Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta' April 2007 - Hitachi and Others vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-112/07)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Hitachi Ltd (Tokyo, Il-Ġappun), Hitachi Europe Ltd (Maidenhead, Ir-Renju Unit), Japan AE Power Systems Corp. (Tokyo, Il-Ġappun) (rappreżentanti: M. Reynolds, P. Mansfield u D. Arts, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata safejn hija tikkonċerna kull waħda minnhom;

konsegwentement, tannulla l-multi imposti fuq kull waħda minnhom;

sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata safejn huwa jikkonċerna kull waħda minnhom, jew, almenu tannulla jew tnaqqas il-multi imposti fuq kull waħda minnhom;

tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti ressqu rikors għal annulament, taħt l-Artikoli 225 u 230 KE kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' l-24 ta' Jannar 2007 (Każ COMP/F/38.899 - Apparat ta' distribuzzjoni ta' elettriku Iżolat bil-Gass - C(2006) 6762 finali), li fuq il-bażi tagħha l-Kummissjoni sabet li r-rikorrenti, fost impriżi oħra, kisret l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 ŻEE fis-settur ta' apparat ta' distribuzzjoni ta elettriku iżolat bil-gass (iktar 'il quddiem "GIS"), permezz ta' sett ta' akkordji u prattiċi miftiehma li jikkonsistu fi (a) tqassim tas-suq, (b) l-allokazzjoni ta' kwoti u ż-żamma ta' l-ishma rispettivi tas-suq, (c) l-allokazzjoni ta' proġetti GIS individwali (manipulazzjoni fl-offerti "bid-rigging") lil produtturi speċifiċi u l-manipulazzjoni tal-proċedura tas-sejħa għal offerti għal dawk il-proġetti, (d) l-iffissar tal-prezzijiet, (e) ftehimiet sabiex jingħata tmiem għal kuntratti ta' liċenzja ma' dawk li mhumiex membri fil-kartell u (f) skambju ta' informazzjoni sensittiva dwar is-suq. Sussidjarjament, ir-rikorrenti jitolbu, fuq il-bażi ta' l-Artikolu 31 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/20031, għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multi imposti fuq kull waħda minnhom.

Il-motivi li jibbażaw ruħhom fuqhom ir-rikorrenti jistgħu jinġabru fil-qosor b'dan il-mod. Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret ir-regoli fundamentali dwar il-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża, l-Artikolu 2 tar-Regolament 1/2003 u l-Artikolu 81 KE, kif ukoll il-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja f'dan ir-rigward:

L-ewwel nett, intqal li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet ta' difiża tar-rikorrenti meta ma tatx aċċess għal ċerti dokumenti li allegatament huma invokati kontrihom kif ukoll għal ċerti dokumenti li jistgħu jiskaġunawhom.

It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma ppruvatx l-eżistenza ta' ksur ta' l-Artikolu 81(1) KE kif rikjest mil-liġi fl-Artikolu 2 tar-Regolament 1/2003. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu, b'mod partikolari, li l-Kummissjoni ma ppruvatx l-eżistenza ta' qbil komuni bejn l-impriżi Ewropej u Ġappuniżi involuti fil-kwistjoni bil-mod allegat fid-deċiżjoni, jew li kwalunkwe qbil komuni kien jikkostitwixxi ftehim jew prattika restrittiva.

It-tielet nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma ppruvatx li r-rikorrenti ħadu sehem fi ksur wieħed u kontinwu.

Ir-raba' nett, il-Kummissjoni allegatament wettqet żballji manifesti fl-evalwazzjoni tagħha tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti billi ma evalwatx l-importanza speċifika ta' l-allegat ksur imwettaq mir-rikorrenti.

Fil-ħames lok, skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet żball manifest billi naqset milli tikkunsidra l-fatturi relatati mat-tul fl-evalwazzjoni tal-multi tar-rikorrenti.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-metodu użat mill-Kummissjoni sabiex tevalwa l-multi fir-rigward tal-koeffiċjent multiplikatur bħala deterrent jikser il-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja ta' trattament ugwali u ta' proporzjonalità, kemm fir-rigward tar-riskju li r-rikorrenti jistgħu jikkawżaw xi dannu sinjifikanti fis-suq Ewropew kif ukoll għaliex ma ħaditx in kunsiderazzjoni r-reċidività.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) NRU 1/2003 tas-16 Diċembru 2002 fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1-25)