Language of document : ECLI:EU:T:2011:342

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

12 ta’ Lulju 2011 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-proġetti li jirrigwardaw switchgear iżolat bil-gass – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE – Tqassim tas-suq – Drittijiet tad-difiża – Prova tal-ksur – Ksur uniku u kontinwat – Multi – Gravità u tul tal-ksur – Effett dissważiv – Kooperazzjoni”

Fil-Kawża T-112/07,

Hitachi Ltd, stabbilita f’Tokjo (il-Ġappun),

Hitachi Europe Ltd, stabbilita f’Maidenhead (ir-Renju Unit),

Japan AE Power Systems Corp., stabbilita f’Tokjo,

irrappreżentati minn M. Reynolds, P. Mansfield u B. Roy, solicitors, D. Arts, avukat, u N. Green, QC, u S. Singla, barrister,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn F. Arbault, sussegwentement minn X. Lewis, sussegwentement minn P. Van Nuffel u J. Bourke, u finalment minn P. Van Nuffel, N. Khan u F. Ronkes Agerbeek, bħala aġenti, assistiti minn J. Holmes, barrister,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annulament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 6762 finali, tal-24 ta’ Jannar 2007, dwar proċedura skont l-Artikolu 81[KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/F/38.899 — Switchgear iżolat bil-gass), sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti kif ukoll talba għall-annullament tal-multi imposti fuqhom, sussidjarjament, talba għall-annullament tal-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni sa fejn dan jirrigwarda lir-rikorrenti u, iktar sussidjarjament, talba għall-annullament jew għal tnaqqis tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President tal-Awla, K. Jürimäe u S. Soldevila Fragoso, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kantza, Amministratur

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Diċembru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

A –  Ir-rikorrenti

1        Hitachi Ltd u s-sussidjarja tagħha, Hitachi Europe Ltd (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, l-“impriża Hitachi”) huma kumpanniji attivi f’diversi setturi industrijali, inkluż f’dak tas-switchgear iżolat bil-gass (iktar ’il quddiem “SIG”). Japan AE Power Systems Corp. (iktar ’il quddiem “JAEPS”) hija kumpannija bi sħab ta’ Hitachi, Fuji Electric Systems Co. Ltd u Meidensha Corp., li fl-1 ta’ Ottubru 2002 ħadet b’mod partikolari l-attivitajiet fis-settur tas-SIG tal-gruppi li tagħhom huma membri l-azzjonisti tagħha.

B –  Il-prodotti kkonċernati

2        Is-SIG jintuża sabiex jiġi kkontrollat il-fluss ta’ enerġija fis-sistemi ta’ distribuzzjoni tal-elettriku. Dan huwa tagħmir tqil tal-elettriku, li jintuża bħala komponent ewlieni għal substations għall-ġenerazzjoni tal-elettriku (turnkey). Is-SIG jinbiegħu fid-dinja kollha bħala parti integrali minn substations tal-elettriku (turnkey) jew bħala partijiet individwali qabel ma jiġu integrati f’tali substations.

C –  Il-proċedura amministrattiva

3        Fit-3 ta’ Marzu 2004, ABB Ltd indikat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej l-eżistenza ta’ prattiki antikompetittivi fis-settur tas-SIG, fil-kuntest ta’ talba orali għal immunità minn multi, skont l-Avviż tal-Kummissjoni, tad-19 ta’ Frar 2002, dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem l-“avviż dwar il-kooperazzjoni”).

4        It-talba għal immunità minn multi mressqa minn ABB ġiet ikkompletata permezz ta’ osservazzjonijiet orali u provi dokumentarji. Fl-24 ta’ April 2004, hija waslet għal deċiżjoni tal-Kummissjoni li tat immunità taħt kundizzjonijiet lil ABB.

5        Abbażi tad-dikjarazzjonijiet ta’ ABB, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni u wettqet, fil-11 u fit-12 ta’ Mejju 2004, spezzjonijiet fil-bini ta’ diversi kumpanniji attivi fis-settur tas-SIG.

6        Fl-20 ta’ April 2006, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li ġiet innotifikata lil 20 kumpannija fosthom, b’mod partikolari, lir-rikorrenti. Il-Kummissjoni pproċediet għas-smigħ tal-kumpanniji li lilhom intbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, fit-18 u fid-19 ta’ Lulju 2006.

D –  Id-deċiżjoni kkontestata

7        Fl-24 ta’ Jannar 2007, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2006) 6762 finali, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/F/38.899 – Switchgear iżolat bil-gass) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

8        Fil-premessi 113 sa 123 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li d-diversi impriżi li pparteċipaw fl-akkordju kienu kkoordinaw l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG fuq livell dinji, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti swieq, skont regoli miftiehma, bil-għan b’mod partikolari li jżommu kwoti li jirriflettu fil-parti l-kbira l-ishma tas-suq storiċi stmati tagħhom. Hija ppreċiżat li l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG twettqet abbażi ta’ kwota konġunta “Ġappuniża” u ta’ kwota konġunta “Ewropea” li kellhom imbagħad jinqasmu bejniethom rispettivament mill-produtturi Ġappuniżi u mill-produtturi Ewropej. Ftehim iffirmat fi Vjenna fil-15 ta’ April 1988 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim GQ”) kien jistabbilixxi regoli li jippermettu l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG kemm lill-produtturi Ġappuniżi, kif ukoll lill-produtturi Ewropej, u li l-valur tagħhom jiġi imputat fuq il-kwota korrispondenti. Barra minn dan, fil-premessi 124 sa 132 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat li d-diversi impriżi li pparteċipaw fl-akkordju kienu kkonkludew arranġament mhux bil-miktub (iktar ’il quddiem l-“arranġament komuni”), li bis-saħħa tiegħu l-proġetti ta’ SIG fil-Ġappun, minn naħa, u fil-pajjiżi tal-membri tal-akkordju Ewropej, min-naħa l-oħra, indikati konġuntament bħala l-“pajjiżi kostrutturi” tal-proġetti ta’ SIG, kienu rriżervati rispettivament għall-membri Ġappuniżi u għall-membri Ewropej tal-kartell. Il-proġetti ta’ SIG fil-“pajjiżi kostrutturi” ma kinux suġġetti għal skambji ta’ informazzjoni bejn iż-żewġ gruppi u ma kinux imputati fuq il-kwoti rispettivi.

9        Il-Ftehim GQ kien jinkludi wkoll regoli dwar l-iskambju tal-informazzjoni neċessarja għall-funzjonament tal-kartell bejn iż-żewġ gruppi ta’ produtturi, li kien żgurat b’mod partikolari mis-segretarji tal-imsemmija gruppi, dwar il-manipulazzjoni tas-sejħiet għal offerti kkonċernati u dwar l-iffissar tal-prezzijiet għall-proġetti ta’ SIG li ma setgħux jiġu allokati. Skont it-termini tal-Anness 2 tiegħu, il-Ftehim GQ kien japplika għad-dinja kollha, bl-eċċezzjoni tal-Istati Uniti, tal-Kanada, tal-Ġappun u ta’ 17-il pajjiż tal-Ewropa tal-Punent. Barra minn dan, bis-saħħa tal-arranġament komuni, il-proġetti ta’ SIG fil-pajjiżi Ewropej minbarra l-“pajjiżi kostrutturi” kienu wkoll irriżervati għall-grupp Ewropew, peress li l-produtturi Ġappuniżi kienu impenjaw irwieħhom li ma jressqux offerti għall-proġetti ta’ SIG fl-Ewropa.

10      Skont il-Kummissjoni, it-tqassim ta’ proġetti ta’ SIG bejn il-produtturi Ewropej kien irregolat minn ftehim iffirmat ukoll fi Vjenna, fil-15 ta’ April 1988, u intitolat “E-Group Operation Agreement for GQ Agreement” (Ftehim tal-Grupp E għall-implementazzjoni tal-Ftehim GQ, iktar ’il quddiem il-“Ftehim EQ”). Hija indikat li l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG fl-Ewropa kienet issegwi l-istess regoli u proċeduri bħal dawk li jirregolaw l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG f’pajjiżi oħra. B’mod partikolari, il-proġetti ta’ SIG fl-Ewropa kellhom ukoll jiġu nnotifikati, elenkati, allokati, irranġati jew kellhom jingħataw limitu minimu ta’ prezz.

11      Abbażi tal-konstatazzjonijiet fattwali u tal-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi mwettqa fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-impriżi implikati kienu kisru l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”) u imponiet fuqhom multi li l-ammont tagħhom ġie kkalkolat skont il-metodoloġija esposta fil-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar’il quddiem il-“Linji gwida għall-kalkolu tal-multi”), kif ukoll fl-avviż dwar il-kooperazzjoni.

12      Fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat, l-ewwel nett li, Hitachi kienet ipparteċipat fil-ksur matul il-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sal-31 ta’ Diċembru 1999 u mit-2 ta’ Lulju 2002 sal-11 ta’ Mejju 2004, it-tieni nett, li Hitachi Europe kienet ipparteċipat fil-ksur matul il-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sal-31 ta’ Diċembru 1999 u mit-2 ta’ Lulju sat-30 ta’ Settembru 2002 u, it-tielet nett, li JAEPS kienet ipparteċipat fil-ksur matul il-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2002 sal-11 ta’ Mejju 2004.

13      Għall-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, ġiet imposta fuq Hitachi, fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, multa li tammonta għal EUR 50 400 000, li minnhom EUR 48 375 000 għandhom jitħallsu in solidum ma’ Hitachi Europe. Bl-istess mod, fl-istess artikolu, fuq JAEPS ġiet imposta multa ta’ EUR 1 350 000 li għandha titħallas in solidum ma’ Hitachi, ma’ Fuji Electric Holdings Co. Ltd u ma’ Fuji Electric Systems (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, “Fuji”).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

14      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li issa saret il-Qorti Ġenerali) fis-17 ta’ April 2007, ir-rikorrenti ressqu l-kawża preżenti. Ir-risposta u r-replika ġew ippreżentati fit-13 ta’ Awwissu u fil-21 ta’ Novembru 2007. Il-proċedura bil-miktub ingħalqet fl-10 ta’ Jannar 2008 bil-preżentata tal-kontroreplika.

15      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, fit-22 ta’ Settembru 2009 il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, hija talbet lill-Kummissjoni sabiex tipproduċi ċerti dokumenti u talbet lill-partijiet biex iressqu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar ir-rilevanza ta’ dawn l-istess dokumenti fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl. Il-Qorti Ġenerali għamlet ukoll mistoqsija bil-miktub lill-Kummissjoni, fejn stednitha tweġibha matul is-seduta.

16      Bi tweġiba għall-istedina tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni kkomunikat id-dokumenti kkonċernati fis-26 ta’ Ottubru 2009. Ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dawn id-dokumenti fit-18 ta’ Novembru 2009. Il-Kummissjoni wieġbet għall-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fit-3 ta’ Diċembru 2009.

17      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub u orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu matul is-seduta tat-8 ta’ Diċembru 2009.

18      B’digriet tas-26 ta’ Marzu 2010, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li terġa’ tiftaħ il-proċedura orali. Fid-29 ta’ Marzu 2010, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, hija stiednet lill-Kummissjoni biex tipproduċi diversi dokumenti.

19      Billi l-Kummissjoni sostniet li ċerti dokumenti kkonċernati ma setgħux jiġu kkomunikati minħabba l-protezzjoni mogħtija fil-kuntest tal-programm ta’ klemenza, il-Qorti Ġenerali, b’digriet tal-11 ta’ Ġunju 2010, ordnat lill-Kummissjoni biex tipproduċihom fil-kuntest tal-miżuri istruttorji previsti fl-Artikolu 65 tar-Regoli tal-Proċedura u stabbiliet il-modalitajiet biex dawn jiġu kkonsultati mir-rikorrenti. Il-Kummissjoni ssodisfat din il-miżura istruttorja fit-termini mogħtija.

20      Il-proċedura orali ngħalqet fis-27 ta’ Lulju 2010.

21      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn tirrigwardahom u konsegwentement tannulla l-multi li ġew imposti fuqhom;

–        sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn jirrigwardahom;

–        iktar sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas il-multi li ġew imposti fuqhom;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

22      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

23      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom. It-tieni huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma pprovatx l-eżistenza tal-arranġament komuni jew tal-ksur li rriżulta minnu. It-tielet huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma pprovatx l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwat. Ir-raba’ huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni wettqet xi żbalji fil-kalkolu tal-multi li ġew imposti fuqhom. Il-ħames huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kkalkolat il-multi tagħhom skont metodu li jikser il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità.

24      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-motivi mqajma mir-rikorrenti.

25      Qabel xejn għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma ppreċiżawx liema mill-motivi tagħhom ġew invokati insostenn tad-diversi talbiet imressqa minnhom. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat, l-ewwel nett, li l-ewwel, it-tieni u t-tielet motivi ġew invokati mir-rikorrenti insostenn tat-talba prinċipali tagħhom. Fil-fatt, jekk jintlaqa’ wieħed minn dawn il-motivi, ikun hemm lok li jiġu annullati kemm l-Artikolu 1 kif ukoll l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn jirrigwardaw lir-rikorrenti. It-tieni nett, għandu jiġi kkunsidrat li r-raba’ u l-ħames motivi ġew invokati mir-rikorrenti insostenn tat-talba sussidjarja tagħhom, peress li dawn jirrigwardaw id-determinazzjoni tal-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti. Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma invokaw l-ebda motiv awtonomu insostenn tat-talba iktar sussidjarja tagħhom.

A –  Fuq it-talba prinċipali sabiex id-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata sa fejn din tirrigwarda lir-rikorrenti

1.     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti

a)     L-argumenti tal-partijiet

26      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom, peress li hija ma kkomunikatilhomx l-elementi kollha rilevanti inklużi fil-fajl tagħha.

27      Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, fir-rigward tal-provi inkriminanti, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma kkomunikatilhomx l-osservazzjonijiet ta’ Fuji li kienu ppreżentati fil-21 ta’ Novembru 2006, li allegatament jikkonfermaw ir-ratio tal-arranġament komuni u r-raġunijiet ekonomiċi speċifiċi għal Fuji li jispjegaw l-assenza tagħha mis-suq Ewropew tal-proġetti ta’ SIG. Issa, fid-dawl tal-valur probatorju li l-Kummissjoni attribwiet lill-elementi prodotti minn Fuji fir-rigward tal-eżistenza tal-arranġament komuni, huwa ferm probabbli li l-proċedura amministrattiva seta’ jkollha eżitu differenti li kieku l-osservazzjonijiet inkwistjoni ġew ikkomunikati.

28      Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu li d-drittijiet tad-difiża tagħhom inkisru minħabba n-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-elementi li jiskaġunaw li ġejjin:

–        il-ftehim intitolat “General Rules for GE Agreement” (iktar ’il quddiem il-“Ftehim GE”) kif ukoll l-osservazzjonijiet tal-impriżi l-oħra li pparteċipaw fl-akkordju dwar dan il-ftehim; dawn l-elementi huma rilevanti fir-rigward tal-prova tal-eżistenza ta’ akkordju Ewropew, fis-settur tal-proġetti ta’ SIG, preċedenti għall-Ftehim GQ;

–        l-osservazzjonijiet tal-impriżi l-oħra li pparteċipaw fl-akkordju li jikkontestaw il-kredibbiltà tat-testimonjanza ta’ H., ippreżentata lill-Kummissjoni minn Fuji, dwar l-eżistenza tal-arranġament komuni, li jistgħu jivvizzjaw il-provi l-oħra prodotti minn Fuji fir-rigward tal-eżistenza tal-arranġament komuni;

–        it-testimonjanzi tal-impriżi l-oħra li pparteċipaw fl-akkordju dwar l-ineżistenza tal-arranġament komuni u, b’mod partikolari, it-testimonjanzi ppreżentati minn Siemens AG fis-7 ta’ Awwissu 2006, li jistgħu jikkontestaw il-plawżibbiltà tal-argument tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza tal-imsemmi arranġament;

–        l-osservazzjonijiet tal-impriżi Ġappuniżi l-oħra dwar il-parteċipazzjoni allegata tagħhom fil-proġetti Ewropej imsemmija fil-premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata, li jistgħu jistabbilixxu li l-impriżi Ġappuniżi qatt ma pparteċipaw fid-diskussjonijiet dwar dawn il-proġetti;

–        id-dikjarazzjonijiet ta’ S. tal-15 ta’ Settembru 2006, ippreżentati minn Areva, dwar l-isfaxxar tal-akkordju fl-1999 li minnhom jirriżulta li l-istruttura tal-akkordju stabbilita mill-2002 kienet differenti minn dik tal-akkordju preċedenti.

29      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

30      Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi li l-persuna kkonċernata, matul il-proċedura amministrattiva, tingħata l-opportunità li tesponi b’mod utli l-opinjoni tagħha fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll fuq id-dokumenti kkonstatati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur tat-Trattat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 66).

31      Korollarju tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, id-dritt ta’ aċċess għall-fajl jimplika li l-Kummissjoni għandha tagħti lill-impriża kkonċernata l-possibbiltà li twettaq eżami tad-dokumenti kollha inklużi fil-fajl tal-investigazzjoni li jistgħu jkunu rilevanti għad-difiża tagħha. Dawn jinkludu kemm id-dokumenti inkriminanti kif ukoll dawk li jiskaġunaw, ħlief għas-sigrieti kummerċjali tal-impriżi l-oħra, għad-dokumenti interni tal-Kummissjoni u għal informazzjoni kunfidenzjali oħra (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, punt 68).

32      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huwa biss fil-bidu tal-fażi amministrattiva kontradittorja li l-impriża kkonċernata hija informata, permezz tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, bl-elementi essenzjali kollha li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuqhom f’dan l-istadju tal-proċedura, u li din l-impriża għandha dritt ta’ aċċess għall-fajl sabiex jiġi ggarantit l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża tagħha. Konsegwentement, it-tweġiba tal-impriżi l-oħra li pparteċipaw fl-akkordju għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma hijiex, bħala prinċipju, inkluża fid-dokumenti kollha tal-fajl tal-investigazzjoni li jistgħu jiġu kkonsultati mill-partijiet (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-30 ta’ Settembru 2009, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, T‑161/05, Ġabra p. II‑3555, punt 163).

33      Madankollu, jekk il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tibbaża ruħha fuq silta minn tweġiba għal dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jew fuq dokument anness ma’ tali tweġiba, sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur fi proċedura skont l-Artikolu 81(1) KE, l-impriżi l-oħra involuti f’din il-proċedura għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jressqu l-argumenti tagħhom fuq din il-prova. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-silta inkwistjoni minn tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jew id-dokument anness ma’ din it-tweġiba, fil-fatt tikkostitwixxi element inkriminanti kontra d-diversi impriżi li ħadu sehem fil-ksur (ara s-sentenza Hoechst vs Il‑Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 164 u l‑ġurisprudenza ċċitata). Il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq hija applikabbli, b’analoġija, għall-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE.

34      B’analoġija, jekk silta minn tweġiba għal dikjarazzjoni tal-oġġezzjonjiet, jew dokument anness ma’ tali tweġiba, tista’ tkun rilevanti għad-difiża ta’ impriża billi tippermetti lil din tal-aħħar tinvoka elementi li jikkontradixxu l-konstatazzjonijiet magħmula f’dan l-istadju mill-Kummissjoni, din tkun prova li tiskaġuna. F’dan il-każ, l-impriża kkonċernata għandha titqiegħed f’pożizzjoni li twettaq eżami tas-silta jew tad-dokument inkwistjoni u li tressaq l-argumenti tagħha dwarhom.

35      Madankollu, is-sempliċi fatt li impriżi oħra invokaw l-istess argumenti bħall-impriża kkonċernata u li, skont il-każ, użaw iktar riżorsi għad-difiża tagħhom ma huwiex biżżejjed sabiex dawn l-argumenti jiġu kkunsidrati bħala provi li jiskaġunaw (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il‑Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra p. II‑3435, punti 353 u 355).

36      Fir-rigward tal-konsegwenzi ta’ aċċess għal fajl fejn ma jiġux osservati dawn ir-regoli, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokument li fuqu bbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tinkrimina impriża jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża biss jekk l-impriża kkonċernata turi li r-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha kien ikun differenti li kieku d-dokument li ma ġiex ikkomunikat ma kellux jiġi kkunsidrat bħala prova inkriminanti (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, punti 71 u 73).

37      Fir-rigward tan-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokument li jiskaġuna, l-impriża kkonċernata għandha biss tistabbilixxi li n-nuqqas ta’ żvelar tiegħu seta’ jinfluwenza, għad-dannu tagħha, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Huwa biżżejjed li l-impriża turi li hija setgħet tuża l-imsemmi dokument li jiskaġuna għad-difiża tagħha, fis-sens li, kieku hija setgħet tagħmel użu minn tali dokument matul il-proċedura amministrattiva, hija kienet tkun tista’ tinvoka provi li ma kinux jaqblu mal-konstatazzjonijiet magħmula f’dan l-istadju mill-Kummissjoni u għalhekk, b’xi mod, hija kienet tkun tista’ tinfluwenza l-evalwazzjonijiet li għamlet din tal-aħħar fid-deċiżjoni, għall-inqas f’dak li jikkonċerna l-gravità u t-tul tal-aġir li kienet akkużata bih, u, għalhekk, il-livell tal-multa, (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, punti 74 u 75).

38      Il-possibbiltà li dokument li ma ġiex żvelat seta’ influwenza l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tista’ tiġi stabbilita biss wara eżami provviżorju ta’ ċerti provi li juri li d-dokumenti mhux żvelati seta’ kellhom – fil-konfront ta’ dawn il-provi – importanza li ma kienx missha ġiet injorata (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, punt 76).

–       Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-allegat nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-provi inkriminanti

39      Il-Kummissjoni tammetti li hija ma setgħetx tuża l-osservazzjonijiet ta’ Fuji tal-21 ta’ Novembru 2006 bħala bażi għall-ilmenti kkontestati lir-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata, imma tikkontesta li tabilħaqq invokathom bħala provi inkriminanti.

40      Madankollu, għandu jiġi osservat li, kif isostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni semmiet l-osservazzjonijiet ta’ Fuji tal-21 ta’ Novembru 2006 fil-premessi 125 u 255 tad-deċiżjoni kkontestata biex tikkorrobora l-eżistenza tal-arranġament komuni.

41      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżitu ta’ din il-parti jiddependi fuq ir-riżultat tal-eżami tal-argumenti relatati mal-prova tal-eżistenza tal-arranġament komuni, imressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni motiv. Fil-fatt, jekk jiġi kkonstatat li l-eżistenza tal-imsemmi arranġament ġiet stabbilita kif titlob il-liġi anki wara li l-osservazzjonijiet ta’ Fuji tal-21 ta’ Novembru 2006 ġew skartati bħala prova inkriminanti, ikun hemm lok li din il-parti tiġi miċħuda. Min-naħa l-oħra, jekk jiġi kkonstatat li l-imsemmija osservazzjonijiet jikkostitwixxu element neċessarju li jsostni l-konstazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni kkontestata dwar l-eżistenza tal-arranġament komuni, din il-parti jkollha tintlaqa’.

–       Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-allegat nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-provi li jiskaġunaw

42      L-ewwel nett, huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-Ftehim GE ġie kkomunikat lir-rikorrenti. Fil-fatt, ir-rikorrenti jillimitaw irwieħhom li jsostnu li huma kellhom biss terminu ferm qasir sabiex jistudjawh, madankollu mingħajr ma jippreċiżaw sa liema punt dan il-fatt għamel id-difiża tagħhom iktar diffiċli. Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet tagħhom tat-18 ta’ Novembru 2009, ir-rikorrenti jammettu li huma kellhom l-okkażjoni li jressqu l-argumenti tagħhom dwar l-imsemmi ftehim u li huma tabilħaqq ibbenefikaw minn din l-opportunità. Għaldaqstant, l-argument tagħhom dwar dan il-ftehim ma jistax jintlaqa’.

43      It-tieni nett, fir-rigward tal-osservazzjonijiet dwar il-Ftehim GE tal-impriżi l-oħra li pparteċipaw fl-akkordju, ir-rikorrenti jispjegaw, fl-osservazzjonijiet tagħhom tat-18 ta’ Novembru 2009, li Toshiba Corp. u Mitsubishi Electric System Corp. (iktar ’il quddiem “Melco”) irrikonoxxew ukoll il-valur tal-imsemmi ftehim bħala element li jiskaġuna, għall-istess raġunijiet bħal dawk ippreżentati mir-rikorrenti lill-Kummissjoni. B’hekk, kull ma għamlu r-rikorrenti huwa li affermaw li Toshiba u Melco invokaw l-istess argumenti bħalhom, li jimplika li l-osservazzjonijiet ta’ Toshiba u ta’ Melco ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala element li jiskaġuna.

44      It-tielet nett, l-istess konstatazzjoni tapplika għall-osservazzjonijiet tal-impriżi l-oħra li pparteċipaw fl-akkordju li jikkontestaw il-kredibbiltà tat-testimonjanza ta’ H. dwar l-eżistenza tal-arranġament komuni. Fil-fatt, fl-osservazzjonijiet tagħhom tat-18 ta’ Novembru 2009, ir-rikorrenti jindikaw li Toshiba u Melco wkoll ikkritikaw il-valur probatorju tal-imsemmija testimonjanza, għall-istess raġunijiet ippreżentati lill-Kummissjoni.

45      Ir-raba’ nett, l-osservazzjonijiet u t-testimonjanzi ppreżentati minn Melco u minn Siemens kif ukoll it-testimonjanzi ppreżentati minn Fuji jsemmu l-eżistenza ta’ barrieri għad-dħul “għoljin” fis-suq Ewropew u l-fatt li dan kien “matur”, li kienu jagħmlu l-penetrazzjoni tiegħu mill-produtturi Ġappuniżi diffiċli, jekk mhux impossibbli. Barra minn hekk, Siemens u Melco, kif ukoll l-impjegati tagħhom, ikkontestaw b’mod espliċitu l-eżistenza tal-arranġament komuni jew tad-diskussjonijiet relatati miegħu, u t-testimonjanza ta’ T. ippreżentata minn Siemens tirreferi għall-fatt li l-akkordju bbażat fuq il-Ftehim GQ kien iffokat fuq il-Lvant Nofsani u ma kienx japplika għall-Ewropa.

46      Madankollu, minn naħa, ir-rikorrenti ma kkontestawx l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li t-testimonjanzi tal-impjegati ta’ Fuji ġew ikkomunikati lilhom. Konsegwentement, l-ebda ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma jista’ jiġi kkonstatat fir-rigward ta’ dawn l-elementi.

47      Min-naħa l-oħra, fit-tweġiba tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti invokaw l-istess argumenti bħal dawk esposti fil-punt 45 iktar ’il fuq, li jimplika li l-osservazzjonijiet ta’ Melco u ta’ Siemens ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala elementi li jiskaġunaw li l-komunikazzjoni tagħhom setgħet tinfluwenza l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata.

48      L-istess konklużjoni tista’ tiġi applikata fir-rigward tat-testimonjanzi tal-impjegati ta’ Melco u ta’ dawk tal-impjegati ta’ Siemens, peress li t-testimonjanzi bil-miktub tal-impjegati ta’ kumpannija, redatti taħt il-kontroll ta’ din tal-aħħar u ppreżentati minnha għad-difiża tagħha fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva mmexxija mill-Kummissjoni, bħala prinċipju, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala elementi differenti u indipendenti mid-dikjarazzjonijiet ta’ din l-istess kumpannija. Fil-fatt, ġeneralment, il-pożizzjoni ta’ kumpannija fir-rigward tar-realtà tal-fatti li qed tiġi akkużata bihom mill-Kummissjoni hija bbażata, l-ewwel nett, fuq dak li jkunu jafu u fuq l-opinjonijiet tal-impjegati u tad-diriġenti tagħha.

49      Sa fejn ir-rikorrenti jsostnu li t-testimonjanzi tal-impjegati ta’ Siemens iqiegħdu f’dubju l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li l-produtturi Ewropej ma kkontestawx l-eżistenza tal-arranġament komuni, għandu jiġi osservat li ma huwiex stabbilit li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq tali allegazzjoni ġenerali fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew fi stadju sussegwenti. F’dan ir-rigward, l-iktar l-iktar, mill-premessa 125 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkonstatat li l-eżistenza tal-imsemmi arranġament ma ġietx ikkontestata minn Alstom u minn Areva u ma ġietx ikkontestata bil-miftuħ mill-impriża li tappartjeni lill-grupp li tagħmel parti minnu VA TECH Transmission & Distribution GmbH & Co. KEG (iktar ’il quddiem “VA TECH”). Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma ppreċiżatx x’kienet il-pożizzjoni ta’ Siemens jew dik tal-produtturi Ewropej inġenerali. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti ma huwiex ikkorroborat mill-fatti. Barra minn hekk, il-pożizzjoni tal-produtturi Ewropej fir-rigward tal-eżistenza tal-arranġament komuni u tar-rilevanza ta’ dan l-element se tiġi diskussa fil-punti 197 sa 203 iktar ’il quddiem.

50      Il-ħames nett, bi tweġiba għat-talba tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-osservazzjonijiet tal-impriżi Ġappuniżi l-oħra dwar l-allegata parteċipazzjoni tagħhom fil-proġetti ta’ SIG fiż-Żona Ekonomika Ewropa (ŻEE) imsemmija fil-premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni pproduċiet silta mit-tweġiba ta’ Melco għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li minnha jirriżulta li Melco tikkontesta li pparteċipat fit-tqassim ta’ tali proġetti.

51      Madankollu, fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Melco llimitat ruħha li tadotta l-istess pożizzjoni bħal dik tar-rikorrenti, ħaġa li dawn tal-aħħar jammettu fl-osservazzjonijiet tagħhom tat-18 ta’ Novembru 2009. Konsegwentement, is-silta mit-tweġiba ta’ Melco għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma tikkostitwixxix element li jiskaġuna li l-komunikazzjoni tiegħu setgħet tinfluwenza l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata.

52      Is-sitt nett, mid-dikjarazzjonijiet ta’ S. tal-15 ta’ Settembru 2006 jirriżulta li dan tal-aħħar kien jikkunsidra, minn naħa, li l-akkordju ġie tterminat wara li Siemens interrompiet il-parteċipazzjoni tagħha fih fl-1999 u, min-naħa l-oħra, li l-akkordju stabbilit mill-2002 kien fundamentalment differenti minn dak li kien jeżisti sal-1999.

53      Issa, fit-tweġiba tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti ressqu l-istess argumenti biex jikkontestaw l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl ta’ dak li ġie spjegat fil-punt 48 iktar ’il fuq fir-rigward tal-kwalifika tat-testimonjanzi tal-impjegati ta’ kumpannija, hemm lok li jiġi kkunsidrat li d-dikjarazzjonijiet ta’ S. lanqas ma jikkostitwixxu element li jiskaġuna li l-komunikazzjoni tiegħu setgħet tinfluwenza l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata.

54      Fid-dawl ta’ dak kollu li ngħad iktar ’il fuq, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

2.     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma pprovatx l-eżistenza tal-arranġament komuni jew dik tal-ksur li rriżulta minnu

55      Fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma stabbilietx kif titlob il-liġi l-eżistenza tal-arranġament komuni u josservaw li hija ma għamlitx ħilitha sabiex tneħħi kull dubju li kien inqala’ fil-kuntest ta’ investigazzjoni indipendenti. Huma jikkunsidraw li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kellha taċċetta l-ispjegazzjoni alternattiva tal-fatti mogħtija minnhom. Fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma stabbilietx li l-arranġament komuni kien jikkostitwixxi ftehim restrittiv jew prattika miftiehma.

56      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

a)     Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma stabbilietx l-eżistenza tal-arranġament komuni

57      Skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni għandha tipproduċi l-prova tal-ksur li hija tkun ikkonstatat u għandha tistabbilixxi l-provi li jistgħu juru, kif titlob il-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-27 ta’ Settembru 2006, Dresdner Bank et vs Il‑Kummissjoni, T‑44/02 OP, T‑54/02 OP, T‑56/02 OP, T‑60/02 OP u T‑61/02 OP, Ġabra p. II‑3567, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      F’dan il-kuntest, l-eżistenza ta’ dubju f’moħħ il-qorti għandha tibbenefika lill-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur. Għaldaqstant, il-qorti ma tistax tikkonkludi li l-Kummissjoni wriet l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni kif titlob il-liġi jekk jibqa’ dubju f’moħħ il-qorti dwar din il-kwistjoni, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni li timponi multa (sentenza Dresdner Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 57 iktar ’il fuq, punt 60).

59      Fil-fatt, f’din l-aħħar sitwazzjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, li tagħmel parti mid-drittijiet fundamentali li jikkostitwixxu l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju. Fid-dawl tan-natura tal-ksur inkwistjoni kif ukoll tan-natura u tal-grad ta’ severità tas-sanzjonijiet konnessi miegħu, il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza japplika b’mod partikolari għall-proċeduri relatati ma’ ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi jew għal pagamenti ta’ penalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dresdner Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 57 iktar ’il fuq, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Għaldaqstant, huwa neċessarju li l-Kummissjoni ssemmi provi preċiżi u li jaqblu sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li kull prova prodotta mill-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Huwa biżżejjed li s-serje ta’ indizji invokati mill-istituzzjoni, evalwati globalment, jissodisfaw dan ir-rekwiżit (ara s-sentenza Dresdner Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 57 iktar ’il fuq, punti 62 u 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Barra minn hekk, meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li huwa magħruf li l-ftehim antikompetittivi huma pprojbiti, ma jistax jiġi mistenni li l-Kummissjoni tipproduċi dokumenti li juru b’mod espliċitu li sar kuntatt bejn l-operaturi kkonċernati. L-elementi frammentarji u mhux relatati ma’ xulxin li l-Kummissjoni jista’ jkollha għandhom, f’kull każ, ikunu jistgħu jiġu kkompletati minn deduzzjonijiet li jippermettu l-kostruzzjoni mill-ġdid taċ-ċirkustanzi rilevanti. L-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv tista’ għalhekk tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u ta’ indizji li, meta kkunsidrati f’daqqa, jistgħu jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni oħra koerenti, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza Dresdner Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 57 iktar ’il fuq, punti 64 u 65, u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Madankollu, meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha biss fuq l-aġir tal-impriżi inkwistjoni fis-suq sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur, huwa biżżejjed li dawn tal-aħħar juru l-eżistenza ta’ ċirkustanzi li jitfgħu dawl differenti fuq il-fatti kif stabbiliti mill-Kummissjoni u li jippermettu għalhekk li tingħata spjegazzjoni plawżibbli tal-fatti differenti minn dik adottata mill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li jeżisti ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni Komunitarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punt 186 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Bil-kontra ta’ dak li jallegaw ir-rikkorenti, din ir-regola ma hijiex applikabbli għall-każijiet kollha fejn il-ksur ġie stabbilit biss permezz ta’ provi mhux dokumentarji.

64      Fil-fatt, fir-rigward tal-provi li jistgħu jiġu invokati biex ikun stabbilit ksur tal-Artikolu 81 KE, il-prinċipju dominanti fid-dritt Komunitarju huwa dak tal-produzzjoni libera tal-provi (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-8 ta’ Lulju 2004, Dalmine vs Il‑Kummissjoni, T‑50/00, Ġabra p. II‑2395, punt 72). Il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq hija applikabbli, b’analoġija, għall-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

65      Konsegwentement, għalkemm in-nuqqas ta’ provi dokumentarji jista’ jkun rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tas-serje ta’ indizji invokati mill-Kummissjoni, ikkunsidrat waħdu, dan in-nuqqas ma għandux bħala konsegwenza li jippermetti li l-impriża kkonċernata tqiegħed f’dubju l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni billi tagħti spjegazzjoni alternattiva tal-fatti. Dan huwa biss il-każ meta l-provi prodotti mill-Kummissjoni ma jippermettux li l-eżistenza tal-ksur tiġi stabbilita b’mod ċar u mingħajr ma tkun neċessarja interpretazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-12 ta’ Settembru 2007, Coats Holdings u Coats vs Il‑Kummissjoni, T‑36/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 74).

66      Għall-istess raġuni, anki fin-nuqqas ta’ provi dokumentarji, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata twettaq investigazzjonijiet indipendenti biex tivverifika l-fatti.

67      Barra minn hekk, l-ebda dispożizzjoni u l-ebda prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju ma jipprojbixxu lill-Kummissjoni milli tinqeda b’dikjarazzjonijiet ta’ impriżi oħra li huma akkużati li pparteċipaw fl-akkordju sabiex tużahom kontra impriża oħra. Kieku dan ma kienx il-każ, l-oneru tal-prova ta’ aġir li jmur kontra l-Artikolu 81 KE, li jaqa’ fuq il-Kummissjoni, ikun insostenibbli u inkompatibbli mal-missjoni tagħha ta’ sorveljanza tal-applikazzjoni tajba ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 62 iktar ’il fuq, punt 192). Il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq hija applikabbli, b’analoġija, għall-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

68      Madankollu, id-dikjarazzjoni ta’ impriża akkużata li ħadet sehem f’akkordju, li l-eżattezza tagħha hija kkontestata minn diversi impriżi oħra kkonċernati, ma tistax titqies li tikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-eżistenza ta’ ksur imwettaq minn dawn tal-aħħar mingħajr ma tiġi sostnuta minn provi oħra billi l-grad ta’ korroborazzjoni meħtieġ jista’ jkun inqas, minħabba l-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet inkwistjoni (sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 62 iktar ’il fuq, punti 219 u 220).

69      Fir-rigward tal-valur probatorju tad-diversi provi, l-uniku kriterju rilevanti għall-evalwazzjoni tal-provi prodotti jinsab fil-kredibbiltà tagħhom (sentenza Dalmine vs Il‑Kummissjoni, punt 64 iktar ’il fuq, punt 72).

70      Skont ir-regoli ġenerali fil-qasam tal-provi, il-kredibbiltà u, b’hekk, il-valur probatorju ta’ dokument jiddependu mill-oriġini tiegħu, miċ-ċirkustanzi li ġie redatt fihom, mid-destinatarju tiegħu u mill-kontenut tiegħu (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491, punti 1053 u 1838).

71      Fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet, valur probatorju partikolarment għoli jista’ barra minn hekk jiġi rikonoxxut lil dawk li, l-ewwel nett, huma affidabbli, it-tieni nett, li jsiru f’isem impriża, it-tielet nett, ikunu ġejjin minn persuna li hija marbuta bl-obbligu professjonali li taġixxi fl-interess ta’ din l-impriża, ir-raba’ nett, li jmorru kontra l-interessi tad-dikjarant, il-ħames nett, li ġejjin minn xhud dirett tal-fatti msemmija u, is-sitt nett, ġew ipprovduti bil-miktub, b’mod intenzjonali u wara riflessjoni fil-fond (ara, f’dan is-sens, is-sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 62 iktar ’il fuq, punti 205 sa 210).

72      Barra minn hekk, għalkemm huwa ġeneralment aċċettabbli li xhieda mogħtija b’mod volontarju mill-parteċipanti prinċipali f’akkordju illegali tiġi ttrattata b’ċertu suspett, meta titqies il-possibbiltà, invokata mir-rikorrenti, li dawn il-parteċipanti jkollhom it-tendenza li jnaqqsu l-importanza tal-kontribut tagħhom fil-ksur u li jżidu dak tal-parteċipanti l-oħra, madankollu xorta jibqa’ l-fatt li l-fatt li persuna titlob biex tibbenefika mill-applikazzjoni tal-avviż dwar il-kooperazzjoni bil-għan li tikseb immunità jew tnaqqis tal-multa mhux neċessarjament joħloq inċentiv biex jiġu prodotti provi distorti fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-membri l-oħra tal-akkordju. Fil-fatt, kull tentattiv biex il-Kummissjoni tiġi indotta tagħmel żball jista’ jqajjem dubji dwar is-sinċerità kif ukoll il-kompletezza tal-kooperazzjoni ta’ min qed jagħmel it-talba u, għaldaqstant, jipperikola l-possibbiltà li dan jibbenefika b’mod sħiħ mill-avviż dwar il-kooperazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-16 ta’ Novembru 2006, Peróxidos Orgánicos vs Il‑Kummissjoni, T‑120/04, Ġabra p. II‑4441, punt 70).

73      F’dan ir-rigward, għandu wkoll jiġi osservat li l-konsegwenzi potenzjali tal-komunikazzjoni ta’ provi distorti huma iktar u iktar gravi peress li d-dikjarazzjoni kkontestata ta’ impriża għandha tiġi kkorroborata, kif jirriżulta mill-punt 68 iktar ’il fuq. Fil-fatt, dan il-fatt iżid ir-riskju li dikjarazzjonijiet mhux eżatti jiġu identifikati kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-impriżi l-oħra implikati.

74      Fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli f’dan il-każ, qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont il-konstatazzjonijiet li saru fid-deċiżjoni kkontestata, l-arranġament komuni kien arranġament mhux miktub li kien jinkludi, l-ewwel nett, l-impenn min-naħa tal-impriżi Ġappuniżi li ma jippenetrawx is-suq tal-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE, it-tieni nett, l-impenn tal-impriżi Ewropej li ma jippenetrawx is-suq Ġappuniż tal-proġetti ta’ SIG u, it-tielet nett, l-impenn tal-impriżi Ewropej li jinnotifikaw lill-impriżi Ġappuniżi l-proġetti ta’ SIG f’pajjiżi Ewropej oħra għajr il-pajjiżi kostrutturi u li jattribwixxu dawn l-istess proġetti fuq il-kwota konġunta “Ewropea” prevista mill-Ftehim GQ. Skont il-Kummissjoni, l-għan tal-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni kien li joffri kumpens lill-impriżi Ġappuniżi, ipperċepiti bħala kompetituri potenzjali fis-suq taż-ŻEE mill-impriżi Ewropej.

75      F’dan il-kuntest, qabel xejn għandha tiġi miċħuda l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-kontenut tal-kunċett tal-arranġament komuni ma huwiex kostanti tul id-deċiżjoni kkontestata kollha. Fil-fatt, għalkemm jistgħu jiġu kkonstatati xi differenzi minuri bejn id-diversi formulazzjonijiet li ntużaw fid-deċiżjoni kkontestata, dawn id-differenzi ma jaffettwawx il-karatteristiċi fundamentali tal-imsemmi kunċetti kif ġew spjegati fil-punt preċedenti.

76      Fost id-diversi komponenti tal-arranġament komuni elenkati fil-punt 74 iktar ’il fuq, huwa l-allegat impenn tal-impriżi Ġappuniżi li ma jippenetrawx is-suq taż-ŻEE li jikkostitwixxi l-bażi tal-ilment li l-Kummissjoni kkontestat lir-rikorrenti. Konsegwentment, hija l-eżistenza ta’ dan l-impenn li għandha tiġi stabbilita kif titlob il-liġi. Madankollu, il-komponenti l-oħra tal-arranġament komuni, jekk jiġu pprovati, jistgħu jirriżultaw rilevanti bħala provi indiretti li jippermettu li tiġi dedotta l-eżistenza tal-impenn korrispondenti tal-impriżi Ġappuniżi.

77      Ir-rikorrenti jikkontestaw l-eżistenza tal-arranġament komuni, billi jsostnu li l-assenza tagħhom mis-suq Ewropew tal-proġetti ta’ SIG tista’ tiġi spjegata mill-fatt li l-impriżi Ġappuniżi ma kinux ikkunsidrati bħala kompetituri kredibbli fis-suq Ewropew għal diversi raġunijiet, b’mod partikolari raġunijiet kummerċjali u tekniċi. Huma jikkontestaw il-valur probatorju tad-diversi elementi prodotti mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u jirreferu għal elementi oħra li, fil-fehma tagħhom, jissuġġerixxu li l-arranġament komuni ma kienx jeżisti. Barra minn hekk, huma jipproduċu rapport ippreparat minn konsulenti (iktar ’il quddiem ir-“rapport estern”), li allegatament isostni l-ispjegazzjoni alternattiva tagħhom tal-fatti.

78      Il-Kummissjoni ssostni li l-eżistenza tal-arranġament komuni u, b’mod partikolari, l-impenn tal-impriżi Ġappuniżi li ma jippenetrawx is-suq taż-ŻEE, ġiet stabbilita kif titlob il-liġi permezz ta’ diversi provi li jinkludu provi dokumentarji, dikjarazzjonijiet mill-impriżi, testimonjanzi kif ukoll elementi relatati mal-funzjonament effettiv tal-akkordju.

79      Għaldaqstant, għandhom jiġu evalwati l-affidabbiltà u l-kontenut tad-diversi elementi inkwistjoni sabiex ikun ivverifikat jekk, ikkunsidrati b’mod globali, l-elementi invokati mill-Kummissjoni jsostnux konvinzjoni soda, fir-rigward tal-eżistenza tal-arranġament komuni, li ma huwiex probabbli li titqiegħed f’dubju mill-elementi prodotti mir-rikorrenti.

 Fuq il-Ftehim GQ u l-Ftehim EQ

–       L-argumenti tal-partijiet

80      Ir-rikorrenti jsostnu, minn naħa, li l-Ftehim GQ u l-Ftehim EQ ma fihom l-ebda allużjoni għall-arranġament komuni, u dan minkejja li dawn l-istess ftehim jistabbilixxu b’mod dettaljat ir-regoli tal-akkordju. F’dan ir-rigward, l-Anness 2 għall-Ftehim GQ ma jirriflettix l-eżistenza tal-imsemmi arranġament komuni, imma l-esklużjoni tal-pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim.

81      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jikkontestaw l-eżistenza ta’ relazzjoni mill-qrib bejn il-Ftehim GQ u l-Ftehim EQ. Fil-fehma tagħhom, minkejja n-natura dettaljata tiegħu, il-Ftehim GQ ma jagħmilx allużjoni għall-Ftehim EQ. Barra minn hekk, il-produtturi Ġappuniżi ma kinux partijiet għall-Ftehim EQ u ma kinux jafu l-kontenut tiegħu.

82      Konsegwentement, ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-Ftehim GQ u l-Ftehim EQ ma jikkostitwux provi dokumentarji tal-eżistenza tal-arranġament komuni. Sa fejn l-imsemmija ftehim ma jsemmux l-arranġament komuni, minkejja l-allegata importanza fundamentali tiegħu fl-akkordju dinji, il-kontenut tagħhom saħansitra jipprova li l-imsemmi arranġament ma kienx jeżisti.

83      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

84      Huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-Ftehim GQ jipprevedi l-organizzazzjoni ta’ akkordju li jirrigwarda l-proġetti ta’ SIG fuq il-livell dinji. Madankollu, minn naħa, kif isostnu r-rikorrenti, dan il-ftehim ma jsemmix l-arranġament komuni u, min-naħa l-oħra, skont il-kliem tal-Anness 2 tiegħu, l-imsemmi ftehim jeskludi mill‑kamp ta’ applikazzjoni tiegħu lill-Ġappun, lit-12-il Stat Membru tal-Komunità Ewropea ta’ dak iż-żmien kif ukoll ħames pajjiżi oħra tal-Ewropa tal-Punent.

85      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġi kkunsidrat li l-Ftehim GQ jikkostitwixxi prova dokumentarja tal-eżistenza tal-arranġament komuni. Fil-fatt, l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni, li tgħid li l-esklużjoni tal-pajjiżi Ewropej u tal-Ġappun kienet dovuta għall-eżistenza tal-imsemmi arranġament, ma hijiex iktar plawżibbli, a priori, mill-interpretazzjoni kuntrarja proposta mir-rikorrenti.

86      Min-naħa tiegħu, il-Ftehim EQ huwa ftehim ta’ eżekuzzjoni tal-Ftehim GQ, li jirrigwarda b’mod partikolari t-tqassim tal-kwota konġunta “Ewropea” prevista minn dan il-ftehim tal-aħħar. Sa ċertu punt, kienet teżisti ċerta rabta bejn l-imsemmija ftehim. Madankollu, il-Ftehim EQ ġie konkluż biss mill-impriżi Ewropej. Ir-rikorrenti b’hekk ma kinux partijiet għalih. Barra minn hekk, dan il-ftehim ma jsemmix b’mod espliċitu l-arranġament komuni.

87      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat ukoll li, f’konformità mal-punt 4 tal-parti “E (E-Members)” tal-Anness 2 għall-Ftehim EQ, il-produtturi Ewropej “jiddeċiedu dwar in-notifika tal-proġetti Ewropej lill-[grupp tal-produtturi Ġappuniżi]”. Mill-kuntest tal-Anness 2 jirriżulta li l-komunikazzjoni tal-informazzjoni kellha ssir qabel l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG inkwistjoni.

88      Dan l-element jippermetti li jiġi miċħud, sa ċertu punt, l-argument tar-rikorrenti peress li jissuġġerixxi li l-produtturi Ewropej kienu jikkunsidraw li l-produtturi Ġappuniżi setgħu kienu interessati, għall-inqas, fil-proċess ta’ allokazzjoni ta’ ċerti proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE, u li għalhekk kienu kompetituri potenzjali għal dawn il-proġetti.

89      Madankollu, xejn fil-Ftehim EQ u lanqas fl-elementi l-oħra prodotti mill-Kummissjoni ma jipprova li l-mekkaniżmu inkwistjoni ġie implementat mill-produtturi Ewropej jew li l-produtturi Ġappuniżi kienu jafu bih.

90      B’hekk, il-Ftehim EQ ma jikkostitwixxix indikazzjoni li tagħti lil wieħed x’jifhem li l-produtturi Ġappuniżi kienu kkunsidrati bħala kompetituri kredibbli għall-provvista ta’ ċerti proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE, kif tallega l-Kummissjoni.

91      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-impenn min-naħa ta’ grupp ta’ produtturi li ma jippenetrawx suq irriżervat għall-grupp l-ieħor, bħall-impenn ikkontestat mill-Kummissjoni lill-produtturi Ġappuniżi, huwa msejjes fuq kunċett sempliċi li jista’ jiġi implementat faċilment. Bl-istess mod, din l-implementazzjoni ma għandhiex bżonn, bħala prinċipju, interazzjoni bejn l-impriżi kkonċernati. Konsegwentement, tali impenn jista’ faċilment jeżisti bħala arranġament mhux miktub, fatt li jippermetti wkoll li jitnaqqas ir-riskju li l-arranġament jiġi skopert. F’dan ir-rigward, fil-premessi 170 sa 176 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li, f’dan il-każ, il-parteċipanti għall-akkordju adottaw numru ta’ prekawzjonijiet mil-lat organizzattiv u minn dak tekniku sabiex jevitaw li dan jiġi żvelat.

92      Għalkemm huwa minnu li l-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni implementat wara t-tqassim tal-proġetti ta’ SIG inkwistjoni, hekk kif ġie invokat mill-Kummissjoni, kien jeħtieġ ċerti miżuri ta’ implementazzjoni, dawn madankollu ma kinux partikolarment kumplessi, peress li essenzjalment kienu jikkonsistu fil-komunikazzjoni ta’ ċerta data mill-grupp Ewropew lill-grupp Ġappuniż, li kienet ukoll parallela għal dik implementata abbażi tal-Ftehim GQ fir-rigward tal-proġetti ta’ SIG barra miż-ŻEE. Konsegwentement, ma jidhirx li tali miżuri bilfors kienu jeħtieġu regoli bil-miktub.

 Fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ ABB

–       L-argumenti tal-partijiet

93      Qabel xejn, ir-rikorrenti jirrepetu li l-elementi prodotti minn ABB fil-kuntest tat-talba tagħha għal immunità minn multi, u b’mod partikolari d-dikjarazzjonijiet tagħha wara l-għoti ta’ immunità taħt kundizzjonijiet mill-Kummissjoni, għandhom jiġu evalwati fid-dawl tal-pressjoni li kienet suġġetta għaliha ABB, sa fejn din tal-aħħar xtaqet iżżomm il-benefiċċju tal-immunità tagħha, filwaqt li tnaqqas kemm tista’ l-gravità tal-aġir tagħha u tkabbar dak tal-impriżi l-oħra implikati. F’dan il-każ, din il-pressjoni ntweriet b’dikjarazzjonijiet parzjali ppreżentati minn ABB waqt is-smigħ quddiem il-Kummissjoni u fil-kuntest ta’ proċedura parallela mwettqa mill-Awtorità tal-Kompetizzjoni Ċeka.

94      Ir-rikorrenti jżidu li d-dikjarazzjonijiet ta’ ABB ma jmorrux lura għaż-żmien ta’ meta seħħew il-fatti, ma jintroduċux biżżejjed preċiżazzjonijiet dwar l-arranġament komuni u evolvew maż-żmien, ħaġa li tnaqqas il-valur probatorju tagħhom.

95      Fit-talba inizjali tagħha għal immunità minn multi tat-3 ta’ Marzu 2004, ABB ma semmietx l-eżistenza tal-arranġament komuni, li ssemma biss fl-osservazzjonijiet tagħha tal-11 ta’ Marzu 2004.

96      Dwar l-osservazzjonijiet ta’ ABB tal-11 ta’ Marzu 2004, ir-rikorrenti josservaw, l-ewwel nett li, meta ABB issemmi l-parteċipazzjoni tal-impriżi Ġappuniżi fl-arranġament komuni, din donnha talludi għal JAEPS u għal TM T & D Corp., kumpannija bi sħab ta’ Toshiba u ta’ Melco li bejn Ottubru 2002 u April 2005 operat l-attivitajiet fil-qasam ta’ SIG ta’ dawn tal-aħħar. Issa, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni interpretat id-dikjarazzjonijiet ta’ ABB mhux biss bħala li jirreferu għall-perijodu kollu tal-ksur mill-1998, meta la TM T & D u lanqas JAEPS ma kienu jeżistu dak iż-żmien, imma wkoll bħala li jimplikaw, minbarra lil dawn iż-żewġ kumpanniji, lil Hitachi u lil Hitachi Europe.

97      It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li, fl-osservazzjonijiet tagħha tal-11 ta’ Marzu 2004, ABB illimitat ruħha li tagħmel dikjarazzjonijiet vagi fir-rigward tat-tul tal-akkordju, fejn iffokat fuq il-perijodu ta’ bejn l-1999 u l-2002.

98      It-tielet nett, ir-rikorrenti jsostnu li n-natura vaga u kontradittorja tal-osservazzjonijiet ta’ ABB tal-11 ta’ Marzu 2004 tagħti lil wieħed x’jifhem li din hija ipoteżi tal-persunal ta’ din tal-aħħar dwar il-kundizzjonijiet tas-suq iktar milli l-prova ta’ ftehim espliċitu li jinvolvi intenzjoni komuni.

99      Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti jikkunsidraw li, fl-osservazzjonijiet tagħha tal-11 ta’ Marzu 2004, ABB qabelxejn ikkonfermat li l-impriżi kkonċernati kienu jikkunsidraw li, minħabba ostakoli ġuridiċi, tekniċi u kummerċjali, id-dħul fis-suq Ewropew kien diffiċli, jekk mhux impossibbli. Huma jsostnu li, f’ċirkustanzi bħal dawn, kwalunkwe ftehim espliċitu li kien jinkludi l-impenn li ma jiġix ippenetrat is-suq inkwistjoni kien ikun bla skop.

100    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li, fl-osservazzjonijiet tagħha tal-4 ta’ Ottubru 2005 li għamlet wara l-preżentata tal-osservazzjonijiet tagħhom kif ukoll dawk tal-produtturi Ġappuniżi l-oħra li kienu jispjegaw l-esistenza tal-ostakoli msemmija iktar ’il fuq, ABB immodifikat id-dikjarazzjonijiet preċedenti tagħha dwar l-arranġament komuni, meta hija ddikjarat b’mod partikolari li l-barrieri għad-dħul fis-suq Ewropew setgħu jiġu megħluba u li, konsegwentement, id-dħul tal-produtturi Ġappuniżi kien ekonomikament possibbli. Issa, skont ir-rikorrenti, il-valur probatorju ta’ tali dikjarazzjoni tardiva li timmodifika radikalment id-dikjarazzjonijiet preċedenti jqajjem xi dubji.

101    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

102    Fir-rigward tal-kredibbiltà tad-dikjarazzjonijiet ta’ ABB magħmula fil-kuntest tat-talba tagħha għal immunità minn multi, ġie spjegat fil-punti 72 u 73 iktar ’il fuq li s-sempliċi fatt li ssir talba biex impriża tibbenefika mill-applikazzjoni tal-avviż dwar il-kooperazzjoni ħalli tikseb l-imsemmija immunità mhux bilfors joħloq inċentiv biex jiġu prodotti provi distorti fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ membri oħra tal-akkordju.

103    Iċ-ċirkustanzi speċifiċi li allegatament juru l-pressjoni li kienet suġġetta għaliha ABB ma humiex tali li jinfluwenzaw din il-konstatazzjoni. Fil-fatt, waqt is-smigħ quddiem il-Kummissjoni, kulma għamlet ABB kien li tispjega l-kuntest fattwali tal-akkordju u li tallega li l-punti ta’ fatt li hija kienet issottomettiet lill-Kummissjoni kienu jiġġustifikaw li hija tingħata immunità minn multi. Fil-kuntest tal-proċedura mwettqa mill-Awtorità tal-Kompetizzjoni Ċeka, l-intervent ta’ ABB kien jinvolvi, minbarra dawn iż-żewġ partijiet, parti ddedikata għall-evalwazzjoni ġuridika tal-fatti kif ukoll tal-osservazzjonijiet dwar id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Issa, ma jidhirx li, f’dawn iż-żewġ każijiet, ABB marret lil hinn minn dak li wieħed jista’ jistenna minn impriża li talbet immunità minn multi u li tixtieq tiżgura ruħha, permezz ta’ kooperazzjoni sħiħa mal-awtorità kkonċernata, li se żżomm l-immunità taħt kundizzjonijiet li ngħatatilha. Konsegwentement, ma hemmx lok li jiġi kkunsidrat li l-kredibbiltà tad-dikjarazzjonijiet ta’ ABB tqiegħdet f’dubju mill-fatt li din tal-aħħar talbet li tibbenefika minn immunità minn multi.

104    L-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-allegazzjoni li d-dikjarazzjonijiet ta’ ABB ma jmorrux lura għaż-żmien meta seħħew il-fatti lanqas ma jista’ jintlaqa’. Fil-fatt, minn naħa, id-dikjarazzjonijiet ippreżentati lill-Kummissjoni minn impriża fil-kuntest ta’ talba għal immunità minn multi ma jistgħux, skont id-definizzjoni, ikunu kontemporanji għall-allegat aġir ta’ ksur kollu, mingħajr ma’ dan il-fatt ineħħilhom kull forza probatorja. Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, ABB allegat li kien jeżisti arranġament komuni mill-11 ta’ Marzu 2004, jiġifieri qabel ma ġie fi tmiemu l-ksur imsemmi mid-deċiżjoni kkontestata.

105    Fir-rigward tal-kontenut tad-dikjarazzjonijiet differenti ta’ ABB, l-ewwel nett, ma hemmx lok li tingħata importanza partikolari lill-fatt li l-arranġament komuni ma jissemmiex fit-talba inizjali, jiġifieri t-talba għal immunità minn multi tat-3 ta’ Marzu 2004. Fil-fatt, waqt l-ewwel kuntatt mal-Kummissjoni fil-kuntest ta’ talba għal immunità minn multi, huwa normali li l-impriża inkwistjoni ma tiddeskrivix b’mod dettaljat l-aspetti kollha tal-ksur li bi ħsiebha tiżvela l-eżistenza tiegħu.

106    Barra minn hekk, għalkemm, fit-talba inizjali tagħha, ABB ma ssemmix b’mod espliċitu l-arranġament komuni, hija xorta tindika li JAEPS u TM T & D kienu fost il-parteċipanti fl-akkordju u li dan kien ikopri lill-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea. Issa, din l-affermazzjoni timplika li, fil-fehma ta’ ABB, iż-żewġ kumpanniji kkonċernati pparteċipaw fl-arranġament komuni.

107    It-tieni nett, fl-osservazzjonijiet tagħha tal-11 ta’ Marzu 2004, jiġifieri qabel ma ngħatat l-immunità taħt kundizzjonijiet, ABB semmiet b’mod espliċitu l-eżistenza ta’ arranġament komuni li abbażi tiegħu ż-żewġ kumpanniji Ġappuniżi ma kellhomx iressqu offerti għall-proġetti Ewropej u l-kumpanniji Ewropej ma kellhomx iressqu offerti għall-proġetti Ġappuniżi.

108    F’dan il-kuntest, huwa naturali li ABB semmiet żewġ kumpanniji Ġappuniżi, jiġifieri JAEPS u TM T & D, peress li, meta ppreżentat id-dikjarazzjonijiet tagħha, kien fi ħdan dawn il-kumpanniji bi sħab li kienu miġbura l-attivitajiet fil-qasam ta’ SIG tal-impriża Hitachi, ta’ Fuji, ta’ Toshiba u ta’ Melco. Madankollu, jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni kellha kull dritt li tinterpreta din id-dikjarazzjoni bħala li tindika li l-imsemmija impriżi kienu huma wkoll parteċipanti fl-arranġament komuni. Fil-fatt, fit-talba inizjali tagħha, ABB kienet diġà ppreċiżat li, sa fejn kienet taf, il-kartell kien ilu jeżisti iktar minn għaxar snin, li jimplika li ġie fformat ferm qabel ma nħolqu JAEPS u TM T & D.

109    Bl-istess mod, il-qari flimkien tal-osservazzjonijiet ta’ ABB tal-11 ta’ Marzu 2004 u t-talba inizjali tagħha jippermetti li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li ABB ma pprovdietx preċiżazzjonijiet dwar it-tul tal-akkordju. Fil-fatt, fit-talba inizjali tagħha, ABB indikat li l-akkordju kien ilu jiffunzjona għall-inqas mill-1994 u l‑osservazzjonijiet tagħha tal-11 ta’ Marzu 2004 ma jikkontradixxux din il-konstatazzjoni.

110    Barra minn hekk, għalkemm ABB ċertament iddikjarat li l-arranġament komuni kien ibbażat fuq il-fatt li l-produtturi Ġappuniżi ma kinux aċċettati mill-klijenti Ewropej u kellhom jiffaċċjaw ċerti ostakoli fis-suq Ewropew. Madankollu, mill-osservazzjonijiet tagħha tal-11 ta’ Marzu 2004 jirriżulta b’mod ċar li, fil-fehma tagħha, l-impriżi Ġappuniżi implikati ma llimitawx irwieħhom biex jikkonstataw l-eżistenza ta’ dawn l-ostakoli, imma impenjaw irwieħhom, fil-konfront tal-imsieħba Ewropej tagħhom, li ma jippenetrawx is-suq taż-ŻEE. B’hekk, iktar milli jagħmlu l-eżistenza tal-arranġament komuni bla skop, il-barrieri għad-dħul fl-imsemmi suq jikkostitwixxu fattur li wassal għall-konklużjoni tal-imsemmi arranġament. Għandu jiġi osservat ukoll li tali konstatazzjoni ma hijiex paradossali, peress li huwa naturali li produttur, fil-kuntest ta’ tqassim tas-swieq bħal dak allegat mill-Kummissjoni f’dan il-każ, jabbanduna f’idejn il-kompetituri tiegħu s-swieq fejn il-pożizzjoni tiegħu tkun dgħajfa.

111    It-tielet nett, għandha tiġi miċħuda l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-osservazzjonijiet ta’ ABB tal-4 ta’ Ottubru 2005 jikkontradixxu d-dikjarazzjonijiet preċedenti tagħha. Fil-fatt fl-imsemmija osservazzjonijiet, ABB ikkonfermat l-eżistenza tal-arranġament komuni. Għalkemm hija enfasizzat, f’dik l-okkażjoni, il-fatt li l-ostakoli li kienu ffaċċjati bihom il-prodotturi Ġappuniżi, li kieku riedu jippenetraw is-suq taż-ŻEE, setgħu jiġu megħluba, madankollu, din il-konstatazzjoni ma tikkontradixxix id-dikjarazzjonijiet tal-11 ta’ Marzu 2004, li ma rreferewx għall-fatt li l-penetrazzjoni tal-imsemmi suq kienet impossibbli imma biss li kienet diffiċli.

112    Għaldaqstant, bil-kontra ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti, l-osservazzjonijiet ta’ ABB tal-4 ta’ Ottubru 2005 jikkostitwixxu kjarifika koerenti mad-dikjarazzjonijiet preċedenti tagħha.

113    Fid-dawl ta’ dak kollu li ngħad iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li d-dikjarazzjonijiet ta’ ABB jikkostitwixxu element li jista’ jipprova l-arranġament komuni, inkwantu fihom tissemma l-eżistenza tal-imsemmi arranġament, hemm deskritt il-kontenut essenzjali ta’ dan l-arranġament u hemm indikazzjonijiet dwar it-tul tiegħu u dwar il-parteċipanti għalih.

114    Barra minn hekk, id-dikjarazzjonijiet ta’ ABB huma koerenti, ġew ipprovduti f’isem impriża u mill-kontenut tagħhom jirriżulta li huma bbażati fuq riċerki interni kif ukoll fuq diskussjonijiet mal-impjegati ta’ dik l-impriża. Għaldaqstant, għandu jiġi rrikonoxxut li huma għandhom ċertu livell ta’ valur probatorju. Madankollu, abbażi tal-ġurisprudenza esposta fil-punt 68 iktar ’il fuq, il-kontenut tagħhom, ikun xi jkun il-każ, għandu jkun ikkorroborat minn provi oħra.

 Fuq it-testimonjanzi tal-impjegati u ta’ ex impjegat ta’ ABB

–       L-argumenti tal-partijiet

115    Qabel xejn, ir-rikorrenti jirrepetu l-argument tagħhom li l-valur probatorju tal-elementi prodotti minn ABB tnaqqas minħabba li din tal-aħħar ressqet talba biex tibbenefika minn immunità minn multi.

116    Ir-rikorrenti jippreċiżaw, f’dan ir-rigward, li t-testimonjanzi tal-impjegati u ta’ ex impjegat ta’ ABB ġew ippreżentati waqt intervisti li saru f’Settembru 2005, jiġifieri 18-il xahar wara l-ewwel talba għal immunità minn multi, fuq it-talba tal-Kummissjoni u fil-preżenza tal-persunal tagħha kif ukoll tal-konsulent ġuridiku ta’ ABB, li anki intervjena b’mod attiv waqt l-intervista ma’ M.

117    Bl-istess mod, ċerti osservazzjonijiet ippreżentati waqt dawn l-intervisti juru, skont ir-rikorrenti, li qabel kienu saru xi laqgħat preparatorji u li mill-inqas ġiet redatta nota bil-miktub. B’mod partikolari, id-dikjarazzjonijiet ta’ M. donnhom kienu r-riżultat ta’ intervista preparatorja mal-konsulent estern ta’ ABB li saret dakinhar tas-smigħ. Minkejja dan il-fatt, jeżistu xi inkoerenzi fid-diversi testimonjanzi.

118    Barra minn hekk, ix-xhieda ġew imwissija bl-importanza li kellhom l-intervisti għall-eżitu tat-talba għal immunità minn multi ta’ ABB. Konsegwentement, skont ir-rikorrenti, dawn ix-xhieda kellhom interess personali li jipproduċu elementi quddiem il-Kummissjoni li jikkorroboraw l-eżistenza tal-arranġament komuni. B’mod partikolari, l-unika motivazzjoni ta’ M. biex jipparteċipa fil-proċedura kienet li jżomm il-benefiċċji li ABB ilha tagħtih minn mindu rtira.

119    Min-naħa l-oħra, skont ir-rikorrenti, ma kienx hemm riskju li t-testimonjanzi jkunu ta’ dannu għal ABB peress li dawn kienu se jiġu kkunsidrati b’mod favorevoli fil-kuntest tal-evalwazzjoni tat-talba għal immunità minn multi tagħha.

120    Barra minn hekk, id-dikjarazzjonijiet tax-xhieda la ġew redatti bil-miktub u lanqas ma ġew eżaminati mill-ġdid minnhom sabiex ikun ivverifikat kemm kienu eżatti. B’hekk, dawn ma sarux wara riflessjoni fil-fond. Ix-xhieda tkellmu fil-kwalità tagħhom ta’ impjegati jew ta’ ex impjegat u mhux fil-kwalità ta’ rappreżentanti uffiċjali ta’ ABB.

121    Ir-rikorrenti jżidu li, f’għadd ta’ każijiet, il-persuni interrogati ma kinux xhieda diretti tal-avveniment li kienu qed isemmu. B’mod partikolari, M. la kien xhud dirett tal-oriġini tal-arranġament komuni u lanqas tal-allegata adozzjoni tiegħu fil-15 ta’ April 1988, peress li indika li l-arranġament diġà jeżisti, probabbilment saħansitra sa minn qabel ma twieled.

122    Barra minn hekk, it-testimonjanza ta’ M. ta’ Settembru 2005 tikkontradixxi diversi drabi l-osservazzjonijiet preċedenti ta’ ABB ibbażati fuq id-dikjarazzjonijiet preċedenti ta’ M u t-termini użati minnu ma kinux preċiżi u ġew issuġġeriti mill-Kummissjoni jew mill-konsulent estern ta’ ABB. Iktar minn hekk, il-fatt li ma ftakarx fl-eżistenza tal-Ftehim GE qabel Novembru 2006 jqajjem dubju ieħor dwar l-affidabbiltà tat-testimonjanza tiegħu.

123    Il-Kummissjoni stess irrikonoxxiet il-valur probatorju dgħajjef tat-testimonjanza ta’ M., inkwantu kienet selettiva fir-rigward tal-elementi li użat.

124    Fir-rigward tal-kontenut tat-testimonjanzi, l-ebda wieħed mix-xhieda ma seta’ jikkonferma t-tul tal-arranġament komuni, peress li M. ikkunsidra li l-mekkaniżmu tal-Ftehim GQ u b’hekk, impliċitament, l-arranġament stess, ma baqax jeżisti fl-2002, filwaqt li x-xhieda l-oħra jallegaw li l-arranġament kien fis-seħħ f’diversi perijodi bejn l-2002 u l-2004. Bl-istess mod, l-ebda xhud ma uża t-terminu “arranġament komuni” u l-allużjonijiet għall-eżistenza ta’ akkordju kienu mfittxija mill-Kummissjoni, u ma sarux b’mod volontarju.

125    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jippreċiżaw li, anki jekk il-Kummissjoni kienet esponiet il-kunċett tal-arranġament komuni waqt l-intervista ma’ Wi., dan tal-aħħar seta’ biss jippreżenta osservazzjonijiet fir-rigward tal-perijodu ta’ bejn Lulju 2002 u Jannar 2004. L-osservazzjonijiet ta’ P. dwar l-arranġament komuni kienu wkoll vagi, li wassal lill-Kummissjoni biex tipprova tipperswadih jissostitwixxi t-termini impreċiżi b’formulazzjonijiet iktar espliċiti li kienu jikkonfermaw il-fehma ta’ din tal-aħħar. V.‑A., min-naħa tiegħu, għall-ewwel informa lill-Kummissjoni, waqt l-intervista tiegħu, bil-fatt li l-Ewropa u l-Amerka ta’ Fuq kienu esklużi mill-akkordju. L-istess bħal fil-każ ta’ P., il-Kummissjoni introduċiet il-kunċett ta’ arranġament komuni sussegwentement fil-konverżazzjoni. B’hekk, it-tliet testimonjanzi inkwistjoni la huma preċiżi u lanqas koerenti u b’hekk ma humiex frott ta’ riflessjoni fil-fond.

126    Fir-rigward tat-testimonjanza ta’ M., ir-rikorrenti jsostnu li d-dikjarazzjoni inizjali tiegħu dwar il-protezzjoni reċiproka tas-swieq domestiċi tirrigwarda l-kunċett tal-pajjiżi kostrutturi u mhux l-arranġament komuni kif ġie ddefinit mill-Kummissjoni. Bl-istess mod, id-dikjarazzjonijiet tiegħu dwar l-arranġament komuni kienu vagi.

127    Ir-rikorrenti josservaw ukoll li M. ma kkonfermax li l-produtturi Ġappuniżi kienu kapaċi jbigħu prodotti tas-SIG fis-suq Ewropew. Fil-fatt, anki wara l-intervent tal-konsulent estern ta’ ABB li pprova jiggwida lix-xhud, dan tal-aħħar sostna li l-parteċipazzjoni tal-produtturi Ġappuniżi fis-suq Ewropew kienet rari ħafna.

128    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

129    Qabel xejn, għandu jiġi osservat li t-testimonjanzi tal-impjegati u tal-ex impjegat ta’ ABB ma humiex elementi distinti u indipendenti mid-dikjarazzjonijiet ta’ din tal-aħħar, peress li x-xhieda tkellmu quddiem il-Kummissjoni fuq l-inizjattiva ta’ ABB u fil-kuntest tal-obbligu ta’ kooperazzjoni li għandha din tal-aħħar abbażi tal-avviż dwar il-kooperazzjoni, filwaqt li bbenefikaw mill-preżenza tal-konsulent estern ta’ ABB. Konsegwentement, it-testimonjanzi kkonċernati ma humiex xierqa sabiex jikkorroboraw id-dikjarazzjonijiet ta’ ABB fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 68 iktar ’il fuq. Anzi huma komplementari għall-imsemmija dikjarazzjonijiet, fejn setgħu jippreċiżaw u jikkonkretizzaw il-kontenut tagħhom. Għaldaqstant, huma wkoll għandhom jiġu kkorroborati minn provi oħra.

130    Sa fejn ir-rikorrenti jsemmu l-kwistjoni tal-kredibbiltà tat-testimonjanzi pprovduti mill-impjegati u mill-ex impjegat ta’ impriża li talbet li tibbenefika minn immunità minn multi, mill-punti 72 u 73 iktar ’il fuq jirriżulta li ma hemmx lok li tali provi jiġu awtomatikament ittrattati b’kawtela. Fir-rigward tal-motivazzjoni individwali tax-xhieda, huwa ċertament possibbli li l-impjegati ta’ tali impriża, li huma obbligati jaġixxu fl-interess tagħha, jikkondividu l-intenzjoni li jipproduċu l-iktar elementi inkriminanti possibbli, anki peress li l-kooperazzjoni tagħhom fil-kuntest tal-proċedura tista’ tinfluwenza b’mod pożittiv il-ġejjieni professjonali tagħhom. Madankollu, jekk dan huwa l-każ, l-impjegati inkwistjoni jafu wkoll bil-konsegwenzi negattivi potenzjali jekk jipproduċu elementi ineżatti, li jsiru iktar sinjifikattivi minħabba r-rekwiżit tal-korroborazzjoni.

131    Fir-rigward ta’ M., ex impjegat ta’ ABB, bħala prinċipju, ma huwiex iktar obbligat li jaġixxi fl-interess tal-kumpannija li kienet tħaddmu qabel fir-rigward tal-kooperazzjoni volontarja fi proċedura amministrattiva. Madankollu, dan il-fatt jimplika wkoll li, bħala prinċipju, ma għandux interess li jirreferi għal elementi ineżatti f’dan il-kuntest. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, meta ta t-testimonjanza tiegħu, M. kien diġà rtirat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx li n-nuqqas ta’ kooperazzjoni tiegħu fil-proċedura amministrattiva kien se jkollu xi konsegwenzi sfavorevoli għalih, b’mod partikolari fir-rigward tal-benefiċċji li kienu allegati mogħtija lilu minn ABB.

132    Il-fatt li għadda ċertu perijodu bejn meta tressqet it-talba għal immunità minn multi u l-intervisti max-xhieda lanqas ma jqiegħed f’dubju, per se, il-valur probatorju tat-testimonjanzi miġbura. Fil-fatt, huwa ġġustifikat li l-Kummissjoni tikseb provi supplimentari matul l-investigazzjoni tagħha sabiex ikollha l-elementi kollha rilevanti għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur, b’mod partikolari fid-dawl tal-osservazzjonijiet tal-impriżi kkonċernati.

133    Min-naħa l-oħra, il-perijodu li għadda bejn il-preżentazzjoni tat-testimonjanza u l-fatti li huma s-suġġett tagħha jista’ jkun rilevanti fl-evalwazzjoni tal-kredibbiltà tagħha, billi ġeneralment ix-xhieda jistgħu jipprovdu testimonjanza iktar dettaljata u iktar affidabbli dwar avvenimenti reċenti. Issa, f’dan il-każ, il-perijodu li għadda bejn il-preżentazzjoni tat-testimonjanzi f’Settembru 2005 u t-tmiem tal-implikazzjoni tad-diversi xhieda fil-kartell, jiġifieri Mejju 2004 għal V.‑A., W. u P. u Ġunju 2002 għal M., ma huwiex biżżejjed twil biex jaffettwa l-kredibbiltà tagħhom.

134    Il-kredibbiltà tat-testimonjanzi inġenerali lanqas ma hija affettwata mill-preżenza tal-konsulent estern ta’ ABB waqt l-intervisti, billi t-testimonjanzi kienu ppreżentati fil-kuntest tal-kooperazzjoni ta’ ABB abbażi tal-avviż dwar il-kooperazzjoni u x-xhieda indikaw b’mod espliċitu, fil-bidu tal-intervisti rispettivi tagħhom, li huma xtaqu jkunu assistiti mill-imsemmi konsulent.

135    Ċertament, il-konsulent estern ta’ ABB intervjena f’mument preċiż tal-intervista ta’ M. sabiex jissuġġerixxi lil dan tal-aħħar li seta’ jkun profittabbli għall-produtturi Ġappuniżi li jippenetraw is-suq Ewropew, għalkemm M. ma deherx wisq konvint b’dan. Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li M. kellu xi dubji dwar l-interess kummerċjali ta’ approċċ bħal dan u dan il-fatt għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta jiġi evalwat il-kontenut tat-testimonjanza tiegħu. Madankollu, ir-rikorrenti ma jispjegawx sa fejn dan l-intervent tal-konsulent estern ta’ ABB jaffettwa l-kredibbiltà tat-testimonjanza ta’ M. f’aspetti oħra.

136    Fir-rigward tar-redazzjoni minn qabel ta’ nota u l-organizzazzjoni ta’ intervisti preparatorji, ma huwiex sorprendenti li impriża li talbet li tibbenefika minn immunità minn multi identifikati minn qabel il-punti ta’ fatt rilevanti għat-talba tagħha kif ukoll ix-xhieda li kienu kapaċi jitkellmu dwar is-suġġett tagħhom u analizzat ma’ dawn tal-aħħar il-portata ta’ x’kienu jafu.

137    Barra minn hekk, ma jistax jiġi kkunsidrat li ma kienx probabbli li t-testimonjanzi kkonċernati jipproduċu effetti dannużi għal ABB. Fil-fatt inkwantu l-intervisti saru qabel ma ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, la ABB, la l-impjegati tagħha u lanqas l-ex impjegat tagħha ma setgħu jkunu ċerti mill-portata u mill-kontenut eżatt tal-ilmenti li kienu se jiġu kkontestati lil ABB.

138    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ġustament isostnu li t-testimonjanzi kkonċernati ma jidhirx li kienu r-riżultat ta’ riflessjoni fil-fond u li dawn lanqas ma ġew riveduti wara riflessjoni u verifiki supplimentari. Fil-fatt, it-testimonjanzi ngħataw oralment u la fadal traċċa tal-mistoqsijiet bil-miktub li l-Kummissjoni għamlet qabel lix-xhieda u lanqas tal-fatt li d-dikjarazzjonijiet dwar l-arranġament komuni u dwar l-barrieri għad-dħul fis-suq taż-ŻEE ġew ivverifikati u riveduti sussegwentement mill-awturi tagħhom.

139    Bl-istess mod, ma jidhirx li x-xhieda tkellmu bħala rappreżentanti uffiċjali ta’ ABB. Fil-fatt, qabelxejn, jidher li dan ir-rwol kien ġie essenzjalment assunt mill-konsulenti esterni ta’ ABB, li għamlu d-dikjarazzjonijiet eżaminati fil-punti 102 sa 114 iktar ’il fuq. It-tieni nett, kif ġie osservat fil-punt 131 iktar ’il fuq, meta ta t-testimonjanza tiegħu, M. ma kienx għadu, a priori, obbligat li jaġixxi fl-interess tal-ex kumpannija li kienet tħaddmu u lanqas ma hemm indikazzjoni li tagħti lil wieħed x’jifhem li huwa jew kwalunkwe xhud ieħor ipprepara ruħu sistematikament għall-intervista billi kkonsulta impjegati l-oħra ta’ ABB u dokumenti miżmuma minnha. Fl-aħħar nett, il-mistoqsijiet magħmula mill-Kummissjoni waqt l-intervisti ma kinux jirrigwardaw il-pożizzjoni uffiċjali ta’ ABB dwar is-suġġetti diskussi, imma pjuttost dak li kienu jafu personalment id-diversi xhieda.

140    L-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-persuni interrogati ta’ spiss ma kinux xhieda diretti tal-avvenimenti kkonċernati, min-naħa tagħha, għandha tiġi miċħuda. Fil-fatt, mit-testimonjanzi jirriżulta li l-erba’ xhieda pparteċipaw personalment fl-operazzjonijiet tal-akkordju. B’mod partikolari, M. kien wieħed mir-rappreżentanti ta’ ABB fi ħdan l-akkordju bejn l-1988 u l-2002, jiġifieri kważi għall-perijodu kollu kemm dam jiffunzjona l-akkordju, filwaqt li ABB kienet hija stess waħda mill-atturi prinċipali. B’hekk, M. kien xhud dirett u privileġġjat taċ-ċirkustanzi li spjega.

141    F’dan ir-rigward, għandu jiġi ammess li, fit-testimonjanza tiegħu, M. ikkonferma li huwa ma kienx preżenti meta ġie konkluż l-arranġament komuni li, fil-fehma tiegħu, kien jeżisti qabel ma ġew iffirmati l-Ftehim GQ u l-Ftehim EQ. Bl-istess mod, meta ġie interrogat dwar il-kwistjoni ta’ jekk is-suġġett tal-arranġament komuni tqajjimx waqt il-laqgħat li attenda għalihom, M. wieġeb li ma kienx hemm għalfejn jissemma peress li l-arranġament komuni kien ovvju. Madankollu, dawn il-fatti ma jqegħdux f’dubju l-valur probatorju tat-testimonjanza ta’ M. Fil-fatt, minn naħa, xhud jista’ jipproduċi perfettament il-prova ta’ fenomenu li dam matul iż-żmien anki jekk huwa ma kienx preżenti għall-bidu tiegħu. Min-naħa l-oħra, għalkemm M. iddikjara li l-kwistjoni tal-arranġament komuni ma ġietx diskussa b’mod espliċitu waqt il-laqgħat li kien ipparteċipa fihom, mit-testimonjanza tiegħu jirriżulta li, fil-fehma tiegħu, dan kien minħabba li l-kontenut tal-imsemmi arranġament kien mifhum, aċċettat u implementat mill-parteċipanti għall-akkordju mingħajr ma kien hemm għalfejn ikun hemm diskussjoni espliċita. Sa fejn l-impenn tal-impriżi Ġappuniżi, invokat mill-Kummissjoni, kien jikkonsisti f’sempliċi nuqqas ta’ azzjoni u mhux f’azzjoni pożittiva, każ ipotetiku bħal dan huwa, għaldaqstant, possibbli.

142    Ir-rikorrenti ma jispjegawx fid-dettall l-allegati inkoerenzi li jaffettwaw id-diversi testimonjanzi. Barra minn hekk, il-paragun tat-testimonjanzi, kemm bejniethom kif ukoll mal-elementi l-oħra prodotti minn ABB, ma jiżvelax inkoerenzi tali li jaffettwaw il-kredibbiltà tad-dikjarazzjonijiet dwar l-eżistenza tal-arranġament komuni. L-uniku punt ta’ diverġenza li għandu xi importanza huwa marbut mal-eżistenza tal-interess kummerċjali tal-impriżi Ġappuniżi li jippenetraw is-suq Ewropew. Issa, kif se jiġi spjegat fil-punti 156 sa 158 iktar ’l isfel, il-pożizzjoni ta’ ċerti xhieda dwar dan il-punt hija bla ħsara għad-dikjarazzjonijiet tagħhom dwar l-eżistenza tal-arranġament komuni.

143    Fir-rigward tan-natura allegatament inkompleta tat-testimonjanza ta’ M., għandu jiġi osservat li ma huwiex sorprendenti li xhud ma jkunx f’pożizzjoni li jiftakar, waqt intervista, id-dokumenti kollha relatati ma’ akkordju. Barra minn hekk, għalkemm M. ma rreferiex b’mod espliċitu għall-Ftehim GE waqt l-intervista, madankollu huwa semma l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE, li saret abbażi tal-ftehim preċedenti għall-Ftehim GQ li fosthom kien hemm, b’mod partikolari, il-Ftehim GE.

144    Bl-istess mod, il-fatt li l-Kummissjoni ma sfruttatx l-elementi kollha inklużi f’testimonjanza ma jimplikax li din għandha valur probatorju dgħajjef. Fil-fatt, huwa normali li ċerti elementi jkunu mingħajr rilevanza jew li ċerti ċirkustanzi jkunu sostnuti, b’mod iktar konvinċenti, minn provi oħra.

145    Fir-rigward tal-kontenut tat-testimonjanzi, id-dikjarazzjonijiet dwar it-tul tal-akkordju huma koerenti kemm bejniethom kif ukoll mal-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni, bil-kontra ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti.

146    Fil-fatt, M. indika b’mod ċar li r-regola tal-osservanza reċiproka tas-swieq domestiċi mill-gruppi ta’ produtturi Ewropej u Ġappuniżi kienet ilha teżisti żmien twil u kienet saħansitra teżisti qabel il-Ftehim GQ.

147    Id-dikjarazzjoni ta’ M. li tgħid li l-mekkaniżmu tal-Ftehim GQ ma baqax jeżisti fl-2002 ma jimplikax, per se, li lanqas l-arranġament komuni ma baqa’ jeżisti. Minn naħa, matul dan il-perijodu, il-metodi ta’ funzjonament tal-akkordju evolvew xi ftit prinċipalment minħabba l-fatt li Siemens u l-impriża Hitachi reġgħu bdew jipparteċipaw fl-imsemmi akkordju u M. b’hekk seta’ jikkunsidra li l-Ftehim GQ, kif ġie ffirmat fl-1988 u kif ġie rivedut sussegwentement, ma baqax jiġi implementat iktar. Dan il-fatt huwa bla ħsara għall-fatt li l-metodi ta’ funzjonament implementati minn Lulju 2002 setgħu wkoll kienu bbażati fuq l-arranġament komuni jew fuq arranġament simili. Ix-xhieda l-oħra ta’ ABB, apparti M., jikkonfermaw b’mod espliċitu li dan kien il-każ hawnhekk, inkwantu mid-dikjarazzjonijiet tagħhom jirriżulta li l-arranġament komuni bejn il-produtturi Ewropej u Ġappuniżi dwar l-osservanza tas-swieq domestiċi, kien jeżisti waqt il-perijodu li matulu huma kienu implikati fil-funzjonament tal-akkordju, jiġifieri bejn Lulju 2002 u l-2004.

148    Min-naħa l-oħra, f’Ġunju 2002, M. ġie mġiegħel jirtira qabel iż-żmien, wara li s-superjur ġerarkiku l-ġdid tiegħu skopra attivitajiet kollużivi min-naħa tiegħu. Dan il-fatt jispjega kif M. ma kienx jaf fid-dettall il-metodi ta’ funzjonament tal-akkordju li ġew implementati minn Lulju 2002.

149    Bl-istess mod, ma jistax jiġi sostnut li r-referenzi tax-xhieda għall-arranġament komuni huma vagi u mhux spontanji. Fil-fatt, kull wieħed mix-xhieda semma, fi kliemu, l-eżistenza ta’ sitwazzjoni speċifika, fir-rigward tas-swieq Ewropej u Ġappuniżi, li tikkorrispondi għall-arranġament komuni invokat mill-Kummissjoni.

150    Bil-kontra ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti, Wi. ddikjara li l-assenza tal-impriżi Ġappuniżi mis-suq Ewropew kienet ir-riżultat ta’ sistema ta’ protezzjoni tas-suq Ġappuniż u ta’ dak Ewropew, immotivata mill-fatt li l-ebda wieħed miż-żewġ gruppi ta’ produtturi ma xtaq li l-grupp l-ieħor jintervjeni fis-suq domestiku tiegħu. Jekk, wara l-intervista, ir-rappreżentant tal-Kummissjoni reġa’ lura għal dan is-suġġett, billi introduċa tabilħaqq il-kunċett ta’ arranġament komuni, madankollu kull ma għamel kien li ċċara l-kunċett introdott spontanjament minn Wi.

151    P. irrefera b’mod spontanju għal ftehim komuni mal-impriżi Ġappuniżi li abbażi tiegħu dawn tal-aħħar ma kellhomx jipparteċipaw fis-suq Ewropew u l-impriżi Ewropej ma kellhomx jipparteċipaw fis-suq Ġappuniż. F’dan il-każ ukoll, ir-rappreżentant tal-Kummissjoni sussegwentement reġa’ lura għal din il-kwistjoni, imma kulma għamel kien li vverifika jekk kienx fehem sew id-dikjarazzjonijiet spontanji preċedenti.

152    Fil-każ ta’ V.‑A., il-Kummissjoni ma introduċietx il-kunċett tal-arranġament komuni, imma sempliċement staqsiet lix-xhud jekk kienx jaf b’xi arranġament bejn il-produtturi Ewropej u Ġappuniżi. Bi tweġiba għal din il-mistoqsija, V.‑A. semma l-eżistenza ta’ ftehim bejn il-produtturi Ġappuniżi u Ewropej li abbażi tiegħu l-impriżi Ewropej ma kellhomx “jattakkaw” lill-impriżi Ġappuniżi fis-suq Ġappuniż u viċi versa. Barra minn hekk, V.‑A. iddikjara li pparteċipa għal diskussjoni espliċita bejn l-impriżi Ewropej u r-rappreżentant ta’ impriża Ġappuniża dwar l-osservanza ta’ dan il-ftehim, li kienet ikkawżata mit-tentattivi ta’ impriżi Ġappuniżi li jippenetraw is-suq Ewropew.

153    Barra minn hekk, fir-rigward tal-allegata esklużjoni ta’ ċerti territorji mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-akkordju dinji, V.‑A., minn naħa, iddikjara li l-Amerka ta’ Fuq kienet eskluża minħabba raġuni speċifika, jiġifieri r-riskju ta’ sanzjonijiet jekk jiġi skopert il-kartell. Min-naħa l-oħra, huwa spjega li l-esklużjoni tal-pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent kienet tfisser li l-proġetti ta’ SIG inkwistjoni ma kinux diskussi mill-produtturi Ewropej waqt il-laqgħat li huwa kien preżenti għalihom, li kienu dawk tal-akkordju dinji rregolat preċedentement mill-Ftehim GQ u mill-Ftehim EQ, imma f’okkażjoni oħra. Issa, dawn id-dikjarazzjonijiet huma għalkollox kompatibbli, kemm mal-imsemmija ftehim kif ukoll mal-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni.

154    Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-testimonjanza ta’ M., huwa ddikjara li kien jeżisti arranġament dwar il-protezzjoni reċiproka tas-swieq domestiċi, preċedenti għall-Ftehim GQ, bejn il-produtturi Ġappuniżi u Ewropej, li dan l-arranġament kien kundizzjoni neċessarja għall-konklużjoni ta’ ftehim dwar reġjuni oħra u li l-osservanza tar-regoli tiegħu kienet timplika li l-produtturi Ġappuniżi ma kellhomx jippenetraw is-suq domestiku tal-produtturi Ewropej, anki jekk huma kienu kapaċi jagħmlu dan mil-lat tekniku. F’dan il-kuntest, M. spjega wkoll il-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni kif ukoll il-fatt li l-proġetti ta’ SIG fil-pajjiżi kostrutturi ma kinux is-suġġett ta’ diskussjonijiet bejn iż-żewġ gruppi ta’ produtturi u ma kinux attribwiti fuq il-kwoti previsti mill-Ftehim GQ.

155    B’hekk, id-dikjarazzjonijiet ta’ M. jikkonfermaw l-eżistenza tal-arranġament komuni invokat mill-Kummissjoni u ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala vagi, peress li huma jippreċiżaw it-tul tal-imsemmi arranġament, il-kontenut tiegħu u l-parteċipanti għalih. In-nuqqas ta’ preċiżazzjonijiet dwar l-implementazzjoni ta’ dan l-arranġament ma huwiex daqstant sorprendenti meta jiġi kkunsidrat li l-impenn essenzjali tal-partijiet kien jikkonsisti f’nuqqas ta’ attività f’ċerti swieq. Barra minn hekk, M. iddeskriva l-parti tal-arranġament komuni li kienet teħtieġ miżuri ta’ implementazzjoni, jiġifieri l-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni.

156    Madankollu, kif ġie osservat fil-punt 135 iktar ’il fuq, M. ma kienx konvint mill-interess kummerċjali tal-impriżi Ġappuniżi li jippenetraw is-suq Ewropew. L-opinjoni tiegħu kienet kondiviża minn P., li kkunsidra li l-produtturi Ġappuniżi probabbilment ikkunsidraw li l-operazzjoni ma kinitx ġustifikabbli mil-lat kummerċjali. Skont żewġ xhieda oħra, Wi. u V.‑A., kien hemm interess kummerċjali f’tali approċċ.

157    Madankollu, il-pożizzjoni ta’ M. u ta’ P. hija bla ħsara għall-fatt li l-erba’ xhieda ddikjaraw li l-impriżi Ġappuniżi impenjaw irwieħhom li ma jippenetrawx is-suq taż-ŻEE anki jekk huma kienu kapaċi jagħmlu dan mil-lat tekniku, minkejja l-eventwali nuqqas ta’ ġustifikazzjoni kummerċjali immedjata ta’ tali impenn.

158    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat ukoll li, bil-kontra ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti, l-eventwali nuqqas ta’ interess kummerċjali għall-produtturi Ġappuniżi li jippenetraw is-suq taż-ŻEE f’mument partikolari ma jagħmilx l-eżistenza ta’ arranġament, bħall-arranġament komuni, bla skop. Fil-fatt, tali arranġament jista’, minn naħa, jelimina r-riskju residwu ta’ penetrazzjoni futura tas-swieq ikkonċernati fil-każ ta’ bidla fis-sitwazzjoni kompetittiva u b’hekk, jiggarantixxi sigurtà fit-tul liż-żewġ gruppi ta’ produtturi, billi jistabbilizza l-pożizzjonijiet privileġġjati rispettivi tagħhom. Min-naħa l-oħra, huwa jikkostitwixxi wkoll il-bażi ta’ fiduċja reċiproka bejn iż-żewġ gruppi. Issa, skont id-dikjarazzjonijiet ta’ M., tali fiduċja kienet neċessarja sabiex l-akkordju jkun implementat fuq livell dinji.

159    L-ewwel nett, qabelxejn, id-dikjarazzjonijiet li għamlu l-erba’ xhieda kkonċernati, u b’mod partikolari dawk ta’ M., huma kredibbli, peress li ġejjin minn xhieda diretti taċ-ċirkustanzi li huma jiddeskrivu u li miċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ ma jirriżultax li l-imsemmija xhieda kienu motivati sabiex jipproduċu provi distorti.

160    It-tieni nett, l-erba’ testimonjanzi huma koerenti, kemm bejniethom kif ukoll b’relazzjoni għall-elementi l-oħra prodotti minn ABB, fir-rigward tal-eżistenza u tal-kontenut fundamentali tal-arranġament komuni. B’hekk, ix-xhieda kkonfermaw l-eżistenza ta’ arranġament li abbażi tiegħu l-impriżi Ġappuniżi impenjaw irwieħhom li ma jippenetrawx is-suq Ewropew tal-proġetti ta’ SIG u l-impriżi Ewropej impenjaw irwieħhom li ma jippenetrawx is-suq Ġappuniż ta’ dawn l-istess proġetti. L-erba’ xhieda affermaw ukoll li l-penetrazzjoni tas-suq Ewropew kienet possibbli mil-lat tekniku, minkejja li kien hemm ċerti barrieri għad-dħul. Jekk l-opinjonijiet tagħhom kienu differenti fir-rigward tal-interess kummerċjali tal-impriżi Ġappuniżi li jippenetraw is-suq Ewropew, dan il-fatt ma huwiex rilevanti f’dan il-każ fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet dwar l-eżistenza tal-arranġament komuni, kif ġie spjegat fil-punti 156 sa 158 iktar ’il fuq.

161    Fl-aħħar nett, l-erba’ xhieda jipprovdu stampa preċiża u sħiħa tal-arranġament komuni, meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li x-xhieda individwali ma kellhomx l-istess livell ta’ għarfien. B’mod partikolari, fit-testimonjanza tiegħu, M. jispjega fid-dettall il-kontenut tal-imsemmi arranġament, l-iskop tiegħu u kif kien jaħdem.

162    Fid-dawl ta’ dak kollu li ngħad iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li t-testimonjanzi tal-impjegati u tal-ex impjegat ta’ ABB jikkostitwixxu indikazzjonijiet tal-eżistenza tal-arranġament komuni li għandhom forza probatorja kbira.

 Fuq il-provi prodotti minn Fuji

–       L-argumenti tal-partijiet

163    Ir-rikorrenti jsostnu li t-tweġiba ta’ Fuji għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma hijiex prova biżżejjed preċiża u dettaljata biex tikkorrobora l-elementi prodotti minn ABB u, għaldaqstant, it-teżi tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza tal-arranġament komuni.

164    L-ewwel nett, Fuji ma ppreċiżatx kif hija ġiet informata bl-eżistenza tal-arranġament komuni u lanqas ma indikat meta dan ġie konkluż, f’liema forma, min kienu l-parteċipanti jew jekk ġiex implementat.

165    It-tieni nett, Fuji ma kkonfermatx in-natura reċiproka tal-arranġament komuni u semmiet li l-barrieri għad-dħul fis-suq Ewropew tal-proġetti ta’ SIG li kienet iffaċċjata bihom biex b’hekk qiegħdet f’dubju l-utilità tal-imsemmi arranġament. F’dan ir-rigward, skont ir-rikorrenti, in-natura reċiproka tal-arranġament komuni ma jistax jiġi preżunt mill-fatt li l-produtturi Ġappuniżi ma għandhom l-ebda interess li jaċċettaw arranġament unilaterali. Huma jsostnu li, sa fejn is-suq Ġappuniż ma kienx aċċessibbli għall-impriżi Ewropej, il-produtturi Ġappuniżi ma kellhomx interess li jikkonkludu ftehim.

166    It-tielet nett, l-inkoerenzi li hemm bejn it-testimonjanza ta’ H. u t-testimonjanzi l-oħra tal-impjegati u tal-ex impjegati ta’ Fuji, fir-rigward kemm tal-eżistenza tal-arranġament komuni kif ukoll tal-barrieri tekniċi u kummerċjali għall-penetrazzjoni tas-suq taż-ŻEE, iqiegħdu f’dubju b’mod ġenerali l-valur probatorju tal-provi prodotti minn Fuji.

167    Ir-raba’ nett, l-allegazzjonijiet inklużi fit-tweġiba ta’ Fuji għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma humiex kompatibbli mat-talba sussegwenti tagħha għal klemenza.

168    Il-ħames nett, ir-rikorrenti josservaw li l-Kummissjoni ma naqqsitx il-multa ta’ Fuji abbażi tal-avviż dwar il-kooperazzjoni, li jimplika li l-provi prodotti minn Fuji ma jikkorroborawx l-eżistenza tal-arranġament komuni.

169    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

170    Fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Fuji ddikjarat li hija kienet taf bl-arranġament komuni li abbażi tiegħu l-produtturi Ġappuniżi ma kellhomx jipprovaw jippenetraw is-suq Ewropew, filwaqt li ppreċiżat li r-raġuni prinċipali għall-assenza ta’ Fuji mis-suq taż-ŻEE kienet li hija ma kinitx fornitriċi sinjifikattiva kredibbli tas-SIG fl-Ewropa.

171    L-ewwel nett, għandu jiġi ammess li din id-dikjarazzjoni hija relattivament vaga, peress li kulma tagħmel Fuji huwa li ssemmi l-impenn tal-produtturi Ġappuniżi li ma jippenetrawx is-suq Ewropew. Madankollu, b’dan il-mod, Fuji kkorroborat l-element essenzjali li jirriżulta mill-elementi prodotti minn ABB u li ġie invokat mill-Kummissjoni kontra l-produtturi Ġappuniżi. B’hekk, id-dikjarazzjoni kkonċernata ma hijiex mingħajr rilevanza f’dan il-każ. Dan huwa iktar u iktar minnu meta l-portata limitata tal-għarfien ta’ Fuji tista’ tiġi spjegata bir-rwol sekondarju li kellha fi ħdan il-kartell u, b’mod partikolari, bil-fatt li, kif jirriżulta mill-premessa 150 tad-deċiżjoni kkontestata, Fuji kienet l-unika impriża Ġappuniża li ma kinitx membru tal-kumitat tal-grupp ta’ produtturi Ġappuniżi responsabbli b’mod partikolari għall-prattika miftiehma bejn iż-żewġ gruppi ta’ produtturi fil-kuntest tal-Ftehim GQ.

172    It-tieni nett, il-fatt li Fuji ma kkonfermatx in-natura reċiproka tal-arranġament komuni ma huwiex rilevanti f’dan il-każ. Fil-fatt, kif ġie kkonstatat fil-punt 76 iktar ’il fuq, jekk l-eżistenza tal-impenn tal-produtturi Ewropej li ma jippenetrawx is-suq Ġappuniż tal-proġetti ta’ SIG tista’ tkun prova indiretta tal-parteċipazzjoni tal-impriżi Ġappuniżi fi ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, hija ma tirrappreżentax element neċessarju f’dan il-kuntest.

173    Barra minn hekk, huwa minnu li, fid-dikjarazzjoni tagħha, Fuji semmiet l-eżistenza ta’ ostakoli tekniċi u kummerċjali għall-penetrazzjoni tas-suq taż-ŻEE. Madankollu, dawn l-ostakoli ma ssemmewx bħala raġuni unika għall-assenza ta’ Fuji mill-imsemmi suq, imma biss bħala raġuni prinċipali. Barra minn hekk, meta Fuji semmiet l-ostakoli differenti kkonċernati, hija semmiet is-sehem tas-suq dinji dgħajjef tagħha li jiżvantaġġjaha meta pparagunata mal-kompetituri iktar importanti tagħha, kemm Ewropej kif ukoll Ġappuniżi. Għaldaqstant, ma jidhirx li l-argument tagħha dwar dan il-punt jista’ jiġi traspost fir-rigward tal-produtturi Ġappuniżi l-oħra.

174    Għandu jitfakkar ukoll li fil-punti 110 u 158 iktar ’il fuq ġie konkluż li l-eżistenza ta’ barrieri għad-dħul fis-suq taż-ŻEE u l-eventwali konsegwenza ta’ dan il-fatt, jiġifieri l-allegat nuqqas ta’ interess kummerċjali għall-produtturi Ġappuniżi li jippenetraw is-suq taż-ŻEE, ma jagħmlux l-eżistenza ta’ arranġament, bħall-arranġament komuni, bla skop.

175    It-tielet nett, ma huwiex ikkontestat li t-testimonjanza bil-miktub ta’ H. ma ġietx inkluża mill-Kummissjoni fost l-elementi sussegwenti għat-trażmissjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li fuqhom hija kienet biħsiebha tibbaża ruħha. Għaldaqstant, dan l-element ma jistax jiġi kkunsidrat bħala element inkriminanti.

176    Fir-rigward tal-valur tat-testimonanzja ta’ H. bħala element li jiskaġuna, għandu jiġi osservat li ma tista’ tiġi kkonstatata l-ebda inkoerenza sostanzjali bejn din tal-aħħar u t-testimonjanzi l-oħra tal-impjegati u tal-ex impjegati ta’ Fuji. B’mod partikolari, la l-impjegati l-oħra ta’ Fuji u lanqas l-ex impjegati tagħha ma kkontestaw l-eżistenza tal-arranġament komuni; kulma għamlu x-xhieda kien li dwar dan il-punt ma qalu xejn. Bl-istess mod, H. ma kkontestax l-eżistenza ta’ barrieri tekniċi u kummerċjali għall-penetrazzjoni tas-suq taż-ŻEE mill-impriżi Ġappuniżi.

177    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti ma jippreċiżawx liema huma l-allegati inkoerenzi bejn id-dikjarazzjoni ta’ Fuji fit-tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u t-talba għal klemenza tagħha. Għaldaqstant, l-argument tagħhom għandu jiġi miċħud.

178    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, biex il-Kummissjoni tkun tista’ tagħti tnaqqis fil-multa abbażi tal-paragrafu 21 tal-avviż dwar il-kooperazzjoni, il-provi kkonċernati għandhom jirrappreżentaw valur probatorju sinjifikattiv meta pparagunati mal-elementi li l-Kummissjoni diġà jkollha fil-pussess tagħha.

179    Konsegwentement, f’talba għal klemenza mressqa wara t-trażmissjoni tat-tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, huwa leġittimu li l-impriża li tixtieq tikseb tnaqqis fil-multa tiffoka fuq l-elementi li, fil-fehma tagħha, sa dak iż-żmien ikunu għadhom ma ġewx stabbiliti kif titlob il-liġi, sabiex tagħti valur miżjud sinjifikattiv. Issa, dan il-fatt jista’ jispjega kif l-impriża kkonċernata ma tinkludix l-elementi li hija tikkunsidra li ġew stabbiliti mingħajr ebda dubju permezz ta’ elementi li ġew ikkomunikati preċedentement.

180    Il-ħames nett, fid-dawl tad-diċitura tal-paragrafu 21 tal-avviż dwar il-kooperazzjoni, ma jistax jiġi eskluż li l-produzzjoni ta’ elementi li jkollhom ċertu valur probatorju imma li jikkonċernaw fatti li diġà ġew stabbiliti minn elementi oħra, ma tagħti lok għall-ebda tnaqqis.

181    Fid-dawl ta’ dak kollu li ngħad iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li d-dikjarazzjoni li għamlet Fuji fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha t-tendenza li tikkorrobora d-dikjarazzjonijiet ta’ ABB u t-testimonjanzi tal-impjegati u ta’ ex impjegat ta’ din tal-aħħar dwar l-eżistenza tal-arranġament komuni. Madankollu, minħabba n-natura vaga u ġenerali tagħha, il-valur probatorju tagħha huwa wieħed limitat.

 Fuq il-proposta ta’ Alstom ippreżentata fl-10 ta’ Lulju 2002

–       L-argumenti tal-partijiet

182    Ir-rikorrenti jikkontestaw l-interpretazzjoni li l-Kummissjoni tat tal-proposta li għamlet Alstom waqt il-laqgħa tal-partijiet għall-akkordju tal-10 ta’ Lulju 2002 u li ġiet miċħuda mir-rappreżentant tal-impriża Hitachi waqt il-laqgħa segwenti tal-15 ta’ Lulju 2002. Skont huma, il-proposta kkonċernata ma kellhiex l-għan li taġġorna l-arranġament komuni billi testendih għall-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant fid-dawl tal-eventwali adeżjoni tagħhom mal-Unjoni, kif tallega l-Kummissjoni fil-premessi 127 u 128 tad-deċiżjoni kkontestata, imma kien tentattiv ta’ Alstom li tistabbilixxi, fil-kuntest tal-evoluzzjoni tal-metodi ta’ funzjonament tal-akkordju, arranġament li qabel ma kienx jeżisti biex kull wieħed miż-żewġ gruppi ta’ produtturi jkun obbligat josserva s-suq tradizzjonali tal-grupp l-ieħor. Madankollu, dan l-arranġament ġie rrifjutat mill-impriżi Ġappuniżi u l-kwistjoni ma reġgħetx tqajjmet mill-produtturi Ewropej.

183    Ir-rikorrenti jerġgħu josservaw, f’dan ir-rigward, li l-allegazzjoni tal-Kummissjoni la hija kompatibbli mal-argument tagħha li l-arranġament komuni jista’ jiġi dedott mill-Anness 2 għall-Ftehim GQ u lanqas mat-testimonjanza ta’ M. li ddikjara li s-“sistema tal-Ftehim GQ” twaqqfet f’Ġunju 2002.

184    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

185    Mill-premessa 127 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, waqt il-laqgħa tal-10 ta’ Lulju 2002 li matulha ġiet diskussa l-evoluzzjoni tal-metodi ta’ funzjonament tal-akkordju wara li Siemens u l-impriża Hitachi reġgħu bdew jipparteċipaw f’dan l-akkordju, Alstom ippreżentat proposta li tgħid li l-produtturi Ewropej kellhom jibqgħu fl-Ewropa u l-produtturi Ġappuniżi kellhom jibqgħu fil-Ġappun u ma kellhomx jipprovaw jippenetraw is-suq Ewropew. Barra minn hekk, f’din il-premessa ġie ppreċiżat li, waqt il-laqgħa sussegwenti tal-15 ta’ Lulju 2002, ir-rappreżentant tal-impriża Hitachi kien indika li din tal-aħħar kienet qed tiċħad dik il-proposta, li l-produtturi Ewropej kienu rreaġixxew billi ddikjaraw li l-Ewropa, inkluża l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, kienet is-suq tagħhom u li huma kien bi ħsiebhom iżommu l-prezzijiet applikati fl-Ewropa tal-Punent u kienu ħabbru wkoll li l-kwistjoni kellha terġa’ tiġi diskussa anki jekk dan ma kienx il-każ.

186    Għandu jiġi ammess li, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, dan is-sommarju tal-laqgħat tal-10 u tal-15 ta’ Lulju 2002, ibbażat fuq elementi prodotti mir-rikorrenti, jagħti lil wieħed x’jifhem li Alstom tabilħaqq ipproponiet li jiġi konkluż arranġament ġdid li ġie miċħud mill-impriża Hitachi u li ma ġiex diskuss iktar, li jimplika li, mill-inqas minn Lulju 2002, ma kien jeżisti l-ebda arranġament fir-rigward tal-aġir tal-produtturi Ġappuniżi fis-suq taż-ŻEE.

187    Madankollu, is-sommarju tal-laqgħa tal-15 ta’ Lulju 2002 jiżvela, minn naħa, li l-impriża Hitachi ma ċaħditx l-idea nnifisha ta’ tqassim tas-swieq, imma biss il-proposta konkreta ta’ Alstom. Min-naħa l-oħra, f’dan is-sommarju ġie indikat li l-impriża Hitachi kienet żvelat li l-pretensjonijiet tal-produtturi Ewropej kienu jinkludu l-Ewropa Ċentrali u dik tal-Lvant, li jagħti lil wieħed x’jifhem li l-oppożizzjoni tagħha kienet marbuta ma’ dan l-aspett speċifiku, imma mhux mas-sitwazzjoni fl-Ewropa tal-Punent.

188    Għandu jiġi osservat ukoll li l-interpretazzjoni tar-rikorrenti ma hijiex kompatibbli mal-argument tagħhom fir-rigward tas-sitwazzjoni kompetittiva fis-suq taż-ŻEE. Fil-fatt, anki jekk jitqies, kif jallegaw ir-rikorrenti, li l-produtturi Ġappuniżi ma kinux ipperċepiti bħala kompetituri kredibbli fis-suq taż-ŻEE minħabba li kien hemm barrieri insormontabbli għad-dħul, arranġament li jirrigwarda dan l-istess suq kien ikun tabilħaqq inutli. F’dan il-każ, il-produtturi Ewropej, li kienu jafu b’dan il-fatt minħabba l-pożizzjoni privileġġjata tagħhom fl-Ewropa, ma kien ikollhom l-ebda raġuni sabiex jipproponu arranġament bħal dan. Issa, mis-sommarju prodott mir-rikorrenti jirriżulta li l-proposta ta’ Alstom kienet tirrigwarda kemm is-suq taż-ŻEE kif ukoll dak tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.

189    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tiġi adottata l-interpretazzjoni ppreżentata fil-premessi 127 u 128 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li Alstom ipproponiet l-estensjoni tal-arranġament komuni għall-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, u mhux dik li ġiet proposta mir-rikorrenti.

190    Ma huwiex probabbli li l-argumenti l-oħra tar-rikorrenti jaffettwaw din il-konstatazzjoni. Minn naħa, il-proposta ta’ Alstom ġiet ippreżentata fil-mument meta, minħabba li Siemens u l-impriża Hitachi kienu reġgħu bdew jipparteċipaw fl-akkordju, il-metodi ta’ funzjonament ta’ dan tal-aħħar kienu evolvew. Issa, l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li dik l-evoluzzjoni kellha tinkludi l-estensjoni tal-arranġament komuni lil hinn mil-limiti previsti preċedentement mill-Ftehim GQ, bl-ebda mod ma hija kontradittorja.

191    Min-naħa l-oħra, kif ġie osservat fil-punt 147 iktar ’il fuq, id-dikjarazzjoni ta’ M., li tgħid li s-“sistema tal-Ftehim GQ” waqfet tiġi implementata f’Ġunju 2002, ma timplikax li l-arranġament komuni wkoll ma baqax jeżisti jew li l-portata ta’ dan l-arranġament ma setgħetx tiġi estiża sussegwentement sabiex dan jibda jkopri lill-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Barra minn hekk, M. waqaf jipparteċipa fl-attivitajiet tal-akkordju f’Ġunju 2002 u b’hekk, bħala prinċipju, ma għandux għarfien dirett dwar il-funzjonament sussegwenti ta’ dan tal-aħħar.

192    Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkunsidrat li, matul il-laqgħa tal-10 ta’ Lulju 2002, Alstom ipproponiet l-estensjoni tal-arranġament komuni invokat mill-Kummissjoni għall-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Dan il-fatt huwa prova li l-imsemmi arranġament kien jeżisti meta saret il-laqgħa.

193    Barra minn hekk, fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-proposta ta’ Alstom, iċ-ċaħda ta’ din il-proposta mill-impriża Hitachi ma hijiex ekwivalenti għal ċaħda tal-arranġament komuni bħala tali, imma tirrappreżenta biss rifjut li dan tal-aħħar jiġi estiż. Konsegwentement, dan il-fatt ma jikkostitwixxix prova li f’Lulju 2002 l-arranġament komuni ġie abbandunat.

 Fuq il-pożizzjoni tad-destinatarji l-oħra tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet

–       L-argumenti tal-partijiet

194    Ir-rikorrenti josservaw, minn naħa, li l-eżistenza tal-arranġament komuni ġiet ikkontestata minn ħames kumpanniji Ġappuniżi, jiġifieri Hitachi, JAEPS, Toshiba, Melco u TM T & D.

195    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni interpretat b’mod inkorrett il-pożizzjoni ta’ VA TECH meta allegat li din tal-aħħar ma kkontestatx l-eżistenza tal-arranġament komuni. Bl-istess mod, l-arranġament komuni tqiegħed f’dubju minn Siemens, li ppreżentat ukoll it-testimonjanza ta’ wieħed mill-impjegati tagħha, T., li kien assoċjat mill-qrib mal-funzjonament tal-akkordju. Issa, il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni dawn l-elementi, filwaqt li bbażat ruħha b’mod sinjifikattiv fuq it-testimonjanzi tal-impjegati u ta’ ex impjegat ta’ ABB. Barra minn hekk, il-valur probatorju tal-provi prodotti minn Siemens huwa ferm ikbar għaliex it-talba għal klemenza tagħha ġiet miċħuda minħabba l-kontestazzjoni tal-fatti sottomessi mill-Kummissjoni.

196    Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, l-impriżi Ewropej ġeneralment ma kellhomx interess li jikkontestaw id-dikjarazzjonijiet dwar l-arranġament komuni, peress li dan tal-aħħar ma kienx rilevanti għall-ilmenti li l-Kummissjoni kkontestatilhom. Bil-kontra ta’ dan, dawn l-impriżi probabbilment ibbenefikaw mill-fatt li l-Kummissjoni kienet ikkonstatat l-eżistenza tal-arranġament komuni, peress li dan il-fatt, sa ċertu punt, naqqas l-importanza tal-aġir antikompetittiv tagħhom. Barra minn hekk, kif juri l-każ ta’ Siemens, in-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti sottomessi mill-Kummissjoni kienet rilevanti għall-eżitu tat-talbiet għal klemenza tal-impriżi Ewropej.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

197    Qabelxejn, mill-elementi tal-fajl jirriżulta li VA TECH ikkontestat espliċitament l-eżistenza tal-arranġament komuni kif isostnu r-rikorrenti.

198    Madankollu, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta kkunsidrat li d-dikjarazzjonijiet u t-testimonjanzi ta’ ABB, id-dikjarazzjonijiet ta’ Fuji dwar l-eżistenza tal-arranġament komuni kif ukoll id-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti dwar in-notifika u l-attribuzzjoni għandhom jiġu kkunsidrati bħala li għandhom forza probatorja iktar sinjifikattiva mill-kontestazzjonijiet tal-eżistenza tal-arranġament komuni minn Hitachi, JAEPS, Toshiba, Melco, TM T & D, Siemens u VA TECH.

199    Fil-fatt, b’differenza mill-ewwel grupp ta’ elementi, il-kontestazzjonijiet inkwistjoni ma humiex kuntrarji għall-interessi tal-impriżi kkonċernati, peress li huma għandhom l-għan li jqiegħdu f’dubju l-eżistenza ta’ kull ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Din il-konstatazzjoni tapplika wkoll għat-testimonjanza ta’ T., fejn kulma għamel dan tal-aħħar kien li spjega l-ġenesi tal-Ftehim GQ, ikkontesta l-eżistenza tal-arranġament komuni u invoka l-barrieri għad-dħul kemm fis-suq taż-ŻEE kif ukoll fis-suq Ġappuniż. B’mod partikolari, fir-rigward tal-arranġament komuni, it-testimonjanza ta’ T. ma tintroduċix provi ġodda meta pparagunata ma’ dawk imressqa mid-destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

200    Barra minn hekk, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-impriżi Ewropej, inkluża Siemens, ma kellhomx interess li jikkontestaw l-eżistenza tal-arranġament komuni, peress li fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet dan tal-aħħar kien interpretat mill-Kummissjoni bħala li kien ftehim kollużiv bejn il-produtturi Ewropej u l-produtturi Ġappuniżi fir-rigward tas-suq taż-ŻEE u, konsegwentement, kien jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Issa, tali konstatazzjoni kienet dannuża għall-interessi tal-produtturi Ewropej, għall-inqas potenzjalment, fil-każ fejn l-ilmenti l-oħra li kkontestatilhom il-Kummissjoni ma setgħux jiġu stabbiliti kif titlob il-liġi.

201    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li hija ma bbażatax ruħha fuq il-pożizzjoni tal-impriżi Ewropej sabiex tikkonkludi li kien hemm arranġament komuni, imma llimitat ruħha sabiex tikkonstata li kien jeżisti. Għalkemm dik l-interpretazzjoni hija kkonfermata mid-diċitura tal-premessa 125 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn l-ebda forza korroborattiva ma hija rikonoxxuta lill-pożizzjoni ta’ Alstom, ta’ Areva u ta’ VA TECH, bil-kontra tad-dikjarazzjonijiet ta’ Fuji li jikkonfermaw l-eżistenza tal-arranġament komuni, hija tqiegħdet f’dubju mill-premessa 255 tal-imsemmija deċiżjoni, fejn il-Kummissjoni ssemmi r-rikonoxximent impliċitu tal-eżistenza tal-arranġament komuni minn ċerti produtturi Ewropej.

202    Kien x’kien il-każ, il-pożizzjoni newtrali ta’ Alstom u ta’ Areva ma tistax tiġi interpretata bħala prova tal-eżistenza tal-arranġament komuni. Fil-fatt, fid-dawl tal-oneru tal-prova li l-Kummissjoni għandha fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, in-nuqqas ta’ kontestazzjoni ta’ fatt minn impriża ma jistabbilixxix il-fatt inkwistjoni.

203    Minn dak kollu li ngħad iktar ’il fuq jirriżulta li l-elementi prodotti mir-rikorrenti ma jippermettux li jinġibdu konklużjonijiet dwar l-eżistenza tal-arranġament komuni.

 Fuq il-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

204    Qabelxejn, ir-rikorrenti jsostnu li l-għan tal-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni kien li titnaqqas artifiċjalment il-kwota tal-produtturi Ewropej fir-rigward tal-proġetti ta’ SIG barra miż-ŻEE, minħabba l-pożizzjoni kompetittiva komparattivament b’saħħitha tal-produtturi Ġappuniżi fi swieq bħall-Asja u l-Lvant Nofsani, koperti prinċipalment mill-akkordju dinji. Fil-fatt, l-attribuzzjoni kienet soluzzjoni alternattiva proposta mill-produtturi Ewropej minflok tnaqqis b’rata fissa tal-kwota konġunta tagħhom.

205    Ir-rikorrenti jaffermaw ukoll li ma hemmx elementi li jagħtu lil wieħed x’jifhem li n-notifika kienet obbligatorja, sistematika jew regolari, li hija kienet issir qabel l-allokazzjoni tal-proġetti kkonċernati u li hija baqgħet issir wara l-1999.

206    Issa, skont ir-rikorrenti, mekkaniżmu ta’ attribuzzjoni bbażat fuq notifika diskrezzjonali, u mhux sistematika u obbligatorja, ma setax jagħti sigurtà jew kumpens lill-produtturi Ġappuniżi. Konsegwentement, it-teorija tal-arranġament komuni, kif difiża mill-Kummissjoni, ma hijiex kompatibbli, f’dan li-każ, mal-fatti.

207    Fir-rigward tad-diversi elementi prodotti mill-Kummissjoni, il-fatt li fil-Ftehim EQ jissemma li ġiet ikkomunikata informazzjoni dwar il-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE lill-produtturi Ġappuniżi ma huwiex rilevanti, peress li l-kontenut tal-imsemmi ftehim ma kienx magħruf mill-produtturi Ġappuniżi. Barra minn hekk, skont il-Ftehim EQ, il-komunikazzjoni tal-informazzjoni dwar il-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE kienet sussegwenti għall-allokazzjoni tagħhom u diskrezzjonali.

208    Bl-istess mod, ir-rikorrenti jsostnu li, fit-talba tagħhom għal klemenza, id-dikjarazzjoni li Siemens kienet tiċċirkola regolarment it-tabelli b’informazzjoni li tiġbor fil-qosor parti mill-proġetti ta’ SIG allokati lid-diversi membri tal-akkordju tirreferi b’mod ċar u biss għall-proġetti ta’ SIG barra miż-ŻEE.

209    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jaffermaw ukoll li, fit-tweġiba tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, id-dikjarazzjoni bbażata fuq it-testimonjanza ta’ Wa., li tgħid li l-fornituri Ewropej kienu jinnotifikaw lill-fornituri Ġappuniżi d-dettalji tal-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE għal finijiet ta’ attribuzzjoni, tirreferi għal notifika okkażjonali, u mhux għal notifika obbligatorja u sistematika kemm dam fis-seħħ l-akkordju. Ir-rikorrenti jżidu li huma ma kinux jafu kif kien isir eżattament it-tqassim, imma biss bir-riżultati tal-allokazzjonijiet u li d-data kkomunikata kienet sommarja u b’hekk mhux kunfidenzjali, li jimplika li ma huwiex probabbli li n-notifika setgħet taffettwa l-kompetizzjoni li seta’ kien hemm bejn il-produtturi Ewropej u Ġappuniżi. Barra minn hekk, kien x’kien il-każ, kull komunikazzjoni ġiet fi tmiemha fl-1999.

210    Il-Kummissjoni interpretat ukoll b’mod żbaljat id-dikjarazzjonijiet ta’ Fuji dwar il-komunikazzjoni tal-informazzjoni dwar il-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE. Fil-fatt, Fuji kkontestat espressament in-natura sistematika tan-notifika u kkonstatat li hija ma kinitx taf bil-mekkaniżmu ta’ tqassim tal-imsemmija proġetti.

211    Fl-aħħar nett, fid-dikjarazzjoni tagħha tat-3 ta’ Frar 2005 dwar in-notifika, ABB la kienet indikat jekk il-mekkaniżmu inkwistjoni kienx obbligatorju u regolari u lanqas ma ppreċiżat it-tul u l-effetti li seta’ kellu fi ħdan is-suq komuni. Min-naħa l-oħra, ABB ikkonfermat li r-riżultat tal-allokazzjoni tal-proġetti Ewropej biss kien qed jiġi kkomunikat lill-produtturi Ġappuniżi.

212    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

213    Qabelxejn, għandha tiġi miċħuda l-ispjegazzjoni alternattiva tal-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni proposta mir-rikorrenti. Fil-fatt, dawn ma identifikawx l-elementi li jikkorroboraw l-allegazzjonijiet tagħhom li jgħidu li, l-ewwel nett, il-produtturi Ġappuniżi talbu modifikazzjoni tal-kwoti previsti fil-Ftehim GQ, it-tieni nett, tali modifikazzjoni ġiet miċħuda mill-produtturi Ewropej u li, fl-aħħar nett, il-proċess ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni ta’ ċerti proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE ġie ssuġġerit u adottat bħala alternattiva vijabbli. Kien x’kien il-każ, mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ kumpens mhux sistematiku, bħal dak invokat mir-rikorrenti, huwa ferm iktar kumpless minn adattament sempliċi ta’ kwota, filwaqt li ma joffrix vantaġġi meta pparagunat ma’ din is-soluzzjoni tal-aħħar.

214    Fir-rigward tad-diversi elementi relatati man-notifika u mal-attribuzzjoni, mill-punt 4 tal-parti “E (E-Members)” tal-Anness 2 tal-Ftehim EQ jirriżulta li “il-membri Ewropej kienu jiddeċiedu n-notifika tal-proġetti Ewropej lill-grupp tal-produtturi Ġappuniżi”.

215    Issa, kif ġie kkonstatat fil-punt 87 iktar ’il fuq, din il-klawżola kienet tirrigwarda l-komunikazzjoni eventwali tal-informazzjoni ta’ qabel it-tqassim tal-proġetti ta’ SIG ikkonċernati. Min-naħa l-oħra, hija ma kinitx tirrigwarda s-segwitu tal-proġetti diġà allokati. Konsegwentement, jekk il-kontenut tal-imsemmija klawżola jikkostitwixxi indikazzjoni li jagħti lil wieħed x’jifhem li l-produtturi Ġappuniżi kienu kkunsidrati bħala kompetitturi kredibbli għall-provvista ta’ ċerti proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE, il-miżuri li hija kienet tipprevedi ma jagħmlux parti mill-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni kif ġie allegat mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, l-Anness 2 għall-Ftehim EQ ma huwiex rilevanti biex jiġi pprovat dan l-istess mekkaniżmu.

216    Fir-rigward tal-elementi prodotti minn ABB, għandu jiġi osservat li, fit-testimonjanza tiegħu, M. afferma b’mod espliċitu li kien jeżisti l-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni. Huwa ddikjara wkoll li dan il-mekkaniżmu ma kienx jirrigwarda l-proġetti ta’ SIG fil-pajjiżi kostrutturi, jiġifieri l-Ġappun u ċerti pajjiżi Ewropej.

217    L-eżistenza ta’ mekkaniżmu li jikkonsisti fl-attribuzzjoni tal-valur tal-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE fuq il-kwota dinjija prevista mill-Ftehim GQ ġiet affermata wkoll fit-tweġibiet ta’ ABB, tat-3 ta’ Frar 2005, għal xi mistoqsijiet tal-Kummissjoni. Fil-fatt, ABB affermat li, waqt l-allokazzjoni tal-proġetti barra mill-Unjoni, ir-riżultati tat-tqassim tal-proġetti fi ħdan l-Unjoni kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni.

218    Fir-rigward tal-elementi prodotti mir-rikorrenti, għandu jiġi osservat li, moqrija fil-kuntest tas-sentenzi li jiġu eżattament qabilha, id-dikjarazzjoni inkluża fil-punt 2.10 tat-talba għal klemenza tar-rikorrenti, li tgħid li Siemens kienet tiċċirkola b’mod regolari t-tabelli b’informazzjoni li tiġbor fil-qosor parti mill-proġetti ta’ SIG allokati lid-diversi membri tal-akkordju, tirreferi għal proġetti ta’ SIG barra miż-ŻEE. Konsegwentement, din id-dikjarazzjoni ma hijiex rilevanti biex jiġi pprovat il-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni, kif ġie allegat mill-Kummissjoni, li kien jirrigwarda l-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE.

219    Min-naħa l-oħra, fit-tweġiba tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti ddikjaraw li, qabel mal-impriża Hitachi interrompiet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fl-1999, il-produtturi Ewropej kienu jikkomunikaw lill-produtturi Ġappuniżi d-dettalji tal-proġetti ta’ SIG li kellhom jipprovdu fl-Ewropa, sabiex jippermettu t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn il-proġetti meta tiġi ddeterminata l-kwota tal-proġetti ta’ SIG barra miż-ŻEE allokati liż-żewġ gruppi ta’ produtturi skont il-Ftehim GQ.

220    Din id-dikjarazzjoni tikkonferma b’mod espliċitu l-eżistenza tal-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni invokat mill-Kummissjoni sal-1999. Barra minn hekk, il-valur probatorju tagħha huwa wieħed kbir għal żewġ raġunijiet. Minn naħa, l-imsemmija dikjarazzjoni tmur kontra l-interessi tar-rikorrenti, peress li hija timplika li teżisti rabta bejn l-attivitajiet kollużivi fi ħdan iż-ŻEE u l-produtturi Ġappuniżi, u minħabba f’hekk tikkostitwixxi element inkriminanti. Min-naħa l-oħra, meta tinqara s-silta kkonċernata tat-tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jidher li r-rikorrenti ma kinux jafu bid-deduzzjonijiet li setgħu jsiru abbażi ta’ din id-dikjarazzjoni.

221    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ppreżentaw lill-Kummissjoni tweġiba supplimentari għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Madankollu, f’dan id-dokument kulma għamlu huwa li kkontestaw l-interpretazzjoni li l-Kummissjoni tat lid-dikjarazzjonijiet dwar il-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni inklużi fl-ewwel tweġiba tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tar-rilevanza tal-imsemmija dikjarazzjonijiet bħala prova tal-arranġament komuni u tal-eżistenza ta’ ksur uniku li jimplika kemm lil dan tal-aħħar kif ukoll lill-Ftehim GQ. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma ressqux argumenti dwar il-kontenut tad-dikjarazzjonijiet inkwistjoni.

222    Min-naħa tagħha, Fuji, fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, iddikjarat li l-informazzjoni dwar it-tqassim tal-proġetti ta’ SIG fil-pajjiżi Ewropej esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim GQ ma kinitx ikkomunikata b’mod sistematiku lill-produtturi Ġappuniżi u li, konsegwentement, Fuji ma kinitx taf kif kien jiffunzjona l-Ftehim EQ.

223    Issa, ir-rwol sekondarju ta’ Fuji fi ħdan il-kartell, imfakkar fil-punt 171 iktar ’il fuq, jista’ jispjega l-fatt li Fuji ma kinitx involuta fl-iskambji kollha tal-informazzjoni li kienet ġejja mill-grupp tal-produtturi Ewropej. Dan il-fatt iqiegħed ukoll dubju fuq l-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet ta’ Fuji dwar dan il-punt meta pparagunata ma’ dik tal-elementi prodotti minn ABB u minn Hitachi, li kienu membri tal-kumitati tal-gruppi rispettivi tagħhom u kienu, għaldaqstant, assoċjati iktar mill-qrib mal-funzjonament dettaljat tal-allegat akkordju.

224    Bil-kontra ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti, mill-elementi analizzati iktar ’il fuq, evalwati globalment, ma jirriżultax li l-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni ġie implementat okkażjonalment u b’mod diskrezzjonali. Fil-fatt, għalkemm id-dikjarazzjonijiet ta’ ABB, dawk tar-rikorrenti u t-testimonjanza ta’ M. ma jindirizzawx dan is-suġġett espliċitament, mill-formulazzjonijiet użati fid-dokumenti inkwistjoni jirriżulta b’mod ċar li n-notifika kienet proċedura li kienet issir b’mod regolari u kienet applikabbli għall-parteċipanti u għall-proġetti kollha kkonċernati. Kif ġie spjegat fil-punt preċedenti, id-dikjarazzjonijiet ta’ Fuji, min-naħa tagħhom, huma inqas affidabbli dwar dan il-punt mill-provi prodotti minn ABB u mir-rikorrenti. Barra minn hekk, fil-punt 215 iktar ’il fuq diġà ġie osservat li l-Anness 2 għall-Ftehim EQ ma jirrigwardax in-notifika u l-attribuzzjoni, kif allegat mill-Kummissjoni, u b’hekk ma huwiex rilevanti f’dan ir-rigward.

225    Fir-rigward tal-perijodu ta’ implementazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni, id-dikjarazzjonijiet ta’ ABB tat-3 ta’ Frar 2005 ma jirreferux għal perijodu speċifiku u b’hekk jistgħu, a priori, jiġu interpretati bħala li jirreferu għall-ksur kollu. Id-dikjarazzjonijiet ta’ M., min-naħa tagħhom, jirreferu għall-perijodu li matulu huwa pparteċipa fl-attivitajiet tal-akkordju, jiġifieri bejn l-1988 u Ġunju 2002. Madankollu, sa fejn fil-punti 68 u 129 iktar ’il fuq ġie osservat li l-provi prodotti minn ABB għandhom jiġu kkorroborati minn elementi oħra u li tali korroborazzjoni ma tistax tirriżulta mit-testimonjanza ta’ M., għandu jiġi osservat li d-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti, li jinsabu fit-tweġiba tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jirrigwardaw il-perijodu ta’ qabel il-mument meta l-impriża Hitachi interrompiet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fl-1999. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-eżistenza tal-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni ġiet stabbilita għal dan il-perijodu tal-aħħar.

226    Fir-rigward tar-rilevanza tal-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni fil-kuntest tal-prova tal-arranġament komuni, għandu jiġi kkunsidrat li dan jikkostitwixxi indikazzjoni serja tal-fatt li l-produtturi Ġappuniżi kienu pperċepiti bħala kompetituri potenzjali kredibbli fis-suq taż-ŻEE mill-produtturi Ewropej. Fil-fatt, jekk tabilħaqq is-suq Ewropew ma setax jiġi ppenetrat mill-produtturi Ġappuniżi minħabba l-eżistenza ta’ barrieri għad-dħul, il-produtturi Ewropej ma kienx ikollhom raġuni biex jinnotifikaw ir-riżultati tal-allokazzjoni ta’ ċerti proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE u, a fortiori, li jattribwixxu dawn l-istess proġetti fil-kwota konġunta “Ewropea” prevista mill-Ftehim GQ, għaliex din l-attribuzzjoni kienet se twassal biex iċċaħħadhom minn parti mill-proġetti ta’ SIG fir-reġjuni msemmija fil-Ftehim GQ. Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ tali mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni jimplika li l-impriżi Ġappuniżi setgħu jippenetraw is-suq Ewropew. Jekk huma ma għamlux hekk, kien għaliex kienu impenjaw irwieħhom li ma jagħmlux dan, inkambju għal parti iktar sinjifikattiva mill-proġetti ta’ SIG barra miż-ŻEE. B’hekk, il-mekkaniżmu inkwistjoni jikkostitwixxi rabta bejn l-attivitajiet kollużivi fi ħdan iż-ŻEE u l-produtturi Ġappuniżi u, minħabba f’hekk, prova indiretta tal-eżistenza tal-arranġament komuni.

227    Il-kwistjoni ta’ jekk il-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni kellux effetti fis-suq taż-ŻEE ma hijiex rilevanti f’dan il-każ. Fil-fatt, kif ġie osservat fil-punt 76 iktar ’il fuq, il-bażi tal-ilment li l-Kummissjoni kkontestat lir-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata huwa l-impenn tal-impriżi Ġappuniżi li ma jippenetrawx is-suq taż-ŻEE, li huwa pprovat indirettament bl-eżistenza tal-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni. Min-naħa l-oħra, mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li, fil-fehma tal-Kummissjoni, l-imsemmi mekkaniżmu jikkostitwixxi ksur awtonomu tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

228    Bl-istess mod, ma hemmx għalfejn jiġi stabbilit, minn naħa, li l-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni ma jirrigwardax il-proġetti ta’ SIG fil-pajjiżi kostrutturi Ewropej u, min-naħa l-oħra, li l-Ġappun huwa pajjiż kostruttur, sabiex l-imsemmi mekkaniżmu jkun jista’ jiġi kkunsidrat bħala indikazzjoni rilevanti tal-eżistenza tal-arranġament komuni, abbażi tar-raġunament spjegat fil-punt 226 iktar ’il fuq. Konsegwentement, l-eventwali nuqqas ta’ korroborazzjoni tat-testimonjanza ta’ M. dwar dan il-punt ma hijiex sinjifikattiva.

229    Barra minn hekk, sa fejn l-argument tal-Kummissjoni dwar il-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni la huwa bbażat fuq in-natura kunfidenzjali tad-data kkomunikata u lanqas fuq il-fatt li l-komunikazzjoni saret qabel l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG ikkonċernati, dawn il-fatti lanqas ma huma rilevanti għal dan il-każ.

230    Fid-dawl ta’ dak kollu li ngħad iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-eżistenza tan-notifika regolari lill-grupp ta’ produtturi Ġappuniżi ta’ ċerti proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE wara l-allokazzjoni tagħhom u l-attribuzzjoni ta’ dawn l-istess proġetti fil-kwota konġunta “Ewropea” prevista mill-Ftehim GQ ġiet stabblita, fir-rigward tal-perijodu ta’ bejn l-1988 u l-interruzzjoni tal-parteċipazzjoni fl-akkordju min-naħa tal-impriża Hitachi fl-1999, bid-dikjarazzjonijiet ta’ ABB, b’dawk tar-rikorrenti u bit-testimonjanza ta’ M.. Barra minn hekk, il-mekkaniżmu inkwistjoni jikkostitwixxi prova indiretta tal-eżistenza tal-arranġament komuni invokat mill-Kummissjoni.

 Fuq l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE

–       L-argumenti tal-partijiet

231    Ir-rikorrenti josservaw li l-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE kienu mqassma mill-membri Ewropej tal-akkordju, waqt laqgħat distinti mil-laqgħat tal-Ftehim GQ, mingħajr il-parteċipazzjoni tal-impriżi Ġappuniżi.

232    F’dan il-kuntest, il-listi ta’ proġetti pprovduti minn ABB ma jikkostitwixxux prova plawżibbli tal-fatt li l-informazzjoni dwar il-proġetti ta’ SIG ikkonċernati kienet ikkomunikata lill-produtturi Ġappuniżi u kienet eżaminata magħhom qabel l-allokazzjoni tal-imsemmija proġetti.

233    L-istess konstatazzjoni hija valida, skont ir-rikorrenti, fir-rigward tal-allegazzjoni li l-impriżi Ġappuniżi kienu qed jipprevedu li jressqu offerti għal proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE, biex b’hekk ħolqu tensjoni fi ħdan l-akkordju. Fil-fatt, f’dan il-każ id-dikjarazzjonijiet tax-xhieda ta’ ABB dwar dan il-punt ma humiex preċiżi jew huma irrilevanti.

234    Bl-istess mod, apparti l-allegat interess ta’ Melco għal proġett ta’ SIG fi Spanja, xi produtturi Ewropej biss kienu ddiskutew il-11-il proġett ta’ SIG fiż-ŻEE msemmija fid-deċiżjoni kkontestata. Issa, huwa possibbli li Melco rċeviet l-informazzjoni dwar il-proġett ikkonċernat minn sorsi oħra għajr il-listi ta’ proġetti jew il-fornitriċi Ewropej.

235    Barra minn hekk, ma ġiex stabbilit li l-impriżi Ġappuniżi pparteċipaw fl-iffissar tal-prezzijiet għall-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE, li ma setgħux jiġu allokati lil fornitur partikolari, għall-implementazzjoni tal-klawżola tal-Ftehim GQ dwar ix-xoljiment tal-kuntratti ta’ liċenzja mogħtija lil terzi fir-rigward tar-territorju taż-ŻEE jew għal skambji ta’ informazzjoni sensittiva dwar is-suq Ewropew tal-proġetti ta’ SIG.

236    Barra minn hekk, il-ftehim preċedenti bejn il-fornituri Ewropej dwar l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE, u b’mod partikolari l-Ftehim GE, jikkostitwixxu provi li jqiegħdu f’dubju l-eżistenza tal-arranġament komuni. Skont ir-rikorrenti, il-Ftehim GE jirreferi għal akkordju kumpless bejn il-produtturi Ewropej, li kien preċedenti għall-iffirmar tal-Ftehim GQ u indipendenti minnu. B’hekk, l-akkordju inkwistjoni ġie implementat mingħajr il-protezzjoni li allegatament kien jipprovdi l-allegat arranġament komuni. Issa, dan il-fatt iqiegħed f’dubju l-argument tal-Kummissjoni fir-rigward tal-importanza tal-arranġament komuni għall-attivitajiet kollużivi tal-produtturi Ewropej fi ħdan iż-ŻEE.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

237    Il-fajl ma jinkludix provi li jagħtu lil wieħed x’jifhem li l-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE ġew diskussi waqt il-laqgħat tal-Ftehim GQ li għalihom ipparteċipaw il-membri Ġappuniżi tal-akkordju.

238    Bl-istess mod, mil-listi ta’ proġetti pprovduti minn ABB ma jirriżultax li mal-produtturi Ġappuniżi ġew diskussi xi proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE, ħlief għall-allegat interess ta’ Melco għall-proġett “MSP via GC” fi Spanja. Issa, ma jistax jiġi eskluż li l-imsemmi interess ta’ Melco għal dan il-proġett tal-aħħar ġej minn żball, minħabba li l-lista ta’ proġetti kkonċernata hija waħda twila u l-Kummissjoni ma identifikatx każijiet oħra fejn produttur Ġappuniż wera xi interess għal proġett ta’ SIG fiż-ŻEE. Kien x’kien il-każ, il-kontenut tal-lista ta’ proġetti kkonċernata ma hijiex ikkorroborata minn elementi oħra fir-rigward tal-proġett “MSP via GC” u b’hekk ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward.

239    Barra minn hekk, meta l-Kummissjoni, fil-premessa 125 tad-deċiżjoni kkontestata, tindika li l-produtturi Ġappuniżi xi drabi kellhom il-ħsieb li jwieġbu għas-sejħiet għal offerti Ewropej, imma ġeneralment irrifjutaw dawn it-talbiet u nnotifikaw il-proġetti kkonċernati lill-produtturi Ewropej, hija tibbaża ruħha biss fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ ABB u fuq it-testimonjanzi tal-impjegati tagħha. Għaldaqstant, minħabba li ma ġietx ikkorroborata minn elementi oħra, din l-affermazzjoni ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni.

240    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma takkużax lir-rikorrenti li pparteċipaw fl-iffissar tal-prezzijiet minimi tal-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE jew fix-xoljiment ta’ kuntratti ta’ liċenzja konklużi ma’ impriżi terzi dwar iż-ŻEE. Konsegwentement, l-argumenti tar-rikorrenti dwar dan il-punt ma humiex rilevanti f’dan il-każ.

241    Fir-rigward tal-iskambju ta’ data sensittiva dwar il-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE, in-notifika kif ġiet stabbilita f’dan il-każ tmur lil hinn mil-limiti ta’ aġir kompetittiv normali kemm fir-rigward tat-tul u tal-intensità tagħha kif ukoll fir-rigward tan-natura tad-data kkomunikata. Madankollu, ma huwiex stabbilit li l-għan tan-notifika kien li l-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE jiġu allokati lill-produtturi Ġappuniżi jew li d-data effettivament ikkomunikata ntużat għal dan l-iskop.

242    Fid-dawl ta’ dak kollu li ngħad iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li ma ġiex stabbilit li l-impriżi Ġappuniżi pparteċipaw fl-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE.

243    Fir-rigward tal-ftehim Ewropej preċedenti għall-Ftehim GQ, għandu jiġi osservat li, ħlief għall-Ftehim GE, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti ma humiex biżżejjed preċiżi jew sostnuti. Konsegwentement, dawn għandhom jiġu miċħuda.

244    Fir-rigward tal-Ftehim GE, ma huwiex ikkontestat li dan ġie ffirmat qabel il-Ftehim GQ u l-Ftehim EQ. Madankollu, dan il-fatt ma jimplikax, bil-kontra ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti, li huwa kien indipendenti mill-Ftehim GQ jew mill-arranġament komuni.

245    Fil-fatt, skont l-Artikolu 15 tiegħu, il-Ftehim GE għall-ewwel kellu jkun soluzzjoni intermedja valida sad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim GQ u, fin-nuqqas ta’ dan, kellu jerġa’ jiġi nnegozjat wara l-31 ta’ Diċembru 1988. B’hekk, jidher li, meta kkonkludew il-Ftehim GE, il-firmatarji diġà kienu qed jantiċipaw l-istabbiliment tal-akkordju dinji u tal-elementi differenti tiegħu, inkluż, skont l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, l-arranġament komuni. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mit-testimonjanza ta’ M. li tgħid li l-akkordju dinji kien is-suġġett ta’ negozjati kumplessi li damu għaddejjin diversi snin qabel ma ġie ffirmat il-Ftehim GQ.

246    Barra minn hekk, skont M., l-impenn reċiproku taż-żewġ gruppi ta’ produtturi li ma jippenetrawx is-swieq domestiċi tal-grupp l-ieħor, li huwa l-punt essenzjali tal-arranġament komuni invokat mill-Kummissjoni, kien preċedenti għall-konklużjoni tal-Ftehim GQ. Konsegwentement, dan l-impenn seta’ jittieħed inkunsiderazzjoni mill-produtturi Ewropej meta ffirmaw il-Ftehim GE.

247    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Ftehim GE jqiegħed f’dubju l-eżistenza tal-arranġament komuni invokat mill-Kummissjoni.

 Kunsiderazzjonijiet globali

–       L-argumenti tal-partijiet

248    Skont ir-rikorrenti, l-elementi invokati mill-Kummissjoni, marbuta mal-eżistenza tal-allegat arranġament komuni, huma selettivi, nieqsa minn forza probatorja, ma humiex sostnuti u ma jikkorrispondux għar-realtà, peress li l-Kummissjoni żviluppat it-teorija tagħha qabel ma eżaminat il-fatti.

249    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li l-elementi prodotti minn ABB ma jistabbilixxux kif titlob il-liġi l-eżistenza tal-arranġament komuni u, b’mod partikolari, il-fatt li l-produtturi Ġappuniżi kienu jaċċettaw it-tqassim tal-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE fost il-produtturi Ewropej, l-importanza tal-arranġament komuni fid-dawl tal-allegat akkordju dinji, l-eżistenza ta’ mekkaniżmu ta’ notifika obbligatorja u sistematika jew il-fatt li l-impriżi Ġappuniżi kienu jipparteċipaw fl-attivitajiet kollużivi tal-produtturi Ewropej fi ħdan iż-ŻEE. Bl-istess mod, il-Kummissjoni kienet selettiva, peress li fid-deċiżjoni kkontestata hija ma semmietx ċerti elementi prodotti minn ABB li ma kinux jaqblu mat-teorija tagħha, u b’mod partikolari l-Ftehim GE.

250    Ir-rikorrenti jikkunsidraw li, sa fejn il-provi prodotti minn ABB huma, fl-istess ħin, kemm ta’ valur probatorju dgħajjef kif ukoll ikkontestati minnhom, minn Toshiba, minn Melco, min TM T & D u, f’ċerti aspetti, minn Fuji, dawn kellhom jiġu kkorroborati minn elementi oħra, billi l-“livell ta’ korroborazzjoni” mitlub kien wieħed għoli. Issa, dan ma kienx il-każ. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ppreżentat allegazzjonijiet dwar il-Ftehim GQ u l-Ftehim EQ li jikkontradixxu elementi oħra tal-fajl, u interpretat b’mod żbaljat id-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti u ta’ Fuji dwar il-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni.

251    F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti jsostnu li l-produtturi Ġappuniżi ma kinux f’pożizzjoni li jippenetraw is-suq Ewropew tal-proġetti ta’ SIG minħabba l-eżistenza ta’ barrieri insormontabbli għad-dħul, li kienet tagħmel żejda l-implikazzjoni tagħhom fil-livell Ewropew u b’hekk l-eżistenza tal-arranġament komuni. Huma jżidu li l-plawżibbiltà ta’ din l-ispjegazzjoni alternattiva ġiet ikkonfermata mill-impriżi kollha kkonċernati u tirriżulta wkoll minn għadd ta’ elementi tal-fajl, b’mod partikolari l-Ftehim GE, li ġie konkluż mill-produtturi Ewropej mingħajr ma kien hemm għalfejn jintlaħaq xi arranġament mal-produtturi Ġappuniżi jew li jiġu informati.

252    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

253    Mill-eżami li sar fil-punti 84 sa 230 iktar ’il fuq jirriżulta, l-ewwel nett, li d-dikjarazzjonijiet ta’ ABB u t-testimonjanzi tal-impjegati u tal-ex impjegat tagħha jirreferu għall-eżistenza ta’ arranġament li abbażi tiegħu l-produtturi Ewropej u Ġappuniżi daħlu għall-impenn reċiproku li ma jippenetrawx is-swieq domestiċi tal-grupp l-ieħor. L-imsemmija elementi jippermettu wkoll li jiġu identifikati l-partijiet għall-arranġament u li jiġi konkluż li, għalkemm dan probbabilment kien preċedenti għall-Ftehim GQ, dan ġie konkluż mhux iktar tard minn meta ġie konkluż dan il-ftehim tal-aħħar.

254    It-tieni nett, l-eżistenza tal-arranġament reċiproku msemmi iktar ’il fuq hija kkorroborata mill-proposta ppreżentata minn Alstom waqt il-laqgħa tal-10 ta’ Lulju 2002. L-eżistenza tal-impenn tal-impriżi Ġappuniżi li ma jippenetrawx is-suq Ewropew hija wkoll ikkorroborata mid-dikjarazzjonijiet ta’ Fuji.

255    It-tielet nett, mid-dikjarazzjonijiet u mit-testimonjanza ta’ ABB, ikkorroborati mid-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti, jirriżulta li l-produtturi Ġappuniżi aċċettaw, għall-inqas fir-rigward tal-perijodu mill-1988 sal-1999, in-notifika regolari tar-riżultati tal-allokazzjoni ta’ ċerti proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE u l-attribuzzjoni tagħhom fil-kwota konġunta “Ewropea” prevista mill-Ftehim GQ. Bl-istess mod, skont il-punt 4 tal-parti “E (E-Members)” tal-Anness 2 għall-Ftehim EQ, il-produtturi Ewropej ipprevedew il-possibbiltà li jikkomunikaw lill-produtturi Ġappuniżi d-dettalji ta’ ċerti proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE qabel l-allokazzjoni tagħhom. Dawn iż-żewġ fatti jissuġġerixxu li l-produtturi Ġappuniżi kienu kkunsidrati bħala kompetituri kredibbli għall-provvista ta’ ċerti proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE, iżda li huma impenjaw irwieħhom li ma jippenetrawx is-suq Ewropew inkambju għal parti iktar sinjifikattiva mill-proġetti ta’ SIG f’reġjuni oħra. B’hekk, dawn huma provi indiretti tal-eżistenza tal-arranġament reċiproku bejn il-produtturi Ewropej u l-produtturi Ġappuniżi.

256    B’hekk, l-elementi prodotti mill-Kummissjoni jsostnu l-affermazzjonijiet tagħha dwar l-eżistenza tal-arranġament komuni, kif miġbura fil-qosor fil-punt 74 iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, ma huwiex probabbli li l-elementi invokati mir-rikorrenti jistgħu jqiegħdu f’dubju l-imsemmija affermazzjonijiet.

257    Minn naħa, kif ġie spjegat fil-punti 244 sa 247, il-Ftehim GE ma jikkostitwixxix il-prova tal-akkordju Ewropew implementat mingħajr il-benefiċċju tal-arranġament komuni.

258    Min-naħa l-oħra, għalkemm ma ġiex stabbilit li l-impriżi Ġappuniżi pparteċipaw, flimkien mal-produtturi Ewropej fl-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE, għandu jiġi osservat li, fid-dawl tan-natura tal-allegat impenn tagħhom abbażi tal-arranġament komuni, il-parteċipazzjoni tagħhom f’dan l-aġir ma kien ikollha l-ebda utilità. Fil-fatt, il-produtturi Ġappuniżi ma kellhom l-ebda interess li jintervjenu fl-allokazzjoni stess tal-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE, li huma kienu ħadu l-impenn li ma jiħdux. L-uniku interess tagħhom kien li jkunu jafu l-valur tal-proġetti kkonċernati u l-identità ta’ dawk li ħaduhom, sabiex ikunu jistgħu jsegwu l-attribuzzjoni fil-kwota konġunta “Ewropea” prevista mill-Ftehim GQ. Issa, għall-inqas fir-rigward tal-perijodu ta’ bejn l-1988 u l-1999, din l-informazzjoni kienet tiġi kkomunikata lill-produtturi Ġappuniżi bil-mekkaniżmu ta’ notifika.

259    Fid-dawl ta’ dak kollu li ngħad iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li l-eżistenza tal-arranġament komuni kif ġie deskritt fil-punt 74 iktar ’il fuq ġiet stabbilita kif titlob il-liġi.

260    F’dawn iċ-ċirkustanzi, bil-kontra ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tipprova l-interess kummerċjali li kellhom l-impriżi kkonċernati biex jikkonkludu l-arranġament komuni. Barra minn hekk, kif ġie spjegat fil-punti 110 u 158 iktar ’il fuq, il-konklużjoni tal-arranġament komuni setgħet tagħti ċerti vantaġġi lill-imsemmija impriżi u b’hekk ma kinitx bla skop, minkejja l-eżistenza ta’ barrieri għad-dħul fis-suq taż-ŻEE u l-possibbiltà ta’ nuqqas ta’ interess kummerċjali immedjat li jiġi ppenetrat dan l-istess suq.

261    Barra minn hekk, peress li l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha biss fuq l-aġir fis-suq tal-impriżi inkwistjoni biex tikkonkludi li kien hemm il-ksur allegat, ma huwiex biżżejjed li r-rikorrenti jissostitwixxu spjegazzjoni plawżibbli oħra tal-fatti għal dik adottata mill-Kummissjoni. Konsegwentement, l-ispjegazzjoni alternattiva proposta mir-rikorrenti ma hijiex rilevanti fir-rigward tal-eżistenza tal-imsemmi ksur. Kien x’kien il-każ, l-elementi li fuqhom hija bbażata din l-ispjegazzjoni ġew ukoll invokati mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tielet motiv u b’hekk se jiġu eżaminati fil-punti 317 sa 332 iktar ’l isfel.

262    Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

263    Barra minn hekk, skont dak li ġie spjegat fil-punt 41 iktar ’il fuq, peress li l-eżistenza tal-arranġament komuni setgħet tiġi stabbilita mingħajr it-teħid inkunsiderazzjoni, bħala prova inkriminanti, tal-osservazzjonijiet ta’ Fuji tal-21 ta’ Novembru 2006, fl-aħħar mill-aħħar, l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq l-allegazzjoni li r-rikorrenti ma kellhomx aċċess għal ċerti elementi inkriminanti, għandha tiġi miċħuda. Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

b)     Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-arranġament komuni kien jikkostitwixxi ftehim restrittiv jew prattika miftiehma

 L-argumenti tal-partijiet

264    Ir-rikorrenti jsostnu li, anki jekk jiġi preżunt li l-Kummissjoni stabbiliet l-eżistenza tal-arranġament komuni, hija ma stabbilixxietx, permezz ta’ elementi preċiżi u plawżibbli, li dan tal-aħħar seta’ jiġi assimilat għall-espressjoni ta’ intenzjoni komuni li ħadet il-forma ta’ ftehim restrittiv jew ta’ prattika miftiehma. Fil-fehma tagħhom, l-iktar l-iktar, il-fajl tal-Kummissjoni żvela aġir parallel tal-operaturi, li huwa kompatibbli mal-kundizzjonijiet normali tas-suq. Dan il-fatt intwera mit-testimonjanza ta’ M., li indika li, waqt il-laqgħat li għalihom kien preżenti, ma kienx hemm għalfejn titqajjem il-kwistjoni tal-arranġament komuni peress li dan kien evidenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

265    Skont il-ġurisprudenza, hija l-Kummissjoni li għandha tiġbor provi preċiżi u konsistenti biżżejjed sabiex tibbaża l-konvinzjoni stretta li l-ksur allegat jikkostitwixxi ftehim jew prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-21 ta’ Jannar 1999, Riviera Auto Service et vs Il‑Kummissjoni, T‑185/96, T‑189/96 u T‑190/96, Ġabra p. II‑93, punt 47). Il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq hija applikabbli, b’analoġija, għall-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE.

266    F’dan il-każ, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma esprimietx ruħha espliċitament dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-aġir ikkontestat lill-impriżi Ġappuniżi kienx jikkostitwixxi ftehim jew prattika miftiehma. Fil-premessa 248 tad-deċiżjoni kkontestata, kulma għamlet kien li tosserva li l-ksur kien magħmul minn diversi azzjonijiet li setgħu jiġu kkwalifikati bħala ftehim jew prattiki miftiehma.

267    Għaldaqstant, l-ewwel nett għandu jiġi vverifikat jekk l-arranġament komuni jikkostitwixxix ftehim bejn impriżi fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE u tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE.

268    F’dan ir-rigward, sabiex ikun hemm ftehim fis-sens tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq huwa suffiċjenti li l-impriżi inkwistjoni jkunu esprimew l-intenzjoni komuni tagħhom li jaġixxu fis-suq b’mod partikolari (ara, b’analoġija, is-sentenza Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, punt 70 iktar ’il fuq, punt 928 u l-ġurisprudenza ċċitata). It-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti konkreti ta’ ftehim ma huwiex meħtieġ, meta jkun jidher li dan għandu bħala għan ir-restrizzjoni, il-prevenzjoni u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, punt 70 iktar ’il fuq, punt 837 u l-ġurisprudenza ċċitata).

269    Issa, f’dan il-każ, mid-diversi elementi prodotti mill-Kummissjoni, u b’mod partikolari mid-dikjarazzjonijiet ta’ ABB u ta’ Fuji kif ukoll mit-testimonjanzi ta’ M. u ta’ V.‑A. jirriżulta li l-produtturi Ewropej u Ġappuniżi kienu daħlu għal impenn reċiproku li ma jippenetrawx is-swieq domestiċi tal-grupp l-ieħor. L-eżistenza ta’ impenn reċiproku timplika bilfors l-eżistenza ta’ intenzjoni komuni, anki fin-nuqqas ta’ elementi li jippermettu li jiġi ddeterminat bi preċiżjoni l-mument meta din l-intenzjoni ġiet espressa jew meta l-espressjoni tagħha ġiet ifformalizzata. Barra minn hekk, mill-punt 141 iktar ’il fuq jirriżulta li M. kien jikkunsidra li ma kienx hemm għalfejn jissemma l-arranġament komuni waqt id-diskussjonijiet li huwa pparteċipa għalihom, għaliex il-kontenut tal-imsemmi arranġament kien mifhum, aċċettat u implementat mill-parteċipanti kollha fl-akkordju mingħajr ma kien hemm għalfejn ikun hemm diskussjoni espliċita. Barra minn hekk, kif ġie spjegat fil-punt 152 iktar ’il fuq, V.‑A. iddikjara li pparteċipa għal diskussjonijiet espliċiti bejn l-impriżi Ewropej u r-rappreżentant ta’ impriża Ġappuniża dwar l-osservanza tal-arranġament komuni.

270    Bl-istess mod, il-fatt, muri mid-dikjarazzjonijiet u testimonjanzi ta’ ABB u mid-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti, li l-produtturi Ġappuniżi aċċettaw, matul għadd ta’ snin, in-notifika tar-riżultati tal-allokazzjoni ta’ ċerti proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE u li segwew l-attribuzzjoni tagħhom fuq il-kwota konġunta “Ewropea” prevista mill-Ftehim GQ, ma huwiex kompatibbli ma sempliċi aġir parallel ta’ kompetituri mingħajr kwalunkwe qbil tal-intenzjonijiet.

271    Barra minn hekk, l-arranġament komuni kellu l-għan li jiddetermina l-aġir tal-impriżi Ġappuniżi fir-rigward tas-suq taż-ŻEE, peress li huma kienu impenjaw irwieħhom li ma jippenetrawx dan is-suq. B’hekk, l-imsemmi arranġament kien tabilħaqq jikkostitwixxi riżervazzjoni tas-suq taż-ŻEE għall-produtturi Ewropej.

272    Konsegwentement, il-Kummissjoni ġustament ikkonstatat li l-arranġament komuni kien jikkostitwixxi ftehim bejn impriżi fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE u tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE.

273    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx għalfejn jiġi eżaminat ukoll jekk l-arranġament komuni kienx jikkostitwixxi prattika miftiehma abbażi tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

274    Fid-dawl ta’ dak kollu li ngħad iktar ’il fuq, it-tieni parti tat-tieni motiv, u għaldaqstant, it-tieni motiv kollu kemm hu għandhom jiġu miċħuda.

3.     Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma pprovatx l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwat

275    Fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tielet motiv, ir-rikorrenti jsostnu li, sa fejn jikkonċerna lilhom, il-Kummissjoni la stabbilixxiet l-aspetti essenzjali tal-miżuri implementati mill-parteċipanti fl-akkordju u lanqas il-fatt li dawn il-miżuri kellhom għan uniku. Fil-kuntest tat-tieni parti, huma jikkontestaw in-natura kontinwata tal-akkordju kkontestat u b’mod partikolari l-kontinwità tal-għan tiegħu.

276    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

a)     Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ ksur uniku li jinkludi l-arranġament komuni, l-akkordju dinji rregolat mill-Ftehim GQ u l-attivitajiet kollużivi tal-produtturi Ewropej fi ħdan iż-ŻEE

 L-argumenti tal-partijiet

277    F’dan il-każ, ir-rikorrenti jsostnu li l-prodotti, is-swieq ġeografiċi u l-impriżi kkonċernati, minn naħa, mill-akkordju previst mill-Ftehim GQ u, min-naħa l-oħra, mill-ftehim li jirrigwardaw il-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE huma differenti, li jimplika, fil-fehma tagħhom, li l-Ftehim GQ huwa distint mill-ftehim Ewropej u li b’hekk ma hemmx lok li jiġi kkunsidrat li l-attivitajiet tal-akkordju barra miż-ŻEE u l-attività tal-impriżi Ewropej fi ħdan iż-ŻEE huma ksur uniku.

278    Ir-rikorrenti jżidu li l-punti ta’ fatt spjegati fid-deċiżjoni kkontestata ma jistabbilixxux, lil hinn minn kull dubju raġonevoli, li kien hemm ksur uniku.

279    Skont ir-rikorrenti, l-arranġament komuni ma ġiex stabbilit, peress li l-elementi prodotti minn ABB ma għandhomx forza probatorja u ma humiex ikkorroborati minn provi oħra.

280    Bl-istess mod, il-Kummissjoni lanqas ma stabbilixxiet l-importanza tal-arranġament komuni fid-dawl tal-allegat akkordju dinji, peress li mill-elementi tal-fajl ma jirriżultax li tali arranġament kien neċessarju jew biex tiġi stabbilita fiduċja reċiproka, jew inkella biex ikunu inkoraġġuti l-attivitajiet tal-membri Ewropej tal-akkordju fir-rigward tat-territorju taż-ŻEE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma pproduċietx provi tal-allegazzjoni li l-produtturi Ġappuniżi kienu jafu u kienu aċċettaw il-kunċett tar-riżerva reċiproka tal-pajjiżi kostrutturi. Fil-fatt, il-kunċett ta’ pajjiżi kostrutturi kien kunċett li ġie applikat biss fil-kuntest tal-ftehim bejn il-produtturi Ewropej u b’hekk ma kienx magħruf mill-impriżi Ġappuniżi.

281    Skont ir-rikorrenti, in-natura indipendenti tal-parteċipazzjoni tal-impriżi Ġappuniżi fil-Ftehim GQ b’relazzjoni għall-aġir kollużiv tal-impriżi Ewropej fi ħdan iż-ŻEE tirriżulta mill-fatt li l-produtturi Ġappuniżi ma kinux f’pożizzjoni li jippenetraw is-suq Ewropew tal-proġetti ta’ SIG, minħabba barrieri insormontabbli għad-dħul.

282    L-eżistenza ta’ żewġ akkordji indipendenti hija wkoll ikkonfermata minn għadd ta’ elementi tal-fajl. Ir-rikorrenti jsemmu, f’dan ir-rigward, l-eżistenza tal-Ftehim GE u ta’ ftehim preċedenti oħra li ġew konklużi bejn il-fornituri Ewropej, il-fatt li l-arranġament komuni ma jissemmiex fil-ftehim miktubin, in-nuqqas ta’ kull allużjoni għall-aġir tal-produtturi Ewropej fi ħdan iż-ŻEE fil-Ftehim GQ, kif ukoll il-ftehim ta’ nuqqas ta’ żvelar li ġie konkluż minn ABB, Areva, Siemens u VA TECH u li kien intiż biex jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva bejn il-firmatarji tiegħu, minn wara dahar l-impriżi l-oħra li pparteċipaw fl-akkordju.

283    Min-naħa l-oħra, ma hemmx elementi li jagħtu lil wieħed x’jifhem li l-impriżi Ġappuniżi kienu jipparteċipaw fit-tqassim tal-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE u fl-attivitajiet kollużivi relatati tal-produtturi Ewropej fi ħdan iż-ŻEE, jew li huma kienu jafu bihom.

284    Fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni, ir-rikorrenti jirreferu, qabelxejn, għall-ispjegazzjoni alternattiva tal-fatti esposta fil-punt 204 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, huma jirrepetu li n-notifika ma kinitx sistematika, kienet sussegwenti għall-allokazzjoni tal-proġetti kkonċernati, li waqfet issir fl-1999, u li kienet tirrigwarda data mhux kunfidenzjali.

285    B’mod partikolari, ir-rikorrenti jikkontestaw li s-sempliċi fatt li kienu jafu bl-eżistenza fl-imgħoddi ta’ arranġamenti bejn impriżi oħra u l-iskambju ta’ informazzjoni sommarja storika jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

286    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

287    Il-ftehim u l-prattiki miftiehma msemmija fl-Artikolu 81(1) KE neċessarjament jirriżultaw mill-kollaborazzjoni ta’ diversi impriżi, li huma lkoll koawturi tal-ksur, iżda li l-parteċipazzjoni tagħhom tista’ tieħu għamliet differenti, b’mod partikolari, skont il-karatteristiċi tas-suq ikkonċernat u l-pożizzjoni ta’ kull impriża f’dan is-suq, l-għanijiet imfittxija u l-metodi ta’ implementazzjoni magħżula jew maħsuba. Madankollu, is-sempliċi fatt li kull impriża tipparteċipa fil-ksur f’modi partikolari għaliha ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi eskluża r-responsabbiltà tagħha għall-ksur kollu, inkluż l-aġir li jiġi implementat minn impriżi parteċipanti oħra li madankollu jkollu l-istess għan jew l-istess effett antikompetittiv (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punti 79 u 80). Il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq hija applikabbli, b’analoġija, għall-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE.

288    B’hekk, impriża li pparteċipat fi ksur permezz ta’ aġir attribwibbli lilha, li jaqa’ taħt il-kunċetti ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma b’għan antikompetittiv skont l-Artikolu 81(1) KE u li kien intiż sabiex jikkontribwixxi għat-twettiq tal-ksur kollu kemm hu, hija wkoll responsabbli, għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmi ksur, għall-aġir implementat minn impriżi oħra fil-kuntest tal-istess ksur, meta jkun stabbilit li l-impriża inkwistjoni kienet taf bl-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-parteċipanti l-oħra, jew li setgħet raġonevolment tipprevedih u kienet lesta li taċċetta r-riskju (sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 287 iktar ’il fuq, punt 83). Il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq hija applikabbli, b’analoġija, għall-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE.

289    F’dan il-każ, l-ewwel nett, mill-eżami tat-tieni motiv jirriżulta li l-impriżi Ġappuniżi pparteċipaw, flimkien mal-impriżi Ewropej, fl-arranġament komuni, li kien ftehim bejn impriżi fis-sens tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fir-rigward tas-suq Ewropew tal-proġetti ta’ SIG. Il-parteċipazzjoni fl-arranġament komuni timplika li l-impriżi Ġappuniżi kienu jafu bil-fatt li l-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE kienu rriżervati għall-produtturi Ewropej.

290    F’dan ir-rigward, il-fatt li r-rikorrenti ma pparteċipawx f’miżuri kollużivi speċifiċi fiż-ŻEE ma huwiex rilevanti. Fil-fatt, kif ġie spjegat fil-punt 258 iktar ’il fuq, meta tiġi kkunsidrata n-natura tal-impenn tagħhom abbażi tal-arranġament komuni, il-parteċipazzjoni tal-impriżi Ġappuniżi fl-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG fis-suq taż-ŻEE ma kinitx utli. B’hekk, ir-rwol passiv tal-produtturi Ġappuniżi ma kienx dovut għal għażla volontarja min-naħa tagħhom, imma għall-forma tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ftehim dwar is-suq taż-ŻEE. Min-naħa l-oħra, din l-istess parteċipazzjoni kienet prerekwiżit biex il-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE jkunu jistgħu jiġu allokati bejn il-produtturi Ewropej jew abbażi tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-pajjiżi kostrutturi jew abbażi tal-Ftehim GE.

291    It-tieni nett, id-dikjarazzjonijiet ta’ ABB u t-testimonjanza ta’ M. jissuġġerixxu li, għalkemm l-arranġament komuni ma ssemmiex b’mod espliċitu fil-Ftehim GQ, huwa kien jikkostitwixxi l-bażi tal-funzjonament ta’ dan tal-aħħar, peress li kien jippermetti li tiġi stabbilita l-fiduċja neċessarja għall-funzjonament tal-akkordju dinji. L-eżistenza ta’ rabta bejn l-arranġament komuni u l-Ftehim GQ hija kkonfermata mit-testimonjanza ta’ V.‑A. li semma kif, waqt laqgħa tal-Ftehim GQ, l-impriżi Ewropej u rappreżentant tal-impriżi Ġappuniżi ddiskutew in-neċessità li jiġi osservat l-arranġament komuni.

292    It-tielet nett, il-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni jikkostitwixxi rabta bejn l-attivitajiet kollużivi tal-impriżi Ewropej fi ħdan iż-ŻEE u l-akkordju dinji rregolat mill-Ftehim GQ. Fil-fatt, permezz ta’ dan il-mekkaniżmu, ir-riżultati tal-allokazzjoni ta’ ċerti proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE ttieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG f’reġjuni oħra, abbażi tal-Ftehim GQ. L-eżistenza tal-mekkaniżmu kkonċernat hija stabbilita mid-dikjarazzjonijiet u mit-testimonjanzi ta’ ABB u mid-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti, minkejja l-fatt li dan ma ssemmiex b’mod espliċitu fil-Ftehim GQ.

293    F’dan il-kuntest, l-ispjegazzjoni alternattiva tal-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni proposta mir-rikorrenti ġiet miċħuda fil-punt 213 iktar ’il fuq. Bl-istess mod, mill-punti 243 sa 247 iktar ’il fuq jirriżulta, minn naħa, li l-argumenti tar-rikorrenti dwar ftehim Ewropej oħra għajr il-Ftehim GE ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali u, min-naħa l-oħra, li dan il-ftehim tal-aħħar ma jikkostitwixxix prova tal-allegazzjoni li l-attivitajiet kollużivi tal-produtturi Ewropej fi ħdan iż-ŻEE kienu indipendenti mill-akkordju dinji rregolat mill-Ftehim GQ. Barra minn hekk, mill-elementi prodotti mir-rikorrenti la jirriżulta li l-ftehim ta’ nuqqas ta’ żvelar bejn il-produtturi Ewropej ġie tabilħaqq konkluż u lanqas, a fortiori, li l-iskambju ta’ informazzjoni bejn iż-żewġ gruppi ta’ produtturi kien affetwat minn dan il-fatt.

294    Ir-raba’ nett, għandu jiġi kkunsidrat li, minħabba n-notifika regolari tar-riżultati tas-sejħiet għal offerti li kienu jirrigwardaw ċerti proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE, li kienet saret, minn tal-inqas, bejn l-1988 u l-1999, l-impriżi Ġappuniżi setgħu raġonevolment jipprevedu li l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE bejn il-produtturi Ewropej kienet ir-riżultat ta’ aġir kollużiv. Fil-fatt, il-fatt li matul diversi snin grupp ta’ produtturi kien jirċievi komunikazzjoni regolari bir-riżultati tas-sejħiet għal offerti li għalihom ikunu pparteċipaw il-membri ta’ grupp ieħor ta’ produtturi tal-istess settur industrijali, mingħajr raġuni leġittima apparenti, imur lil hinn mil-limiti ta’ aġir kompetittiv normali. In-notifika b’hekk missha qajjmet dubji dwar il-kundizzjonijiet li fihom ġew allokati l-proġetti ta’ SIG ikkonċernati. Dan huwa iktar u iktar il-każ meta r-riżultati ta’ sejħa għal offerti mhux bilfors ikunu data pubblika, b’mod partikolari fir-rigward ta’ sejħiet għal offerti mnedija minn impriżi privati u f’dak li jikkonċerna d-dettalji tal-offerta magħżula.

295    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni, fil-premessa 277 tad-deċiżjoni kkontestata, ġustament indikat li l-fatt li l-impriżi Ġappuniżi saru jafu bin-natura kollużiva tal-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE, permezz tal-mekkaniżmu ta’ notifika bejn l-1988 u l-1999, ma huwiex probabbli li jiġi affettwat minn interruzzjoni sussegwenti tan-notifika li seta’ kien hemm. Dan japplika wkoll fir-rigward ta’ JAEPS, minkejja l-fatt li hija nħolqot biss fl-2001. Fil-fatt, JAEPS kompliet bl-attivitajiet fil-qasam ta’ SIG tal-azzjonisti tagħha, fosthom Hitachi u Fuji. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jista’ jiġi kkunsidrat li hija kienet taf l-istess affarijiet li kienu jafu l-imsemmija azzjonisti fir-rigward tal-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE.

296    Il-ħames nett, l-arranġament komuni, l-akkordju dinji rregolat mill-Ftehim GQ u l-attivitajiet kollużivi tal-produtturi Ewropej fi ħdan iż-ŻEE ġew implementati simultanjament, kienu jirrigwardaw l-istess prodotti u kienu jimplikaw lill-istess produtturi Ewropej u, fir-rigward tal-arranġament komuni u tal-Ftehim GQ, lill-istess produtturi Ġappuniżi. Bl-istess mod, id-diversi miżuri kellhom l-istess għan komuni, jiġifieri l-istabbiliment ta’ sistema ta’ tqassim tas-suq dinji tal-proġetti ta’ SIG u ta’ allokazzjoni ta’ dawn il-proġetti bejn id-diversi parteċipanti.

297    Fid-dawl ta’ dak li kollu li ngħad iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta kkonstatat li l-arranġament komuni, l‑akkordju dinji rregolat mill-Ftehim GQ u l-attivitajiet kollużivi tal-produtturi Ewropej fi ħdan iż-ŻEE kienu ksur uniku li kellu għan komuni. Konsegwentement, l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

b)     Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx in-natura kontinwata tal-akkordju

 L-argumenti tal-partijiet

298    Ir-rikorrenti jsostnu li, wara l-laqgħa tal-10 ta’ Lulju 2002, l-akkordju ma kellux iktar l-istess għan ekonomiku, peress li dan l-akkordju beda jiffoka fuq il-Lvant Nofsani u x-Xlokk tal-Asja u li l-għan il-ġdid tiegħu kien li jostakola t-tnaqqis tal-prezzijiet f’dawn ir-reġjuni.

299    Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-modifikazzjonijiet fl-istruttura u fil-funzjonament tal-akkordju, li ġew introdotti fl-istess mument, li kienu jinkludu semplifikazzjoni tal-metodi ta’ ħidma, l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ lottijiet ta’ proġetti allokati direttament u l-modifikazzjoni tal-kodiċijiet ta’ isem tal-parteċipanti fl-akkordju.

300    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

301    Mill-elementi tal-fajl ma jirriżultax li l-laqgħa tal-10 ta’ Lulju 2002 immodifikat l-għan ekonomiku tal-akkordju dinji. Fil-fatt, kemm qabel din id-data kif ukoll warajha, l-għan essenzjali ta’ dan l-akkordju kien it-tqassim tas-swieq tal-proġetti ta’ SIG u l-koordinazzjoni tal-allokazzjoni ta’ dawn l-istess proġetti bejn l-impriżi implikati fuq il-livell dinji. F’dan il-kuntest, jidher li l-intenzjoni tal-impriżi kkonċernati li jostakolaw l-inflazzjoni tal-prezzijiet fil-Lvant Nofsani u fix-Xlokk tal-Asja ma kinitx ir-riżultat tal-modifika tal-għanijiet essenzjali tagħhom, imma pjuttost tal-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni kompetittiva fuq l-imsemmija swieq.

302    Barra minn hekk, l-evoluzzjoni strutturali u operattiva invokata mir-rikorrenti tikkonsisti f’bidliet ad hoc li kienu limitati għal ċerti aspetti tal-funzjonament tal-akkordju, imma li ma jaffettwawx l-għan essenzjali tiegħu. Fil-fatt, kif issostni l-Kummissjoni, jidher li d-diversi modifikazzjonijiet kienu marbuta mal-evoluzzjoni fl-għadd ta’ parteċipanti fl-akkordji u ma’ żviluppi teknoloġiċi. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jsostnux il-kontestazzjoni tagħhom dwar in-natura progressiva tal-bidliet li saru, li ġiet spjegata mill-Kummissjoni fil-premessa 280 tad-deċiżjoni kkontestata.

303    Minn dan isegwi li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar il-kontinwità tal-akkordju u tal-għan tiegħu ma humiex ikkorroborati mill-fatti. B’hekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta kkonstatat li kien hemm ksur kontinwat li kellu l-istess għan ekonomiku u li kien jeżisti bejn il-15 ta’ April 1988 u l-11 ta’ Mejju 2004.

304    Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tielet motiv u, konsegwentement, it-tielet motiv kollu kemm hu, għandhom jiġu miċħuda.

305    Billi l-ebda motiv invokat insostenn tat-talba prinċipali ma jista’ jintlaqa’, din għandha tiġi miċħuda.

B –  Fuq l-ewwel talba sussidjarja, intiża għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn jirrigwarda lir-rikorrenti

1.     Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni wettqet żbalji fil-kalkolu tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti

306    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żbalji fil-kalkolu tal-multi li ġew imposti fuqhom. Fil-kuntest tal-ewwel parti, huma jilmentaw li l-Kummissjoni ma osservatx l-obbligu li tevalwa l-importanza relattiva tal-ksur imwettaq minn kull impriża. Fil-kuntest tat-tieni parti, huma jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball manifest fl-applikazzjoni tal-avviż dwar il-kooperazzjoni. Fil-kuntest tat-tielet parti, huma jaffermaw li l-Kummissjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatturi relatati mat-tul tal-akkordju.

307    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

a)     Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq allegat żball fl-evalwazzjoni tal-importanza relattiva tal-ksur imwettaq minn kull impriża

 L-argumenti tal-partijiet

308    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni r-rwol sekondarju li huma kellhom fi ħdan l-akkordju, kemm fir-rigward tal-gravità relattiva tal-aġir tagħhom kif ukoll tal-effett li dan tal-aħħar kellu fuq is-suq taż-ŻEE.

309    Minn naħa, ir-rikorrenti jaffermaw li huma ma pparteċipawx fl-akkordju fi ħdan iż-ŻEE u għal-laqgħat organizzati fil-kuntest tal-Ftehim EQ, imma implementaw biss il-Ftehim GQ. Konsegwentement, l-eventwali parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju Ewropew setgħet biss tkun passiva u l-aġir tagħhom b’hekk ma kellux effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, anki fid-dawl tal-eżistenza tal-akkordju Ewropew preċedenti rregolat mill-Ftehim GE.

310    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jsostnu li l-allegata parteċipazzjoni tagħhom fl-arranġament komuni ma setax ikollha effett fuq is-suq taż-ŻEE u b’hekk ma kienx probabbli li setgħet tkun ta’ dannu għall-kompetizzjoni f’dan l-istess suq. F’dan ir-rigward huma jirreferu għall-elementi li pproduċew quddiem il-Kummissjoni u b’mod partikolari għar-rapport estern, għad-dikjarazzjonijiet ta’ parteċipanti oħra fl-akkordju u għall-fatt li huma ma biegħux SIG fl-Ewropa la bejn l-2000 u l-2002, jiġifieri waqt il-perijodu li matulu huma ma pparteċipawx fl-akkordju, u lanqas wara t-terminazzjoni ta’ dan tal-aħħar. Ir-rikorrenti jżidu jgħidu li l-fatt li huma ma setgħux għamlu dannu lill-kompetizzjoni fiż-ŻEE missu ttieħed inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanza attenwanti.

311    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

312    Skont il-ġurisprudenza, sakemm ksur twettaq minn diversi impriżi, hemm lok li l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni ta’ kull waħda minnhom tiġi eżaminata (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 287 iktar ’il fuq, punt 150, u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, il-fatt li impriża ma pparteċipatax fl-elementi kollha li jikkostitwixxu akkordju jew li hija kellha rwol minuri fl-aspetti li hija pparteċipat fihom għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u meta tiġi ddeterminata l-multa (sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 287 iktar ’il fuq, punt 90).

313    F’dan ir-rigward, qabelxejn, għandu jiġi ppreċiżat li d-deċiżjoni kkontestata ma tissanzjonax il-parteċipazzjoni tad-destinatarji tagħha fil-Ftehim GQ, li ma kienx jirrigwarda t-territorju taż-ŻEE. Fil-fatt, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jiddikjara b’mod ċar li l-ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE jirrigwarda s-settur tal-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE.

314    Mill-eżami tat-tieni motiv jirriżulta li l-parteċipazzjoni tal-produtturi Ġappuniżi u tal-produtturi Ewropej fi ftehim u fi prattiki miftiehma fir-rigward taż-ŻEE ma kinitx tal-istess natura. Fil-fatt, l-impriżi Ġappuniżi impenjaw irwieħhom, fil-kuntest tal-arranġament komuni, li ma jippenetrawx is-suq taż-ŻEE u l-parteċipazzjoni tagħhom b’hekk kienet tikkonsisti f’nuqqas ta’ azzjoni. L-impriżi Ewropej, min-naħa tagħhom, qassmu bejniethom id-diversi proġetti ta’ SIG f’dan l-istess suq, permezz ta’ atti kollużivi pożittivi.

315    Madankollu, ma hemmx differenza kbira fir-rigward tal-gravità ta’ dawn iż-żewġ tipi ta’ aġir. Fil-fatt, kif ġie kkonstatat fil-punti 258 u 290 iktar ’il fuq, fid-dawl tan-natura tal-impenn tar-rikorrenti abbażi tal-arranġament komuni, il-fatt li huma ma pparteċipawx fl-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE ma huwiex rilevanti, peress li l-intervent tagħhom ma kienx utli. B’hekk, il-fatt invokat mir-rikorrent ma kienx ir-riżultat tal-għażla tagħhom imma s-sempliċi konsegwenza tan-natura tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ftehim dwar is-suq taż-ŻEE. Min-naħa l-oħra, din l-istess parteċipazzjoni kienet prerekwiżit biex il-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE setgħu jiġu allokati bejn il-produtturi Ewropej skont ir-regoli miftiehma għal dan il-għan.

316    Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li l-gravità tal-aġir tal-impriżi Ġappuniżi hija paragunabbli għal dik tal-aġir tal-impriżi Ewropej.

317    Fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ kapaċità tar-rikorrenti li jikkawżaw dannu lill-kompetizzjoni fiż-ŻEE, mill-punt 1 A tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi jirriżulta li, meta tiġi ddeterminata l-multa, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva tal-awturi tal-ksur li joħolqu dannu sinjifikattiv lill-operaturi l-oħra, b’mod partikolari lill-konsumaturi.

318    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu, minn naħa, li produttur Ġappuniż li jixtieq jippenetra s-suq tal-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE jkun iffaċċjat b’barrieri għad-dħul “għoljin”, ta’ tip tekniku, kummerċjali, kulturali u ekonomiku. Min-naħa l-oħra, dan l-istess suq huwa suq “matur”, li jimplika li, matul il-perijodu tal-ksur, huwa kellu biss rata ċkejkna ta’ tkabbir u li kien moqdi b’mod adegwat mill-produtturi Ewropej.

319    L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-eżistenza tal-arranġament komuni u, b’mod partikolari tal-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni, timplika li l-produtturi Ġappuniżi kienu pperċepiti bħala kompetituri potenzjali kredibbli mill-produtturi Ewropej minkejja ċerti barrieri għad-dħul oġġettivi, li l-eżistenza tagħhom, inċidentalment, ma hijiex ikkontestata mill-Kummissjoni. Li kieku dan ma kienx il-każ, l-arranġament komuni ma kienx jiġi konkluż u osservat mill-produtturi Ewropej, li minħabba fih ġarrbu t-telf ta’ parti mill-proġetti ta’ SIG barra miż-ŻEE. Sa fejn il-produtturi Ewropej kienu f’pożizzjoni partikolarment tajba biex jevalwaw is-sitwazzjoni fiż-ŻEE, minħabba l-pożizzjoni privileġġjata tagħhom fl-Ewropa, l-aċċettazzjoni tagħhom tal-arranġament komuni tikkostitwixxi argument li jqiegħed serjament f’dubju l-plawżibbiltà tat-teżi difiża mir-rikorrenti.

320    It-tieni nett, għandu jiġi osservat li r-rapport estern prodott mir-rikorrenti ġie redatt ex post, għall-bżonnijiet speċifiċi tad-difiża tal-partijiet fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Kif issostni l-Kummissjoni, ir-rapport huwa redatt f’termini ġenerali u ma jirreferix għall-fatt li l-fattibbiltà jew l-adegwatezza kummerċjali tal-penetrazzjoni tas-suq taż-ŻEE ġiet diskussa mir-rikorrenti. Bl-istess mod, fir-rigward b’mod partikolari tal-barrieri tekniċi, ir-rapport estern jirreferi fil-parti l-kbira għad-dikjarazzjonijiet ta’ JAEPS u ta’ destinatarji oħra tad-deċiżjoni kkontestata, li jimplika li, minn dan il-lat ukoll, ma huwiex sors indipendenti.

321    Barra minn hekk, fir-rigward tal-barrieri tekniċi, jidher tabilħaqq li produttur Ġappuniż li jixtieq jippenetra s-suq taż-ŻEE għandu jadatta l-prodott ikkonċernat għan-normi fis-seħħ, li jirriżultaw mill-istandards iddefiniti mill-Kummissjoni Elettroteknika Internazzjonali, għandu jwettaq ċertu numru ta’ testijiet ta’ konformità u għandu jikseb iċ-ċertifikati korrispondenti. Madankollu, ir-rikorrenti ma jikkontestawx li l-produtturi Ġappuniżi wettqu bejgħ sporadiku ta’ prodotti tas-SIG fiż-ŻEE kif ukoll bejgħ iktar kunsiderevoli f’territorji oħra fejn l-istandards iddefiniti mill-Kummissjoni Elettroteknika Internazzjonali jiġu applikati wkoll.

322    Ir-rikorrenti jirreferu wkoll għal rekwiżiti u għal użi tekniċi supplimentari applikabbli f’ċerti pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent. Issa, għall-inqas fir-rigward ta’ pajjiżi oħra għajr il-pajjiżi kostrutturi, dawn ir-rekwiżiti japplikaw għall-fornituri potenzjali, Ewropej jew Ġappuniżi, kollha.

323    L-istess japplika fir-rigward tal-allegata preferenza għall-produtturi nazzjonali, peress li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-pajjiżi taż-ŻEE l-oħra għajr il-pajjiżi kostrutturi kienu ġustament dawk fejn ma kienx hemm fornituri nazzjonali kredibbli. Raġunament bħal dan huwa applikabbli, a fortiori, għall-allegata preferenza għall-fornitur tat-tagħmir diġà installat. Fil-fatt, relazzjoni preċedenti sodisfaċenti ma’ fornitur għandha t-tendenza li tiżvantaġġja lill-fornituri l-oħra kollha, irrispettivament mill-fatt jekk ikunux Ewropej jew Ġappuniżi.

324    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li d-Direttiva tal-Kunsill 93/38/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku għal entitajiet li joperaw [ta’ għoti ta’ kuntratti] fis-setturi [tal]-ilma, [tal]-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2 p. 194), timponi li fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi tingħata preferenza lill-fornituri Ewropej. Issa, kif jirrikonoxxu r-rikorrenti stess, minn naħa, mill-1 ta’ Jannar 1996 din ir-regola ma għadhiex iktar applikabbli għall-produtturi Ġappuniżi. Min-naħa l-oħra, ir-regola tal-preferenza ma hijiex assoluta, peress li, abbażi tal-Artikolu 36(3) tal-imsemmija direttiva, hija tapplika biss meta l-offerti inkwistjoni jkunu ekwivalenti fid-dawl tal-kriterji tal-għoti, li jimplika b’mod partikolari li d-differenza fil-prezzijiet ma taqbiżx it-3 %.

325    Fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti bbażati, minn naħa, fuq in-neċessità li tkun stabbilita preżenza fl-Ewropa sabiex ikun żgurat il-bejgħ kif ukoll is-servizzi u l-infrastrutturi ta’ manutenzjoni u, min-naħa l-oħra, fuq l-effett tad-distanza bejn il-Ġappun u l-Ewropa fuq l-ispejjeż tat-trasport u tal-assigurazzjoni u fuq it-termini ta’ kunsinna, ma jistgħux jintlaqgħu, meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-bejgħ tas-SIG li l-produtturi Ġappuniżi kellhom fiż-ŻEE kif ukoll fil-bqija tal-Ewropa u fir-reġjun tal-Mediterran, jiġifieri f’territorji mbiegħda ġeografikament mill-Ġappun.

326    Fir-rigward tal-allegati barrieri tariffarji, ir-rikorrenti ma pprovdewx dettalji dwar ir-rati tad-dazji doganali li huma applikabbli għall-importazzjoni tas-SIG fiż-ŻEE mill-Ġappun. Konsegwentement, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

327    Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li l-eżistenza estiża tal-arranġament komuni u, għaldaqstant, l-assenza tal-produtturi Ġappuniżi mis-suq taż-ŻEE setgħet issaħħaħ b’mod artifiċjali uħud mill-barrieri għad-dħul, imsemmija mir-rikorrenti, b’mod partikolari dawk marbuta mal-aċċettazzjoni mill-klijenti Ewropej ta’ fornituri Ġappuniżi. Issa, ma jistax jiġi aċċettat li r-rikorrenti jinvokaw il-konsegwenzi tal-funzjonament tal-ksur li huma pparteċipaw għalih biex jitolbu tnaqqis fil-multa li ġiet imposta fuqhom għal dan l-istess ksur. Barra minn hekk, l-effetti msemmija iktar ’il fuq tal-eżistenza fit-tul tal-arranġament komuni jistgħu jispjegaw il-fatt li r-rikorrenti ma biegħux SIG fiż-ŻEE bejn l-1999 u l-2002 u bejn l-2004 u l-2006, jiġifieri matul perijodi relattivament qosra meta pparagunati mal-perijodu tal-ksur.

328    It-tielet nett, għandu jiġi osservat li d-dikjarazzjonjiet ippreżentati minn parteċipanti oħra ma jirreferux għal barrieri għad-dħul oħra ħlief dawk imsemmija mir-rikorrenti. Konsegwentement, l-argument spjegat fil-punti 321 sa 327 iktar ’il fuq huwa applikabbli anki f’dan ir-rigward.

329    Ir-raba’ nett, għandu jiġi osservat li l-elementi relatati mal-istat tas-suq taż-ŻEE prodotti fir-rapport estern ma humiex biżżejjed dettaljati, peress li huma jkopru biss ċerti partijiet mill-perijodu tal-ksur. Barra minn hekk, parti mill-elementi jirrigwardaw ir-rata ta’ tkabbir tas-suq taż-ŻEE, imma ma jippreċiżawx id-daqs ta’ dan it-tkabbir. Issa, suq importanti f’termini assoluti jista’ jippreżenta opportunitajiet ta’ dħul anki jekk ir-rata ta’ tkabbir ma tkunx waħda kbira.

330    Bl-istess mod, il-preżenza ta’ kompetituri oħra hija fattur inerenti għall-eżerċizzju tal-attività ekonomika f’ekonomija tas-suq u b’hekk, fiha nnifisha, ma hijiex ċirkustanza partikolari li missha ttieħdet inkunsiderazzjoni. Sa fejn l-argument tar-rikorrenti jenfasizza r-relazzjoni allegatament privileġġjata bejn il-klijenti Ewropej u l-produtturi Ewropej, għandha ssir referenza għall-punti 323 u 327 iktar ’il fuq.

331    Barra minn hekk, l-għan tal-analiżi tal-kapaċità tal-produtturi Ġappuniżi li jippenetraw is-suq taż-ŻEE ma kienx li jsir magħruf jekk dħul f’dan is-suq kienx l-alternattiva l-iktar attraenti li kellhom il-produtturi Ġappuniżi, iżda li jsir magħruf jekk din kinitx possibbiltà realistika li, fin-nuqqas tal-arranġament komuni, setgħet teżerċita pressjoni fuq l-aġir tal-produtturi preżenti fis-suq taż-ŻEE. Konsegwentement, il-fatt li l-produtturi Ġappuniżi seta’ kellhom opportunitajiet fi swieq oħra ma huwiex rilevanti fih innifsu.

332    Fid-dawl ta’ dak kollu li ngħad iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma sostnewx kif titlob il-liġi l-allegazzjoni tagħhom li tgħid li l-karatteristiċi partikolari tas-suq taż-ŻEE kellhom bħala konsegwenza li l-aġir tal-produtturi Ġappuniżi, partijiet għall-arranġament komuni, ma kienx kapaċi, f’dan il-każ, li jikkawża dannu lill-kompetizzjoni f’dan l-istess suq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li ma ħaditx din l-allegazzjoni inkunsiderazzjoni, kemm jekk waqt l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur imwettaq mir-rikorrenti jew waqt l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti.

333    Għaldaqstant, l-ewwel parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda.

b)     Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq allegat żball fl-applikazzjoni tal-avviż dwar il-kooperazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

334    Ir-rikorrenti jsostnu li, biex tikkonkludi li huma kienu pparteċipaw fl-arranġament komuni u, b’mod iktar ġenerali, fi ksur uniku u kontinwat, il-Kummissjoni invokat żewġ elementi prodotti mir-rikorrenti, jiġifieri, minn naħa, id-dikjarazzjonijiet dwar l-eżistenza ta’ mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni u, min-naħa l-oħra, l-espożizzjoni taċ-ċaħda tal-proposta ta’ Alstom, li ġiet ippreżentata fl-10 ta’ Lulju 2002 u li kienet tikkonċerna l-arranġament komuni fir-rigward tas-suq Ewropew. F’dak iż-żmien il-Kummissjoni ma kinitx taf b’dawn il-provi u dawn kellhom effett dirett fuq id-dimostrazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwat.

335    Konsegwentement, ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-Kummissjoni wettqet żball meta kkonstatat li l-provi msemmija iktar ’il fuq ma jirrappreżentawx valur miżjud li jiġġustifika tnaqqis tal-multa abbażi tal-avviż dwar il-kooperazzjoni. B’referenza għall-paragrafu 23 tal-imsemmi avviż, huma jsostnu wkoll li ma kellha tiġi imposta fuqhom l-ebda multa.

336    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

337    Il-paragrafi 4, 20, 21 u 23 tal-avviż dwar il-kooperazzjoni jipprovdu dan li ġej:

“4. Il-Kummissjoni kkunsidrat li huwa fl-interess Komunitarju li jingħata trattament favorevoli lil impriżi li jikkooperaw magħha. L-interessi tal-konsumatur u ċ-ċittadini biex jiġi żgurat li kartelli sigrieti jiġu mikxufa u kkastigati huma akbar mill-interess li jiġu mmultati dawk l-impriżi li jippermettu lill-Kummissjoni biex tiskopri u tipprojbixxi dawn il-prattiċi.

[…]

20. Impriżi li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet [previsti biex tinkiseb l-immunità minn multi] jistgħu jkunu eliġibbli biex jibbenefikaw minn tnaqqis ta’ kull multa li kieku kienet tkun imposta.

21. Biex tikkwalifika, impriża għandha tipprovdi l-Kummissjoni bi provi tal-ksur tal-liġi ssospettat li jirrappreżentaw valur miżjud b’rispett għall-evidenza li diġà tinstab fil-pussess tal-Kummissjoni u għandha twaqqaf l-involviment tagħha fil-ksur tal-liġi ssuspettat mhux aktar tard miż-żmien li fih tressaq il-provi.

[…]

23. […] Barra dan, jekk impriża tipprovdi provi rrelatati ma’ fatti li qabel ma kinux magħrufa lill-Kummissjoni li għandhom rilevanza diretta fuq il-gravità u t-tul tal-kartell issuspettat, il-Kummissjoni mhijiex ser tieħu kont ta’ dawn l-elementi meta tordna li tiġi imposta multa fuq l-impriża li tipprovdi dawn il-provi.”

338    Evalwati abbażi ta’ dawn il-kriterji, l-argumenti tar-rikorrenti ma jistgħux jintlaqgħu.

339    Fil-fatt, kif ġie osservat fil-punti 192 u 230 iktar ’il fuq, id-dikjarazzjonijiet dwar il-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni u dwar il-proposta ta’ Alstom ta’ Lulju 2002 jikkostitwixxu elementi rilevanti biex tiġi pprovata l-eżistenza tal-arranġament komuni. Madankollu, matul il-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti allegaw, minn naħa, li l-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni ma kienx rilevanti biex tiġi pprovata l-eżistenza tal-imsemmi arranġament u, min-naħa l-oħra, li l-proposta ta’ Alstom u r-reazzjoni tagħhom għal din il-proposta kienu jippermettu li titqiegħed f’dubju l-eżistenza ta’ dan l-arranġament. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu li huma kkooperaw mal-Kummissjoni dwar dan il-punt, f’konformità mal-paragrafu 4 tal-avviż dwar il-kooperazzjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta rrifjutat li tapplika l-paragrafi 20 u 21 tal-imsemmi avviż fir-rigward tar-rikorrenti.

340    Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-paragrafu 23 tal-avviż dwar il-kooperazzjoni, għandu jiġi osservat li fid-9 ta’ Settembru 2004, jiġifieri meta tressqet it-talba għal klemenza tar-rikorrenti li magħha kienet mehmuża l-espożizzjoni tal-proposta ta’ Alstom tal-10 ta’ Lulju 2002, il-Kummissjoni diġà kienet taf bl-eżistenza u bin-natura tal-arranġament komuni, kif ukoll bil-fatt li dan kien ikopri speċifikatament il-perijodu ta’ bejn Lulju 2002 u l-2004. Fil-fatt, dawn il-fatti ġew żvelati fid-dikjarazzjonijiet ta’ ABB tal-11 ta’ Marzu 2004. Bl-istess mod, meta ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jiġifieri qabel ma r-rikorrenti kienu ppreżentaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom dwar il-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni, il-Kummissjoni kienet taf li dan l-istess mekkaniżmu kien implementat bejn il-parteċipanti għall-akkordju bejn l-1988 u l-2002, billi dawn l-elementi ġew deskritti kemm fid-dikjarazzjonijiet ta’ ABB kif ukoll fit-testimonjanza ta’ M. Konsegwentement, ma jistax jiġi kkunsidrat li d-dikjarazzjonijiet ikkonċernati tar-rikorrenti kienu jirrigwardaw fatti li qabel il-Kummissjoni ma kinitx taf bihom jew, a fortiori, li dawn seta’ jkollhom effett fuq il-gravità jew fuq it-tul tal-ksur. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta rrifjutat li tapplika fil-konfront tagħhom il-paragrafu 23 tal-avviż dwar il-kooperazzjoni.

341    Għaldaqstant, it-tieni parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda.

c)     Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq allegat żball fl-evalwazzjoni tal-fatturi relatati mat-tul tal-ksur

 L-argumenti tal-partijiet

342    Ir-rikorrenti jerġgħu jaffermaw, minn naħa, il-pożizzjoni tagħhom li tgħid li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx il-kontinwità tal-għan tal-ksur matul il-perijodu ta’ bejn il-15 ta’ April 1988 u l-11 ta’ Mejju 2004. Min-naħa l-oħra, huma jsostnu li l-konstatazzjoni tal-parteċipazzjoni tagħhom fi ksur wara Lulju 2002 hija kkontestata mill-modifikazzjonijiet li saru fl-istruttura u fin-natura tal-ftehim f’dak iż-żmien, u b’mod partikolari biċ-ċaħda tagħhom tal-proposta ta’ Alstom tal-10 ta’ Lulju 2002 biex jiġi konkluż arranġament dwar is-suq Ewropew.

343    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

344    L-argumenti tar-rikorrenti mqajjma fil-kuntest ta’ din il-parti huma l-istess bħal dawk li diġà ġew indirizzati fil-kuntest tat-tieni u tat-tielet motiv. Fil-fatt, l-argumenti dwar il-kontinwità tal-għan tal-akkordju u dwar il-modifikazzjonijiet li sarulu ġew eżaminati fil-punti 301 sa 303 iktar ’il fuq. Bl-istess mod, ir-rilevanza taċ-ċaħda, mill-impriża Hitachi, tal-proposta li saret minn Alstom fl-10 ta’ Lulju 2002, ġiet, min-naħa tagħha, eżaminata fil-punti 185 sa 193 iktar ’il fuq.

345    Mis-siltiet inkwistjoni jirriżulta li l-elementi invokati mir-rikorrenti ma jippermettux li jiġi konkluż li l-Kummissjoni wettqet żball, minn naħa, meta kkonstatat l-eżistenza ta’ ksur kontinwat li kellu l-istess għan ekonomiku bejn il-15 ta’ April 1988 u l-11 ta’ Mejju 2004 u, min-naħa l-oħra, meta kkunsidrat li l-arranġament komuni u, għaldaqstant, il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur, komplew lil hinn mix-xahar ta’ Lulju 2002.

346    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet parti tar-raba’ motiv u, għaldaqstant, ir-raba’ motiv kollu kemm hu, għandhom jiġu miċħuda.

2.     Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kkalkolat il-multi tar-rikorrenti skont metodu li jikser il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità

a)     L-argumenti tal-partijiet

347    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità meta applikat fattur ta’ dissważjoni ta’ 2.5 fir-rigward tal-impriża Hitachi, filwaqt li applikat koeffiċjent iktar baxx fir-rigward ta’ ABB, jiġifieri 1.25. Fil-fehma tagħhom, filwaqt li l-impriża Hitachi hija operatriċi minuri fis-settur tal-proġetti ta’ SIG u l-aġir tagħha ma kienx probabbli li jikkawża dannu sinjifikattiv lill-kompetizzjoni fis-suq komuni, ABB hija l-ikbar fornitriċi fl-istess settur fil-livell dinji u hija stabbilita fl-Ewropa. Barra minn hekk, b’differenza għal ABB, l-impriża Hitachi ma kinitx reċidiva. Issa, sa fejn dan il-fatt huwa rilevanti fil-kuntest tal-prevenzjoni ta’ aġiri antikompetittivi futuri, dan messu ttieħed inkunsiderazzjoni meta ġew iddeterminati l-fatturi ta’ dissważjoni applikabbli. Barra minn hekk, l-applikazzjoni tal-fatturi ta’ dissważjoni marret ferm lil hinn mill-effett ta’ teħid inkunsiderazzjoni tas-sehem tas-suq żgħir tar-rikorrenti.

348    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

349    Mill-premessa 491 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li kien neċessarju li jiġi applikat fattur ta’ dissważjoni fir-rigward tal-impriżi bi dħul mill-bejgħ totali partikolarment għoli. Abbażi tad-dħul mill-bejgħ dinji tal-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni applikat b’mod partikolari l-fatturi ta’ dissważjoni ta’ 1.25 fir-rigward ta’ ABB u ta’ 2.5 fir-rigward tal-impriża Hitachi.

350    Ir-rikorrenti jilmentaw li dan il-kalkolu la jirrifletti s-saħħa ta’ ABB fis-suq dinji u f’dak Ewropew tal-proġetti ta’ SIG u lanqas il-fatt li ABB ġiet issanzjonata, fl-imgħoddi, għall-ksur tal-Artikolu 81 KE. Issa, mill-premessa 491 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-għan tal-applikazzjoni ta’ fattur ta’ dissważjoni ma kienx li jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn iż-żewġ fatturi, imma li tkun riflessa d-differenza fid-daqsijiet bejn id-diversi impriżi li pparteċipaw fl-akkordju. It-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan l-element tal-aħħar huwa konformi kemm mal-punt 1 A tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi kif ukoll mal-ġurisprudenza li tipprovdi li meta l-Kummissjoni tikkalkola l-ammont tal-multa, hija tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, id-daqs u s-saħħa ekonomika tal-impriża kkonċernata (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punti 119 sa 121).

351    Il-proporzjonalità tal-fatturi ta’ dissważjoni applikati fir-rigward ta’ ABB u tal-impriża Hitachi meta pparagunati mad-daqs tagħhom tista’ faċilment tiġi vverifikata billi jiġi redatt graff tal-fatturi ta’ dissważjoni kollha li ġew applikati b’relazzjoni għad-dħul mill-bejgħ rispettiv tal-impriżi kkonċernati. Issa, fuq dan il-graff, il-koeffiċjenti tal-impriżi kollha kkonċernati, ħlief ta’ Siemens, jinsabu fuq linja dritta. Dan il-fatt jimplika li l-fattur ta’ dissważjoni applikat fir-rigward tal-impriża Hitachi huwa proporzjonat għal dak applikat fir-rigward ta’ ABB u li, konsegwentement, l-impriża Hitachi ma kinitx suġġetta għal trattament mhux ugwali meta pparagunata ma’ ABB.

352    Barra minn hekk, fir-rigward tal-fatturi l-oħra invokati mir-rikorrenti, għandu jiġi osservat li s-saħħa ta’ ABB fis-suq tal-proġetti ta’ SIG ċertament tikkostitwixxi element rilevanti, peress li hija indikatur dirett tal-kapaċità ta’ din l-istess impriża li tikkawża dannu lill-kompetizzjoni. Issa, f’dan il-każ, dan l-element ittieħed inkunsiderazzjoni meta ġie ddeterminat l-ammont inizjali, billi ABB ġiet ikklassifikata, flimkien ma’ Siemens, fl-ewwel grupp abbażi tas-sehem tagħhom mill-bejgħ dinji totali. B’hekk, l-ammont inizjali ta’ ABB kien ħames darbiet ikbar minn dak tal-impriża Hitachi u ta’ JAEPS.

353    Fir-rigward tar-reċidiva, għandu jitfakkar li l-iskop tad-dissważjoni huwa għan tal-multa u li n-neċessità li jiġi żgurat tikkostitwixxi rekwiżit ġenerali li għandu jiggwida lill-Kummissjoni matul il-kalkolu tal-ammont tal-multa u ma titlobx neċessarjament li dan il-kalkolu jkun ikkaratterizzat b’fażi speċifika intiża għal evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha sabiex jintlaħaq dan l-iskop (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il‑Kummissjoni, T‑15/02, Ġabra p. II‑497, punt 226). Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball, tieħu dan l-element inkunsiderazzjoni, mhux meta ddeterminat il-fatturi ta’ dissważjoni, imma fil-kuntest tal-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi aggravanti. Fil-premessa 510 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni b’hekk żiedet b’50 % il-multa ta’ ABB abbażi tal-punt 2 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi, filwaqt li ebda waħda mir-rikorrenti ma kienet suġġetta għal tali żieda minħabba din ir-raġuni.

354    Fid-dawl ta’ dak kollu li ngħad iktar ’il fuq, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud, l-istess bħall-ewwel talba sussidjarja tar-rikorrenti, intiża għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn jirrigwardahom.

355    Billi ma tqajjem l-ebda motiv awtonomu insostenn tat-tieni talba sussidjarja tar-rikorrenti, għat-tħassir jew għal tnaqqis tal-multi li ġew imposti fuqhom, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

356    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż, skont kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti huma kkundannati għall-ispejjeż.

Pelikánová

Jürimäe

Soldevila Fragoso

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Lulju 2011

Firem


Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

A –  Ir-rikorrenti

B –  Il-prodotti kkonċernati

C –  Il-proċedura amministrattiva

D –  Id-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

A –  Fuq it-talba prinċipali sabiex id-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata sa fejn din tirrigwarda lir-rikorrenti

1.  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–  Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-allegat nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-provi inkriminanti

–  Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-allegat nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-provi li jiskaġunaw

2.  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma pprovatx l-eżistenza tal-arranġament komuni jew dik tal-ksur li rriżulta minnu

a)  Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma stabbilietx l-eżistenza tal-arranġament komuni

Fuq il-Ftehim GQ u l-Ftehim EQ

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ ABB

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-testimonjanzi tal-impjegati u ta’ ex impjegat ta’ ABB

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-provi prodotti minn Fuji

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-proposta ta’ Alstom ippreżentata fl-10 ta’ Lulju 2002

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-pożizzjoni tad-destinatarji l-oħra tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Kunsiderazzjonijiet globali

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

b)  Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma stabbilietx li l-arranġament komuni kien jikkostitwixxi ftehim restrittiv jew prattika miftiehma

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

3.  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma pprovatx l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwat

a)  Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma stabbilietx l-eżistenza ta’ ksur uniku li jinkludi l-arranġament komuni, l-akkordju dinji rregolat mill-Ftehim GQ u l-attivitajiet kollużivi tal-produtturi Ewropej fi ħdan iż-ŻEE

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

b)  Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma stabbilietx in-natura kontinwata tal-akkordju

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

B –  Fuq l-ewwel talba sussidjarja, intiża għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn jirrigwarda lir-rikorrenti

1.  Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni wettqet żbalji fil-kalkolu tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti

a)  Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq allegat żball fl-evalwazzjoni tal-importanza relattiva tal-ksur imwettaq minn kull impriża

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

b)  Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq allegat żball fl-applikazzjoni tal-avviż dwar il-kooperazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

c)  Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq allegat żball fl-evalwazzjoni tal-fatturi relatati mat-tul tal-ksur

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

2.  Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kkalkolat il-multi tar-rikorrenti skont metodu li jikser il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalitŕ

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.