Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta' Settembru 2012 - Beninca vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-418/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Jürgen Beninca (Frankfurt am Main, il-Ġermanja) (rappreżentant: C. Zschocke, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Lulju 2012, li tirrifjuta b'mod impliċitu l-aċċess għal dokument prodott fil-kuntest ta' operazzjoni ta' konċentrazzjoni (Każ COMP/M.6166 - NYSE Euronext vs Deutsche Börse); u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma adottatx deċiżjoni fuq it-talba tar-rikorrent għal aċċess għal dokument speċifiku fit-terminu previst mill-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 . Skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament, dan jikkostitwixxi deċiżjoni impliċita negattiva u mhux ġustifikata u għaldaqstant jikkostitwixxi ksur tad-dispożizzjonijiet rilevanti dwar l-aċċess għal dokumenti.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-ebda wieħed mill-argumenti mressqa mill-Kummissjoni, fl-evalwazzjoni preliminari tagħha, ma jiġġustifika r-rifjut li jingħata aċċess lir-rikorrent għad-dokument mitlub.

____________

1 - Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331)