Language of document : ECLI:EU:T:2008:542

Kawża T-67/07

Ford Motor Co.

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali FUN – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Nuqqas ta’ karattru deskrittiv – Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tar-Regolament (KE) Nru 40/94”

Sommarju tas-sentenza

Trade mark Komunitarja – Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Trade marks li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jintużaw sabiex jindikaw il-karatteristiċi ta’ prodott

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(ċ))

Mhuwiex deskrittiv tal-prodotti indikati fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, mill-perspettiva tal-konsumaturi medji li jitkellmu bl‑Ingliż u li għandhom età ta’ bejn 18 u 70 sena, is-sinjal verbali FUN, li ntalbet ir-reġistrazzjoni tiegħu għal “Vetturi tal-art bil-mutur, u l-partijiet u komponenti tagħhom” li jaqgħu fil‑klassi 12 skont il-Ftehim ta’ Nizza.

Is-sinjal FUN jista’ jinftiehem, inkonnessjoni mal-vetturi tal-art bil‑mutur, bħala li jindika li dawn il-vetturi jistgħu jkunu ta’ pjaċir jew jikkostitwixxu sors ta’ pjaċir. Is-sinjal FUN għalhekk jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jagħti immaġni pożittiva lill‑prodott, li tista’ tixbah immaġni bi skop ta’ reklamar, peress li joħloq f’moħħ il-konsumatur rilevanti l-idea li vettura tista’ tkun sors ta’ pjaċir. Madankollu, għalkemm, f’ċerti każijiet, vettura tal‑art bil-mutur tista’ tkun sors ta’ pjaċir għas‑sewwieq tagħha, is-sinjal FUN ma jmurx lil hinn milli joħloq suġġestjoni.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rabta li hemm bejn it-tifsira tal‑kelma “fun”, minn naħa, u l-vetturi tal-art bil-mutur, min‑naħa l-oħra, tidher li hija wisq vaga, indeterminata u suġġettiva sabiex tagħti lil din il-kelma karattru deskrittiv inkonnessjoni mal-imsemmija prodotti.

B’mod differenti minn ċerti indikazzjonijiet deskrittivi tal-karatteristiċi ta’ vettura, bħalma huma turbo, ABS jew 4x4, is-sinjal FUN li jkun qiegħed fuq in‑naħa ta’ wara ta’ vettura ma jistax iservi sabiex jiddeskrivi direttament vettura tal-art bil-mutur jew waħda mill‑karatteristiċi essenzjali tagħha. Għalhekk, f’din il-pożizzjoni, dan is-sinjal jiġi pperċepit mill-konsumatur rilevanti bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodott.

Il-prodotti indikati fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala partijiet u komponenti ta’ vetturi tal-art bil-mutur huma intiżi esklużivament sabiex jintużaw inkonnessjoni ma’ dawn il-vetturi u m’għandhomx użu awtonomu. Il-partijiet u l‑komponenti tal-vetturi indikati fl‑applikazzjoni għal reġistrazzjoni huma marbuta b’mod inseparabbli ma’ dawn il-vetturi u għalhekk hemm lok li fir‑rigward tagħhom tiġi adottata soluzzjoni identika għal dik li ngħatat qabel għall-vetturi tal-art bil-mutur.

(ara l-punti 27, 34-36, 44)