Language of document :

Rikors ippreżentat fl- 4 ta' Settembru 2009 - Acetificio Marcello de Nigris vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-351/09)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Acetificio Marcello de Nigris Srl (Afragola, l-Italja) (rappreżentanti: P. Perani u P. Pozzi, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

Tiddikjara li l-għoti tat-trade mark "Aceto Balsamico di Modena" bħala indikazzjoni ġeografika protetta fir-reġistru tad-denominazzjonijiet tal-oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 510/2006, kif ukoll ksur tal-garanziji proċedurali espressament stabbiliti mis-sistema legali Komunitarja.

Tannulla r-Regolament Nru 583/2009 tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropea tat-3 ta' Lulju 2009, ippubblikat fl-4 ta' Lulju 2009, li jintroduċi denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (Aceto Balsamico di Modena (IĠP)).

B'konsegwenza tal-annullament, timplementa l-atti u l-miżuri kollha neċessarji għat-tħassir tar-reġistrazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika protteta "Aceto Balsamico di Modena" mir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi prottetti.

Tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta' din il-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti f'dan il-każ, impriża li topera fis-settur ta' produzzjoni u ta' bejgħ ta' ħall tal-inbid u ta' kondimenti oħrajn, fosthom il-ħall balsamiku ta' Modena, tikkontesta r-reġistrazzjoni bħala indikazzjoni ġeografika protetta tad-denominazzjoni "Aceto Balsamico di Modena", stabbilita mir-regolament ikkontestat.

Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti ssostni:

-    Il-ksur tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta' Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel1, safejn il-fatti storiċi relattivi mal-iżvilupp tal-produzzjoni tal-ħall balsamiku ta' Modena huma indikattivi ħafna fin-nuqqas ta' kwalunkwe konnessjoni bejn tali prodotti u żona ġeografika partikolari. Fil-fatt huwa inkontestabbli li, għal diversi snin, parti kbira tal-ħall balsamiku ta' Modena mibjugħ fl-Italja u fil-pajjiżi barranin huwa prodott barra mit-territorju storikament oriġinali. F'dan il-kuntest id-denominazzjoni inkwistjoni tindika prodott magħmul skont metodoloġiji produttivi partikolari u għandha karatteristiċi speċifiċi, li, madankollu, ma jiddependux mill-post ta' produzzjoni.

-    L-impossibbiltà tar-rikorrenti li toġġezzjona għar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni "Aceto Balsamico di Modena" bħala indikazzjoni ġeografika protetta. F'dan ir-rigward jitqies li minħabba s-sekwenza li fiha ġew ippreżentati l-fatti rilevanti f'din il-kawża, ir-reġistrazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika ngħatat b'mod li r-rikorrenti ma kellhiex il-possibbiltà li tippreżenta oppożizzjoni mmotivata, bi ksur tal-garanziji proċedurali stabbiliti, kemm tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 tal-14 ta' Lulju 1992, dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel2, kif ukoll tal-Artikolu 5(5) tar-Regolament Nru 510/2006.

____________

1 - GU L 93, 31.3.2006, p. 12.

2 - GU L 208, 24.7.1992, p. 1.