Language of document : ECLI:EU:T:2006:58

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Il-Ħames Awla)

tal-21 ta' Frar 2006 (*)

"Trade mark Komunitarja – Trade mark figurattiva li fiha l-element verbali ‘ROYAL COUNTY OF BERKSHIRE POLO CLUB’ – Oppożizzjoni mill-proprjetarju tat-trade marks figurattivi u verbali nazzjonali li fihom l-element verbali ‘POLO’ – Rifjut mill-Bord ta' l-Appell li tiġi rreġistrata"

Fil-kawża T-214/04,

The Royal County of Berkshire Polo Club Ltd, stabbilita f'Winkfield, Windsor, Berkshire (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn J. Maitland-Walker, solicitor, u D. McFarland, barrister,

rikorrenti,

vs

l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI), irrappreżentat minn P. Bullock, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li hija

The Polo/Lauren Co. LP, stabbilita f'New York (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn P. Taylor, solicitor, u A. Bryson, barrister,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tal-25 ta' Marzu 2004 (kawża R 273/2002-1), dwar proċedimenti ta' oppożizzjoni bejn The Polo/Lauren Co. LP u The Royal County of Berkshire Polo Club Ltd,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras, President, E. Martins Ribeiro u K. Jürimäe, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-3 ta' Ġunju 2004,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-29 ta' Settembru 2004,

wara li rat ir-risposta ta' l-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-21 ta' Settembru 2004,

wara s-seduta tal-15 ta' Settembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Fil-5 ta' Ġunju 1997, il-kumpannija Royal County of Berkshire Polo Club Ltd (iktar 'il quddiem ir-"rikorrenti") ppreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI), skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta' l-20 ta' Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2       It-trade mark li għalih ntalab ir-reġistrazzjoni huwa sinjal imħallat, li jinkludi element verbali u element figurattiv, riprodott hawn taħt:

Image not foundImage not found

3       Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark jaqgħu taħt il-klassijiet 3, 9, 14, 18, 21 u 25 skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat. Il-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 3 jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja : "Preparazzjonijiet ta' bliċ u sustanzi oħra għall-ħasil tal-ħwejjeġ; preparazzjonijiet għat-tindif, għal-lustrar, biex togħrok u li joborxu; spapen; fwejjaħ, żjut essenzjali, kożmetici, lozjonijiet tax-xagħar; dentifriċi, lozjonijiet ta' wara t-tqaxxir tal-leħja, preparazzjonijiet tax-xagħar, shampoo, deodoranti, eau de toilette, sprejs tal-ġisem, żjut tal-banju, sapun tal-banju, sapun likwidu tad-doċċa".

4       L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade marks Komunitarji Nru 92/1998 tat-30 ta' Novembru 1998.

5       Fit-8 ta' Jannar 1999, il-kumpannija The Polo/Lauren Company LP (iktar 'il quddiem l-"intervenjenti") ressqet oppożizzjoni skond l-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 40/94. Ir-raġuni invokata b'sostenn għall-oppożizzjoni kienet il-probabbiltà ta' konfużjoni msemmija fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade marks preċedenti nazzjonali proprjetà ta' l-intervenjenti. It-trade marks preċedenti in kwistjoni huma t-trade marks li ġejjin:

a)      it-trade mark Ġermaniża Nru 1 153 949 ippreżentata fit-30 ta' Jannar 1988, irreġistrata fid-9 ta' Frar 1990 u protetta sal-31 ta' Jannar 2008 għal "fwejjaħ, eau de Cologne, eau de toilette, kożmetiċi, b'mod partikolari terer, kremi u lozjonijiet, żjut essenzjali, spapen, preparazzjonijiet kożmetiċi li fihom addittivi ta' deodorizzazzjoni, iżda bl-eċċezzjoni ta' kożmetiċi għax-xagħar", inklużi fil-klassi 3;

b)      it-trade mark Griega Nru 103 778 ippreżentata fit-23 ta' April 1991 u rreġistrata fis-17 ta' Marzu 1994 għall-prodotti tal-klassi 3, inklużi "fwejjaħ, eau de Cologne, eau de toilette, kożmetiċi, terra, kremi u lozjonijiet, żjut essenzjali, spapen, deodoranti għall-użu personali, lozjonijiet tax-xagħar, dentifriċi";

c)      it-trade mark Spanjola Nru 1 253 471 ippreżentata fid-19 ta' Mejju 1988 u rreġistrata fil-5 ta' Novembru 1990 għal varjetà ta' prodotti fil-klassi 3, jiġifieri "fwejjaħ, eau de Cologne, eau de toilette, kożmetiċi, terer, kremi u lozjonijiet, żjut essenzjali, spapen, deodoranti għall-użu personali, lozjonijiet tax-xagħar, bl-eċċezzjoni ta' dentifriċi u preparazzjoni għall-ħasil tas-snien";

d)      it-trade mark Żvediża Nru 225 475 ippreżentata fl-4 ta' Lulju 1989 u rreġistrata fit-2 ta' Awwissu 1991 għal ċerti prodotti fil-klassi 3, jiġifieri "fwejjaħ, eau de Cologne, eau de toilette, kożmetiċi, terra, kremi u lozjonijiet, żjut essenzjali, spapen, deodoranti għall-użu personali".

Is-sinjal irreġistrat għal dawn l-erba' trade marks kienet li ġejja:

Image not foundImage not found

e)      iż-żewġ reġistrazzjonijiet Brittanniċi tat-trade mark verbali POLO Numri 638 708 u 657 863 mitluba rispettivament fit-18 ta' Lulju 1945 u fl-1 ta' April 1947 u mġedda sat-18 ta' Lulju 2008 u sa l-1 ta' April 2006 għal varjetà ta' prodotti inklużi fil-klassi 3, jiġifieri "fwejjaħ, preparazzjoni tat-twaletta (mhux medikati), preparazzjonijiet kożmetiċi, dentifriċi, preparazzjonijiet għat-tneħħija tax-xagħar, spapen, oġġetti tat-twaletta (li mhumiex inklużi fi klassijiet oħra), bl-eċċezzjoni ta' kontenituri għat-terer kif ukoll prodotti oħra bħal kontenituri għat-terer" (Nru 638 708) u "frak tal-melħ tal-banju, trab tat-talkum, terra għall-wiċċ, krema għall-wiċċ, preparazzjonijiet għas-stimulazzjoni tal-qorriegħa, lozjonijiet ta' wara t-tqaxxir tal-leħja, dawn il-preparazzjonijiet kollha tat-twaletta li mhumiex medikati, u lipstik, brillantina, lozjonijiet tax-xagħar, shampoo, dentifriċi, spapen u fwejjaħ" (Nru 657 863);

f)      it-trade mark figurattiva Brittannika Nru 2 007 609

Image not foundImage not found

ippreżentata fit-23 ta' Diċembru 1994 u rreġistrata fit-13 ta' Marzu 1996 għal varjetà ta' prodotti tal-klassi 3, jiġifieri "spapen, fwejjaħ, eau de toilette, żjut essenzjali, kożmetiċi, dentifriċi, eau de Cologne, ġel għat-tqaxxir tal-leħja, krema għat-tqaxxir tal-leħja, balzmu għal wara t-tqaxxir tal-leħja, muss għal wara t-tqaxxir tal-leħja, lozjoni għall-ġilda, krema għall-ġilda, krema għat-trattib tal-wiċċ, trab tat-talkum, sprej kontra l-għaraq u deodorant stick għall-użu personali u protezzjoni kontra x-xemx, kollha għall-irġiel", iżda bl-eċċezzjoni ta' prodotti tax-xagħar;

g)      it-trade mark figurattiva Brittannika Nru 2 140 409

Image not foundImage not found

ippreżentata fit-30 ta' Lulju 1997 u rreġistrata fis-27 ta' Frar 1998 għal varjetà ta' prodotti inklużi fil-klassi 3, jiġifieri "fwejjaħ, eaux de Cologne, fwejjaħ, lozjonijiet ta' wara t-tqaxxir tal-leħja, balzmu għal wara t-tqaxxir tal-leħja, prodotti kontra l-għaraq, deodorant personali, trab tat-talkum, eau de toilette, terra għall-ġisem, kożmetiċi, prodotti għall-kura kożmetika, jiġifieri kremi għall-wiċċ u għall-ġisem, lozjonijiet u kremi għax-xemx, u kremi u lozjonijiet għall-protezzjoni kontra x-xemx, prodotti għall-kura tax-xagħar, jiġifieri shampoo, conditioner, kremi u lozjonijiet għax-xagħar u brillantina u preparazzjonijiet għas-stimulazzjoni tal-qorriegħa; prodotti tal-banju u tad-doċċa, jiġifieri spapen tat-twaletta, shampoo għall-ġisem, exfoliating agents għall-ġisem, prodotti kontra irritazzjonijiet tal-ġisem, frak tal-melħ tal-banju, sapun likwidu tal-banju u tad-doċċa, żjut tal-banju u tad-doċċa u żjut essenzjali";

h)      ir-reġistrazzjoni Brittannika tat-trade mark figurattiva Nru 657 864

Image not foundImage not found

mitluba fl-1 ta' April 1947 u mġedda fil-15 ta' Mejju 1996 għal varjetà ta' prodotti inkluzi fil-klassi 3, jiġifieri " frak tal-melħ tal-banju, trab tat-talkum, terra għall-wiċċ, preparazzjonijiet għas-stimulazzjoni tal-qorriegħa, lozjonijiet ta' wara t-tqaxxir tal-leħja, krema għall-wiċċ, dawn il-prodotti kollha li huma preparazzjonijiet tat-twaletta li mhumiex medikati, u lipstik, brillantina, lozjonijiet tax-xagħar, shampoo, dentifriċi, spapen u fwejjaħ";

i)      it-trade mark figurattiva Brittannika Nru 1 484 052

Image not foundImage not found

ippreżentata fit-28 ta' Novembru 1991 u rreġistrata fis-7 ta' Jannar 1994 għal preparazzjonijiet ta' fwejjaħ inklużi fil-klassi 3.

6       Fid-deċiżjoni tagħha Nru 182/2002, tal-31 ta' Jannar 2002, ikkomunikata lill-partijiet fl-istess ġurnata, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ta' l-UASI ċaħdet l-oppożizzjoni.

7       Fis-27 ta' Marzu 2002, l-intervenjenti appellat quddiem l-UASI mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, skond l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94.

8       Permezz tad-deċiżjoni tal-25 ta' Marzu 2004 (kawża R 273/2002-1), innotifikata lir-rikorrenti fl-1 ta' April 2004 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), l-Ewwel Bord ta' l-Appell laqa' parzjalment l-appell. Huwa kkunsidra, essenzjalment, li teżisti probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark figurattiva preċedenti rreġistrata fir-Renju Unit bin-numru 657 864 għall-prodotti li ġejjin: "preparazzjonijiet għat-tindif, dentifriċi, fwejjaħ, lozjonijiet ta' wara t-tqaxxir tal-leħja, preparazzjonijiet għax-xagħar, shampoo, spapen, żjut essenzjali, kożmetiċi, lozjoni għax-xagħar, deodoranti, eau de toilette, sprejs tal-ġisem, żjut tal-banju, sapun tal-banju, sapun likwidu tad-doċċa". Min-naħa l-oħra, skond il-Bord ta' l-Appell, din il-probabbiltà ta' konfużjoni ma teżistix għall-prodotti li ġejjin: "preparazzjonijiet ta' bliċ u sustanzi oħra għall-ħasil tal-ħwejjeġ; preparazzjonijiet għal-lustrar, biex togħrok u li joborxu".

 It-talbiet tal-partijiet

9       Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–       tordna r-reġistrazzjoni tat-trade mark għall-klassijiet kollha ta' prodotti, inklużi fil-klassi 3;

–       tordna l-UASI jbati l-ispejjeż, inklużi dawk tal-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell.

10     L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tordna r-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

11     L-intervenjenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza tilqa' l-oppożizzjoni għall-prodotti kollha msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, inklużi l-preparazzjonijiet ta' bliċ u sustanzi oħra għall-ħasil tal-ħwejjeġ u l-preparazzjonijiet għal-lustrar, biex togħrok u li joborxu, abbażi kemm tat-trade mark preċedenti rreġistrata fir-Renju Unit bin-numru 657 864 kif ukoll tat-trade marks preċedenti l-oħrajn.

 Id-dritt

12     Ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, żewġ motivi sabiex issostni r-rikors tagħha, ibbażati fuq il-ksur, l-ewwel nett, ta' l-obbligu li jingħataw raġunijiet u, it-tieni nett, ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

 Fuq l-ewwel motiv tar-rikorrenti, ibbażat fuq il-ksur ta' l-obbligu li jingħataw raġunijiet

 L-argumenti tal-partijiet

13     Ir-rikorrenti hija ta' l-opinjoni li d-deċiżjoni kkontestata kisret l-obbligu li jingħataw raġunijiet. B'mod iktar partikolari, il-Bord ta' l-Appell ma tax raġunijiet jew ma tax biżżejjed raġunijiet għar-rifjut ta' l-argument adottat mid-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ta' l-UASI, li jgħid li, min-naħa, l-attenzjoni tal-konsumatur tkun miġbuda iktar mill-kliem "Royal County of Berkshire" minħabba l-pożizzjoni tagħhom, li jinsabu fuq l-element figurattiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, u li, min-naħa l-oħra, it-trade mark preċedenti POLO tagħmel referenza għall-isport in ġenerali, filwaqt li l-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja tkun tippermetti li jiġi identifikat klabb tal-polo speċifiku.

14     L-UASI jenfasizza l-fatt li l-Bord ta' l-Appell, fil-punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata, iġġustifika l-konklużjoni tiegħu li s-sinjali in kwistjoni kienu simili mil-lat viżiv. F'dak li jirrigwarda l-paragun kunċettwali, l-UASI jenfasizza li l-Bord ta' l-Appell kien ġustifikat meta kkunsidra li jeżisti ċertu xebh kunċettwali bejn is-sinjali, peress li t-tnejn li huma jevokaw l-isport tal-polo, li m'għandu x'jaqsam xejn mal-prodotti kkonċernati. L-UASI isostni li l-Bord ta' l-Appell ta ir-raġunijiet għalfejn huwa ma qabilx mad-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ta' l-UASI.

15     L-intervenjenti ma tippreżenta ebda osservazzjonijiet speċifiċi fir-rigward ta' l-argument li jgħid li l-Bord ta' l-Appell ma tax raġunijiet jew ma tax biżżejjed raġunijiet għar-rifjut ta' l-argument tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni. Madankollu, hija taqbel ma l-argument imqajjem mill-Bord ta' l-Appel.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

16     Għandu jiġi mfakkar li, skond l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, għandhom jingħataw ir-raġunijiet għad-deċiżjonijiet ta' l-UASI. Dan l-obbligu għandu l-istess skop bħal dak ta' l-Artikolu 253 KE [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-28 ta' April 2004, Sunrider vs L-UASI – Vitakraft-Werke Wührmann u Friesland Brands (VITATASTE u METABALANCE 44), T-124/02 u T-156/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 72].

17     Jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li l-obbligu li jingħataw raġunijiet għad-deċiżjonijiet individwali għandu bħala objettiv doppju li jippermetti, minn naħa, li l-persuna kkonċernata tkun taf il-ġustifikazzjonijiet għat-teħid tad-deċiżjoni sabiex tkun tista' tiddefendi d-drittijiet tagħha u, min-naħa l-oħra, li l-qorti Komunitarja teżerċita l-kontroll tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni (ara s-sentenza VITATASTE u METABALANCE 44, iċċitata iktar 'il fuq, punt 73, u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-kwistjoni jekk ir-raġuni għal deċiżjoni tissodisfax jew le dawn ir-rekwiżiti għandha tiġi evalwata billi jittieħdu in kunsiderazzjoni mhux biss l-kliem użat, iżda wkoll il-kuntest tagħhom, kif ukoll ir-regoli ġudizzjarji kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Frar 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-122/94, Ġabra p. I-881, punt 29, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' April 2000, Kuijer vs Il-Kunsill, T-188/98, Ġabra p. II-1959, punt 36).

18     F'dan il-każ, għandu jiġi eżaminat in-nuqqas jew l-insuffiċjenza ta' raġunijiet allegat mir-rikorrenti.

19     Qabel kollox, fir-rigward tar-rifjut ta' l-argument adottat mid-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ta' l-UASI li jgħid li l-attenzjoni tal-konsumatur tkun miġbuda iktar mill-kliem "Royal County of Berkshire" minħabba l-fatt li jinsabu fuq l-element figurattiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza ssostni, b'mod partikolari, li l-kunsiderazzjoni fil-punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata, skond liema l-mod kif huma miktuba l-kliem li jiffurmaw l-element verbali tas-sinjal in kwistjoni jsaħħu b'mod konsiderevoli l-karattru dominanti tar-rappreżentazzjoni tal-plejer tal-polo, tippermetti lir-rikorrenti li tkun taf ir-raġuni eżatta għalfejn il-Bord ta' l-Appell ma kkunsidrax l-element verbali bħala element dominanti u, konsegwentement, għalfejn huwa rrifjuta l-argument tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni.

20     Barra minn hekk, fir-rigward ta' l-argument tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni li t-trade mark preċedenti POLO tagħmel referenza għall-isport in ġenerali, filwaqt li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tippermetti li jiġi identifikat klabb tal-polo speċifiku, għandu jiġi osservat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-imsemmi argument ma ġiex respint mill-Bord ta' l-Appell. Fil-fatt, fil-punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell ikkonferma b'mod espliċitu li l-kliem "Royal County of Berkshire Polo Club" jistgħu jevokaw għall-konsumatur Ingliż klabb speċifiku fejn persuni jilgħabu l-polo.

21     Peress li, meta meħuda flimkien, ir-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata juru b'mod ċar l-argument adottat fir-rigward tal-probabbiltà ta' konfużjoni, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni motiv tar-rikorrenti, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

22     Ir-rikorrenti tinvoka diversi argumenti li jibbażaw ruħhom, essenzjalment, fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

23     L-ewwel nett, ir-rikorrenti tosserva li d-deċiżjoni kkontestata qassmet b'mod inkorrett it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u ma kkunsidrathiex bħala trade mark waħda, iżda bħala serje ta' elementi li lilhom assenjat valuri, karattri distintivi jew kapaċità li jiġu nnutati bħala li huma differenti.

24     It-tieni nett, ir-rikorrenti tikkontesta d-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell inkwantu ġie meqjus li l-ebda waħda mill-kliem "Royal County of Berkshire Polo Club", li jiffurmaw l-element verbali tas-sinjal in kwistjoni, ma kienet tispikka b'relazzjoni ma' l-element figurattiv ta' l-imsemmi sinjal, jiġifieri l-midaljun li jirrappreżenta rikkieb li qed jilgħab il-polo. Tali konklużjoni tirriżulta mill-fatt li l-kliem għandhom l-istess importanza bħall-element figurattiv. F'dan ir-rigward, f'dan il-każ il-kliem huma viżibbli u jiġbdu l-attenzjoni b'mod ċar minħabba d-daqs tagħhom, id-dispożizzjoni tipografika tagħhom u t-tipa b'ittri kapitali bojod. Billi ikkunsidra l-element figurattiv bħala l-element dominanti u determinanti tas-sinjal, il-Bord ta' l-Appell għamel għalhekk evalwazzjoni żbaljata.

25     It-tielet nett, ir-rikorrenti tikkritika r-referenza fid-deċiżjoni kkontestata għall-karattru arbitrarju tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Skond ir-rikorrenti, din ir-referenza ma tiħux in kunsiderazzjoni l-fatt li hija trade mark ta' oriġini, jiġifieri li tindika li l-prodotti jiġu mir-Royal County of Berkshire Polo Club.

26     Ir-raba' nett, ir-rikorrenti ssostni li, jekk id-deċiżjoni kkontestata ma tiġix annullata, jinħoloq monopolju inġust u mhux ġustifikat għall-benefiċċju ta' l-intervenjenti fil-konfront ta' l-element figurattiv ikkostitwit minn rikkieb li qed jilgħab il-polo. Skond ir-rikorrenti, dan huwa inġust u inammissibbli, b'mod partikolari meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni n-numru ta' reġistrazzjonijiet ta' trade marks għall-prodotti fil-klassi 3 li nkisbu minn klabbijiet oħrajn tal-polo. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tagħmel referenza għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Brittannika Nru 1 558 682 u Komunitarja Nru 980 995.

27     Il-ħames nett, il-Bord ta' l-Appell wettaq żball ta' dritt fis-sens li huwa effettivament applika test fejn il-livell preżunt ta' xebh bejn it-trade marks in kwistjoni ssostitwixxa l-kriterju li kellu jkun applikat f'każ ta' probabbiltà ta' konfużjoni, jiġifieri t-teħid in kunsiderazzjoni tal-fatturi kollha tal-każ in eżami.

28     L-UASI josserva, l-ewwel nett, li l-Bord ta' l-Appell, għalkemm ikkunsidra t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni globalment, iddikjara ġustament li r-rappreżentazzjoni tal-plejer tal-polo tikkostitwixxi element dominanti mil-lat viżiv. Skond l-UASI, il-Bord ta' l-Appell sostna li, għalkemm jeżistu ċerti differenzi bejn is-sinjali, dawn mhumiex biżżejjed sabiex jikkontrobilanċjaw l-aspetti li jixxiebhu, b'mod partikolari jekk wieħed jieħu in kunsiderazzjoni l-prinċipju tal-memorja mhux eżatta tal-konsumatur. L-UASI kkonkluda billi indika li l-argument tar-rikorrenti li l-Bord ta' l-Appell ma kkunsidrax it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni globalment, huwa manifestament infondat. Skond l-UASI, il-Bord ta' l-Appell ma tax importanza żejda lil-logo tar-rikkieb meta kkunsidrah separatament u, konsegwentement, ma enfasizzax wisq fuq l-analiżi tiegħu tas-sinjali konfliġġenti.

29     It-tieni nett, skond l-UASI, il-Bord ta' l-Appell ikkonstata korrettament dwar il-karattru arbitrarju tar-rappreżentazzjoni ta’ rikkieb li qed jilgħab il-polo għall-prodotti kkonċernati, li jaqgħu taħt il-klassi 3. F’dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti f’dak li għandu x’jaqsam mat-trade mark ta’ oriġini seta’ jiġi aċċettat kieku t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet mitluba biss għas-servizzi fil-klassi 41, jiġifieri attivitajiet sportivi jew l-attivitajiet ta’ klabb tal-polo.

30     It-tielet nett, skond l-UASI, id-deċiżjoni kkontestata ma tagħtix lill-intervenjenti monopolju inġust u mhux ġustifikat tar-rappreżentazzjoni tal-plejer tal-polo. Fl-opinjoni ta’ l-UASI, il-Bord ta’ l-Appell kien assolutament korrett meta sostna li r-rappreżentazzjoni ta’ rikkieb li qed jilgħab il-polo tinvolvi intrinsikament karattru distintiv qawwi fir-rigward ta’ prodotti fil-klassi 3 koperti mir-reġistrazzjoni Brittannika preċedenti, peress li hija immaġni li għandha kontenut immaġinattiv kbir. M’hemmx dubju, skond l-UASI, li tali rappreżentazzjoni hija arbitrarja għall-prodotti in kwistjoni u għandha tkun protetta kontra applikazzjonijiet ulterjuri li fihom rappreżentazzjonijiet simili b'mod li tinħoloq konfużjoni bejniethom. Huwa jsostni li fil-każ in eżami, il-karattru distintiv li akkwistat it-trade mark preċedenti jikkostitwixxi fattur supplimentari li jiġġustifika l-protezzjoni tagħha kontra trade mark ulterjuri li fiha, bħala element dominanti, rappreżentazzjoni simili ta' plejer tal-polo. Fir-rigward tar-referenza mir-rikorrenti għal reġistrazzjonijiet ottenuti minn klabbijiet oħrajn tal-polo għal prodotti fil-klassi 3, l-UASI jippreċiża li, fil-każ tat-trade mark Brittannika Nru 1 558 682, ir-reġistrazzjoni ġiet aċċettata wara li ngħata l-kunsens mill-proprjetarju tat-trade mark Brittannika Nru 657 864, jiġifieri l-intervenjenti f'din il-kawża. F'dak li jirrigwarda t-trade mark Komunitarja Nru 980 995, l-UASI jsostni li l-Bord ta' l-Appell osserva fid-deċiżjoni tiegħu li hija kienet tirrappreżenta żewġ plejers tal-polo.

31     Ir-raba' nett, skond l-UASI, il-Bord ta' l-Appell ma wettaqx żball ta' dritt fis-sens li huwa ssostitwixxa t-test li jevalwa l-probabbiltà ta' konfużjoni b'test ibbażat fuq il-livell preżunt ta' xebh bejn is-sinjali. L-UASI jsostni, f'dan ir-rigward, li l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni kienet iddeterminata korrettament mill-Bord ta' l-Appell, peress li huwa ħa in kunsiderazzjoni fl-analiżi tiegħu l-fatturi kollha rilevanti tal-każ in eżami, jiġifieri l-identiċità parzjali jew ix-xebh bejn il-prodotti, ix-xebh viżiv u kunċettwali bejn is-sinjali, il-karattru distintiv qawwi tar-rappreżentazzjoni tal-plejer tal-polo li tidher fuq it-trade marks preċedenti ta' l-intervenjenti, li huwa kemm intrinsiku kif ukoll akkwistat bl-użu, u, fl-aħħar nett, l-eżistenza ta' grupp ta' trade marks marbuta mal-kunċett tal-polo għal prodotti fil-klassi 3.

32     L-intervenjenti tenfasizza, l-ewwel nett, li l-impressjoni viżiva mogħtija mill-immaġni tar-rikkieb tolqot l-għajn u taf tkun immemorizzata ħafna iktar mill-element verbali tat-trade mark. Minn naħa, l-element verbali huwa anċillari minħabba l-fatt li dan l-element huwa magħmul minn sitt kelmiet miktuba b'karattri relattivament żgħar, li huma partikolarment diffiċli biex jinqraw peress li jiffurmaw midaljun. Barra minn hekk, l-ebda waħda minn dawn il-kelmiet m'hija predominanti. Min-naħa l-oħra, meta jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li l-konsumatur medju għandu biss rarament l-okkażjoni li jwettaq eżami fil-fond ta' trade mark u li għalhekk jiftakar biss immaġni jew tifkira imperfetta tagħha, huwa improbabbli ħafna li l-immaġni imperfetta tat-trade mark li l-konsumatur jiftakar tippermettilu li jiftakar ukoll l-element verbali ta' dik it-trade mark. F'dan ir-rigward, l-intervenjenti tosserva għal darb'oħra li l-argument tar-rikorrenti li l-kliem li jiffurmaw l-element verbali tat-trade mark mitluba għandhom ikunu kkunsidrati bħala karatteristika dominanti ta' din it-trade mark minħabba l-fatt li huma viżibbli, ma jiħux in kunsiderazzjoni, minn naħa, l-impressjoni sħiħa mogħtija mit-trade mark u, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-konsumatur medju ma jeżaminax t-trade mark b'mod dettaljat u normalment jiftakar biss immaġni imperfetta tagħha.

33     It-tieni nett, f'dak li jikkonċerna l-karattru arbitrarju tar-rabta bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u l-prodotti, l-intervenjenti tosserva, minn naħa, li din it-trade mark m'għandha l-ebda rabta mal-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 3 u ma fiha ebda sinifikat li jista' joħloq din ir-rabta u, min-naħa l-oħra, li l-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja ma tkoprix prodotti jew servizzi marbuta mal-prattika tal-polo, iżda prodotti li m'għandhom x'jaqsmu xejn ma' dan l-isport.

34     It-tielet nett, l-argument tar-rikorrenti skond liema l-intervenjenti tingħata monopolju inġust u mhux ġustifikat tar-rappreżentazzjoni tal-plejer tal-polo jekk ma tiġix annullata d-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell jikkostitwixxi, skond l-intervenjenti, rikonoxximent impliċitu mir-rikorrenti li l-logo tagħha ta' rikkieb huwa simili għal xi wħud mit-trade marks preċedenti ta' l-intervenjent u tal-fatt li teżisti f'moħħ il-pubbliku probabbiltà ta' konfużjoni. Skond l-intervenjenti, huwa għalhekk ġustifikat li r-reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti tiġi miċħuda. L-intervenjenti tqajjem wkoll, f'dan ir-rigward, l-argument li l-Bord ta' l-Appell ikkunsidra ġustament li r-rikorrenti ma tatx prova ta' l-użu, għall-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 3, ta' trade marks oħrajn li fihom element li jirrappreżenta plejer tal-polo. Minn naħa, f'dak li jikkonċerna r-reġistrazzjoni tat-trade mark Brittannika Nru 1 558 682, l-intervenjenti tosserva li r-reġistrazzjoni saret biss wara li ngħata il-kunsens tagħha. Min-naħa l-oħra, f'dak li jikkonċerna t-trade mark Komunitarja Nru 980 995, l-intervenjenti tirreferi għad-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell, fejn dan ta' l-aħħar kien ikkonstata li dak is-sinjal kien fih żewġ plejers tal-polo.

35     Ir-raba' nett, l-intervenjenti tosserva li, fl-evalwazzjoni ta' l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni, il-Bord ta' l-Appell ħa in kunsiderazzjoni b'mod korrett il-fatt li, minn naħa, it-trade mark ta' l-intervenjenti kienet akkwistat karattru iktar distintiv permezz ta' l-użu u, min-naħa l-oħra, li l-intervenjenti kienet żviluppat, b'relazzjoni mal-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 3, grupp ta' trade marks marbuta kunċettwalment mal-logħba tal-polo.

36     Il-konklużjoni li l-prodotti koperti mill-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja huma identiċi jew simili għall-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti ta' l-intervenjenti hija, skond din ta' l-aħħar, element supplimentari li jikkorrobora l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni. L-intervenjenti tfakkar f'dan ir-rigward li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, livell baxx ta' xebh bejn il-prodotti jew servizzi koperti jista' jiġi kkumpensat minn livell għoli ta' xebh bejn it-trade marks, u viċi versa (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

37     Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark ma tiġix milqugħa meta, minħabba l-identiċità jew ix-xebh bejn iż-żewġ trade marks u minħabba l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. Skond l-Artikolu 8(2)(a)(ii) tar-Regolament 40/94, trade marks preċedenti huma trade marks irreġistrati fi Stat Membru fejn id-data tal-preżentata tippreċedi dik ta' l-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja.

38     Kif jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni għandha, f'dak li jikkonċerna x-xebh viżiv, fonetiku u kunċettwali ta' sinjali konfliġġenti, tkun ibbażata fuq l-impressjoni sħiħa mogħtija minnhom, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom (ara, b'analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Novembru 1997, SABEL, C-251/95, Ġabra p. I-6191, punt 23, u Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar 'il fuq, punt 25).

39     Għandu jiġi mfakkar ukoll li trade mark kumplessa ma tistax tiġi kkunsidrata bħala simili għal trade mark oħra, li hija identika jew simili fir-rigward ta' wieħed mill-komponenti tat-trade mark kumplessa, ħlief meta dan il-komponent jikkostitwixxi l-element dominanti fl-impressjoni sħiħa mogħtija mit-trade mark kumplessa. Dan huwa l-każ meta dan il-komponent jista' jiddomina waħdu l-immaġni ta' dik it-trade mark li l-pubbliku rilevanti jiftakar, b'tali mod li l-komponenti kollha l-oħra tat-trade mark huma insinjifikanti fl-impressjoni sħiħa mogħtija minnha [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Ottubru 2002, Matratzen Concord vs L-UASI – Hukla Germany (MATRATZEN), T-6/01, Ġabra p. II-4335, punt 33].

40     Huwa fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi eżaminata l-evalwazzjoni mill-Bord ta' l-Appell tal-probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks konfliġġenti.

41     L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li, billi qies l-element figurattiv bħala element dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, il-Bord ta' l-Appell għalhekk ma injorax, fil-paragun bejn iż-żewġ sinjali mil-lat viżiv, l-element verbali ta' l-imsemmija trade mark. Infatti, billi wettaq dan il-paragun, il-Bord ta' l-Appell ħa espressament in kunsiderazzjoni l-mod kif huma miktuba l-kliem. Għalhekk, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-Bord ta' l-Appell ma kkunsidrax it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni globalment hija manifestament infondata. Min-naħa l-oħra, il-Bord ta' l-Appell qies ġustament l-element figurattiv bħala element dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Huwa fil-fatt il-plejer tal-polo, jiġifieri l-element figurattiv, li jagħti lil din it-trade mark il-karattru distintiv tagħha u li l-konsumaturi jkunu jistgħu jiftakru l-iktar faċilment. Min-naħa l-oħra, l-element verbali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, magħmul minn sitt kelmiet miktuba b'karattri relattivament żgħar, li huma partikolarment diffiċli biex jinqraw peress li jiffurmaw midaljun, huwa insinjifikanti fl-impressjoni sħiħa mogħtija minn din it-trade mark. Barra minn hekk, il-preżenza ta' l-element verbali fil-forma ta' midaljun tiġbed iktar attenzjoni lejn l-element figurattiv ta' din it-trade mark, b'mod li l-karattru dominanti ta' din ta' l-aħħar huwa msaħħaħ.

42     It-tieni nett, hemm lok li jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti li r-referenza magħmula, fid-deċiżjoni kkontestata, għall-karattru arbitrarju tat-trade mark ma tiħux in kunsiderazzjoni l-fatt li din it-trade mark fiha indikazzjoni ta' l-oriġini, fis-sens li hija tindika li l-prodotti jiġu mir-Royal County of Berkshire Polo Club. F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Bord ta' l-Appell kien ikkonstata, fil-punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-element figurattiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, meqjus bħala l-element dominanti ta' din it-trade mark, kien arbitrarju fir-rigward tal-prodotti li għalihom ġiet ippreżentata applikazzjoni għall-imsemmija trade mark. Din l-osservazzjoni hija assolutament korretta għaliex li ma jistax jiġi kkontestat li l-kunċett ta' l-isport tal-polo li jemana mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni m’għandu ebda rabta mal-prodotti fil-klassi 3 li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja. Minn dan jirriżulta li mhuwiex rilevanti għas-soluzzjoni ta’ din il-kontroversja li jiġi ddeterminat jekk id-deċiżjoni kkontestata ħaditx in kunsiderazzjoni l-fatt li kienet tikkonċerna trade mark ta’ oriġini.

43     It-tielet nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza ssostni li l-argument li l-intervenjenti tingħata monopolju inġust u mhux ġustifikat tar-rappreżentazzjoni tal-plejer tal-polo jekk ma tiġix annullata d-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell u li l-intervenjenti tingħata l-possibbilta li twaqqaf kull applikazzjoni ulterjuri li fiha logo simili m’għandux jiġi aċċettat. Għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li l-Bord ta’ l-Appell kien assolutament korrett meta sostna li r-rappreżentazzjoni ta’ plejer tal-polo jinkludi b’mod intrinsiku karattru distintiv qawwi fir-rigward tal-prodotti fil-klassi 3 li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark u li huma attwalment koperti mir-reġistrazzjoni Brittannika preċedenti, għaliex, fir-rigward ta’ dawn il-prodotti, ir-rappreżentazzjoni ta’ plejer tal-polo hija immaġni li għandha kontenut immaġinattiv qawwi. Tali rappreżentazzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala arbitrarja għall-prodotti in kwistjoni u għandha tiġi protetta kontra applikazzjonijiet ulterjuri li fihom rappreżentazzjonijiet tant simili li joħolqu konfużjoni bejniethom. Infatti, l-interess tas-sistema ġuridika tat-trade mark Komunitarja jinsab preċiżament fil-fatt li jippermetti lill-proprjetarji ta’ trade mark preċedenti jopponu għar-reġistrazzjoni ta’ trade marks ulterjuri li japprofittaw b’mod illeċitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti. Għaldaqstant, l-imsemmija sistema mhux biss ma toħloqx monopolju inġust u mhux ġustifikat fir-rigward tal-proprjetarji ta’ trade mark preċedenti, iżda tippermetti lil dawn il-proprjetarji jipproteġu u jivvalorizzaw l-investimenti sostanzjali magħmula sabiex jippromwovu t-trade mark preċedenti tagħhom.

44     Fl-aħħar nett, l-argument tar-rikorrenti li l-Bord ta’ l-Appell issostitwixxa t-test għall-probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks in kwistjoni b'test fejn il-livell ta' xebh bejn dawn it-trade marks kien ġie preżunt, għandu wkoll jiġi respint bħala infondat. Infatti, l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks in kwistjoni ġiet stabbilita korrettament mill-Bord ta’ l-Appell, peress li huwa ħa in kunsiderazzjoni, fl-analiżi tiegħu, il-fatturi rilevanti kollha tal-każ in eżami, jiġifieri l-identiċità parzjali jew ix-xebh bejn il-prodotti, ix-xebh viżiv u kunċettwali bejn is-sinjali, il-karattru distintiv qawwi tar-rappreżentazzjoni tal-plejer tal-polo fit-trade mark ta' l-intervenjenti, li huwa kemm intrinsiku kif ukoll akkwistat bl-użu, u l-eżistenza ta' grupp ta' trade marks ta’ l-intervenjenti marbuta mal-kunċett tal-polo għal prodotti fil-klassi 3.

45     Minn dan jirriżulta li, peress li r-rikorrenti ma tatx prova li l-Bord ta’ l-Appell kiser l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-talba ta’ l-intervenjenti, ibbażata fuq l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 L-argumenti ta' l-intervenjenti

46     Fir-risposta tagħha, l-intervenjenti titlob qabel kollox li d-deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Appell tinbidel safejn hija ċaħdet l-oppożizzjoni f’dak li jikkonċerna l-prodotti li ġejjin imsemmija fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja : "preparazzjonijiet ta' bliċ u sustanzi oħra għall-ħasil tal-ħwejjeġ; preparazzjonijiet għal-lustrar, biex togħrok u li joborxu". L-intervenjenti ssostni li dawn il-prodotti jistgħu jiġu mqabbla ma’ spapen, li huma koperti mit-trade mark tagħha rreġistrata fir-Renju Unit bin-numru 657 864. Ix-xebh bejn dawn il-prodotti u s-spapen jirriżulta mill-fatt li t-tnejn li huma jistgħu jintużaw għat-tindif tad-dar, jistgħu jkollhom l-istess mezzi ta’ kummerċjalizzazzjoni, jinsabu fl-istess xkaffi (meta jinbiegħu f’supermarkits), jistgħu jintużaw flimkien u li l-impriżi li jimmanifatturaw dawn it-tipi ta’ prodotti jipproponu varjetà sħiħa ta’ prodotti għat-tindif. Għaldaqstant, meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni x-xebh bejn is-spapen u l-prodotti imsemmija iktar ‘il fuq, kif ukoll il-probabbiltà ta’ konfużjoni li teżisti bejn iż-żewġ trade marks, il-Bord ta’ l-Appell kellu jirrifjuta l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni għall-prodotti kollha msemmija, inklużi "il-preparazzjonijiet ta' bliċ u sustanzi oħra għall-ħasil tal-ħwejjeġ; preparazzjonijiet għal-lustrar, biex togħrok u li joborxu".

47     L-intervenjenti tikkritika wkoll id-deċiżjoni kkontestata għaliex ma laqgħetx l-oppożizzjoni abbażi tat-trade marks l-oħrajn tagħha. Hija tikkritika b’mod partikolari l-punt 44 tad-deċiżjoni kkontestata peress li dan jindika li d-differenzi bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade marks preċedenti l-oħrajn tagħha, elenkati fil-punt 5 iktar ‘il fuq, kienu ħafna iktar numerużi mill-aspetti viżivi u fonetiċi li jixxiebhu. F’dan ir-rigward, l-intervenjenti tenfasizza d-dikjarazzjonijiet tal-Bord ta’ l-Appell li, minn naħa, erba’ minn dawn it-trade marks preċedenti l-oħrajn ma fihomx rappreżentazzjoni ta’ rikkieb li qed jilgħab il-polo u, min-naħa l-oħra, fl-erba’ trade marks preċedenti li jifdal, jiġifieri dawk li fihom rapprezentazzjoni ta’ plejer tal-polo, l-element dominanti hija l-kelma "polo".

48     L-intervenjenti ssostni li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade marks preċedenti l-oħrajn huma simili u li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku kkonċernat. Minn naħa, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tevoka l-kunċett ta’ polo bħala sport, u huwa għalhekk dan il-kunċett li huwa s-sors tat-trade mark. Dan il-kunċett jikkorrispondi eżattament għal dak li jevokaw it-trade marks l-oħrajn, b’tali mod li t-trade marks preċedenti l-oħrajn u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jixxiebhu ħafna kunċettwalment. Min-naħa l-oħra, meta jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li t-trade marks preċedenti kollha għandhom karattru distintiv partikolari, kemm intrinsiku kif ukoll akkwistat bl-użu, kif ukoll il-fatt li, fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, huwa magħruf li l-konsumatur medju jiftakar biss immaġni mhux eżatta tat-trade mark, huwa probabbli li l-konsumaturi jħawdu t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma' trade mark oħra li hija parti mill-grupp ta’ trade marks ta’ l-intervenjenti.

49     Minn dan, l-intervenjenti tikkonkludi li l-Bord ta’ l-Appell ma eżaminax b’mod suffiċjenti l-kwistjoni tax-xebh kunċettwali bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade marks preċedenti l-oħrajn u ma ddeċidiex dwar il-kwistjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

50     Billi titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza, minn naħa, tbiddel id-deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Appell safejn hija ċaħdet l-oppożizzjoni li tirrigwarda l-preparazzjonijiet ta' bliċ u sustanzi oħra għall-ħasil tal-ħwejjeġ kif ukoll il-preparazzjonijiet għal-lustrar, biex togħrok u li joborxu, u, min-naħa l-oħra, tilqa’ l-oppożizzjoni għall-prodotti kollha msemmija fl-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja, abbażi kemm tat-trade mark preċedenti rreġistrata fir-Renju Unit bin-numru 657 864 kif ukoll tat-trade marks preċedenti oħrajn, l-intervenjenti qiegħda tuża l-possibbiltà mogħtija lilha mill-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura li tifformula, fir-risposta tagħha, talbiet intiżi għall-bdil tad-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell fuq kap li ma jkunx tqajjem fir-rikors.

51     F’każ bħal dan, il-partijiet l-oħrajn jistgħu, mill-Artikolu 135(3), f'terminu ta’ xahrejn li jibda jiddekorri min-notifika tar-risposta li tkun saretilhom, jippreżentaw sottomissjonijiet li jkollhom bħala għan dak li jirrispondu għat-talbiet u l-argumenti ppreżentati l-ewwel darba fir-risposta ta' l-intervenjenti. La l-UASI u lanqas ir-rikorrenti m’għamlu użu minn din il-possibbiltà. Min-naħa l-oħra, fis-seduta, kemm ir-rikorrenti kif ukoll l-UASI adottaw pożizzjoni fir-rigward tat-talba ta’ l-intervenjenti. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza tiċħad din it-talba bħala infondata. L-UASI esprima ruħu biss dwar il-parti tat-talba li tirrigwarda ċ-ċaħda mill-Bord ta’ l-Appell ta’ l-oppożizzjoni fir-rigward ta’ preparazzjonijiet ta' bliċ u sustanzi oħra għall-ħasil tal-ħwejjeġ kif ukoll preparazzjonijiet għal-lustrar, biex togħrok u li joborxu. Huwa ddikjara li, f’dan ir-rigward, huwa jaqbel mal-mod kif tħares lejha l-intervenjenti.

52     Qabel kollox, għandu jingħad li, għalkemm l-maġġoranza ta’ prodotti koperti mit-trade mark figurattiva preċedenti rreġistrata fir-Renju Unit bin-numru 657 864 huma użati biss bħala prodotti ta’ sbuħija jew ta’ iġjene personali, dan ma japplikax ukoll għas-spapen, li għandhom funzjoni doppja. Infatti, anki jekk is-spapen jintużaw għall-ħasil tal-ġisem u jagħtuh riħa jew dehra sabiħa, jibqa’ il-fatt, li ma ssemmiex mill-Bord ta’ l-Appell fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, li huma jintużaw ukoll bħala prodotti għat-tindif tad-dar. F’dan ir-rigward, jistgħu jiġu mqabbla mal-preparazzjonijiet ta' bliċ u sustanzi oħra għall-ħasil tal-ħwejjeġ, kif ukoll mal-preparazzjonijiet għal-lustrar, biex togħrok u li joborxu. Minn dan jirriżulta li jeżisti xebh bejn, minn naħa, l-ispapen koperti mit-trade mark figurattiva preċedenti rreġistrata fir-Renju Unit bin-numru 657 864 u, min-naħa l-oħra, l-preparazzjonijiet ta' bliċ u sustanzi oħra għall-ħasil tal-ħwejjeġ kif ukoll il-preparazzjonijiet għal-lustrar, biex togħrok u li joborxu, li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni mir-rikorrenti. Meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni dan ix-xebh, il-probabbiltà ta’ konfużjoni li kkonstata l-Bord ta’ l-Appell tapplika wkoll għall-preparazzjonijiet ta' bliċ u sustanzi oħra għall-ħasil tal-ħwejjeġ kif ukoll għall-preparazzjonijiet għal-lustrar, biex togħrok u li joborxu, b’tali mod li d-deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Appell għandha tiġi annullata parzjalment safejn hija ma rrifjutatx l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja fir-rigward ta’ dawn il-prodotti. Skond l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94, l-UASI huwa meħtieġ li jieħu il-miżuri neċessarji sabiex ikun konformi ma' dan l-annullament parzjali.

53     F’dak li jirrigwarda t-talba ta’ l-intervenjenti li l-oppożizzjoni tiġi milqugħa abbażi tat-trade marks preċedenti l-oħrajn barra dik irreġistrata fir-Renju Unit bin-numru 657 864, għandu jingħad li tali talba twassal għall-istess riżultat bħal dak fil-punt preċedenti, jiġifieri r-rifjut totali ta’ l-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja għall-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 3. Peress li t-talba ta’ l-intervenjenti, ibbażata fuq din it-tieni bażi, hija mingħajr skop, hija għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

54     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċeduri, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti tilfet u l-UASI talab li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż. Fis-seduta, l-intervenjenti talbet ukoll li r-rikorrenti tiġi ordnata tbati l-ispejjeż. Il-fatt li hija ma ressqitx din it-talba ħlief fis-seduta ma tipprekludix li t-talba tagħha tiġi milqugħa (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Marzu 1979, NTN Toyo Bearing et vs Il-Kunsill, 113/77, Ġabra p. 1185, u l-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali M. Warner, Ġabra p. 1212, 1274). Għaldaqstant, hemm lok li r-rikorrenti tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kollha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Il-Ħames Awla)

taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Id-deċiżjoni kkontestata hija annullata safejn hija tippermetti r-reġistrazzjoni, għall-benefiċċju tar-Royal County of Berkshire Polo Club Ltd, ta’ l-applikazzjoni għat-trade mark għall-prodotti li ġejjin li jaqgħu taħt il-klassi 3 : preparazzjonijiet ta' bliċ u sustanzi oħra għall-ħasil tal-ħwejjeġ u preparazzjonijiet għal-lustrar, biex togħrok u li joborxu.

2)      Ir-rikors huwa miċħud fir-rigward tat-talbiet l-oħra.

3)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) u mill-intervenjenti.

Vilaras

Martins Ribeiro

Jürimäe

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fil-21 ta' Frar 2006.

E. Coulon

 

       M. Vilaras

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.