Language of document : ECLI:EU:T:2011:507

Kawża T-1/10

Polyelectrolyte Producers Group GEIE (PPG) u SNF SAS

vs

L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)

“Rikors għal annullament — REACH — Identifikazzjoni tal-akrilamidu bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna — Att li ma jistax jiġi kkontestat — Inammissibbiltà”

Sommarju tad-digriet

Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Kunċett — Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti — Atti preparatorji — Esklużjoni — Deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) li tidentifika l-akrilamidu bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna — Att li ma huwiex intiż li jipproduċi effetti legali — Inammissibbiltà

(Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1907/2006, Artikoli 57 u 59)

Jistgħu jiġu kkontestati permezz ta’ rikors għal annullament id-dispożizzjonijiet kollha meħuda mill-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-organi tal-Unjoni, indipendentement min-natura jew il-forma, li huma intiżi sabiex jipproduċu effetti legali. Fir-rigward ta’ atti jew ta’ deċiżjonijiet li l-elaborazzjoni tagħhom issir f’fażijiet differenti, b’mod partikolari fi tmiem il-proċedura interna, bħala prinċipju, huma biss il-miżuri li jistabbilixxu definittivament il-pożizzjoni tal-istituzzjoni, il-korp jew l-organu tal-Unjoni kkonċernat fi tmiem il-proċedura li jikkostitwixxu atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament. Minn dan jirriżulta li miżuri preliminari jew ta’ natura purament preparatorja ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament.

Għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli rikors għal annullament dirett kontra deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) li tidentifika l-akrilamidu bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1907/2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), skont l-Artikolu 59 tal-imsemmi regolament, meta fil-mument li fih għandha tiġi evalwata l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors, jiġifieri fil-mument meta ġie ppreżentat ir-rikors, tali deċiżjoni ma kinitx tipprevedi li tipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ terzi.

Fil-fatt, il-proċedura msemmija fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006, li tikkonsisti fl-identifikazzjoni ta’ sustanzi li jissodisfaw il-kriterji msemmija fl-Artikolu 57 tal-imsemmi regolament u fl-istabbiliment ta’ lista ta’ sustanzi kandidati, issir f’diversi stadji. F’dan ir-rigward, minkejja li huwa veru li jirriżulta mill-kliem “għandha tinkludi” tal-Artikolu 59(8) ta’ dak l-istess regolament li l-organu tal-ECHA responsabbli mill-inklużjoni ta’ sustanza fil-lista ta’ sustanzi kandidati ma għandu l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward ta’ din l-inklużjoni, fejn din tal-aħħar issegwi awtomatikament il-ftehim tal-kumitat tal-Istati Membri, xorta jibqa’ l-fatt li, qabel l-inklużjoni ta’ sustanza fil-lista ta’ sustanzi kandidati skont dik id-dispożizzjoni, l-att ta’ identifikazzjoni ta’ sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna, li tirriżulta mill-proċedura msemmija fl-Artikolu 59 tal-imsemmi regolament, ma huwiex intiż sabiex jipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ terzi.

Fil-fatt, fl-ewwel lok, l-obbligi ta’ informazzjoni naxxenti mill-att li jirriżulta mill-proċedura msemmija fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006, imsemmija fl-Artikolu 7(2), fl-Artikolu 31(1)(ċ), fl-Artikolu 31(3)(b) kif ukoll fl-Artikolu 33(1) u (2) ta’ dak ir-regolament, jagħmlu riferiment, minn naħa, għas-sustanzi identifikati skont l-Artikolu 59(1) tal-imsemmi regolament u, min-naħa l-oħra, għas-sustanzi inklużi, jew li jinsabu fil-lista ta’ sustanzi kandidati. Ma jirriżultax mir-Regolament Nru 1907/2006 li l-leġiżlatur kellu bħala għan li l-persuni kkonċernati minn dawk l-obbligi kellhom jissodisfawhom fi stadji differenti tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 59 tal-imsemmi regolament. Għall-kuntrarju, jirriżulta mill-Artikolu 59 ta’ dak ir-regolament li l-funzjoni effettiva tal-proċedura msemmija f’dak l-artikolu tikkonsisti fl-identifikazzjoni definittiva ta’ sustanzi li jissodisfaw il-kriterji msemmija fl-Artikolu 57 ta’ dak ir-regolament. Jirriżulta mill-Artikolu 59(1) tal-imsemmi regolament, li jagħmel riferiment għall-paragrafi 2 sa 10 ta’ dak l-artikolu fir-rigward tal-proċedura ta’ identifikazzjoni, li l-inklużjoni ta’ sustanza fil-lista ta’ sustanzi kandidati, imsemmija fil-paragrafu 8 ta’ dak l-artikolu, tifforma parti integrali minn dik il-proċedura. Ir-riferimenti, minn naħa, għas-sustanzi identifikati skont l-Artikolu 59(1) tal-imsemmi regolament u, min-naħa l-oħra, għas-sustanzi inklużi jew li jinsabu fil-lista ta’ sustanzi kandidati ma jistgħux għaldaqstant jikkorrispondu għal stadji differenti tal-proċedura ta’ identifikazzjoni b’tali mod li l-imsemmija obbligi ma jistgħux jeżistu qabel l-inklużjoni effettiva tas-sustanza fil-lista ta’ sustanzi kandidati.

Fit-tieni lok, fil-każ li l-ECHA ma tirċievi u ma tagħmel l-ebda osservazzjoni dwar il-proposta ta’ identifikazzjoni ta’ sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna, hija tinkludi dik is-sustanza fil-lista ta’ sustanzi kandidati (Artikolu 59(6) tar-Regolament Nru 1907/2006). F’tali każ, ikun nieqes stadju ta’ identifikazzjoni fi ħdan il-proċedura ta’ identifikazzjoni skont l-Artikolu 59 tal-imsemmi regolament, ġestit b’mod separat minn organu tal-ECHA differenti bħall-kumitat tal-Istati Membri jew istituzzjoni distinta bħall-Kummissjoni skont il-paragrafi 8 u 9 ta’ dak l-artikolu. Issa, peress illi l-mument li minnu att ta’ identifikazzjoni ta’ sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna, li jirriżulta mill-proċedura msemmija fl-Artikolu 59 tal-imsemmi regolament, intiż li jipproduċi effetti legali ma jistax jiddependi fuq il-preżentazzjoni ta’ osservazzjonijiet minn Stat Membru, mill-ECHA jew minn parti interessata, huwa biss mill-inklużjoni ta’ sustanza fil-lista ta’ sustanzi kandidati li dak l-att jista’ jipproduċi effetti legali.

(ara l-punti 39-41, 43, 46-48, 51)