kkontaminat minn residwi perikolużi u tossiċi. Imutu diversi membri tal-ekwipaġġ. In-nirien u l-isplużjonijiet ikomplu għaddejjin fuq diversi jiem. L-eqreb port huwa diversi mijiet ta’ mili nawtiċi ’l bogħod. Wara ġimgħat ta’ sforzi ta’ salvataġġ u ċaħdiet ta’ dħul f’diversi portijiet tal-madwar, il-bastiment finalment jiġi rmunkat ġewwa Wilhelmshaven (il-Ġermanja).

2.        L-awtoritajiet kompetenti Ġermaniżi tal-Land Niedersachsen (iktar ’il quddiem il-“Land”) jordnaw li l-proċedura ta’ notifika u kunsens, fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 (2), tinbeda qabel ma l-Flaminia jkun jista’ jiġi rmunkat iktar ’il quddiem lejn Mangalia (ir-Rumanija) għat-tneħħija ta’ (ftit minn) l-iskart perikoluż u tossiku u t-tiswija tal-bastiment.

3.        Filwaqt li interpretat is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑2017 fil-kawża Conti 11. Container Schiffahrt (3)bħala li ma kinitx teħtieġ dik il-proċedura, Conti, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, qiegħda titlob kumpens mingħand il-Land għall-ispejjeż marbuta magħha.

4.        Min-naħa tiegħu, il-Land, essenzjalment isostni li ma kienx ikun possibbli, mill-perspettiva tal-protezzjoni tal-ambjent, li bastiment li jġorr madwar 30 000 tm ta’ ilma mormi u materjali tossiċi oħra jitħalla jitlaq minn Wilhelmshaven għal Mangalia mingħajr ma jgħaddi mill-proċedura ta’ notifika u kunsens inkwistjoni. Huwa jqis li wieħed mill-obbligi li jirriżultaw mill-Konvenzjoni ta’ Basel (4) li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri huma partijiet tagħha, huwa li tiġi pprovduta tali proċedura preċiżament għal dawk il-movimenti ta’ skart perikoluż bħal dan. Jekk ir-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart ma kienx jeħtieġ notifika għal dak it-tip ta’ moviment, kif il-qorti tal-ewwel istanza fehmet mis-sentenza Conti 11. Container Schiffahrt, il-Land iqis li l-Unjoni tkun qed tikser l-obbligi tagħha taħt il-Konvenzjoni ta’ Basel.

5.        Id-domanda ġenerali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk hija dik tal-interpretazzjoni tas-sentenza tagħha fil-kawża Conti 11. Container Schiffahrt: din is-sentenza tesponi r-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart għal inkompatibbiltà potenzjali mal-obbligi tal-Unjoni taħt il-Konvenzjoni ta’ Basel? U jekk le, il-Land impona b’mod korrett fuq Conti l-proċedura ta’ notifika u kunsens prevista fir-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart?

II.    Ilkuntest legali u fattwali ta’ din ilkawża u ddomandi preliminari magħmula

6.        Conti hija kumpannija Ġermaniża bbażata f’Hamburg (il-Ġermanja). Fiż-żmien tal-fatti, din il-kumpannija kienet proprjetarja ta’ bastiment li jġorr il-kontejners, organizzat bħala vettura b’għan speċjali magħmula minn bastiment wieħed, li jbaħħar bl-isem Flaminia.

7.        F’Novembru 2000, Conti nnolleġġjat il-Flaminia lil MSC, kumpannija Svizzera bbażata f’Genève (l-Isvizzera).

8.        Bejn approssimament Novembru 2000 sa Ġunju 2012, il-Flaminia ġarr eluf ta’ kontejners tal-merkanzija lejn u minn portijiet madwar id-dinja, inkluż il-port ta’ New Orleans (l-Istati Uniti).

9.        F’Ġunju 2012, manifattur Amerikan tas-sustanzi kimiċi talab li jittrasporta tliet kontejners ta’ tankijiet ta’ 80 % divinilbenżen (“DVB”) barra minn New Orleans. Id-DVB huwa kompost kimiku li jintuża fil-purifikazzjoni tal-ilma.

10.      Id-DVB għandu jinżamm taħt ċerta temperatura sabiex ma jsirx proċess kimiku msejjaħ “awto-polimerizzazzjoni”, li jkollu l-effett li jirriżulta f’żidiet rapidi fit-temperatura u l-emissjoni ta’ fwar fjammabbli (5).

11.      Fl‑14 ta’ Lulju 2012, waqt li l-Flaminia kien f’nofs l-Atlantiku fi triqtu minn Charleston lejn Antwerpen (il-Belġju), seħħet splużjoni fil-kontejners li kienu qiegħdin iġorru d-DVB, li wasslet għal nar kbir abbord.

12.      Tliet membri tal-ekwipaġġ tilfu ħajjithom. Inqerdu mijiet ta’ kontejners u saret ħsara estensiva lill-bastiment.

13.      Ma huwiex ċar x’wassal preċiżament għan-nar u għall-isplużjonijiet (6).

14.      Wara li l-ekwipaġġ u l-passiġġieri abbandunaw il-bastiment, il-Flaminia tħalla mitluq mal-kurrent f’nofs l-Atlantiku. In-nirien komplew (7). Seħħet splużjoni oħra (8).

15.      Conti ingaġġat persuni tas-salvataġġ. Sabiex jikkontrollaw in-nar u jsalvaw il-bastiment u l-merkanzija, il-persuni tas-salvataġġ sprejjaw ilma baħar fuq il-bastiment. Riżultat wieħed ta’ dan il-proċess kien li madwar 30 000 tm ta’ ilma għat-tifi tan-nar, ikkontaminat b’residwi perikolużi u tossiċi, baqgħu fl-istivi tal-Flaminia wara li n-nar kien taħt kontroll.

16.      Iktar tard irriżulta li anki wara l-iskariku tal-parti l-kbira tal-ilmijiet tat-tifi tan-nar, 30 500 tm ta’ materjal ta’ skart baqa’ abbord il-bastiment (9), li kien jikkonsisti, fost oħrajn, f’ħama, merkanzija solida li saritilha ħsara min-nar, ilma kkontaminat, u ruttam tal-azzar.

17.      Fil-mument tal-isplużjoni, il-Flaminia kien jinsab bejn il-Kanada u r-Renju Unit, madwar 650 mn mill-eqreb port (San Miguel, Azores, il-Portugall), fid-direzzjoni lejn il-Lvant (10).

18.      Wara s-sottomissjoni ta’ pjan ta’ passaġġ, il-persuni tas-salvataġġ irmunkaw il-Flaminia mill-Kanal Ingliż sa Wilhelmshaven, li kien l-uniku port ta’ refuġju disponibbli (11) kif il-mappa li ġejja (12), imfassla mill-Uffiċċju Federali Ġermaniż għall-Investigazzjoni ta’ Disgrazzji Marittimi, turi:

Image not found

19.      Il-bastiment wasal fil-port ta’ Wilhelmshaven fid‑9 ta’ Settembru 2012 (13).

20.      Permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Novembru 2012, in- Niedersächsisches Ministerium für Umwelt, Energie und Klimaschutz (il-Ministeru tan-Niedersachsen għall-Ambjent, għall-Enerġija u għall-Protezzjoni tal-Klima, il-Ġermanja) informa lil Conti li l-ilma użat għat-tifi tan-nar abbord u l-ħama u r-ruttam tal-metall fuqu kellhom jiġu kklassifikati bħala “skart”, fis-sens tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart. Proċedura ta’ notifika u kunsens, kif prevista f’dan ir-regolament, għalhekk kellha titlesta qabel ma l-bastiment seta’ jitlaq għar-Rumanija.

21.      Minkejja l-oġġezzjoni min-naħa ta’ Conti, fl‑4 ta’ Diċembru 2012, il-Gewerbeaufsichtsamt Oldenburg (l-Awtorità ta’ Superviżjoni tal-Kummerċ ta’ Oldenburg, il-Ġermanja) ordnat li titlesta l-proċedura ta’ notifika u kunsens għat-trasport lejn ir-Rumanija. Hija ħarġet ukoll projbizzjoni li jiġi mċaqlaq il-bastiment qabel it-tlestija ta’ dik il-proċedura u s-sottomissjoni ta’ strateġija approvata għar-rimi tal-iskart.

22.      Ir-rikorrenti kellha twettaq żewġ proċeduri ta’ notifika.

23.      L-ewwel proċedura ta’ notifika kienet tikkonċerna t-trasport ta’ parti mill-ilma użat għat-tifi tan-nar abbord il-Flaminia minn Wilhelmshaven (il-Ġermanja) għal Odense (id-Danimarka) (14).

24.      It-tieni proċedura ta’ notifika kienet tikkonċerna t-trasport tal-Flaminia tal-bqija tal-iskart minn Wilhelmshaven għal Mangalia (15).

25.      Hija din it-tieni proċedura li tifforma l-bażi tat-talba ta’ Conti quddiem il-qorti tar-rinviju.

26.      Filwaqt li ma kienx jirriżulta ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju, waqt is-seduta, il-partijiet ikkonfermaw li mhux il-materjal kollu ta’ skart li kien fadal ġie mormi f’Mangalia (ir-Rumanija). Minflok, sar vjaġġ ieħor lejn Aarhus (id-Danimarka) u mbagħad Odense (id-Danimarka), fejn tneħħew total ta’ madwar 28 4000 tm ta’ skart (16).

27.      Kif ġie kkonfermat waqt is-seduta, għal dan il-vjaġġ, Conti lestiet il-proċedura ta’ notifika mal-awtoritajiet Rumeni.

28.      Wara li saret it-tneħħija tal-iskart fid-Danimarka, il-Flaminia telaq minn Odense għal Mangalia fejn saru t-tiswijiet.

29.      In-nar u l-isplużjonijiet abbord il-Flaminia rriżultaw f’diversi talbiet quddiem il-qrati ta’ ġurisdizzjonijiet differenti.

30.      L-ewwel, għadd ta’ talbiet tressqu quddiem il-United States District Court for the Southern District of New York (il‑Qorti Distrettwali tal-Istati Uniti tad-Distrett tan-Nofsinhar ta’ New York). F’Lulju 2018, dik il-qorti tat it-tort għan-nar abbord il-Flaminia lill-manifattur tat-tankijiet u lill-manifattur tad-DVB. F’Ġunju 2023, dik id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata “fl-aspetti materjali kollha” mill-United States Court of Appeals for the Second Circuit (il-Qorti tal-Appelli tal-Istati Uniti għat-Tieni Ċirkwit) (17).

31.      It-tieni, il-kuntratt ta’ nolleġġ bejn Conti u MSC kien fih klawżola ta’ arbitraġġ li kienet teħtieġ li t-tilwim kollu li jirriżulta mill-kuntratt ta’ nolleġġ jiġi arbitrat ġewwa Londra (ir-Renju Unit). Għaldaqstant, filwaqt li l-litigazzjoni kompliet fi New York (l-Istati Uniti), Conti ressqet talbiet ukoll f’arbitraġġ taħt il-kuntratt ta’ nolleġġ. Sad-deċiżjoni tat‑30 ta’ Lulju 2021 u kkoreġuta fl‑1 ta’ Settembru 2021, il-bord tal-arbitraġġ stabbilit skont dan l-aħħar ftehim, iddeċieda li MSC kienet kisret il-kuntratt ta’ nolleġġ u għandha tkun responsabbli għal madwar 200 miljun dollaru Amerikan (USD) (EUR 184 miljun) (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni arbitrali”). Rikors li għandu bħala suġġett il-konferma ta’ dik id-deċiżjoni skont il-Konvenzjoni dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta’ Deċiżjonijiet ta’ Arbitraġġ Barranin (18) (magħrufa wkoll bħala l-“Konvenzjoni ta’ New York”) jinsab pendenti quddiem il-United States District Court for the Eastern District of Louisiana (il-Qorti Distrettwali tal-Istati Uniti għad-Distrett tal-Lvant ta’ Louisiana) (19). Rikors separat minn MSC sabiex jillimita r-responsabbiltà tagħha għal madwar  28.2 miljun pounds sterling (GBP) (EUR 32.9 miljun) ġie miċħud quddiem il-High Court of Justice (England & Wales) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales)) u l-Court of Appeal (England & Wales) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales)) (20). Il-permess sabiex tappella quddiem is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) ingħata fid‑19 ta’ Diċembru 2023 (21), u dik id-deċiżjoni tinsab pendenti fil-punt tal-finalizzazzjoni tal-konklużjonijiet tiegħi.

32.      Finalment, id-deċiżjoni amministrattiva li tordna l-proċedura ta’ notifika u kunsens qabel Conti setgħet tiċċaqlaq il-Flaminia lejn ir-Rumanija tat bidu għal dan ir-rikors quddiem il-qrati Ġermaniżi. Fl-ewwel istanza, il-Landgericht München I (il-Qorti Reġjonali, München I, il‑Ġermanja) talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta r-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart. Meta rċeviet ir-risposta għad-domanda tagħha fis-sentenza fil-kawża Conti 11. Container Schiffahrt, dik il-qorti ordnat kumpens għad-danni lil Conti, billi ddeċidiet li l-proċedura ta’ notifika u kunsens ma kinitx meħtieġa skont ir-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart. Din is-sentenza tal-ewwel istanza ġiet appellata quddiem il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża.

33.      Sadanittant, il-Flaminia reġa’ lura għas-servizz. Bħalissa qiegħed ibaħħar bħala s-“CMA CGM San Francisco”, u jtajjar il-bandiera tal-Liberja.

34.      Fl-isfond deskritt iktar ’il fuq, fl-istadju tal-appell tal-proċedura, mibdi bit-talba ta’ Conti għad-danni li jirriżultaw mill-proċedura ta’ notifika inkwistjoni allegatament inutli, l-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri, München, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)      Id-deroga mill-obbligu ta’ notifika prevista mill-Artikolu 1(3)(b) tar-[Regolament dwar vjeġġi ta’ skart] hija invalida minħabba li tmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Basel dwar il-Kontroll ta’ Movimenti Transkonfinali ta’ Skart Perikoluż u r-Rimi Tiegħu tat‑22 ta’ Marzu 1989 sa fejn din id-deroga teskludi wkoll l-obbligu ta’ notifika ta’ skart perikoluż iġġenerat minn inċident li seħħ abbord bastiment u li għandu, skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tas‑16 ta’ Mejju 2019 fil-Kawża C‑689/17, jitqies li huwa skart fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni derogatorja?

(2)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 1(3)(b) tar-[Regolament dwar vjeġġi ta’ skart] għandha, fid-dawl tal-[Konvenzjoni ta’ Basel] tiġi interpretata b’mod restrittiv fis-sens li residwi fil-forma ta’ ruttam u ilma tat-tifi tan-nar imħallta ma’ ħama u residwi ta’ merkanzija, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jkunu kkawżati minn inċident li jkun seħħ abbord bastiment, ma għandhomx jitqiesu li jikkostitwixxu skart iġġenerat abbord bastimenti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni?”

35.      Fis‑7 ta’ Frar 2024, il-qorti tar-rinviju informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li hija kienet ordnat is-sospensjoni tal-proċeduri quddiemha, wara talba konkordanti kemm ta’ Conti kif ukoll tal-Land. Madankollu, f’komunikazzjoni sussegwenti fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja, din il-qorti ppreċiżat ukoll li l-proċeduri quddiemha jistgħu jerġgħu jibdew fi kwalunkwe ħin, b’tali mod li din id-domanda preliminari ma tkunx saret bla skop u l-interpretazzjoni mitluba tibqa’ neċessarja.

36.      Ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja minn Conti, mil-Land, mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill Ewropew u mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet flimkien mal-Gvern Franċiż ippreżentaw argument orali fis-seduta li saret fis‑27 ta’ Frar 2024.

III. Analiżi

37.      Il-fattur prinċipali li wassal għal dan ir-rinviju huwa s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Conti 11. Container Schiffahrt; jew, aħjar, kif din id-deċiżjoni ġiet mifhuma u applikata mil-Landgericht München I (il-Qorti Reġjonali, München I), meta ddeċidiet dwar il-kawża preżenti fl-ewwel istanza.

38.      Ir-referenza li fuqha hija bbażata s-sentenza fil-kawża Conti 11. Container Schiffahrt talbet interpretazzjoni tal-espressjoni “skart iġġenerat abbord bastimenti”, kif tinsab fl-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart. Din id-dispożizzjoni teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament “skart iġġenerat fuq vetturi, ferroviji, ajruplani u bastimenti, sakemm l-imsemmi skart ikun skarikat sabiex ikun irkuprat jew jintrema”.

39.      Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li din l-espressjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li tinkludi wkoll l-iskart iġġenerat minn avarija (inċident) abbord bastiment f’ibħra internazzjonali (22). Għaldaqstant, skart tat-tip li jirriżulta minn nar u splużjonijiet abbord il-Flaminia, sakemm jinħatt sabiex jiġi rkuprat jew mormi, ikun eskluż mill-portata tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart (23).

40.      Il-konsegwenza li sitwazzjoni tiġi kkwalifikata bħala li tidħol fil-portata tal-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart hija li l-proċedura ta’ notifika u kunsens li huwa bbażat fuqha dan ir-regolament ma ssibx applikazzjoni. Għaldaqstant, f’xenarju bħal dan, il-proċedura ta’ notifika u kunsens, li dan ir-regolament jimponi għall-vjeġġ ta’ skart bejn, fost l-oħrajn, żewġ Stati Membri, ma hijiex obbligatorja qabel ma dan l-iskart jinħatt sabiex jiġi rkuprat jew mormi. Skont din il-loġika, il-Landgericht München I (il-Qorti Reġjonali, München I) iddeċidiet li t-talba għal danni ta’ Conti kontra l-Land setgħet tintlaqa’.

41.      Il-qorti tar-rinviju, madankollu, tistaqsi jekk in-nuqqas ta’ applikazzjoni li jirriżulta tal-proċedura ta’ notifika u kunsens għal vjeġġi ta’ skart minn port Ġermaniż lejn port Rumen kienx imur kontra l-Konvenzjoni ta’ Basel.

42.      Għalhekk, permezz tal-ewwel domanda tagħha, dik il-qorti essenzjalment titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara l-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart invalidu sa fejn jippermetti deroga mis-sistema stabbilita mill-Konvenzjoni ta’ Basel. Hija tqis li filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma indirizzatx din id-domanda fis-sentenza tagħha Conti 11. Container Schiffahrt, risposta għaliha tkun rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima pendenti quddiemha peress li Conti tkun intitolata li titlob kumpens biss jekk l-esklużjoni li tirriżulta mill-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart tapplika favur tagħha.

43.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju, essenzjalment, titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart f’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Basel sabiex iġġib dak tal-ewwel konformi mal-obbligi tal-Unjoni taħt il-Konvenzjoni.

44.      Għalhekk, fil-qalba tagħhom, iż-żewġ domandi għandhom l-għan li jiġi kkonstatat li l-proċedura ta’ notifika u kunsens imposta mil-Land kienet tabilħaqq iġġustifikata fil-każ tal-Flaminia.

45.      Fil-fehma tiegħi, dan huwa tabilħaqq ir-rekwiżit li r-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart jimponi fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża. Madankollu, jiena nieħu din il-pożizzjoni mhux minħabba l-allegata invalidità tal-Artikolu 1(3)(b) ta’ dan ir-regolament, iżda pjuttost minħabba l-inapplikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni għas-sitwazzjoni inkwistjoni. Kif ser nuri, is-sentenza fil-kawża Conti 11. Container Schiffahrt ma twassalx għal konklużjoni differenti.

46.      Il-konklużjonijiet tiegħi huma strutturati kif ġej. L-ewwel, ser nispjega li l-Konvenzjoni ta’ Basel tapplika għaċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża u teħtieġ il-ftuħ tal-proċedura ta’ notifika u kunsens inkwistjoni. Ir-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart ġie ppromulgat bil-ħsieb li jiġi organizzat il-vjeġġ ta’ skart fl-Unjoni sabiex, fost għanijiet oħra, ikun konformi mal-Konvenzjoni ta’ Basel. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tinterpreta r-regoli tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart f’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Basel (A).

47.      It-tieni, ser nistabbilixxi li l-interpretazzjoni adottata fis-sentenza fil-kawża Conti 11. Container Schiffahrt ma tirrendix l-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart inkompatibbli mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni ta’ Basel. Fil-fehma tiegħi, ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dik il-kawża kienet tirrigwarda l-ewwel parti tal-vjaġġ tal-Flaminia wara l-inċident li ġġenera l-iskart – jiġifieri l-vjaġġ mill-ibħra internazzjonali lejn il-Ġermanja. L-esklużjoni ta’ dan il-vjaġġ mill-proċedura ta’ notifika u kunsens stabbilita fir-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart hija konsistenti, kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza fil-kawża Conti 11. Container Schiffahrt, mal-għanijiet ambjentali tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart, għanijiet li dan ir-regolament jaqsam mal-Konvenzjoni ta’ Basel (B).

48.      It-tielet, din il-kawża ma tirrigwardax il-vjaġġ tal-Flaminia mill-ibħra internazzjonali lejn il-Ġermanja. Pjuttost, tikkonċerna t-tieni parti tal-vjaġġ tiegħu – dik mill-port Ġermaniż ta’ Wilhelmshaven sal-port Rumen ta’ Mangalia. Ser nispjega li l-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart ma japplikax għal dak il-vjeġġ ta’ skart, anki fejn l-imsemmi skart ikun “iġġenerat fuq […] bastimenti”. Il-proċedura ta’ notifika u kunsens stabbilita fir-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart għalhekk hija applikabbli (C).

49.      Finalment, u qabel nipproċedi, huwa rilevanti li jiġi enfasizzat li ma huwiex ikkontestat li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart u l-Konvenzjoni ta’ Basel ikopru t-tip ta’ skart li ġie ttrasportat mill-Ġermanja lejn ir-Rumanija abbord il-Flaminia; jiġifieri residwi fil-forma ta’ ruttam u ilma tat-tifi tan-nar imħallta ma’ ħama u residwi ta’ merkanzija (24). Għall-finijiet tal-analiżi tiegħi, jien għalhekk ser nipproċedi fuq il-preżunzjoni li dawk l-istrumenti japplikaw ratione materiae.

A.      IrRegolament dwar vjeġġi ta’ skart u lKonvenzjoni ta’ Basel

50.      Għaliex l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Konvenzjoni ta’ Basel hija meħtieġa għall-finijiet ta’ din il-kawża?

51.      Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tirregola l-vjeġġ ta’ skart perikoluż bejn l-Istati Membri ilha teżisti mill-1984 (25).

52.      Meta l-Unjoni ffirmat il-Konvenzjoni ta’ Basel fl‑1989 (26), hija kellha l-għan li tallinja l-liġi eżistenti tagħha ma’ din il-konvenzjoni permezz tar-Regolament Nru 259/93 (27).

53.      Ir-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart, li l-interpretazzjoni tiegħu hija kkontestata f’din il-kawża, ħassar u ssostitwixxa r-Regolament Nru 259/93 fl‑2006 (28). Madankollu dan ma ċaħadx l-intenzjoni li d-dritt tal-Unjoni jiġi allinjat mal-Konvenzjoni ta’ Basel.

54.      Il-premessa 3 tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart tispjega li huwa “[mfassal], inter alia, sabiex is-sistema Komunitarja eżistenti għas-superviżjoni u l-kontroll ta’ movimenti ta’ skart tikkonforma mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni ta’ Basel” (29).

55.      Permezz ta’ din il-premessa, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiċċara li l-Unjoni xtaqet tissodisfa l-obbligi tagħha taħt il-Konvenzjoni ta’ Basel (30), u li hija aċċettat il-prinċipji bażiċi stabbiliti fiha, bħall-ħtieġa li jitnaqqsu għall-minimu l-vjeġġi ta’ skart perikoluż (31) u d-dritt ta’ kull parti fil-Konvenzjoni ta’ Basel li tipprojbixxi l-importazzjoni ta’ skart perikoluż fit-territorju tagħha (32).

56.      Kemm ir-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart kif ukoll il-Konvenzjoni ta’ Basel għandhom l-istess għan li jipproteġu s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent.

57.      Għalhekk, il-premessa 1 tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart tipprovdi li “[l]-għan u l-komponent ewlieni u predominanti” tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart “huwa l-protezzjoni ta’ l-ambjent”, bi kwalunkwe effett “fuq il-kummerċ internazzjonali huma biss inċidentali” (33).

58.      Bl-istess mod, l-ewwel premessa tal-Konvenzjoni ta’ Basel tispjega li l-partijiet firmatarji tagħha adottaw din il-konvenzjoni “konxji mir-riskju tal-ħsara għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent ikkawżati mill-iskart ta’ riskju u skart ieħor u l-moviment li jaqsam l-fruntieri ta’ dan l-iskart” (34).

59.      Il-Konvenzjoni ta’ Basel għalhekk għandha l-għan li tistabbilixxi qafas globali għall-kontroll tal-moviment ta’ skart perikoluż jew skart ieħor, billi tibda bil-minimizzazzjoni tal-ġenerazzjoni ta’ tali skart u tinkoraġġixxi l-ġestjoni soda ambjentali tiegħu, speċjalment jekk l-imsemmi skart jiġi ttrasportat bejn il-fruntieri. Fil-livell tad-dritt ambjentali internazzjonali, din il-konvenzjoni għaldaqstant tinkorpora l-idea li huwa l-ġeneratur tal-iskart li għandu r-responsabbiltà aħħarija għal dak l-iskart, mill-ġenerazzjoni inizjali tiegħu sar-rimi tiegħu, kollha bil-għan li titwettaq ġestjoni tal-kummerċ fl-iskart “mill-bidu sat-tmiem” (35).

60.      L-ispinta għall-mixja lejn l-armonizzazzjoni globali ta’ ċerti regoli fil-qasam tal-vjeġġi ta’ skart aktarx li nħolqot mill-inċident tal-Khian Sea. Fl‑1986, dak il-bastiment mgħobbi b’irmied tossiku minn Philadelphia (l-Istati Uniti), li ġie rrifjutat dħul fil-Baħamas, rema 4 000 tm minn dak l-irmied fil-bajja ta’ Gonaives (Ħaiti), dar fl-ibħra tad-dinja għal 16-il xahar addizzjonali, u finalment rema l-10 000 tm li kien jifdal fl-Oċean Atlantiku u fl-Oċean Indjan (36).

61.      Bil-memorja friska ta’ dan l-inċident, il-Konvenzjoni ta’ Basel ġiet adottata sabiex tirregola l-“moviment li jaqsam il-fruntieri” ta’ “skart ta’ riskju” (37).

62.      It-terminu “moviment li jaqsam il-fruntieri” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(3) tal-Konvenzjoni ta’ Basel, bħala “kull moviment ta’ l-iskart ta’ riskju jew skart ieħor minn żona taħt il-ġuridizzjoni ta’ Stat lejn jew minn żona taħt il-ġurisdizzjoni nazzjonali ta’ Stat ieħor jew lejn jew minn żona taħt il-ġurisdizzjoni nazzjonali ta’ l-ebda Stat, sakemm ikunu involuti mill-inqas żewġ Stati fil-moviment” (38).

63.      Moqrija in bona fede u skont it-tifsira ordinarja tagħha (39), huwa ċar li, permezz ta’ din id-definizzjoni, u b’mod partikolari permezz tal-kelma “kull”, il-Konvenzjoni ta’ Basel fittxet li tkopri l-iktar firxa wiesgħa possibbli ta’ vjaġġi lejn, minn, bejn u permezz ta’ Stati firmatarji.

64.      Għaldaqstant, iċ-ċaqliq ta’ skart perikoluż u skart ieħor mill-Ġermanja għar-Rumanija, bħal dak inkwistjoni f’dan il-każ, jaqa’ taħt il-portata territorjali tal-Konvenzjoni ta’ Basel.

65.      Fid-dawl ta’ dan, l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Basel madankollu jeskludi żewġ tipi ta’ moviment transkonfinali ta’ skart perikoluż u ta’ skart ieħor mill-portata tagħha, u b’hekk ukoll mill-proċedura ta’ notifika u kunsens li tirriżulta. L-ewwel moviment bħal dan huwa dak ta’ skart radjuattiv suġġett għal konvenzjonijiet internazzjonali oħra (l-Artikolu 1(3) tagħha). It-tieni tip ta’ moviment huwa dak ta’ skart iġġenerat mill-ħidma “normali” ta’ bastiment, li l-iskarigu tiegħu huwa kopert bi strument internazzjonali ieħor (l-Artikolu 1(4) tal-istess konvenzjoni) (40).

66.      Suġġett għal konferma, ma huwiex ikkontestat li l-iskart inkwistjoni f’dan il-każ la huwa skart radjuattiv, u lanqas ma ġie ġġenerat permezz tal-ħidma “normali” tal-Flaminia (41). Għaldaqstant, il-moviment tiegħu jaqa’ taħt il-portata tal-Konvenzjoni ta’ Basel.

67.      Peress li l-iskart inkwistjoni jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni, ma jistax jiġi mċaqlaq minn Stat wieħed għal Stat ieħor mingħajr il-kunsens infurmat minn qabel tal-Istat ta’ importazzjoni.

68.      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni ta’ Basel, li jirregola l-moviment transkonfinali ta’ skart bejn il-partijiet għal din il-konvenzjoni, jeħtieġ li jew l-Istat ta’ esportazzjoni, jew il-ġeneratur jew l-esportatur permezz tal-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ esportazzjoni, jinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-Istati kkonċernati b’tali moviment ta’ skart. Dik in-notifika għandha għalhekk issir ukoll lill-Istat ta’ importazzjoni u lil dawk l-Istati li l-bastiment jgħaddi mit-territorju tagħhom.

69.      Barra minn hekk, l-Artikolu 6(3) tal-Konvenzjoni ta’ Basel jipprojbixxi lill-Istat ta’ esportazzjoni milli jippermetti l-moviment transkonfinali tal-imsemmi skart qabel ma jkun irċieva konferma bil-miktub li l-Istat tal-importazzjoni kien ta l-kunsens tiegħu għal dan il-moviment kif ukoll konferma tal-eżistenza ta’ kuntratt ma’ min jarmi l-iskart, li jispeċifika l-ġestjoni ambjentalment soda tiegħu.

70.      Fil-qosor, il-Konvenzjoni ta’ Basel tordna li l-proċedura ta’ notifika u kunsens titlesta qabel ma jkun jista’ jseħħ kwalunkwe vjeġġ transkonfinali tat-tip ta’ skart li ma huwiex eskluż mill-portata tagħha.

71.      Dan jinkludi l-moviment tat-tip ta’ skart inkwistjoni f’din il-kawża, mill-Ġermanja għar-Rumanija.

72.      Għal movimenti ta’ skart bħal dan lejn, minn, ġewwa u li jgħaddi mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, il-proċedura ta’ notifika u kunsens hija rregolata mir-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart (42).

73.      L-Unjoni nnotifikat lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni ta’ Basel ir-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart bħala “arranġament” reġjonali taħt l-Artikolu 11(1) tal-Konvenzjoni ta’ Basel. Fil-parti rilevanti, dik id-dispożizzjoni tistabbilixxi li “il-Partijiet jistgħu jidħlu fi ftehim jew arranġamenti bilaterali, multi-laterali jew reġjonali li jirrigwardaw il-moviment ta’ l-iskart ta’ riskju jew skart ieħor li jaqsam il-fruntieri mal-Partujiet u ma’ min mhux parti sakemm dawn il-ftehim jew arranġamenti ma jidderogawx mill-ġestjoni ambjentalment soda ta’ l-iskart ta’ riskju u skart ieħor kif meħtieġ minn din il-Konvenzjoni.”

74.      Ir-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart japplika territorjalment għal erba’ tipi ta’ movimenti ta’ skart: (i) vjeġġi bejn Stati Membri, bi tranżitu jew mingħajru minn pajjiż terz; (ii) importazzjonijiet ta’ skart fl-Unjoni minn pajjiż terz; (iii) esportazzjonijiet ta’ skart mill-Unjoni lejn pajjiż terz; u (iv) it-tranżitu ta’ skart mill-Unjoni ta’ vjeġġ bejn pajjiżi terzi (43).

75.      Permezz tas-separazzjoni tal-vjeġġi f’kategoriji differenti, u b’hekk l-aġġustament tal-“proċeduri u s-sistemi ta’ kontroll għall-vjeġġ tal-iskart” skont, inter alia, “id-destinazzjoni u r-rotta tal-vjeġġ”, ir-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart għandu jitqies bħala li jipprovdi għall-possibbiltà li jiġu ttrattati b’mod differenti l-partijiet distinti ta’ vjaġġ ta’ bastiment li jġorr skart li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament (44).

76.      Mill-perspettiva tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart, il-moviment tal-iskart inkwistjoni f’din il-kawża minn Wilhelmshaven għal Mangalia jikkostitwixxi vjeġġ intra-Unjoni, kif deskritt fl-Artikolu 1(2)(a) u rregolat bit-Titolu II tiegħu.

77.      L-Artikoli 4 sa 17 tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart jirregolaw fid-dettall il-proċedura ta’ notifika u kunsens bil-miktub minn qabel li għandhom jiġu osservati kemm meta l-iskart jiġi ttrasportat għar-rimi kif ukoll għal operazzjonijiet ta’ rkupru.

78.      Permezz ta’ din il-proċedura, in-“notifikatur” – persuna fiżika jew ġuridika (45), li tista’ tinkludi “id-detentur”, bħall-produttur tal-iskart jew il-persuna fil-pussess tiegħu (46) – għandu jibda proċedura ta’ notifika u kunsens dwar il-vjeġġ maħsub permezz tal-awtorità kompetenti tad-dispaċċ u tat-tranżitu (47). Din il-persuna għandha wkoll tikseb il-kunsens, b’kundizzjonijiet jew mingħajrhom, mill-awtoritajiet ta’ destinazzjoni ta’ dak il-vjeġġ (48).

79.      Għaldaqstant, qabel ma bdiet il-vjaġġ tagħha minn Wilhelmshaven lejn Mangalia, Conti, bħala “notifikatur”, kienet obbligata, skont ir-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart, li tibda l-proċedura ta’ notifika u kunsens permezz tal-awtoritajiet kompetenti Ġermaniżi u li tikseb il-kunsens meħtieġ mill-awtoritajiet Rumeni.

80.      Madankollu, dak li Conti ssostni huwa li l-applikazzjoni tal-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart għas-sitwazzjoni inkwistjoni f’dan il-każ teskludi l-obbligu ta’ notifika tagħha peress li l-iskart inkwistjoni għandu jiġi kklassifikat bħala “skart iġġenerat fuq vetturi, ferroviji, ajruplani u bastimenti, sakemm l-imsemmi skart ikun skarikat sabiex ikun irkuprat jew jintrema.”

81.      Kif spjegajt fil-punt 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Konvenzjoni ta’ Basel ma teskludix il-vjeġġ ta’ skart inkwistjoni mill-Ġermanja għar-Rumanija mill-proċedura ta’ notifika u kunsens.

82.      Interpretazzjoni konformi tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart mal-Konvenzjoni ta’ Basel, li l-ħtieġa tagħha tirriżulta mill-impenji internazzjonali tal-Unjoni li ttieħdu taħt l-Artikolu 216(2) TFUE, li jirrifletti l-prinċipju tad-dritt internazzjonali ġenerali tal-osservanza tal-impenji li jirriżultaw mit-trattati (pacta sunt servanda) (49), għalhekk, tkun teħtieġ interpretazzjoni li skontha l-Artikolu 1(3)(b) tiegħu ma jeskludix l-imsemmi vjeġġ mill-portata ta’ dan ir-regolament.

83.      Peress li ma hemm ebda indikazzjoni li minnha l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tikkonkludi li, meta adottat ir-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart, l-Unjoni riedet titbiegħed mill-impenji meħuda permezz tal-Konvenzjoni ta’ Basel (50), il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tinterpreta d-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-regolament b’tali mod li jkun konformi ma’ dak il-ftehim internazzjonali (51).

84.      Għall-finijiet tal-kawża preżenti, dan ifisser li interpretazzjoni konformi tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart tkun teħtieġ interpretazzjoni li skontha l-Artikolu 1(3)(b) tiegħu ma jeskludix il-vjeġġ mill-Ġermanja għar-Rumanija mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-regolament.

85.      Dan l-għan jeħtieġ li nirrikorri għall-kawża Conti 11. Container Schiffahrt, sabiex nispjega għaliex din is-sentenza, fil-fehma tiegħi, ma tipprevjenix tali interpretazzjoni, meta tiġi applikata għas-sitwazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża.

B.      Issentenza filkawża Conti 11. Container Schiffahrt

86.      Fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju tispjega li, fid-dawl tas-sentenza fil-kawża Conti 11. Container Schiffahrt, il-Landgericht München I (il-Qorti Reġjonali, München I), qieset li l-Land ma missux ordna t-tlestija tal-proċedura ta’ notifika u kunsens taħt ir-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart. Din l-aħħar qorti kienet interpretat dik is-sentenza bħala li teskludi, mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart, l-iskart u r-residwi li nħolqu min-nar u mill-isplużjoni abbord il-Flaminia. Għaldaqstant, Conti setgħet titlob kumpens mingħand il-Land għall-ispejjeż li rriżultaw mill-applikazzjoni żbaljata tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart.

87.      Fil-fehma tiegħi, din hija interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

88.      Is-sentenza fil-kawża Conti 11. Container Schiffahrt ġiet ifformulata sabiex tirrispondi għad-domanda magħmula f’dik il-kawża, li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tiċċara jekk “[r]esidwi minħabba ħsara ta’ bastiment fuq il-baħar [avarija], fil-forma ta’ skart ta’ metal u ilma għat-tifi tan-nar imħallat ma’ ħama u residwi ta’ tagħbija abbord bastiment,” għandhomx jiġu kklassifikati bħala “skart iġġenerat fuq […] bastimenti” fil-portata tal-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart.

89.      Kif ifformulat, il-Landgericht München I (il-Qorti Reġjonali, München I) għaldaqstant ma ppruvatx tivverifika jekk il-proċedura ta’ notifika u kunsens prevista fir-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart kinitx eskluża, u lanqas ma speċifikat għal liema vjaġġ tal-Flaminia kienet se tiġi applikata l-kjarifika mitluba.

90.      Fil-kuntest tas-sitwazzjoni deskritta lilha u fid-dawl tal-mod kif saret din id-domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet li skart bħal dak inkwistjoni fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża għandu jiġi interpretat bħala li jaqa’ taħt il-portata tal-kunċett ta’ “skart iġġenerat fuq bastimenti”, b’tali mod li jiġi eskluż mill-kamp tal-applikazzjoni tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart, sakemm jinħatt sabiex jiġi rkuprat jew mormi (52).

91.      Madankollu, kif jirriżulta mill-ġustifikazzjonijiet offruti insostenn tal-konstatazzjonijiet tagħha (53), il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat dan ir-regolament fil-kuntest tal-ewwel parti tal-vjaġġ tal-Flaminia – jiġifieri mill-ibħra internazzjonali sal-ewwel port li wasal għalih wara l-inċident, li kien il-port Ġermaniż ta’ Wilhelmshafen. Pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċentwat li, f’każ ta’ skart iġġenerat minn inċident fl-ibħra internazzjonali, il-persuna responsabbli għal bastiment aktarx “ma tkunx f’pożizzjoni [...] qabel l-ittrakkar f’port” (54) li tkun infurmata bl-informazzjoni kollha meħtieġa għall-proċedura ta’ notifika u kunsens li għandha titwettaq. Filwaqt li rreferiet għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet li dan “l-effett [...] jista’ jkun l-ittardjar tad-dħul tal-bastiment f’port żġur, u dan ikattar ir-riskju ta’ tniġġis tal-ibħra” (55).

92.      Din l-interpretazzjoni tas-sentenza tirriżulta wkoll mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali. Pereżempju, huwa spjega li “huwa ċar li, permezz ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, dik il-qorti tistaqsi biss lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikabbiltà ratione materiae tal-Artikolu 1(3)(b) tar-[Regolament dwar vjeġġi ta’ skart] fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-applikabbiltà tar-regolament bejn il-post tal-ħsara u l-Ġermanja” (56).

93.      Għaldaqstant, kif huwa ċar mis-sentenza fil-kawża Conti 11. Container Schiffahrt, il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-konklużjoni li l-proċedura ta’ notifika u kunsens ma tkunx iġġustifikata għall-vjaġġ mill-ibħra internazzjonali għal port ta’ Stat Membru abbażi ta’ qari testwali u kuntestwali tal-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart, għalkemm wieħed influwenzat b’mod qawwi minn qari teleoloġiku ta’ dak ir-regolament. Fid-dawl tal-għan tiegħu li jipproteġi l-ambjent, għal dan it-tip ta’ vjaġġ, ikun kuntrarju għall-għan ta’ dan ir-regolament li tkun meħtieġa t-tlestija ta’ din il-proċedura qabel ma bastiment bħal Flaminia jkun jista’ jiġi rmunkat f’port ta’ Stat Membru.

94.      Għaldaqstant, għal dak il-vjaġġ biss, l-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart għandu jinqara fis-sens li ma jirrendix applikabbli l-proċedura ta’ notifika u kunsens stipulata fih.

95.      Dik l-interpretazzjoni ma hijiex f’kontradizzjoni mal-għan tal-Konvenzjoni ta’ Basel, li, kif spjegajt, tirsisti bl-istess mod sabiex tipproteġi l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem. Minbarra dan, il-Konvenzjoni ta’ Basel ma tirregolax b’mod speċifiku ċ-ċirkustanzi, bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża, fejn skart jiġi prodott permezz ta’ inċident fl-ibħra.

96.      Fil-fatt, peress li l-Konvenzjoni ta’ Basel tagħti ċerta latitudni lill-Istati partijiet sabiex jiżguraw li movimenti transkonfinali u rimi tal-iskart isiru f’kundizzjonijiet li ma jipperikolawx is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent (57), il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellha ebda raġuni sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart mal-Konvenzjoni ta’ Basel fil-kuntest taċ-ċirkustanzi quddiemha.

97.      Konsegwentement, fis-sentenza fil-kawża Conti 11. Container Schiffahrt, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx, u għalhekk ma ppreġudikatx, interpretazzjoni li teħtieġ li ladarba l-Flaminia kien wasal fl-ewwel port sigur fil-Ġermanja, il-vjaġġ ’il quddiem tiegħu kien suġġett għall-proċedura ta’ notifika u kunsens.

98.      Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma tatx il-fehma tagħha dwar jekk il-proċedura ta’ notifika u kunsens prevista mir-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart tapplikax għall-moviment tal-iskart bejn żewġ portijiet ta’ Stati Membri, bħal bejn Wilhelmshaven u Mangalia, meta l-iskart li jkun qed jiġi ttrasportat ikun ir-riżultat ta’ inċident fl-ibħra internazzjonali (58).

99.      B’risposta għall-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju, jiena għalhekk nikkunsidra li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza fil-kawża Conti 11. Container Schiffahrt ma tirrendix din id-dispożizzjoni kuntrarja għall-Konvenzjoni ta’ Basel.

100. Kif ser nispjega fit-taqsima li ġejja, jiena, fil-fatt, tal-fehma li din id-dispożizzjoni lanqas biss tapplika għall-vjaġġ tal-Flaminia mill-Ġermanja għar-Rumanija.

C.      IlLand interpreta korrettament irRegolament dwar vjeġġi ta’ skart

101. Kif issuġġerejt (59), ir-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart jittratta l-vjaġġ mill-Ġermanja għar-Rumanija b’mod separat u distint minn dak li fforma l-evalwazzjoni fis-sentenza fil-kawża Conti 11. Container Schiffahrt (60).

102. In-nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali, u d-domanda li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tirrispondi f’din il-kawża, hija jekk l-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart jistax jiġi invokat sabiex jeżenta l-vjeġġ bejn il-portijiet ta’ Wilhelmshaven u Mangalia mill-proċedura ta’ notifika u kunsens stabbilita fit-Titolu II tiegħu.

103. Fil-fehma tiegħi, dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

104. Filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza fil-kawża Conti 11. Container Schiffahrt, interpretat l-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart bħala mhux preskrittiv f’dak li jirrigwarda l-oriġini tal-iskart jew dwar kif dan ġie ġġenerat (61), din id-dispożizzjoni tidher li tistabbilixxi element temporali għall-esklużjoni ta’ skart li jaqa’ taħtha.

105. Tabilħaqq, kif jissuġġerixxi t-test ta’ din id-dispożizzjoni, l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart taħt l-Artikolu 1(3)(b) tiegħu testendi għal kwalunkwe perijodu ta’ żmien “sakemm l-imsemmi skart ikun skarikat sabiex ikun irkuprat jew jintrema” (62).

106. Huwa minnu, kif essenzjalment tissuġġerixxi Conti, li dawn il-kliem jistgħu jinftiehmu bħala li jimplikaw punt fiż-żmien wara l-wasla ta’ bastiment f’port ta’ Stat Membru. Dan, imbagħad, ikun ifisser li s-sempliċi ttrakkar (temporanju) ta’ dan il-bastiment f’port ta’ Stat Membru ma għandux neċessarjament jitqies bħala l-punt finali għas-sospensjoni tal-proċedura ta’ notifika u kunsens għal vjeġġi ta’ skart perikoluż.

107. Madankollu, għal raġunijiet ta’ storja leġiżlattiva u l-għanijiet tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart, jiena ma jikkonvinċinix dan l-argument.

108. Meta wieħed iħares lejn l-atti preparatorji għar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart, fil-proposta leġiżlattiva inizjali tagħha mill 2003, il-Kummissjoni kienet ipproponiet li tillimita l-portata tal-Artikolu 1(3)(b) għal “skart iġġenerat abbord ajruplani ċivili waqt li jkun fl-ajru, għat-tul tat-titjira u sal-inżul” (63).

109. Matul in-negozjati tat-trilogu, din id-dispożizzjoni ġiet emendata l-ewwel sabiex tkopri l-iskart iġġenerat mill-ajruplani “sakemm l-imsemmi skart ikun skarikat sabiex ikun irkuprat jew jintrema” u sussegwentement estiża, inter alia, għall-iskart iġġenerat abbord bastimenti (64).

110. Filwaqt li ma nafux ir-raġunijiet li wasslu għal dan l-abbozzar mill-ġdid, skont l-ispjegazzjoni mogħtija mir-relatur (65), li ġiet aċċettata wkoll mill-Kummissjoni (66), il-ġustifikazzjoni fir-rakkomandazzjoni għat-tieni qari kienet li l-inklużjoni, fil-portata tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart, ta’ skart iġġenerat waqt li ajruplan ikun fl-ajru, bastiment ikun fuq il-baħar, jew ferrovija tkun fuq il-linji ferrovjarji “tkun sproporzjonata”.

111. Tabilħaqq, ix-xenarji l-oħra tal-Artikolu 1(3) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart jirregolaw sitwazzjonijiet li fihom xi tip ta’ proċedura hija ggarantita minn strument legali ieħor. Filwaqt li, għaldaqstant, ma kienx hemm bżonn li jiżdied saff ieħor ta’ obbligi ma’ dawk it-tipi ta’ sitwazzjonijiet. Għalhekk, l-Artikolu 1(3) ma għandux jinftiehem bħala intenzjoni, min-naħa tal-leġiżlatura tal-Unjoni, li jeskludi kull tip ta’ kontroll fuq vjeġġi ta’ skart ġewwa l-Unjoni, sabiex jiġi eskluż kwalunkwe tip ta’ kontroll fuq vjeġġi ta’ skart ġewwa l-Unjoni fis-sitwazzjonijiet elenkati hemmhekk.

112. Bl-istess mod, l-Artikolu 1(3)(b) ma kienx intiż sabiex jeskludi kwalunkwe tip ta’ kontroll ta’ vjeġġi ta’ skart. Pjuttost, kif il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni essenzjalment jispjegaw, l-Artikolu  1(3)(b) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart ġie miżjud sabiex jopera bħala regola li tista’ ssir applikazzjoni tagħha għal kwalunkwe skart iġġenerat abbord vetturi, ferroviji, ajruplani u bastimenti f’każijiet fejn l-Artikolu 1(3)(a) ma japplikax, u li jkun “sproporzjonat” li ssir notifika qabel ma tintlaħaq l-ewwel waqfa tal-vettura, ferrovija, ajruplan jew bastiment.

113. Madankollu, ladarba l-iskart iġġenerat abbord bastiment jasal f’port sigur, dan jinħatt jew ikompli jiġi ttrasportat, f’liema każ ir-raġunijiet sabiex tiġi eskluża l-proċedura ta’ notifika u kunsens ma jeżistux iktar. Minn dak il-mument, dak l-iskart ma jitqiesx iktar bħala “skart iġġenerat fuq [...] bastimenti”, fis-sens tal-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart.

114. Dawn il-kunsiderazzjonijiet jallinjaw mal- interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Artikolu 1(3)(b) tas-sentenza fil-kawża Conti 11. Container Schiffahrt. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat f’din il-kawża, ma huwiex dejjem possibbli, meta skart jiġi ġġenerat abbord bastiment, li jkun hemm għarfien ta’ u li jingħataw id-dettalji kollha tal-informazzjoni neċessarja sabiex tiġi ssodisfatta l-proċedura ta’ notifika u kunsens kif stabbilita fir-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart (67).

115. Fl-istess ħin, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart għandu jkun allinjat mal-kamp ta’ applikazzjoni ġenerali tal-Artikolu 1(2) li jkopri l-iktar vjeġġi wiesgħa possibbli ta’ skart lejn, minn u li jgħaddi mill-Unjoni (68). Għaldaqstant, il-perjodu ta’ nuqqas ta’ applikazzjoni tal-proċedura ta’ notifika u kunsens, sal-punt tal-“ħatt” tal-iskart ittrasportat bejn il-portijiet tal-Unjoni, li jirrappreżenta deroga mill-kamp ta’ applikazzjoni ġenerali tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart, għandu jiġi interpretat b’mod strett (69).

116. Interpretata b’dan il-mod, is-sospensjoni tal-obbligu li titwettaq il-proċedura ta’ notifika u kunsens li tirriżulta minn din id-dispożizzjoni għandha tkun limitata għall-iqsar perijodu prattiku wara l-wasla ta’ bastiment f’port ta’ Stat Membru sabiex jitnaqqas għall-minimu kull riskju potenzjali għall-ambjent li jirriżulta minn dik il-vjeġġ.

117. Dik it-tip ta’ interpretazzjoni hija possibbli peress li mid-dokumenti preparatorji għal din id-dispożizzjoni, mill-kliem jew mill-kuntest bl-ebda mod ma jirriżulta li l-esklużjoni tal-obbligu li titwettaq il-proċedura ta’ notifika u kunsens għandha testendi għal żmien wara l-wasla tal-ajruplan, tal-bastiment jew tal-ferrovija fi Stat Membru.

118. Teleoloġikament, din it-tip ta’ interpretazzjoni tkun ukoll l-iktar waħda konformi mal-għan ġenerali tal-protezzjoni tal-ambjent meta jsiru vjeġġi ta’ skart perikoluż, peress li huwa għal dan il-għan prinċipali li teżisti sistema ta’ sorveljanza u kontroll fir-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart (70).

119. Fid-dawl ta’ dan l-għan ġenerali, ma għandux ikun rilevanti jekk l-iskart perikoluż jinħattx effettivament wara l-wasla ta’ bastiment f’port ta’ Stat Membru jew le (71).

120. Kif spjega l-Gvern Franċiż waqt is-seduta, l-oppost jista’ jġiegħel il-ħatt ta’ skart perikoluż f’port fl-Unjoni anki f’sitwazzjoni fejn, fir-realtà, għal raġunijiet ta’ infrastruttura jew ta’ prattiċità jew l-istat jew il-post tal-iskart (bħal fejn huwa mgħaqqad mal- buq tal-bastiment jew maqbud ġewwa fih) il-ħatt tiegħu jista’ jagħmel ħsara lill-ambjent.

121. Skont Conti, huwa preċiżament minħabba li l-infrastruttura tal-port ta’ Wilhelmshaven prattikament ma ppermettietx il-ħatt tal-iskart perikoluż kollu abbord dan il-bastiment li għażlet li tmexxi l-Flaminia lejn il-port ta’ Mangalia għall-irkupru u għar-rimi ta’ (parti minn) l-iskart inkwistjoni.

122. Finalment, u ta’ importanza ugwali, interpretazzjoni li skontha l-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart ma japplikax għas-sitwazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża tkun konformi mal-obbligi imposti fuq l-Unjoni taħt il-Konvenzjoni ta’ Basel.

123. Il-fatt li l-Konvenzjoni ta’ Basel ma tinkludix eżenzjoni ekwivalenti għall-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart ma jwassalx, waħdu, għal konklużjoni li dan ir-regolament jikser il-Konvenzjoni ta’ Basel. Fl-istess ħin, madankollu, din id-dispożizzjoni ma tistax teżenta l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ notifika u ta’ kunsens f’sitwazzjonijiet li fihom il-Konvenzjoni ta’ Basel hija applikabbli b’mod ċar.

124. Għar-raġunijiet kollha ta’ hawn fuq, l-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart għandu jinqara bħala li jissospendi l-obbligu li titwettaq il-proċedura ta’ notifika u kunsens stabbilita f’dan ir-regolament għal skart iġġenerat abbord bastiment bħala riżultat ta’ inċident sal-punt li fih jasal f’port ta’ Stat Membru. Għal kwalunkwe vjeġġ sussegwenti, dan l-iskart ma għandux iktar jitqies bħala “skart iġġenerat fuq [...] bastimenti”, fis-sens tal-Artikolu 1(3)(b).

125. Minn dan isegwi li l-Land ma wettaqx żball meta kkonkluda li l-vjaġġ bejn il-port ta’ Wilhelmshaven u l-port ta’ Mangalia għandu jiġi suġġett għall-proċedura ta’ notifika u kunsens prevista fir-Regolament dwar il- vjeġġi ta’ skart.

IV.    Konklużjoni

126. Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri, München, il-Ġermanja) kif ġej:

(1)      L-eżami tal-ewwel domanda ma żvela xejn li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart.

(2)      L-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006

għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li residwi fil-forma ta’ ruttam u ilma tat-tifi tan-nar imħallta ma’ ħama u residwi ta’ merkanzija li jkunu kkawżati minn inċident li jkun seħħ abbord bastiment, ma għandhomx jibqgħu jitqiesu li jikkostitwixxu “skart iġġenerat fuq [...] bastimenti” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ladarba bastiment li jġorr skart bħal dan ikun wasal f’port fi Stat Membru.

Minn dan il-punt ’il quddiem, kull moviment ta’ dan l-iskart ikun suġġett għall-proċedura ta’ notifika u kunsens bil-miktub minn qabel stabbilita fir-Regolament Nru 1013/2006.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (ĠU 2006, L 190, p. 1, rettifika fil-ĠU 2013, L 334, p. 46) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar vjeġġi ta’ skart”).


3      Sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2019, fil-kawża Conti 11. Container Schiffahrt (C‑689/17, EU:C:2019:420) (iktar ’il quddiem “is-sentenza fil-kawża Conti 11. Container Schiffahrt”).


4      Il-Konvenzjoni ta’ Basel dwar il-kontroll tal-movimenti barra l-konfini ta’ skart perikoluż u r-rimi tiegħu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 18, p. 304) (iktar ’il quddiem “il-Konvenzjoni ta’ Basel”), kif approvata f’isem l-Unjoni mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/98/KEE tal‑1 ta’ Frar 1993 dwar it-tmiem [il-konklużjoni], f’isem il-Komunità, tal-Konvenzjoni dwar il-kontroll tal-moviment barra l-konfini ta’ skart perikoluż u r-rimi tiegħu (Konvenzjoni ta’ Basel) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 18, p. 301).


5      Il-US Court of Appeals for the Second Circuit (il-Qorti tal-Appelli tal-Istati Uniti għat-Tieni Ċirkwit) tiddeskrivi d-DVB bħala “kompost kimiku li jintuża fil-purifikazzjoni tal-ilma. Meta jkunu esposti għas-sħana, il-molekuli DVB‑80 jistgħu jsiru instabbli, u dan iwassal sabiex jirreaġixxu, jingħaqdu flimkien, u jiffurmaw katina polimerika. Din ir-rabta ta’ żewġ molekuli sempliċi jew iktar sabiex jiffurmaw molekuli ikbar b’unitajiet strutturali repetuti tissejjaħ polimerizzazzjoni. Meta d-DVB-80 jippolimerizza, jitfa’ s-sħana. Il-proċess ta’ polimerizzazzjoni jista’ għalhekk isir awtosostenibbli u jista’ saħansitra jaċċellera mingħajr iż-żieda ta’ iktar sħana. Dan il-fenomenu jissejjaħ awto-polimerizzazzjoni.” Ara d-digriet tat‑30 ta’ Ġunju 2023 tal-US Court of Appeals for the Second Circuit (il-Qorti tal-Appelli tal-Istati Uniti għat-Tieni Ċirkwit) f’In Re: M/V MSC Flaminia (Nru 18‑2974), p. 12. Ara wkoll is-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2024 tal-US Court of Appeals for the Fifth Circuit (il-Qorti tal-Appelli tal-Istati Uniti għall-Ħames Ċirkwit) f’Conti 11. Container Schiffa[h]rts -GmbH & Co KG M.S., MSC Flaminia vs MSC Mediterranean Shipping Company S.A. (Nru 22/30808), p. 3 (li tispjega li d-DVB għandu jinħażen f’temperatura ta’ 80°F jew taħtha (madwar 26.6°C)).


6      Għandi nenfasizza li filwaqt li l-qorti tar-rinviju tispjega li r-raġunijiet għan-nirien u l-isplużjonijiet li seħħew abbord il-Flaminia “preżentement ma humiex magħrufa”, kemm il-qorti fl-Ingilterra u Wales kif ukoll fl-Istati Uniti jqisu li n-nirien u l-isplużjonijiet ġew ikkawżati mill-“awto-polimerizzazzjoni” tal-kontenut ta’ wieħed jew iktar mit-tliet kontenituri mgħobbija bid-DVB. Ara, f’dan ir-rigward, id-digriet tad‑9 ta’ Lulju 2022 tal-US District Court for the Eastern District of Louisiana (il-Qorti Distrettwali tal-Istati Uniti għad-Distrett tal-Lvant ta’ Louisiana) fil-kawża Conti 11. Container Schiffarts-GmbH & Co KG M.S., MSC Flaminia vs MSC Mediterranean Shipping Company S.A (Kawża 2:22-cv-01114-CJB-DMD), p. 2; digriet tat‑30 ta’ Ġunju 2023 tal-US Court of Appeals for the Second Circuit (il-Qorti tal-Appelli tal-Istati Uniti għat-Tieni Ċirkwit) fil-kawża In Re: M/V MSC Flaminia (Nru 18‑2974), p. 7 u l-Court of Appeal (England & Wales)_(il-Qorti tal-Appell tal-Ingilterra u Wales), MSC Mediterranean Shipping Company S.A. vs Stolt Tank Containers BV et (Re MSC Flaminia (Nru 2)) [2023] EWCA Civ 1007, punt 4. Fid-digriet tagħha ta’ Ġunju 2023, il-US Court of Appeals for the Second Circuit (il-Qorti tal-Appelli tal-Istati Uniti għat-Tieni Ċirkwit) (p. 5) affermat ukoll li l-manifattur tad-DVB u l-manifattur tat-tankijiet li fihom kienet maħżuna din is-sustanza jkunu rispettivament 55 % u 45 % (strettament) responsabbli.


7      F’sommarju ddettaljat ta’ fatti stabbiliti, il-High Court of Justice (England & Wales) (il-Qorti Għolja tal-Ingilterra u Wales, ir-Renju Unit) tispjega li “in-nar fuq il-bastiment dam jaqbad mingħajr kontroll għal erbat ijiem u kkawża ħsara tant estensiva li kien hemm tħassib serju dwar l-integrità ta’ dak li kien baqa’ mill-bastiment; is-sħana u d-duħħan iġġenerati ħolqu riskju ta’ splużjoni u perikolu ta’ duħħan tossiku fuq il-bastiment, li xekkel bil-kbir ix-xogħol ta’ [l-persuni ta’ salvataġġ]. Fil-fatt, baqa’ jivvampja anki wara li l-bastiment wasal fil-port ta’ refuġju tiegħu (iktar minn xahar wara)”. Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Novembru 2022, MSC Mediterranean Shipping Company SA vs Stolt Tank Containers BV & Ors [2022] EWHC 2746 (Admlty), Appendiċi, punt A.8.


8      Ara “Neue Explosionen auf deutschem Frachter” Rheinische Post, 18 ta’ Lulju 2012 disponibbli fuq: https://rp-online.de/panorama/ausland/neue-explosionen-auf-deutschem-frachter_aid-14108635.


9      Din l-informazzjoni ħadtha mis-sentenza tal-Court of Appeal (England & Wales) (il-Qorti tal-Appell tal-Ingilterra u Wales, ir-Renju Unit) MSC Mediterranean Shipping Company S.A. vs Stolt Tank Containers BV et (Re “MSC Flaminia” (Nru 2)) [2023] EWCA Civ 1007, punt 7.


10      Ara Bundesstelle für Seeunfalluntersuchung (L‑Uffiċċju Federali għall-Investigazzjoni ta’ Disgrazzji Marittimi, il-Ġermanja), Untersuchungsbericht 255/12 – Sehr schwerer Seeunfall – Brand und Explosion an Bord der MSC Flaminia am 14. Juli 2012 auf dem Atlantik und die sich daran anschließenden Ereignisse’, 28 ta’ Frar 2012, p. 122 (iktar ’il quddiem ir-“Rapport ta’ Investigazzjoni tal-BSU”). Skont dak ir-rapport, il-Flaminia kien jinstab madwar 740 mn mill-port ta’ Bantry Bay (l-Irlanda), 890 mn mill-port ta’ Vigo (Spanja), 900 mn mill-port ta’ Falmouth (ir-Renju Unit), 930 mn mill-port ta’ Brest (Franza), 970 mn mill-port ta’ Gijon (Spanja), u 1000 mn mill-port ta’ St. Johns (Kanada).


11      Jiġifieri, minkejja li numru ta’ portijiet fi Stati oħra kienu ġeografikament eqreb. Ara r-Rapport ta’ Investigazzjoni tal-BSU, p. 134 u 135 u s-sentenza tat‑2 ta’ Novembru 2022, MSC Mediterranean Shipping Company SA vs Stolt Tank Containers BV & Ors [2022] EWHC 2746 (Admlty), Appendiċi, punti A.9, A.11 u A.12 (li jispjega li l-persuni ta’ salvataġġ kienu f’kuntatt ma’ portijiet u awtoritajiet fir-Renju Unit, fl-Irlanda, fi Franza, fil-Belġju, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fil-Portugall u fi Spanja).


12      Ara r-Rapport ta’ Investigazzjoni tal-BSU, p. 12.


13      Il-Court of Appeal (England & Wales) (il-Qorti tal-Appell tal-Ingilterra u Wales) tispjega li dan il-passaġġ kien jobbliga lil Conti tagħmel ħlasijiet li jammontaw għal madwar EUR 1.9 miljun lill-awtoritajiet pubbliċi fir-Renju Unit, fi Franza, fil-Belġju, u fil-Ġermanja sabiex tingħata permess tbaħħar mill-ibħra tal-Kanal Ingliż u l-parti ta’ isfel tal-Baħar tat-Tramuntana sabiex tilħaq Wilhelmshaven. Ara l-Court of Appeal (England & Wales) (il-Qorti tal-Appell tal-Ingilterra u Wales), MSC Mediterranean Shipping Company S.A. vs Stolt Tank Containers BV et (Re MSC Flaminia (Nru 2)) [2023] EWCA Civ 1007, punt 5.


14      Skont il-Court of Appeal (England & Wales) (il-Qorti tal-Appell tal-Ingilterra u Wales), dan involva d-“dekontaminazzjoni u t-tneħħija tal-ilma tat-tifi tan-nar mill-istiva tal-vapur. Sat‑28 ta’ Frar 2013 madwar 30 000 tm kienu tneħħew ġo braken, li ttieħdu lejn id-Danimarka u nqerdu.” Ara l-Court of Appeal (England & Wales) (l-Qorti tal-Appell tal-Ingilterra u Wales), MSC Mediterranean Shipping Company S.A. vs Stolt Tank Containers BV et (Re MSC Flaminia (Nru 2)) [2023] EWCA Civ 1007, punt 6.


15      Skont il-qorti tar-rinviju, l-awtoritajiet Rumeni inizjalment irrifjutaw id-dħul tal-bastiment minħabba l-iskart li kien għadu abbord (madwar 24 000 tm) (ara d-deċiżjoni tar-rinviju, p. 3). Dan in-numru jiddevja xi ftit minn dak li jinsab fis-sentenza tal-Court of Appeal (England & Wales) (il-Qorti tal-Appell tal-Ingilterra u Wales), li tispjega li “wara li ġie skarikat il-maġġor parti tal-ilma għat-tifi tan-nar, baqa’ abbord il-bastiment madwar 30 500 tm ta’ skart, li kien jikkonsisti minn madwar 14 800 tm ta’ merkanzija solida bi ħsarat min-nar (jiġifieri l-kontenut tal-kontejners), 7 800 tm ta’ ilma kkontaminat, u 5 400 tm ta’ ruttam tal-azzar. Ħafna minn dan ir-ruttam tal-azzar kien jikkonsisti f’kontejners tal-merkanzija li saritilhom il-ħsara, iżda kien hemm ukoll azzar strutturali tal-bastiment bi ħsarat min-nar. Dan l-iskart kollu kien ikkontaminat minn residwi perikolużi u tossiċi li kellhom jitneħħew qabel ma setgħu jsiru tiswijiet fuq il-bastiment. Conti rranġat sabiex dan l-iskart jitneħħa f’faċilitajiet fir-Rumanija.” Il-Court of Appeal (England & Wales) (il-Qorti tal-Appell tal-Ingilterra u Wales), MSC Mediterranean Shipping Company S.A. vs Stolt Tank Containers BV et (Re MSC Flaminia (Nru 2)) [2023] EWCA Civ 1007, punt 7.


16      Dan huwa kkonfermat ukoll miċ-ċirkustanzi fattwali stabbiliti fis-sentenza tal-Court of Appeal (England & Wales) (il-Qorti tal-Appell tal-Ingilterra u Wales), MSC Mediterranean Shipping Company S.A. vs Stolt Tank Containers BV et (Re MSC Flaminia (Nru 2)) [2023] EWCA Civ 1007, punt 7.


17      Ara d-digriet tat‑30 ta’ Ġunju 2023 tal-US Court of Appeals for the Second Circuit (il-Qorti tal-Appelli tal-Istati Uniti għat-Tieni Ċirkwit) fil-kawża In Re: M/V MSC Flaminia (Nru 18‑2974), p. 48 (fejn ġie kkonstatat li “Stolt [il-manifattur tat-tankijiet] u Deltech [il-manifattur tad-DVB] kienu responsabbli taħt it-teorija tan-nuqqas ta’ għoti ta’ twissija […] MSC ma kinitx negliġenti fl-istivar u fl-immaniġġjar tagħha tal-vjeġġ [tad-DVB] […] NSB u Conti ma kinux negliġenti fl-ingaġġar jew fit-taħriġ tal-ekwipaġġ fuq il-Flaminia, u l-ekwipaġġ aġixxa b’mod raġonevoli […] New Orleans Terminal ma kienx negliġenti fl-immaniġġjar tiegħu tal-vjeġġ [...] Il-Poloz tal-Vjeġġ bil-Baħar jeħtieġu li Stolt u Deltech jikkumpensaw lil MSC, Conti, u NSB għall-telf li ġarrbu”).


18      Il-Konvenzjoni dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta’ Deċiżjonijiet ta’ Arbitraġġ Barranin, New York, iffirmata fl-10 ta’ Ġunju 1958, Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 330, p. 3.


19      Ara, għall-aħħar element ta’ dik il-proċedura, il-United States Court of Appeals for the Fifth Circuit (il-Qorti tal-Appelli tal-Istati Uniti għall-Ħames Ċirkwit), Conti 11 Container Schiffahrts-GmbH & Co KG MS - MSC FLAMINIA - vs MSC Mediterranean Shipping Company SA (Nru 22-30808, sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2024) (li tħassar id-deċiżjoni tal-United States District Court for the Eastern District of Louisiana (il-Qorti Distrettwali tal-Istati Uniti għad-Distrett tal-Lvant ta’ Louisiana)).


20      Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Novembru 2022, MSC Mediterranean Shipping Company SA vs Stolt Tank Containers BV & Ors [2022] EWHC 2746 (Admlty) (separatament, dik l-istess qorti ddeċidiet ukoll li MSC ma kinitx intitolata għal ordni kontra l-kawżi sabiex tipprevjeni lil Conti milli tfittex li tinforza d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ tagħha x’imkien ieħor; ara s-sentenzi tat‑12 ta’ April 2022, MSC Mediterranean Shipping Company SA vs Stolt Tank Containers BV & Ors [2022] EWHC 835 (Admlty), punt 104) u s-sentenza tal‑1 ta’ Settembru 2023, MSC Mediterranean Shipping Company SA vs Stolt Tank Containers BV & Ors (Re MSC Flaminia (Nru 2)) [2023] EWCA Civ 1007.


21      Ara UK Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit), “Permission to Appeal” – Diċembru 2023, disponibli fuq: https://www.supremecourt.uk/pta/permission-to-appeal-2023-12.html.


22      Ara s-sentenza fil-kawża Conti 11. Container Schiffahrt, punt i 52, 53 u d-dispożittiv.


23      Ara s-sentenza fil-kawża Conti 11. Container Schiffahrt, punt  53 u d-dispożittiv.


24      Mir-rikors ta’ Conti quddiem il-qorti nazzjonali tat‑30 ta’ Diċembru 2015, li jifforma parti mill-fajl nazzjonali f’din il-kawża, jirriżulta li l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-Kummerċ ta’ Oldenburg ikkaratterizzat definittivament ir-ruttam tal-metall u l-ilma għat-tifi tan-nar imħallat ma’ ħama u residwi tal-merkanzija abbord il-Flaminia bħala li jeħtieġ il-bidu ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni u notifika skont ir-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart. Skont ir-rikors ta’ Conti, din id-deċiżjoni hija rreġistrata bħala l-Anness K.10 fil-fajl nazzjonali. Madankollu, dan id-dokument ma jifformax parti mill-fajl mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’tali mod li ma nistax nivverifika jekk din il-konstatazzjoni ġietx appellata quddiem il-qorti tar-rinviju jew le.


25      Ara d-Direttiva tal-Kunsill 84/631/KEE tas‑6 ta’ Diċembru 1984 dwar is-sorveljanza u l-kontroll fi ħdan il-Komunità Ewropea tal-vjeġġ transkonfinali ta’ skart perikoluż (ĠU 1984 L 326, p. 31). Din id-direttiva hija, parzjalment, ibbażata fuq direttiva oħra mill‑1978, li approssimat id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar ir-rimi ta’ skart tossiku u perikoluż diġà applikabbli jew li qed jitħejjew fl-Istati Membri; ara d-Direttiva tal-Kunsill 78/319/KEE tal‑20 ta’ Marzu 1978 dwar skart tossiku u perikoluż (ĠU 1978 L 84, p. 43).


26      Madankollu, il-Konvenzjoni ta’ Basel ma ġietx konkluża qabel l‑1993; ara d-Deċiżjoni 93/98. Din ġiet emendata wkoll fl‑1997; ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/640/KE tat‑22 ta’ Settembru 1997 fuq l-approvazzjoni, f’isem il-Komunità, ta’ l-emenda għall-Konvenzjoni dwar il-kontroll tal-moviment bejn il-fruntieri ta’ skart perikoluż u r-rimi tiegħu (Konvenzjoni ta’ Basel), kif stabbilit f’Deċiżjoni III/1 tal-Konferenza tal-Partijiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11 Vol. 26, p. 308).


27      Regolament tal-Kunsill (KEE) tal-1 ta’ Frar 1993 dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjaġġi bil-baħar ta’ skart fi, għal u mill-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15 Vol. 2, p. 176); ara b’mod partikolari, l-ewwel u r-raba’ premessa u l-Artikolu 12(b), l-Artikolu 14(1), l-Artikolu 16(1) u (2) u l-Artikolu 19(1) tiegħu. Ara wkoll it-tielet premessa tal-Proposta għal Regolament tal-Kunsill (KEE) dwar is-sorveljanza u l-kontroll ta’ movimenti transkonfinali ta’ skart perikoluż fi, għal u mill-Komunità Ewropea (COM(90) 415 final) u r-raba’ premessa tad-Deċiżjoni 93/98/KEE.


28      Ara l-Artikolu 61(1) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart, li jiddikjara li r-Regolament Nru 259/93 huwa mħassar mit‑12 ta’ Lulju 2007 ’il quddiem.


29      Ara wkoll, għal dan il-għan, il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Vjeġġi ta’ Skart (COM(2003) 379 final), p. 5 (li tispjega li “l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet u l-prinċipji tal-Konvenzjoni ta’ Basel hija għalhekk ukoll prijorità fil-proposta”.


30      Ara l-premessi 3, 4, u 5 tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart.


31      Ara l-premessa 8 tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart.


32      Ara l-premessa 9 tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart.


33      Ara wkoll il-premessa 7 tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart (li tipprovdi li “[h]uwa importanti li jiġu organizzati u regolati s-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjeġġi ta’ skart b’mod li jittieħed kont tal-ħtieġa li jiġu ppreżervati, protetti u mtejba l-kwalità ta’ l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem u b’mod li jippromovi applikazzjoni aktar uniformi tar-Regolament fil-Komunità kollha”). Ara wkoll il-premessi 18, 22 u 42 tiegħu.


34      Ara wkoll, it-tieni premessa tal-preambolu tal-Konvenzjoni ta’ Basel, li tispjega b’mod simili r-raġuni għall-adozzjoni ta’ din il-konvenzjoni: “Konxji mit-tehdida li qiegħda tiżdied għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent ippożata mill-ġenerazzjoni u l-komplessità a miżjuda u l-moviment ta’ l-iskart ta’ riskju u skart ieħor li jaqsam il-fruntieri”. Ara, b’mod simili, it-tmien sal-għaxar premessa u t-tlieta u għoxrin u erbgħa u għoxrin premessa tal-Konvenzjoni ta’ Basel.


35      Ara Kuplewatzky, N., “Trade in dangerous substances (chemicals/waste)” f’Delimatsis, P. and Reins, L., Trade and Environmental Law, Edward Elgar, Cheltenham, 2021, p. 263.


36      Ara, b’mod ġenerali, Müller, S.M., The Toxic Ship: The Voyage of the Khian Sea and the Global Waste Trade, University of Washington Press, Washington D.C., 2023, u b’mod partikolari p. 2 sa 3 u 34 et seq. Il-vjaġġ tal-Khian Sea wassal ukoll għal litigazzjoni fil-qrati tal-Istati Uniti; ara, inter alia, US Court of Appeals for the Third Circuit (Il-Qorti tal-Appelli tal-Istati Uniti għat-Tielet Ċirkwit), L-Istati Uniti tal-Amerika vs William P. Reilly u John Patrick Dowd, 33 F.3d 1396 (it-Tielet Ċirkwit, 1994).


37      Sabiex tirrimedja l-problema tad-deċiżjoni dwar definizzjoni uniformi għall-kunċett ta’ “skart perikoluż” li hija kemm aċċettabbli mill-Istati firmatarji kollha kif ukoll miftuħa għat-tkabbir, il-Konvenzjoni ta’ Basel issegwi approċċ fuq żewġ saffi sabiex tiddetermina liema tipi ta’ skart jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħha. Għalhekk, skart jitqies li jaqa’ f’dik il-kategorija jekk ikun jew (i) elenkat fl-Anness I tal-Konvenzjoni ta’ Basel u li jkollu karatteristika prevista fl-Anness III għaliha (ara l-Artikolu 1(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Basel) jew (ii) “[i]ddefinit, jew ikkunsidrat li huwa skart ta’ riskju mill-leġislazzjoni domestika tal-Parti esportatur, importatur jew tat-transitu” (ara l-Artikolu 1(1)(b) tagħha). Kwalunkwe skart li jappartjeni għal kwalunkwe kategorija fl-Anness II tal-Konvenzjoni u li huwa suġġett għal moviment transkonfinali huwa kklassifikat bħala “skart ieħor” (ara l-Artikolu 1(2) tal-istess konvenzjoni). Ara, f’dan ir-rigward, il-preambolu tal-Konvenzjoni ta’ Basel u l-Artikolu 1, l-Artikolu 4A u l-Artikolu 6 tagħha.


38      Enfasi miżjuda. Min-naħa tiegħu, il-kunċett ta’ “żona taħt il-ġurisdizzjoni nazzjonali ta’ Stat” huwa ddefinit bħala “kull biċċa art, żona marina jew spazju ta’ l-ajru li fuqhom Stat jeżerċita responsabbiltà amministrattiva u regolatorja skond il-liġijiet internazzjonali rigward il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent”. Ara l-Artikolu 2(9) tal-Konvenzjoni ta’ Basel.


39      Jiġifieri f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 31(1) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati tat-23 ta’ Mejju 1969 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331).


40      Ara l-Artikolu 1(3) u l-Artikolu 1(4), rispettivament, tal-Konvenzjoni ta’ Basel.


41      Filwaqt li jiena nikkunsidra li l-uniku mod sabiex tingħata tifsira lill-aġġettiv “normali” huwa li ssir distinzjoni bejn użi “normali” u “anormali” ta’ bastiment. Fil-fehma tiegħi, nar kimiku mhux previst u aċċidentali akkumpanjat minn splużjonijiet abbord bastiment tal-kontejners, ma huwiex operazzjoni “normali” ta’ dak il-bastiment. Is-Segretarjat tal-Konvenzjoni ta’ Basel, madankollu ,jidher li kien tal-fehma li distinzjoni bejn użu “normali” u “anormali” ta’ bastiment ma hijiex rilevanti għall-iskop tal-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Basel; ara, s-Segretarjat tal-Konvenzjoni ta’ Basel, “Analiżi legali tal-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Basel għal skart perikoluż u skart ieħor iġġenerat abbord bastimenti” (UNEP/CHW.11/INF/22, it-18 ta’ Frar 2023), punti 28 sa 29, 31 sa 32 u 40).


42      Kif il-partijiet kollha f’din il-kawża spjegaw, it-Trattati tal-Unjoni u r-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart huma biss tnejn mill-istrumenti li kienu ġew innotifikati lis-Segretarjat ta’ Basel taħt l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni ta’ Basel.


43      Ara, għal dan il-għan, l-Artikolu 1(2) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart.


44      Ara l-Artikolu 1(1) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart.


45      Definizzjoni ta’ dan il-kunċett hija inkluża fl-Artikolu 2(15) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart. Dan ikopri “fil-każ ta’ vjeġġ li joriġina minn Stat Membru, kull persuna fiżika jew ġuridika taħt il-ġurisdizzjoni ta’ dak l-Istat Membru li jkollha l-intenzjoni li twettaq vjeġġ ta’ skart jew li għandha l-intenzjoni li tqabbad lil min iwettaq vjeġġ ta’ skart u li lilha jiġi assenjat id-dover tan-notifika” u, “fil-każ ta’ importazzjoni bejn il-Komunità jew ta’ transitu mill-Komunità ta’ skart li ma joriġinax fi Stat Membru, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, minn dawn li ġejjin, taħt il-ġurisdizzjoni ta’ dak il-pajjiż tad-dispaċċ li għandha l-intenzjoni li twettaq vjeġġ ta’ skart jew li għandha l-intenzjoni li tqabbad lil min iwettaq vjeġġ ta’ skart jew li qabbdet lil min wettaq vjeġġ ta’ skart, li tkun: (i) il-persuna nominata mil-liġi tal-pajjiż ta’ destinazzjoni, jew; fl-assenza ta’ tali indikazzjoni, (ii) id-detentur fiż-żmien li saret l-esportazzjoni”.


46      L-Artikolu 2(10) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart jispjega li “detentur” huwa “l-produttur ta’ l-iskart jew il-persuna fiżika jew ġuridika li għandha l-pussess tiegħu (u kif definit fl-Artikolu 1(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/12/KE [tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2006 dwar l-iskart (ĠU 2006, L 114, p. 9)]).”


47      Ara l-Artikolu 7(1) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart. Għal definizzjoni ta’ awtorità kompetenti, ara l-Artikolu 2(18) tiegħu.


48      Ara l-Artikolu 9(1) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart.


49      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube (C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punti 31 u 32).


50      Għalhekk, is-sitwazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża hija differenti minn dik fis-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Il‑Kummissjoni vs Rusal Armenal (C‑21/14 P, EU:C:2015:494, punt 48) u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kummissjoni (C‑123/21 P, EU:C:2022:890, punt 101).


51      Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2024, EUIPO vs The KaiKai Company Jaeger Wichmann (C‑382/21 P, EU:C:2024:172, punti 70 u 74). Fuq il-kunċett ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tad-dritt internazzjonali, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża EUIPO vs The KaiKai Company Jaeger Wichmann (C‑382/21 P, EU:C:2023:576, punti 48 sa 93).


52      Ara s-sentenza fil-kawża Conti 11. Container Schiffahrt, punt 53.


53      Ara, b’mod partikolari, il-punti 48 sa 50 tas-sentenza fil-kawża Conti 11. Container Schiffahrt.


54      Is-sentenza fil-kawża Conti 11. Container Schiffahrt, punt 49. Enfasi miżjuda.


55      Is-sentenza fil-kawża Conti 11. Container Schiffahrt, punt 50 .Enfasi miżjuda.


56      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża Conti 11. Container Schiffahrt (C‑689/17, EU:C:2019:62, punt 30, enfasi miżjuda). Fil-punti 75 u 77 tal-konklużjonijiet, l-Avukat Ġenerali jkompli jispjega li “F’dak li jirrigwarda, minn naħa, it-trasferiment lejn id-Danimarka tal-ilma għat-tifi tan-nar ippompjat u, min-naħa l-oħra, it-trasferiment tal-iskart li ma nħattx fil-Ġermanja lejn ir-Rumanija, infakkar li l-qorti tar-rinviju eskludiet din il-parti mill-problema mqajma mill-fatti fil-kawża prinċipali mill-kamp tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari.” Minbarra dan, fil-punt 77, huwa osserva li “huwa leġittimu li wieħed jistaqsi jekk, f’dan il-każ, ikunx tassew utli għall-qorti tar-rinviju li l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 1(3)(b) tar-[Regolament dwar vjeġġi ta’ skart] sabiex jiġi ddeterminat jekk din id-dispożizzjoni tapplikax għat-trasferimenti ta’ skart inkwistjoni wara li l-bastiment ikun ħalla l-port Ġermaniż”.


57      Ara l-premessi 4 u 10 tal-Konvenzjoni ta’ Basel. Ara wkoll, f’dan is-sens, l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni ta’ Basel.


58      Fil-fatt, fil-fehma tiegħi, il-qari teleoloġiku tar-Regolament dwar Vjeġġi ta’ Skart, li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikorriet għalih fis-sentenza fil-kawża Conti 11. Container Schiffahrt sabiex jiġi mmitigat ir-riskju għat-tniġġis tal-baħar, u għalhekk sabiex jitnaqqas għall-minimu d-dewmien tal-wasla ta’ dak il-bastiment f’port sigur, kien iwassal għall-istess konklużjoni kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha quddiemha vjaġġ bejn żewġ portijiet tal-Unjoni, minħabba l-għan ambjentali primarju u ġenerali tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart.


59      Ara l-punt 75 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


60      Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2015, Total Waste Recycling (C‑487/14, EU:C:2015:780, punti 35 u 36) (li tispjega li bidla fir-rotta ta’ vjeġġ ta’ skart perikoluż waqt vjaġġ eżistenti għandha tkun suġġetta għal proċedura ta’ notifika ġdida peress li, bħala riżultat ta’ dik il-bidla, “id-dettalji tal-vjaġġ […] ma jikkorrispondix iktar, bħala riżultat ta’ din il-bidla, mar-realtà u, għalhekk ma jistgħux jitqies iktar li l-kunsens ingħata”).


61      Is-sentenza fil-kawża Conti 11. Container Schiffahrt, punti 40 u 43.


62      Enfasi miżjuda.


63      Ara l-Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Vjeġġi ta’ Skart, COM(2003) 379 final, p. 49. Enfasi miżjuda.


64      Rakkomandazzjoni għat-Tieni Qari dwar il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill għall-adozzjoni ta’ regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar vjeġġi ta’ skart (A6‑0287/2005), Emenda 6, finalment adottata bħala Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew dwar il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill għall-adozzjoni ta’ regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar vjeġġi ta’ skart (P6_TA(2005)0393). Enfasi miżjuda.


65      Rakkomandazzjoni għat-Tieni Qari dwar il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill għall-adozzjoni ta’ regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar vjeġġi ta’ skart (A6‑0287/2005), Emenda 6, finalment adottata bħala Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew dwar il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill għall-adozzjoni ta’ regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar vjeġġi ta’ skart (P6_TA(2005)0393), Ġustifikazzjoni għall-Emenda 6.


66      Opinjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 251(2), tielet subparagrafu, punt (c) tat-Trattat KE, dwar l-emendi tal-Parlament Ewropew tal-pożizzjoni komuni tal-Kunsill fir-rigward ta’ proposta għall-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar konsenji bil-baħar ta’ skart [li] jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b’mod konformi mal-Artikolu 250 (2) tat-Trattat KE (COM(2005) 0641 final, p. 3).


67      Ara, għal dan il-għan, is-sentenza fil-kawża Conti 11. Container Schiffahrt, punt 49.


68      Ara, għal dan il-għan, il-punt 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


69      Ara, b’analoġija, rigward l-interpretazzjoni stretta ta’ derogi minn regola ġenerali, is-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Interseroh (C‑654/18, EU:C:2020:398, punt 69).


70      Ara, għal dan il-għan, il-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


71      Dan it-tip ta’ qari jikkostitwixxi wkoll l-uniku mod sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tal-qafas tan-notifika u tal-kunsens stipulat fir-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart, peress li huwa perfettament plawżibbli li r-rabta tas-sospensjoni tal-proċedura ta’ notifika mal-att fiżiku ta’ ħatt tista’ twassal għal litigazzjoni ulterjuri u fit-tul dwar il-kamp ta’ applikazzjoni preċiż ta’ dak il-kunċett, u b’hekk imġiba maħsuba sabiex tevita l-livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u s-saħħa tal-bniedem li huwa meħtieġ meta vjeġġ ta’ skart perikoluż jgħaddi tul il-passaġġi tal-ilma tal-Unjoni.