Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta' Settembru 2009 - Novácke chemické závody vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-352/09)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Novácke chemické závody, a.s. (Nováky, ir-Repubblika Slovakka) (rappreżentant: A. Černejová, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tar-rikorrenti u konsegwentement tannulla l-multa imposta fuq ir-rikorrenti; jew

sussidjarjament, tannulla l-multa imposta fuq ir-rikorrenti fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni jew għall-inqas tnaqqas il-multa imposta fuq ir-rikorrenti b'mod sinjifikattiv, u

tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Lulju 2009 (Każ Nru COMP/F/39.396 - Reaġenti tal-kalċju u tal-manjesju għall-industriji tal-azzar u tal-gass) li permezz tagħha l-Kummissjoni kkonkludiet li r-rikorrenti flimkien ma' impriżi oħra kienu responsabbli għal ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE permezz ta' tqassim tas-swieq, kwoti, tqassim tal-klijentela, iffissar tal-prezzijiet u skambji ta' informazzjoni kummerċjali sensittiva bejn il-fornituri ta' granulati tal-karbur tal-kalċju u tal-manjesju. Sussidjarjament, ir-rikorrenti titlob l-annullament jew it-tnaqqis tal-multa imposta fuqha skont l-Artikolu 31 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003.

Ir-rikors huwa bbażat fuq il-motivi li ġejjin:

L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta' proporzjonalità u ta' trattament ugwali, li huma prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, billi imponiet multa eċċessiva u sproporzjonata fuq ir-rikorrenti.

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tinvestiga l-kapaċità tar-rikorrenti li tħallas il-multa u r-riskju li l-multa tista' twassal għall-falliment tagħha. Ir-rikorrenti ssostni, b'mod partikolari, li l-Kummissjoni naqset milli tosserva r-rekwiżiti proċedurali essenzjali, li hija ma eżaminatx kif jixraq il-provi mressqa mir-rikorrenti li juru riskju imminenti ta' falliment jekk il-Kummissjoni timponi multa fuqha. Għalhekk, huwa sottomess li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni meta naqset li tistabbilixxi r-riskju msemmi hawn fuq u meta naqset ukoll li tapplika l-paragrafu 35 tal-Linji Gwida fir-rigward tar-rikorrenti.

It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-impożizzjoni tal-multa fuqha ser tikkawża direttament il-falliment tagħha kif ukoll l-eliminazzjoni tagħha bħala kompetitur fis-suq rilevanti. B'hekk, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 3(1)(g) KE peress li kkawżat id-distorsjoni jew l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq rilevanti.

____________