Language of document : ECLI:EU:T:2008:595

Kawżi T-211/04 u T-215/04

Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Għajnuna mill-Istat — Skema ta’ għajnuna nnotifikata mir-Renju Unit rigward ir-riforma tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-Gvern ta’ Ġibiltà — Deċiżjoni li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni — Selettività reġjonali — Selettività materjali”

Sommarju tas-sentenza

1.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Natura selettiva tal-miżura — Miżura fiskali adottata minn entità infrastatali

(Artikolu 87(1) KE)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Natura selettiva tal-miżura — Deroga mis-sistema fiskali komuni jew “normali”

(Artikolu 87(1) KE)

1.      L-Artikolu 87(1) KE jirrikjedi li jkun iddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, miżura nazzjonali hijiex ta’ natura li tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ oħrajn, li jkunu, fid-dawl tal-għan imfittex mill-imsemmija sistema, f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika kumparabbli. Tali analiżi għandha ssir ukoll fil-każ ta’ miżura adottata mhux mil-leġiżlatur nazzjonali imma minn awtorità infrastatali, peress li miżura adottata minn kollettività territorjali u mhux mill-awtorità ċentrali tista’ tikkostitwixxi għajnuna ladarba jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-dispożizzjoni. Id-determinazzjoni tal-kuntest ta’ referenza għandha importanza ikbar fil-każ ta’ miżuri fiskali, għaliex l-eżistenza nfisha ta’ vantaġġ tista’ tiġi stabbilita biss billi tiġi mqabbla ma’ tassazzjoni msejħa “normali”. Ir-rata ta’ tassazzjoni normali hija r-rata fis-seħħ fiż-żona ġeografika li tikkostitwixxi l-kuntest ta’ referenza.

Għalhekk, sabiex tiġi evalwata s-selettività ta’ miżura adottata minn entità infrastatali u intiża sabiex tistabbilixxi, f’parti biss mit-territorju ta’ Stat Membru, rata ta’ tassazzjoni mnaqqsa meta mqabbla mar-rata fis-seħħ fil-bqija tal-imsemmi Stat Membru, jaqbel li jiġi eżaminat, l-ewwel nett, jekk l-imsemmija miżura ġietx maħsuba minn awtorità reġjonali jew lokali li għandha, fuq il-livell kostituzzjonali, status politiku u amministrattiv distint minn dak tal-gvern ċentrali, it-tieni nett, jekk din ġietx maħsuba mingħajr ma l-gvern ċentrali jkun jista’ jintervjeni direttament fuq il-kontenut tagħha u, it-tielet nett, jekk il-konsegwenzi finanzjarji tal-adozzjoni tal-imsemmija miżura għall-entità infrastatali humiex ikkumpensati b’għajnuna jew sussidji li joriġinaw minn reġjuni oħrajn jew mill-gvern ċentrali tal-Istat Membru ikkonċernat.

(ara l-punti 78-80, 86)

2.      L-Artikolu 87(1) KE jeżiġi li jkun iddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, miżura nazzjonali hijiex ta’ natura li tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ oħrajn, li jinsabu, fir-rigward tal-għan imfittex mill-imsemmija sistema, f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli. Il-klassifikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ miżura fiskali bħala selettiva tissoponi, neċessarjament, l-ewwel nett, l-identifikazzjoni u l-eżami preliminari minnha tas-sistema komuni jew “normali” tas-sistema fiskali applikabbli fiż-żona ġeografika li tikkostitwixxi l-kuntest ta’ referenza rilevanti. Huwa fir-rigward ta’ din is-sistema fiskali komuni jew “normali” li l-Kummissjoni għandha, it-tieni nett, tevalwa u tistabbilixxi n-natura selettiva eventwali tal-vantaġġ mogħti mill-miżura fiskali inkwistjoni billi turi li din il-miżura tidderoga mill-imsemmija sistema komuni, inkwantu din tintroduċi differenzazzjoni bejn operaturi ekonomiċi li jinsabu, fir-rigward tal-għan mogħti lis-sistema fiskali tal-Istat Membru kkonċernat f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komaparabbli.

Jekk il-Kummissjoni tkun eżaminat u wriet, fil-kuntest ta’ dawn l-ewwel żewġ stadji, l-eżistenza ta’ derogi mis-sistema fiskali komuni jew “normali” li għandha bħala konsegwenza differenzazzjoni bejn impriżi, tali differenzazzjoni, mhijiex madankollu selettiva meta tirriżulta min-natura jew mill-iskema ġenerali tas-sistema ta’ ħlas li taqa’ taħtha. Fil-fatt, f’din l-ipoteżi, il-Kummissjoni għandha tivverfika, it-tielet nett, jekk il-miżura statali inkwistjoni hijiex ta’ natura selettiva, anki jekk din tagħti vantaġġ lill-impriżi li jistgħu jgawdu minnha. F’dan ir-rigward, fid-dawl tan-natura derogatorja u a priori selettiva tad-differenzazzjonijiet previsti meta mqabbla mas-sistema fiskali komuni jew “normali”, huwa l-Istat Membru li għandu juri li dawn id-differenzazzjonijiet huma ġġustifikati min-natura u mill-iskema ġenerali tas-sistema fiskali tiegħu inkwantu dawn jirriżultaw direttament mill-prinċipji bażiċi jew ta’ gwida tal-imsemmija sistema. F’dan il-kuntest, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, l-għanijiet assenjati lil sistema fiskali partikolari u li huma estrinsiċi għaliha, u, min-naħa l-oħra, il-mekkaniżmi inerenti għas-sistema fiskali stess li huma neċessarji sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

Jekk il-Kummissjoni naqset milli twettaq l-ewwel u t-tieni stadji tal-istħarriġ tan-natura selettiva ta’ miżura, hija ma tistax tibda t-tielet u l-aħħar stadju tal-evalwazzjoni tagħha għaliex inkella tmur lil hinn mil-limiti ta’ dan l-istħarriġ. Fil-fatt, tali approċċ jista’, minn naħa, jippermetti lill-Kummissjoni tassumi r-rwol tal-Istat Membru għal dik li jikkonċerna d-determinazzjoni tas-sistema fiskali tiegħu u tas-sistema komuni jew “normali” tiegħu, inkluż f’dak li jirrigwarda l-għanijiet, il-mekkaniżmi inerenti sabiex dawn tal-aħħar jintlaħqu u l-bażijiet ta’ tassazzjoni tagħha u, min-naħa l-oħra, jpoġġi b’hekk lill-Istat Membru fl-impossibbiltà li jiġġustifika d-differenzazzjonijiet inkwistjoni abbażi tan-natura u l-iskema ġenerali tas-sistema fiskali nnotifikata, peress li l-Kummissjoni ma tkunx identifikat minn qabel is-sistema komuni jew “normali” tagħha u lanqas stabbiliet minn qabel in-natura derogatorja tal-imsemmija differenzazzjonijiet.

(ara l-punti 141,143-145)