Language of document : ECLI:EU:C:2023:436

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

ĆAPETA

ippreżentati fil‑25 ta’ Mejju 2023 (1)

Kawża C175/22

BK,

partijiet magħquda:

Spetsializirana prokuratura

(talba għal deċiżjoni preliminari imressqa mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il‑Bulgarija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva 2012/13/UE – Dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali – Artikolu 6(4) – Dritt għal informazzjoni dwar il-klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ reat kriminali minn qorti nazzjonali – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal smigħ xieraq – Imparzjalità ġudizzjarja”






I.      Introduzzjoni

1.        Skont rapporti reċenti, kull sena iktar minn 9 miljun persuna jaffaċċjaw proċeduri kriminali fl-Unjoni Ewropea (2). Għal dan il-għan, l-Unjoni Ewropea adottat diversi strumenti legali li jistipulaw ċerti drittijiet proċedurali komuni li japplikaw fi proċeduri kriminali.

2.        Wieħed minn dawn l-istrumenti huwa d-Direttiva 2012/13/UE dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (3), li tistabbilixxi regoli dwar id-dritt tal-persuni li jkunu informati dwar id-drittijiet proċedurali tagħhom, inkluż l-akkuża magħmula kontrihom.

3.        Din il-kawża tirriżulta minn talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija) dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva, flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

4.        Il-kwistjoni prinċipali mqajma permezz ta’ din il-kawża hija essenzjalment dwar jekk id-Direttiva 2012/13 tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil qorti ssib persuna akkużata ħatja ta’ reat kriminali li jkun ġie kklassifikat mill-ġdid minnha mingħajr ma tinforma lil din il-persuna qabel ma tagħti s-sentenza tagħha. Din il-kawża tqajjem ukoll kwistjonijiet dwar jekk il-fatt li l-informazzjoni dwar il-klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ reat kriminali tiġi minn qorti jistax imur kontra l-garanziji ta’ imparzjalità ġudizzjarja minquxa fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

II.    Ilfatti filkawża prinċipali, iddomandi għal deċiżjoni preliminari u lproċedura quddiem ilQorti tal-Ġustizzja

5.        L-iSpetsializirana prokuratura (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Speċjalizzat, il-Bulgarija) ressaq akkużi kriminali kontra l-persuna akkużata BK quddiem l-iSpetsializiran nakazatalen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija), il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża.

6.        L-iSpetsializirana prokuratura (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Speċjalizzat) akkuża lil BK li wettaq ir-reat kriminali ta’ korruzzjoni fil-kapaċità tiegħu ta’ investigatur tal-pulizija. Taħt il-Kodiċi Kriminali tal-Bulgarija (4), dan ir-reat huwa punibbli b’piena li ċċaħħad il-libertà ta’ 3 snin sa 15‑il sena, multa ta’ 25 000 lev Bulgaru (BGN) (madwar EUR 12 500), konfiska ta’ nofs l-assi u telf tad-drittijiet.

7.        Id-difiża ta’ BK toġġezzjona għal din il-klassifikazzjoni ġuridika, billi ssostni li l-atti inkwistjoni kienu jaqgħu barra mill-portata tar-responsabbiltajiet ta’ BK bħala investigatur tal-pulizija u kienu jinvolvu, pjuttost, ir-reat kriminali ta’ frodi. Taħt il-Kodiċi Kriminali tal-Bulgarija (5), dan ir-reat huwa punibbli b’piena li ċċaħħad il-libertà sa ħames snin.

8.        Il-qorti tar-rinviju tindika li d-deċiżjoni tagħha fuq il-mertu għandha, bħala prinċipju, tkun ibbażata fuq l-akkuża kif ifformulata mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku. Jekk tqis li l-elementi tar-reat allegat ma humiex issodisfatti, ikollha toħroġ liberazzjoni. Madankollu, kieku kellha tikkunsidra li l-fatti allegati mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku huma korretti, ikollha teżamina jekk dan jirriżultax f’reat differenti b’piena gravi daqsu jew inqas.

9.        F’każ bħal dan, il-qorti tar-rinviju tispjega li l-leġiżlazzjoni Bulgara (6) rilevanti ġiet interpretata fil-ġurisprudenza bħala li tippermetti li qorti temenda ex officio l-klassifikazzjoni ġuridika tar-reat kriminali mingħajr ma tinforma lill-persuna akkużata minn qabel. Dan huwa biss meta ma jkunx hemm bidla sostanzjali fid-dettalji tal-akkuża u l-klassifikazzjoni ġuridika l-ġdida ma tinvolvix l-impożizzjoni ta’ piena iktar gravi (7). Fil-prattika, il-persuna akkużata ssir taf bil-klassifikazzjoni ġuridika l-ġdida biss meta tingħata s-sentenza tal-qorti.

10.      Il-qorti tar-rinviju għalhekk tqis li, skont id-dritt nazzjonali, ikun possibbli għaliha li temenda l-klassifikazzjoni ġuridika tar-reat li huwa akkużat bih BK, u b’hekk tistabbilixxi reat ta’ frodi, kif invokat mid-difiża ta’ BK. Il-qorti tar-rinviju ssemmi wkoll reat possibbli ieħor, l-eżerċizzju ta’ influwenza indebita, li huwa punibbli taħt il-Kodiċi Kriminali tal-Bulgarija (8) b’piena li ċċaħħad il-libertà sa sitt snin jew b’multa sa BGN 5 000 (madwar EUR 2 500).

11.      Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali kif interpretata fil-ġurisprudenza hijiex konformi mal-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva 2012/13, peress li l-persuna akkużata hija mċaħħda minn kull opportunità li tippreżenta difiża kontra l-klassifikazzjoni ġuridika l-ġdida u ma ssirx taf dwarha qabel il-kundanna. Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk il-fatt li l-klassifikazzjoni ġuridika l-ġdida ma tinvolvix piena iktar gravi jistax jiġġustifika din il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

12.      Il-qorti tar-rinviju tosserva wkoll li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali hija prekluża mid-Direttiva 2012/13, hija tkun obbligata tinforma lil BK bil-possibbiltà ta’ kundanna abbażi ta’ klassifikazzjoni ġuridika differenti minn dik indikata mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku u tagħtih opportunità sabiex jipprepara d-difiża tiegħu. F’tali każ, dik il-qorti tibża’ li tista’ titlef in-newtralità tagħha jekk tqis li ċerta klassifikazzjoni ġuridika hija konċepibbli u mbagħad tikkundanna lill-akkużat fuq il-bażi ta’ din il-klassifikazzjoni, anki jekk qabel tkun tat l-opportunità lil din il-persuna sabiex tipprepara għal dan. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk il-fatt li l-informazzjoni dwar il-klassifikazzjoni mill-ġdid tar-reat tiġi mill-qorti, u mhux mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku, jistax joħloq dubju dwar l-imparzjalità ta’ dik il-qorti, kif iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

13.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iSpetsializiran nakazatalen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“[(1)] Interpretazzjoni fil-ġurisprudenza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali – il-punt 2 tal-Artikolu 301(1) flimkien mal-Artikolu 287(1) tan-[NPK] – fis-sens li tippermetti lill-qorti, permezz tal-kundanna tagħha, tagħmel klassifikazzjoni legali tal-fatti li tkun differenti minn dik speċifikata fl-att tal-akkuża meta dan ma jwassalx għal reat kriminali iktar gravi hija prekluża mill-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva [2012/13] għar-raġuni li, qabel il-kundanna tiegħu, l-akkużat ma kienx ġie informat b’mod korrett dwar il-klassifikazzjoni legali differenti ġdida u ma setax jiddefendi ruħu kontriha?

[(2)] Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv: L-Artikolu 47(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprekludi lill-qorti milli tinforma lill-akkużat dwar il-possibbiltà li jiġi adottat att ibbażat essenzjalment fuq klassifikazzjoni legali differenti tal-fatti u milli b’hekk tagħtih il-possibbiltà jipprepara d-difiża tiegħu kontra dan, f’sitwazzjoni fejn l-inizjattiva għal din il-klassifikazzjoni legali differenti ma tkunx ġietx min-naħa tal-prosekutur?”

14.      Permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ Awwissu 2022, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, Bulgarija) informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li, wara emenda leġiżlattiva li daħlet fis-seħħ fis‑27 ta’ Lulju 2022, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) ġiet xolta u li ċerti kawżi kriminali mressqa quddiemha, inkluża l-kawża preżenti, ġew trasferiti minn dik id-data lis-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija).

15.      Tressqu osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja mir-Repubblika Ċeka u mill-Kummissjoni Ewropea. Fit‑2 ta’ Marzu 2023 saret seduta li fiha dawn il-partijiet ippreżentaw sottomissjonijiet orali.

III. Analiżi

16.      Iż-żewġ domandi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja joħorġu mill-partikolaritajiet tad-dritt proċedurali kriminali Bulgaru dwar il-possibbiltà għal qorti li tikklassifika mill-ġdid reat kriminali f’ċerti ċirkustanzi mingħajr ma tinforma lill-persuna akkużata. Fil-prattika, din il-persuna ssir taf biss dwar il-klassifikazzjoni ġuridika l-ġdida tar-reat kriminali meta tingħata s-sentenza tal-qorti u għalhekk ma jkollha ebda opportunità li tiddefendi ruħha kontra l-klassifikazzjoni ġuridika l-ġdida fil-proċeduri kriminali. Madankollu, tali klassifikazzjoni mill-ġdid hija permessa biss meta ma jkunx hemm bidla sostanzjali fid-dettalji tal-akkuża u l-klassifikazzjoni ġuridika l-ġdida ma tinvolvix l-impożizzjoni ta’ piena iktar gravi. Dawn il-partikolaritajiet huma r-riżultat tal-interpretazzjoni ġudizzjarja tal-leġiżlazzjoni Bulgara rilevanti.

17.      It-tħassib imqajjem mill-qorti tar-rinviju dwar il-konformità ta’ tali leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni jirrikjedi l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/13 u tad-dritt fundamentali għal qorti imparzjali kif iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta. Ser nittratta ż-żewġ domandi waħda, waħda wara xulxin.

A.      Lewwel domanda

18.      L-ewwel domanda tirrigwarda d-dritt ta’ persuna akkużata li tiġi informata dwar il-klassifikazzjoni mill-ġdid tar-reat kriminali. Fil-fehma tiegħi, din id-domanda teħtieġ l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/13, minkejja li l-qorti tar-rinviju ssemmi wkoll l-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva fid-domanda tagħha (9).

19.      Għalhekk, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tifformula mill-ġdid l-ewwel domanda sabiex essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/13 jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li qorti tinforma lill-persuna akkużata, biss mal-għoti tas-sentenza, li kklassifikat ir-reat kriminali mill-ġdid.

20.      Din id-domanda timplika li l-qorti tista’ tibdel il-klassifikazzjoni ġuridika tar-reat ex officio. Nixtieq niċċara, qabel kollox, li, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex mitluba tiddeċiedi dwar jekk tali setgħa tal-qorti nazzjonali hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (10). L-ewwel domanda tikkonċerna biss il-punt meta l-informazzjoni dwar il-bidla għandha tiġi kkomunikata lill-persuna akkużata.

21.      Peress li r-risposta għal din id-domanda teħtieġ l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2012/13, ser nibda billi ngħid ftit kliem dwar din id-direttiva u l-Artikolu 6 tagħha.

1.      IdDirettiva 2012/13 u lArtikolu 6 tagħha

22.      Id-Direttiva 2012/13 hija waħda mis-sitt direttivi dwar “drittijiet proċedurali” jew “Pjan Direzzjonali” li joħorġu mir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal‑2009 dwar pjan direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta’ persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali (11). Din tal-aħħar ġiet approvata mill-Programm ta’ Stokkolma tal-Kunsill Ewropew dwar iż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (12). Dawn id-direttivi huma bbażati fuq il-kompetenza tal-Unjoni Ewropea taħt l-Artikolu 82(2)(b) TFUE li tippromulga regoli minimi dwar id-drittijiet tal-individwi fil-proċedura kriminali (13).

23.      Il-ġustifikazzjoni ewlenija għal tali regoli komuni hija l-faċilitazzjoni tar-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali (14). Dan huwa rifless b’mod ċar ħafna fil-preambolu tad-Direttiva 2012/13 (15).

24.      Id-Direttiva 2012/13 tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar id-dritt għall-informazzjoni tal-persuni ssuspettati u tal-persuni akkużati fi proċeduri kriminali (16). Id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali huwa aspett fundamentali tad-dritt għal smigħ xieraq (17), peress li l-proċess jista’ jkun ġust biss jekk in-nies ikunu jafu d-drittijiet tagħhom (18).

25.      L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/13, li jikkonċerna din il-kawża, jikkontribwixxi sabiex jiġi żgurat smigħ xieraq billi jistabbilixxi regoli li jirrigwardaw aspett wieħed tad-dritt għall-informazzjoni (19). Dan jikkonċerna d-dritt tal-persuni ssuspettati jew akkużati li jkunu jafu b’liema reat qegħdin jiġu akkużati. L-artikolu jipprovdi kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati tingħatalhom informazzjoni dwar l-att kriminali li huma ssuspettati jew akkużati li wettqu. Dik l-informazzjoni għandha tingħata fil-pront u bid-dettal meħtieġ sabiex tiġi salvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri u l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati li jiġu arrestati jew detenuti jiġu informati bir-raġunijiet għall-arrest jew id-detenzjoni tagħhom, inkluż bl-att kriminali li huma jkunu ssuspettati jew akkużati li wettqu.

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mhux aktar tard mit-tressiq tal-merti tal-akkuża quddiem il-qorti, tingħata informazzjoni dettaljata dwar l-akkuża, inklużi n-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reat kriminali, kif ukoll in-natura tal-parteċipazzjoni tal-persuna akkużata.

4.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati jiġu informati fil-pront dwar kwalunkwe bidliet fl-informazzjoni mogħtija taħt dan l-Artikolu fejn dan ikun meħtieġ sabiex tiġi salvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri.”

26.      Il-premessa 27 tad-Direttiva 2012/13 tispeċifika li l-persuni akkużati li wettqu reat kriminali għandhom jingħataw kull informazzjoni meħtieġa dwar l-akkuża sabiex tgħinhom iħejju d-difiża tagħhom u sabiex tiġi ssalvagwardjata l-ġustizzja tal-proċeduri.

27.      Il-premessa 29 tad-Direttiva 2012/13 tiddikjara wkoll li fejn, matul il-proċeduri kriminali, id-dettalji tal-akkuża jinbidlu b’tali mod li l-pożizzjoni tal-persuni ssuspettati jew tal-persuni akkużati tiġi sostanzjalment affettwata, dan għandu jiġi kkomunikat lilhom fejn ikun neċessarju sabiex tiġi ssalvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri u fi żmien xieraq sabiex jiġi żgurat eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża.

2.      Leżami talewwel domanda

28.      Ikun kuntrarju għall-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/13 li l-persuna akkużata tiġi informata li l-akkużi kontriha nbidlu biss meta tingħata s-sentenza li biha din il-persuna tiġi kkundannata għal dawn l-akkużi mmodifikati?

29.      Ir-risposta ovvja hija “iva” minħabba li l-persuna akkużata ma ngħatatx l-opportunità li tiddefendi ruħha kontra l-akkużi li għalihom instabet ħatja. Madankollu, hija daqshekk ovvja r-risposta jekk l-akkużi l-ġodda u dawk oriġinali jkollhom l-istess elementi kostitwenti? Jista’ wieħed jassumi li, f’sitwazzjoni bħal din, il-persuna akkużata ma setgħetx tiddefendi ruħha?

30.      Ir-Repubblika Ċeka tqis li l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/13 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni, jekk il-klassifikazzjoni ġuridika l-ġdida la tkun iktar gravi u lanqas sorprendenti. Hija tibbaża l-argument tagħha fuq il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li skontha l-persuni ssuspettati jew akkużati għandhom jiġu informati biss dwar bidliet “fejn dan ikun meħtieġ sabiex tiġi salvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri”. Fis-seduta, ir-Repubblika Ċeka tat l-eżempju tar-reati kriminali ta’ serq u ta’ serq aggravat bil-vjolenza. Kif spjegat, is-serq huwa normalment iddefinit bħala l-approprjazzjoni ta’ proprjetà li tappartjeni lil xi ħadd ieħor, u s-serq aggravat bil-vjolenza ġeneralment jindika serq bl-użu ta’ forza. Jekk il-klassifikazzjoni ġuridika oriġinali tar-reat tkun serq aggravat bil-vjolenza u mbagħad din tinbidel għal serq, il-qorti ma hijiex meħtieġa tinforma lill-persuna akkużata minħabba li serq aggravat bil-vjolenza jinkludi l-elementi kostitwenti kollha tas-serq u għalhekk l-opportunità li titressaq difiża kienet diġà teżisti. Madankollu, jekk il-klassifikazzjoni ġuridika oriġinali tar-reat tkun serq, ma tistax tinbidel għal serq aggravat bil-vjolenza mingħajr ma tiġi informata l-persuna akkużata u tingħatalha l-opportunità li tressaq difiża, peress li serq ma jinkludix l-elementi kostitwenti kollha ta’ serq aggravat bil-vjolenza.

31.      Il-Kummissjoni ssostni li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni, hija prekluża mill-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/13. Madankollu, il-Kummissjoni hija tal-fehma li, f’sitwazzjoni li fiha l-elementi kostitwenti tar-reat ikklassifikat mill-ġdid kienu diġà jinsabu fir-reat oriġinali, ma jkunx meħtieġ li l-persuna akkużata tiġi informata qabel ma tingħata s-sentenza. F’każ bħal dan, il-persuna akkużata ma tkunx meħtieġa tbiddel l-istrateġija tad-difiża tagħha. Din ma hijiex, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, is-sitwazzjoni f’dan il-każ.

32.      Kemm ir-Repubblika Ċeka kif ukoll il-Kummissjoni jibbażaw ruħhom fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”). Huma jistqarru li l-konstatazzjoni ta’ ksur tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) hija suġġetta għas-salvagwardja tan-natura ġusta tal-proċeduri, u għalhekk għandu jittieħed inkunsiderazzjoni jekk il-persuna akkużata kellhiex għarfien matul il-proċeduri dwar il-possibbiltà ta’ klassifikazzjoni ġuridika ġdida. L-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/13 u b’mod speċjali l-formulazzjoni tiegħu “meħtieġ sabiex tiġi salvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri” għandhom jinftiehmu b’mod simili.

33.      Għalhekk, jeħtieġ li nibda billi neżamina l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, taħt il-punt (a) iktar ’l isfel, u tal-Qorti EDB, taħt il-punt (b) iktar ’l isfel.

a)      Ilġurisprudenza rilevanti talQorti talĠustizzja

34.      Is-sentenza Kolev et (20) primarjament kienet tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2012/13. Il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala Awla Manja, iddeċidiet li l-għan tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/13 li jippermetti l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża u li jiżgura l-korrettezza tal-proċeduri jiddetta li l-persuna akkużata għandha tirċievi informazzjoni ddettaljata dwar l-akkużi fi żmien li jippermetti lil din il-persuna tipprepara d-difiża tagħha b’mod effettiv. Huwa importanti għal din il-kawża li jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja barra minn hekk iddeċidiet li tali rekwiżit ma jipprekludix il-possibbiltà li informazzjoni fir-rigward tal-akkużi mibgħuta lid-difiża tista’ tkun suġġetta għal emendi sussegwenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-klassifikazzjoni ġuridika tal-atti allegati, kif previst fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/13. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li dawn l-emendi għandhom jiġu żvelati lill-persuna akkużata jew lill-avukat tagħha fi żmien meta dawn ikun għadu jkollhom l-opportunità li jwieġbu b’mod effettiv, qabel l-istadju tad-deliberazzjoni (21).

35.      Fis-sentenza tagħha Moro (22), il-Qorti tal-Ġustizzja tenniet il-konstatazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq u ddeċidiet li l-informazzjoni dwar kull emenda f’dak li jikkonċerna l-akkuża tirrigwarda mhux biss l-emendi fl-atti li bihom il-persuna tkun akkużata, iżda wkoll il-modifika tal-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn l-atti. Dan huwa neċessarju skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/13 sabiex il-persuna akkużata tkun tista’ teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha b’mod konkret u effettiv (23).

36.      Konsegwentement, jidher li jirriżulta b’mod ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, f’ċirkustanzi fejn ir-reat kriminali jiġi kklassifikat mill-ġdid, l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/13 jeħtieġ li l-persuna akkużata tiġi informata b’din il-klassifikazzjoni mill-ġdid fi żmien meta din il-persuna jkollha l-opportunità li tirreaġixxi għal din is-sitwazzjoni l-ġdida u li dan irid isir qabel l-istadju tad-deliberazzjoni mill-qorti.

37.      Din il-ġurisprudenza għalhekk issaħħaħ il-fehma li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni f’din il-kawża tmur kontra l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/13. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ntalbet f’ebda waħda minn dawn il-kawżi preċedenti sabiex tiddeċiedi dwar il-kwistjoni dwar jekk informazzjoni dwar il-klassifikazzjoni mill-ġdid tar-reat kriminali għandhiex tingħata lill-persuna akkużata jekk il-klassifikazzjoni ġuridika l-ġdida tkun ibbażata fuq l-istess elementi kostitwenti bħall-klassifikazzjoni ġuridika oriġinali. Għalhekk ma huwiex possibbli li jiġi kkunsidrat li l-ġurisprudenza preċedenti fiha risposta konklużiva għall-finijiet ta’ din il-kawża.

b)      Ilġurisprudenza rilevanti talQorti EDB

38.      Kif spjegajt (ara l-punt 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet), kemm ir-Repubblika Ċeka kif ukoll il-Kummissjoni jibbażaw ruħhom fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB dwar l-Artikolu 6(3)(a) tal-KEDB, li jipprevedi d-dritt tal-persuna kkonċernata li tiġi informata minnufih, b’lingwa li tifhem u fid-dettall, dwar in-natura u r-raġuni tal-akkuża kontriha.

39.      L-ewwel, il-Qorti EDB iddeċidiet li l-Artikolu 6(3)(a) tal-KEDB jagħti lill-persuna d-dritt li tkun informata mhux biss dwar il-kawża tal-akkuża (jiġifieri, l-atti li tkun allegata li wettqet u li fuqhom hija bbażata l-akkuża), iżda wkoll dwar il-karatterizzazzjoni legali mogħtija lil dawk l-atti. Dan huwa meqjus importanti sabiex jiġi żgurat li l-proċess ikun ġust (24). Konsegwentement, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6(3)(a) tal-KEDB huwa evalwat fid-dawl tad-dritt iktar ġenerali għal smigħ xieraq iggarantit mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB u tad-dritt tal-persuna li jkollha żmien u faċilitajiet xierqa għall-preparazzjoni tad-difiża tagħha skont l-Artikolu 6(3)(b) tagħha (25).

40.      Fir-rigward tal-bidliet fl-akkuża, il-persuna akkużata għandha tiġi informata b’mod xieraq u bis-sħiħ dwarhom, u din il-persuna għandu jkollha wkoll iż-żmien u l-faċilitajiet meħtieġa sabiex tirreaġixxi għalihom u torganizza d-difiża tagħha fuq il-bażi ta’ kwalunkwe informazzjoni jew allegazzjoni ġdida (26). Kif sostniet il-Qorti EDB b’mod konsistenti, jekk, meta dan id-dritt ikun irrikonoxxut fid-dritt intern, il-qrati jkollhom il-possibbiltà li jikklassifikaw mill-ġdid il-fatti li tressqu debitament quddiemhom, huma għandhom jiżguraw li l-persuna akkużata kellha l-opportunità li teżerċita d-drittijiet tagħha tad-difiża fir-rigward ta’ din il-kwistjoni b’mod konkret u effettiv. Dan jimplika li din il-persuna tiġi informata b’mod iddettaljat u fi żmien raġonevoli, mhux biss dwar il-fatti materjali li fuqhom hija bbażata l-akkuża, iżda wkoll dwar il-klassifikazzjoni ġuridika mogħtija lil dawn il-fatti (27).

41.      Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti EDB ikkonstatat ksur tal-Artikolu 6(3)(a) u (b) tal-KEDB, moqrija flimkien mal-Artikolu 6(1) tagħha, f’sitwazzjonijiet fejn ir-reat kriminali jkun ġie kklassifikat mill-ġdid minn qorti u l-persuna akkużata ma tkun ngħatat l-ebda opportunità li tiddefendi ruħha kontra l-klassifikazzjoni ġuridika l-ġdida b’mod prattiku u effettiv u fi żmien raġonevoli (28). B’mod partikolari, il-Qorti EDB enfasizzat li jekk l-informazzjoni tingħata meta l-persuna ma jkollhiex iktar l-opportunità li tipprepara d-difiża tagħha kontra l-akkuża l-ġdida u huwa biss permezz tas-sentenza tal-qorti li l-persuna saret taf dwar il-klassifikazzjoni mill-ġdid, allura jkun tard wisq (29).

42.      Barra minn hekk, il-fatt li l-klassifikazzjoni mill-ġdid tikkonċerna l-applikazzjoni ta’ piena iktar favorevoli ma ġiex ikkunsidrat bħala rilevanti mill-Qorti EDB (30).

43.      Pereżempju, fis-sentenza Pélissier u Sassi vs Franza (31), il-Qorti EDB, bħala Awla Manja, qieset li kien hemm ksur tal-KEDB fejn qorti kklassifikat mill-ġdid ir-reat kriminali ta’ falliment kriminali bħala wieħed ta’ għajnuna u ta’ assistenza f’falliment kriminali f’ċirkustanzi li fihom il-persuni akkużati ma ġewx informati dwar din l-akkuża. F’dan il-kuntest, il-Qorti EDB ikkunsidrat jekk dawn il-persuni kellhomx ikunu konxji mill-possibbiltà li jistgħu jiġu kkundannati bl-akkuża l-ġdida. Fid-dawl tad-differenzi fl-elementi li għandhom jiġu pprovati, il-Qorti EDB ikkonstatat li din l-akkuża l-ġdida ta’ għajnuna u ta’ assistenza ma kinitx tikkostitwixxi element intrinsiku għall-akkuża inizjali magħrufa minnhom mill-bidu tal-proċeduri. Filwaqt li ma kinitx il-Qorti EDB li kellha tevalwa l-merti tad-difiża li dawn il-persuni setgħu jinvokaw kieku kellhom l-opportunità li jagħmlu sottomissjonijiet dwar l-akkuża l-ġdida, dik il-qorti madankollu nnotat li kien plawżibbli li jiġi argumentat li d-difiża kienet tkun differenti. Konsegwentement, meta użat id-dritt mogħti lilha taħt id-dritt nazzjonali sabiex tikkaratterizza l-akkuża mill-ġdid, il-qorti kellha tagħti lill-persuni akkużati l-opportunità sabiex jippreparaw id-difiża tagħhom kontra l-akkuża l-ġdida. Li saru jafu dwar il-klassifikazzjoni mill-ġdid permezz tas-sentenza biss kien tard wisq.

44.      B’mod simili, il-Qorti EDB ikkonstatat ksur tal-KEDB fis-sentenza Penev vs Il‑Bulgarija (32). Il-Qorti EDB enfasizzat li l-persuna akkużata ma setgħetx tkun taf dwar il-fatt li l-qorti setgħet tagħti verdett ibbażat fuq klassifikazzjoni ġuridika ġdida, li l-elementi tar-reat il-qadim u tar-reat il-ġdid kienu differenti u li l-elementi tar-reat il-ġdid qatt ma ġew diskussi fil-proċeduri, minħabba li kien biss permezz tas-sentenza tal-qorti li l-persuna saret taf bil-klassifikazzjoni ġuridika l-ġdida. Il-Qorti EDB ċaħdet ukoll argumenti li l-klassifikazzjoni ġuridika tar-reat kienet ta’ ftit importanza sakemm il-kundanna alternattiva kienet ibbażata fuq l-istess fatti, u tenniet li l-KEDB tirrikjedi li l-persuna akkużata tkun informata fid-dettall mhux biss dwar l-atti li dik il-persuna hija allegata li wettqet, iżda wkoll dwar il-klassifikazzjoni ġuridika mogħtija lilhom.

45.      Is-sentenza D.M.T. u D.K.I. vs Il‑Bulgarija (33) tidher li hija l-iktar waħda simili għal din il-kawża, peress li kienet tinvolvi l-klassifikazzjoni mill-ġdid tar-reat kriminali minn korruzzjoni għal frodi. Il-Qorti EDB ikkonstatat ksur tal-KEDB, peress li l-persuna akkużata fl-ebda ħin matul il-proċeduri ma ġiet informata dwar il-bidla fil-klassifikazzjoni; kien biss permezz tas-sentenza tal-qorti li saret taf dwar l-akkużi l-ġodda maħruġa kontriha. Skont il-Qorti EDB, il-persuna akkużata ma setgħetx tantiċipa tali klassifikazzjoni mill-ġdid, peress li l-elementi taż-żewġ reati kienu differenti, u għalhekk kien plawżibbli li d-difiża kienet tkun differenti.

46.      Jiena nemmen li huwa importanti li ninnota li, f’dawk il-kawżi, kien hemm differenzi fl-elementi kostitwenti li għandhom jiġu pprovati għar-reati oriġinali u għar-reati kklassifikati mill-ġdid.

47.      B’kuntrast ma’ dan, il-Qorti EDB ma kkonstatat l-ebda ksur tal-KEDB f’sitwazzjonijiet fejn il-persuna akkużata ngħatat l-opportunità li tirreaġixxi għall-klassifikazzjoni ġuridika l-ġdida tar-reat kriminali (34). Pereżempju, dan huwa l-każ fejn il-persuna akkużata tkun ġiet informata dwar il-possibbiltà ta’ emenda tal-akkużi waqt l-eżami tal-kawża mill-qorti kompetenti u kellha l-opportunità li tressaq argumenti kontra l-akkużi l-ġodda qabel ma ngħatat is-sentenza (35). Din is-sitwazzjoni, madankollu, hija differenti minn dik tal-kawża preżenti, fejn il-persuna akkużata ssir taf dwar il-klassifikazzjoni mill-ġdid tar-reat biss wara l-għoti tas-sentenza.

48.      F’xi każijiet, il-Qorti EDB ma kkonstatat l-ebda ksur tal-KEDB fejn il-persuna akkużata kienet meqjusa li kienet taf bl-elementi tal-klassifikazzjoni ġuridika l-ġdida u setgħet tiddefendi ruħha kontra r-reat fil-proċeduri.

49.      Fis-sentenza Salvador Torres vs Spanja (36), il-Qorti EDB ma kkonstatat l-ebda ksur tad-dritt tal-persuna akkużata taħt l-Artikolu 6(3)(a) tal-KEDB fejn ir-reat kien ġie mmodifikat minn approprjazzjoni indebita sempliċi għal dak ta’ approprjazzjoni indebita sempliċi biċ-ċirkustanza aggravanti li l-persuna kienet ħadet vantaġġ min-natura pubblika tal-pożizzjoni tagħha. In-natura pubblika tal-pożizzjoni tal-persuna akkużata kienet element intrinsiku għall-akkuża oriġinali u għalhekk kienet taf dwarha mill-bidu tal-proċeduri. Il-persuna akkużata, għalhekk, kellha l-opportunità li tindirizza din il-kwistjoni fil-proċeduri.

50.      Bl-istess mod, fis-sentenza Marilena-Carmen Popa vs Ir‑Rumanija (37), il-Qorti EDB ma kkonstatat l-ebda ksur tal-KEDB meta l-qorti bidlet il-klassifikazzjoni ġuridika tar-reat minn atti kontinwi ta’ falsifikazzjoni għal att uniku ta’ falsifikazzjoni. Il-Qorti EDB ikkonstatat li l-att uniku ta’ falsifikazzjoni li għalih il-persuna nstabet ħatja kien element intrinsiku għall-akkuża inizjali miġjuba kontriha ta’ atti kontinwi ta’ falsifikazzjoni. B’hekk, il-persuna akkużata kienet informata mill-bidu dwar il-proċeduri kriminali u matul dawk il-proċeduri setgħet tesprimi l-fehmiet tagħha u tippreżenta kummenti u provi fid-difiża tagħha fir-rigward ta’ kull att ta’ falsifikazzjoni li kienet akkużata bih. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti EDB kienet tal-fehma li l-persuna akkużata kienet kompletament konxja mill-possibbiltà li l-qrati domestiċi setgħu jsibuha ħatja tar-reat ikklassifikat mill-ġdid.

51.      Finalment, pereżempju, fis-sentenza Gea Catalán vs Spanja (38), il-Qorti EDB ma kkonstatat l-ebda ksur tal-KEDB fejn id-diskrepanza lmentata kienet ir-riżultat ta’ żball klerikali mwettaq mill-prosekutur pubbliku, iżda l-persuna akkużata kienet ġiet informata kif xieraq dwar il-komponenti kollha tal-akkuża fil-proċeduri.

52.      Konsegwentement, il-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti EDB tista’ tiġi kklassifikata f’żewġ gruppi. Fl-ewwel grupp ta’ kawżi, l-elementi kostitwenti tar-reat oriġinali u tar-reat ikklassifikat mill-ġdid kienu differenti. F’kawżi bħal dawn, il-Qorti EDB qieset li l-persuna akkużata ma kellhiex l-opportunità li tiddefendi ruħha qabel l-għoti tas-sentenza ta’ kundanna għar-reat ikklassifikat mill-ġdid. Il-kawża preżenti tidher li ġejja minn sitwazzjoni bħal din, iżda dan għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju. It-tieni grupp ta’ kawżi huma dawk li fihom l-elementi kostitwenti tar-reat oriġinali jħaddnu l-elementi kostitwenti kollha tar-reat ikklassifikat mill-ġdid (bħall-eżempju tar-Repubblika Ċeka ta’ serq u ta’ serq aggravat bil-vjolenza li sar riferiment għalih fil-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB tidher li tissuġġerixxi li, f’sitwazzjonijiet bħal dawn, il-persuna akkużata diġà kellha l-opportunità li tiddefendi ruħha u li l-istrateġija tad-difiża tagħha ma tkunx differenti. Għalhekk, li l-persuna akkużata tiġi informata biss mal-għoti tas-sentenza ma jikkostitwixxix ksur tal-KEDB.

c)      Kif għandha tinterpreta lArtikolu 6(4) tadDirettiva 2012/13 ilQorti talĠustizzja?

53.      Ir-Repubblika Ċeka u l-Kummissjoni enfasizzaw li, meta tinterpreta l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/13, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu approċċ simili għal dak adottat mill-Qorti EDB fil-ġurisprudenza tagħha li tevalwa ksur allegat tal-Artikolu 6(3)(a) tal-KEDB.

54.      Huwa tassew il-każ hawnhekk?

55.      Huwa stabbilit sew li d-dritt sekondarju tal-Unjoni, inkluża d-Direttiva 2012/13, għandu jiġi interpretat b’mod konformi mad-drittijiet fundamentali li jorbtu lill-Unjoni (39). Fuq il-bażi tal-Artikolu 52(3) tal-Karta, dawn id-drittijiet huma wkoll dawk iggarantiti mill-KEDB u mill-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti EDB kull meta d-drittijiet tal-Karta jikkorrispondu mad-drittijiet tal-KEDB. F’dan ir-rigward, id-Direttiva 2012/13 tipprevedi fil-premessa 41 tagħha li tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rrikonoxxuti mill-Karta, u b’mod iktar speċifiku li tfittex li tippromwovi d-dritt tal-libertà, id-dritt għal smigħ xieraq u d-drittijiet tad-difiża. Barra minn hekk, il-premessa 42 tagħha tippreċiża li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2012/13 li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-KEDB għandhom jiġu interpretati u implimentati b’mod konsistenti ma’ dawn id-drittijiet, kif interpretati fil-ġurisprudenza tal-Qorti EDB (40).

56.      Madankollu, l-obbligu li d-Direttiva 2012/13 tiġi interpretata b’mod li huwa konsistenti mad-drittijiet fundamentali jfisser li d-drittijiet li jinsabu f’din id-direttiva ma jistgħux joffru inqas protezzjoni minn dik iggarantita mill-Karta u mill-KEDB. Ma jfissirx li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax jagħti lill-persuni akkużati drittijiet li huma iktar estensivi. Barra minn hekk, jekk id-dritt sekondarju tal-Unjoni jipprovdi għal tali drittijiet li huma iktar estensivi, dan ma jfissirx awtomatikament li l-istandard tal-Karta huwa ogħla minn dak tal-KEDB. Dan sempliċement ifisser li s-soluzzjoni leġiżlattiva hija saħansitra iktar ta’ benefiċċju minn dak li huwa meħtieġ taħt l-istandard tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax imur taħtu, iżda jista’ jkun ogħla minnu.

57.      Għalhekk, anki jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB għandha tiġi interpretata fis-sens li tippermetti l-klassifikazzjoni mill-ġdid tar-reat kriminali mingħajr ma tagħti l-opportunità lill-persuna akkużata li tirreaġixxi għal tali bidla f’ċerti ċirkustanzi, dan ma jfissirx neċessarjament li l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/13 għandha tiġi interpretata hekk.

58.      Fl-interpretazzjoni tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, minbarra li tieħu inkunsiderazzjoni l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali bħala limitu minimu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-għan tal-att legali li għandu jiġi interpretat.

59.      Kif espress fil-preambolu tagħha (41), id-Direttiva 2012/13 għandha l-għan li tarmonizza l-liġijiet nazzjonali bil-ħsieb li ssaħħaħ il-fiduċja reċiproka u konsegwentement tippermetti rikonoxximent reċiproku fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali.

60.      Dan l-għan importanti li hija bbażata fuqu d-Direttiva 2012/13 neċessarjament jinfluwenza l-metodu ta’ kif tiġi interpretata, bl-istess mod kif jinfluwenza l-interpretazzjoni ta’ direttivi oħra adottati abbażi tal-Artikolu 82(2) TFUE. Fis-sentenza Covaci, l-ewwel kawża li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mitluba tinterpreta d-Direttiva 2012/13, l-Avukat Ġenerali Bot ippropona li r-“regoli adottati abbażi tal-Artikolu 82(2) TFUE għandhom jiġu interpretati fis‑sens proprju sabiex ikun żgurat l-effett utli sħiħ tagħhom, sa fejn tali interpretazzjoni, li ssaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet, issaħħaħ fl-istess waqt il-fiduċja reċiproka u, konsegwentement, tiffaċilita t-tgawdija tar‑rikonoxximent reċiproku” (42). Huwa kkunsidra wkoll li, t-“tnaqqis tal-kamp ta’ dawn ir-regoli permezz ta’ qari litterali tat-testi jista’ jikkontradixxi din is-sistema tar‑rikonoxximent reċiproku u għalhekk il-ħolqien ta’ żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja” (43).

61.      Naqbel ma’ din il-pożizzjoni tal-Avukat Ġenerali Bot. Ir-regoli komuni stabbiliti mid-Direttiva 2012/13 għandhom jiġu interpretati b’mod li l-aħjar jilħaq l-għan li tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka. Tali għan jiffavorixxi soluzzjonijiet sempliċi. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja hija marbuta mil-limiti ta’ interpretazzjoni aċċettabbli imposti mill-formulazzjoni tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/13.

62.      Fid-dawl ta’ dan, għandha ssir kunsiderazzjoni ta’ x’inhuma l-interpretazzjonijiet possibbli tal-formulazzjoni “meħtieġ sabiex tiġi salvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri” fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/13. Jekk ikun hemm iktar minn għażla waħda, kif nemmen li hemm, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħżel l-għażla li tilħaq l-aħjar l-għan li tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka.

63.      Fil-fehma tiegħi, il-formulazzjoni tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/13 tħalli (mill-inqas) żewġ possibilitajiet ta’ għażliet differenti.

64.      Skont l-ewwel għażla interpretattiva, in-natura ġusta tal-proċeduri hija ssalvagwardjata f’sitwazzjonijiet li fihom jikkoinċidu l-elementi kostitwenti tar-reat oriġinali u tar-reat ikklassifikat mill-ġdid, anki jekk il-persuna akkużata ma tiġix informata bil-klassifikazzjoni mill-ġdid tar-reat qabel ma tingħata s-sentenza. Din l-għażla tirrifletti l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB. Din tuża l-premessa li, f’sitwazzjonijiet bħal dawn, qorti tista’ tkun issodisfatta li l-persuna akkużata diġà kellha l-opportunità li tiddefendi ruħha u l-istrateġija tad-difiża ma tkunx differenti.

65.      Wieħed jista’ jifhem li tali approċċ ta’ każ b’każ jista’ jidher aċċettabbli fil-ġurisprudenza tal-Qorti EDB. Il-Qorti EDB hija fdata bil-kompitu li tevalwa a posteriori jekk il-mod ta’ kif twettqu proċeduri kriminali partikolari kisirx drittijiet ibbażati fuq il-KEDB. Il-Qorti EDB tista’, għalhekk, tevalwa retroattivament, filwaqt li tqis iċ-ċirkustanzi kollha tal-każ partikolari, jekk qorti li ma tatx l-opportunità lill-persuna akkużata li tipprepara difiża kontra l-akkużi kif ikklassifikati mill-ġdid kinitx tikser il-KEDB jew le.

66.      Madankollu, jekk id-Direttiva 2012/13 għandha ssaħħaħ il-fiduċja reċiproka, din l-għażla interpretattiva għandha xi żvantaġġi. Tali approċċ ta’ każ b’każ huwa bbażat fuq l-evalwazzjoni (suġġettiva) minn qorti li l-persuna akkużata (u l-avukat tagħha) ma setgħux jużaw strateġija ta’ difiża differenti. Fil-fehma tiegħi, tali rekwiżit impost fuq qorti sabiex tevalwa strateġiji ta’ difiża possibbli f’każijiet konkreti huwa problematiku, u jista’ jkun saħansitra iktar probabbli li jkun f’kunflitt mal-imparzjalità ġudizzjarja milli dak li l-qorti nazzjonali kellha f’moħħha fit-tieni domanda preliminari (ara l-punti 77 sa 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

67.      Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, l-elementi kostitwenti tar-reati oriġinali u tar-reati kklassifikati mill-ġdid jidhru li huma differenti, b’tali mod li leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil qorti tinforma lill-akkużat dwar il-klassifikazzjoni mill-ġdid tar-reat biss meta tingħata s-sentenza ma tkunx konsistenti mal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/13, anki taħt l-ewwel għażla interpretattiva. Madankollu, kieku l-elementi kostitwenti taż-żewġ reati jkunu jikkoinċidu, l-ewwel għażla interpretattiva ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-persuna akkużata li tkun informata dwar il-klassifikazzjoni mill-ġdid tar-reat biss mal-għoti tas-sentenza. Dan ifisser li, fl-eżempju Ċek tas-serq u tas-serq aggravat bil-vjolenza (ara l-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet), il-qorti jkollha tikkonkludi li l-istrateġija tad-difiża ma tkunx differenti. Immaġina, madankollu, li l-persuna akkużata b’serq aggravat bil-vjolenza tkun ikkonċentrat id-difiża tagħha sabiex turi li ma sarx l-użu ta’ forza minħabba li l-persuna tkun illiberata mir-reat ta’ serq aggravat bil-vjolenza jekk dan l-element kien nieqes. Jista’ jkun li din il-persuna ma ffokatx fuq l-element tal-approprjazzjoni tal-proprjetà ta’ xi ħadd ieħor. Kieku l-persuna akkużata kienet taf li r-reat kien serq, setgħet tpoġġi enfasi ikbar sabiex turi li ma seħħitx dik il-parti tal-akkuża. Tista’ qorti tikkonkludi b’xi ċertezza li strateġija ta’ difiża differenti ma kinitx tkun ta’ għajnuna għall-persuna akkużata? Minħabba l-inċertezza relatata ma’ din l-għażla interpretattiva, ma hijiex ser tikkontribwixxi b’mod utli għall-bini tal-fiduċja li l-qrati fi Stat Membru wieħed għandhom fir-rigward tal-prattika tal-qrati fi Stati Membri oħra.

68.      Wieħed jista’ saħansitra jsostni li l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/13 huwa superfluwu jekk jirrepeti biss il-liġi kif tirriżulta mill-Karta u mill-KEDB. Ir-regoli taħt l-ewwel għażla interpretattiva diġà jorbtu lill-Istati Membri u lill-qrati tagħhom. Jiena nirrikonoxxi li ma jistax jiġi miċħud li xi drabi s-sempliċi espressjoni fid-dritt sekondarju tal-Unjoni tar-regoli adottati mill-qrati fl-interpretazzjoni tad-drittijiet fundamentali tista’ tikkontribwixxi għall-viżibbiltà ta’ dawn ir-regoli (44). Madankollu, it-tieni għażla interpretattiva twassal għal regola saħansitra iktar ċara u għalhekk hija iktar effettiva sabiex tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka.

69.      It-tieni għażla interpretattiva, għall-finijiet tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/13, issostni li l-fatt li l-persuna akkużata tiġi informata li r-reat kien (jew jista’ jiġi) ikklassifikat mill-ġdid fi żmien xieraq li jippermetti li ssir reazzjoni għar-reat il-ġdid huwa dejjem “meħtieġ sabiex tiġi salvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri”. Dan huwa l-każ minkejja li l-persuna akkużata setgħet kienet taf li l-klassifikazzjoni mill-ġdid tar-reat kienet possibbli (45) u l-fatt li l-elementi kostitwenti kollha tar-reat il-ġdid huma inklużi taħt ir-reat oriġinali.

70.      Li kieku tali interpretazzjoni kellha tiġi aċċettata, dan ikun ifisser li qorti li tikkunsidra li r-reat għandu jiġi kklassifikat mill-ġdid għandha tagħti l-opportunità lill-persuna akkużata tipprepara difiża ġdida. Dan id-dewmien tal-proċeduri ma għandux ikun raġuni sabiex tiġi miċħuda l-interpretazzjoni proposta, speċjalment jekk jitqabbel mal-garanzija li l-proċeduri huma ġusti.

71.      Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/13, anki jekk tista’ ttawwal il-proċeduri, hija ħafna iktar sempliċi peress li ma tinvolvix evalwazzjonijiet suġġettivi minn qorti. Pjuttost, timponi regola ċara: jekk qorti tqis li huwa meħtieġ li r-reat jiġi kklassifikat mill-ġdid, hija għandha tinforma lill-persuna akkużata bl-akkuża l-ġdida u tippermettilha tirreaġixxi għall-akkuża kif ikklassifikata mill-ġdid billi tipprepara difiża ġdida.

72.      Insib argument wieħed biss kontra t-tieni għażla interpretattiva. Dan l-argument huwa bbażat fuq l-istorja leġiżlattiva tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/13 (46). Wieħed mid-dokumenti istituzzjonali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (47) jidher li jissuġġerixxi li l-Kunsill ipprova jsegwi l-approċċ meħud fil-ġurisprudenza tal-Qorti EDB. Il-Kunsill, għalhekk, ippropona l-premessa, li issa hija l-premessa 29, u li tuża l-espressjonijiet “sostanzjalmenta affettwata” u “meħtieġ sabiex tiġi salvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri” meħuda direttament mil-lingwaġġ tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB.

73.      Madankollu, peress li ma hemmx ċertezza li l-formulazzjoni “meħtieġ sabiex tiġi salvagwardjata l-korrettezza tal-proċedimenti” fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/13 inżammet fil-verżjoni finali ta’ din id-direttiva bħala r-riflessjoni tal-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li sempliċement jirrileva mill-ġdid id-dritt għall-informazzjoni dwar l-akkuża kif żviluppat fil-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, jidhirli li ma hemm ebda raġuni sabiex jingħata iktar piż lil dan l-argument milli dak ibbażat fuq l-għan tad-Direttiva 2012/13 sabiex tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka.

74.      Finalment, ma nikkunsidrax li l-intenzjoni li sempliċement jiġi ddikjarat mill-ġdid il-livell ta’ protezzjoni ggarantit mill-KEDB tista’ tiġi dedotta mill-premessa 40 tad-Direttiva 2012/13, li tispjega li din id-direttiva tistabbilixxi biss regoli minimi. Ta’ min nikkwota din il-premessa kollha kemm hi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi. L-Istati Membri jistgħu jestendu d-drittijiet stabbiliti f’din id-Direttiva sabiex jipprovdu livell ogħla ta’ protezzjoni wkoll f’sitwazzjonijiet li mhumiex previsti b’mod espliċitu f’din id-Direttiva. Il-livell ta’ protezzjoni m’għandu qatt jinżel taħt l-istandards previsti mill-mill-KEDB kif interpretati fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.”

75.      Kif jirriżulta b’mod ċar minn din il-premessa, l-espressjoni “regoli minimi” tfisser li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu livell ta’ protezzjoni ogħla minn dak impost mid-Direttiva 2012/13. Dan ma jfissirx li r-regoli stabbiliti f’din id-direttiva għandhom ikunu l-inqas minimu possibbli. It-tielet sentenza tagħha tispjega b’mod ċar li l-KEDB kif interpretata mill-Qorti EDB tipprovdi l-livell minimum permissibbli, inkluż f’sitwazzjonijiet li ma humiex koperti mid-Direttiva 2012/13. Minn din il-premessa xejn ma jissuġġerixxi li d-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 2012/13 ma jistgħux ikunu iktar estensivi minn dawk mogħtija mill-KEDB.

76.      Abbażi tar-raġunijiet esposti hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħżel it-tieni għażla meta tinterpreta l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/13. Għalhekk, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix lill-persuna akkużata tressaq id-difiża tagħha kontra r-reat ikklassifikat mill-ġdid wara li tkun ġiet informata dwar il-klassifikazzjoni mill-ġdid. Din l-interpretazzjoni ma hijiex affettwata mill-fatt li l-klassifikazzjoni ġuridika l-ġdida ma tinvolvix piena iktar gravi.

B.      Ittieni domanda

77.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv għall-ewwel domanda, li huwa dak li nipproponi li tagħmel, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq essenzjalment tkun taf jekk il-garanziji ta’ imparzjalità ġudizzjarja minquxa fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil qorti li tinforma lill-persuna akkużata dwar il-possibbiltà ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid tar-reat kriminali meta l-inizjattiva għal din il-klassifikazzjoni mill-ġdid ma tiġix mill-prosekutur pubbliku.

78.      Kif diġà spjegajt (ara l-punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet), din il-kawża ma tikkonċernax il-possibbiltà li l-qrati, għall-kuntrarju tal-prosekuturi pubbliċi, jikklassifikaw mill-ġdid ir-reat kriminali fi proċeduri kriminali. Pjuttost, kif spjega awtur, “huwa possibbli ħafna li taħt id-dritt intern qorti ma tkunx marbuta bil-klassifikazzjoni legali mogħtija lill-aġir inkriminat mill-prosekutur pubbliku, iżda din tbiddel biss id-dmir li tingħata informazzjoni minn dan imsemmi l-aħħar għal dik tal-ewwel – jekk tkun qiegħda tiġi prevista bidla bħal din, il-qorti għandha tinforma lid-difiża u taġġorna s-seduta sabiex tippermettilhom jadattaw id-difiża tagħhom għall-akkuża l-ġdida” [traduzzjoni libera] (48).

79.      It-tieni domanda, għalhekk, għandha tinftiehem bħala li tistaqsi jekk l-obbligu impost fuq qorti nazzjonali li tinforma lill-persuna akkużata dwar il-klassifikazzjoni mill-ġdid tar-reat kriminali tmurx kontra r-rekwiżit ta’ imparzjalità ġudizzjarja.

80.      Ir-rekwiżit ta’ imparzjalità ġudizzjarja, bħala parti mill-indipendenza ġudizzjarja (49), għandu żewġ aspetti. L-ewwel, il-membri tal-qorti għandhom ikunu huma stess suġġettivament imparzjali, jiġifieri, l-ebda wieħed mill-membri tagħha ma jista’ juri parzjalità jew preġudizzju personali, billi teżisti preżunzjoni ta’ imparzjalità personali fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja. It-tieni, il-qorti jew it-tribunal għandhom ikunu oġġettivament imparzjali, jiġifieri, għandhom joffru biżżejjed garanziji sabiex jeskludu kull dubju leġittimu f’dan ir-rigward (50).

81.      Il-qorti tar-rinviju tidher li tinsab imħassba dwar iż-żewġ aspetti tal-imparzjalità.

82.      Fil-fehma tiegħi, il-fatt li l-qorti tinforma lill-persuna akkużata li ddeċidiet li tikklassifika mill-ġdid jew qiegħda tikkunsidra li tikklassifika mill-ġdid ir-reat kriminali ma jfixkilx l-imparzjalità tagħha. Dan huwa hekk, b’mod speċjali jekk il-qorti, wara li tiddikjara (il-possibbiltà ta’) klassifikazzjoni mill-ġdid tar-reat, tippermetti lill-persuna akkużata tipprepara difiża ġdida.

83.      Il-fehim li l-imparzjalità tal-qorti ma hijiex affettwata mis-sempliċi fatt li l-qorti tinforma lill-persuna akkużata dwar il-klassifikazzjoni mill-ġdid tar-reat jista’ jiġi sostnut mis-sentenza tal-Qorti EDB Bäckström and Andersson vs L‑Isvezja (51). F’dik is-sentenza, il-Qorti EDB qieset li l-intervent ta’ qorti sabiex tinforma lill-partijiet bil-possibbiltà ta’ bidla fil-klassifikazzjoni ġuridika tar-reat ma ħoloqx dubji rigward l-imparzjalità tal-qorti għall-finijiet tad-dritt għal smigħ ġust taħt Artikolu 6(1) tal-KEDB.

84.      Mingħajr ma nara l-ħtieġa li niżviluppa din il-kwistjoni iktar fil-fond, inqis li r-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-garanziji ta’ imparzjalità ġudizzjarja minquxa fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil qorti li tinforma lill-persuna akkużata dwar il-possibbiltà ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid tar-reat kriminali, inkluż meta l-inizjattiva għal tali klassifikazzjoni mill-ġdid ma tiġix mill-prosekutur pubbliku, iżda mill-qorti.

IV.    Konklużjoni

85.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija) kif ġej:

(1)      L-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix lill-persuna akkużata tressaq id-difiża tagħha kontra r-reat ikklassifikat mill-ġdid wara li tkun ġiet informata dwar il-klassifikazzjoni mill-ġdid. Din l-interpretazzjoni ma hijiex affettwata mill-fatt li l-klassifikazzjoni ġuridika l-ġdida ma tinvolvix piena iktar gravi.

(2)      It-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil qorti tinforma lill-persuna akkużata dwar il-possibbiltà ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid tar-reat kriminali, inkluż meta l-inizjattiva għal tali klassifikazzjoni mill-ġdid ma tiġix mill-prosekutur pubbliku, iżda mill-qorti.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Ara l-Kummissjoni Ewropea, “Skeda Informattiva – Id-drittijiet tiegħek jekk tiġi akkużat jew issuspettat b’reati kriminali fl-Unjoni”, 2018, disponibbli fuq: https://commission.europa.eu/strategy-and-policy/policies/justice-and-fundamental-rights/criminal-justice/rights-suspects-and-accused_en#documents.


3      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 (ĠU 2012, L 142, p. 1).


4      Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, l-atti inkwistjoni kienu kklassifikati ġuridikament bħala reat kriminali taħt l-Artikolu 302(1) u (2)(b), flimkien mal-Artikolu 301(3) u (1) tan-Nakazatelen kodeks (il-Kodiċi Kriminali; iktar ’il quddiem in-“NK”), speċifikament korruzzjoni min-naħa ta’ investigatur tal-pulizija permezz ta’ estorsjoni b’abbuż tal-kariga tiegħu.


5      Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, il-frodi taħt l-Artikolu 209(2) tan-NK (id-dispożizzjoni msemmija mid-difiża ta’ BK) iseħħ meta l-awtur jikkawża dannu materjali bħala riżultat tal-isfruttament tal-iżball, tan-nuqqas ta’ esperjenza jew tan-nuqqas ta’ għarfien tal-vittma li tagħmel disponiment tal-assi.


6      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tinvoka l-Artikolu 301(1)(2), flimkien mal-Artikolu 287(1), tan-Nakazatelno protsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali; iktar ’il quddiem in-“NPK”). L-Artikolu 301(1)(2) tal-NPK jgħid: “Fil-kisba ta’ verdett, il-qorti teżamina u tiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet li ġejjin: […] jekk l-att huwiex reat kriminali u kif għandu jiġi kklassifikat ġuridikament.” L-Artikolu 287(1) tan-NPK jgħid: “L-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku għandu jressaq akkuża ġdida jekk, waqt l-inkjesta ġudizzjarja, isib raġunijiet sabiex jemenda sostanzjalment id-dikjarazzjoni tal-fatti tal-att tal-akkuża jew sabiex jimponi piena iktar gravi.”


7      Fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju tispjega f’iktar dettall ir-raġunament ta’ din il-ġurisprudenza. Jidher li peress li, bil-liġi, l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku jista’ jemenda l-klassifikazzjoni ġuridika tar-reat jekk il-klassifikazzjoni l-ġdida tinvolvi piena iktar gravi, qorti ma hijiex prekluża milli ssib persuna akkużata ħatja fuq il-bażi ta’ klassifikazzjoni ġuridika differenti li l-qorti tqis ex officio bħala korretta, sakemm: (1) ma jkunx hemm emenda sostanzjali fid-dettalji tal-akkuża; u (2) il-klassifikazzjoni ġuridika l-ġdida ma tirrigwardax reat suġġett għal piena iktar gravi.


8      Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, taħt l-Artikolu 304b(1) tan-NK, l-eżerċizzju ta’ influwenza indebitu jseħħ meta l-awtur jitlob jew jirċievi vantaġġ li ma jkunx intitolat għalih talli jkun eżerċita influwenza fuq id-deċiżjoni ta’ uffiċjal pubbliku b’rabta mad-dmirijiet uffiċjali tiegħu.


9      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2019, Moro (C‑646/17, EU:C:2019:489, punti 44 sa 47), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat sitwazzjoni li tinvolvi l-emenda tal-klassifikazzjoni ġuridika tal-atti li l-akkuża hija bbażata fuqhom fir-rigward ta’ talba għal piena nnegozjata (inqas gravi) taħt id-dritt nazzjonali kif rilevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(4), u mhux tal-Artikolu 6(1) sa (3), tad-Direttiva 2012/13.


10      Fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem aċċettat indirettament li qorti għandha l-possibbiltà li tikklassifika mill-ġdid ir-reat kriminali jekk id-dritt nazzjonali jippermetti dan. Ara, pereżempju, Qorti EDB, 25 ta’ Marzu 1999, Pélissier u Sassi vs Franza (CE:ECHR:1999:0325JUD002544494, punt 62); Qorti EDB, 11 ta’ Diċembru 2007, Drassich vs L‑Italja (CE:ECHR:2007:1211JUD002557504, punt 34); u Qorti EDB, 24 ta’ Lulju 2012, D.M.T. u D.K.I. vs Il‑Bulgarija (CE:ECHR:2012:0724JUD002947606, punt 75). Fis-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2019, Moro (C‑646/17, EU:C:2019:489, punt 55), il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għal din il-ġurisprudenza.


11      Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar pjan direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta’ persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali (ĠU 2009, C 295, p. 1). Ara l-premessi 11 u 14 tad-Direttiva 2012/13. Għal diskussjoni fid-dettall, ara wkoll, pereżempju, Mitsilegas, V., EU Criminal Law, It-tieni edizzjoni, Hart, 2022, b’mod partikolari pp. 254 sa 295.


12      Kunsill Ewropew, “Il-Programm ta’ Stokkolma – Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini”, punt 2.4 (ĠU 2010, C 115, p. 1). Ara l-premessa 12 tad-Direttiva 2012/13.


13      Ara l-premessa 9 tad-Direttiva 2012/13.


14      Ara, pereżempju, Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-[Direttiva 2012/13], Brussell, COM(2018) 858 final, 18.12.2018, punt 1.1.


15      Ara, f’dan ir-rigward, il-premessi 3, 4 u 10 tad-Direttiva 2012/13.


16      Ara l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2012/13.


17      Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2019, Moro (C‑646/17, EU:C:2019:489, punt 43).


18      Ara, pereżempju, Sayers, D., “Article 48 (Criminal Law) – Presumption of Innocence and Right of Defence”, f’Peers, S., Hervey, T., Kenner, J. u Ward, A. (edituri), The EU Charter of Fundamental Rights: A Commentary,  it-tieni edizzjoni, Hart, 2021, p. 1413, b’mod partikolari p. 1444.


19      Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2019, Moro (C‑646/17, EU:C:2019:489, punt 43), jew, iktar riċentement, is-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2021, ZX (Regolarizzazzjoni tal-att ta’ akkuża) (C‑282/20, EU:C:2021:874, punt 25).


20      Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018 (C‑612/15, EU:C:2018:392).


21      Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et (C‑612/15, EU:C:2018:392, b’mod partikolari l-punti 95 u 96). Ara wkoll is-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2021, ZX (Regolarizzazzjoni tal-att ta’ akkuża) (C‑282/20, EU:C:2021:874, punt 29).


22      Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2019 (C‑646/17, EU:C:2019:489).


23      Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2019, Moro (C‑646/17, EU:C:2019:489, b’mod partikolari l-punti 52, 53, 56 u 70).


24      Ara Qorti EDB, 25 ta’ Marzu 1999, Pélissier u Sassi vs Franza (CE:ECHR:1999:0325JUD002544494, punti 51 u 52). Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB fis-sentenzi tat‑13 ta’ Ġunju 2019, Moro (C‑646/17, EU:C:2019:489, punt 55); tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Prokuratura Rejonowa Łódź-Bałuty (C‑338/20, EU:C:2021:805, punt 36); u tat‑23 ta’ Novembru 2021, IS (Illegalità tad-deċiżjoni tar-rinviju) (C‑564/19, EU:C:2021:949, punt 122).


25      Ara, pereżempju, Qorti EDB, 25 ta’ Marzu 1999, Pélissier u Sassi vs Franza (CE:ECHR:1999:0325JUD002544494, punti 52 u 54); Qorti EDB, 7 ta’ Jannar 2010, Penev vs Il‑Bulgarija (CE:ECHR:2010:0107JUD002049404, punti 33 sa 35); u Qorti EDB, 24 ta’ Lulju 2012, D.M.T. u D.K.I. vs Il‑Bulgarija (CE:ECHR:2012:0724JUD002947606, punti 73 sa 75).


26      Ara, pereżempju, Qorti EDB, 25 ta’ Lulju 2000, Mattoccia vs L‑Italja (CE:ECHR:2000:0725JUD002396994, punt 61), u Qorti EDB, 26 ta’ Ġunju 2018, Pereira Cruz et vs Il‑Portugall (CE:ECHR:2018:0626JUD005639612, punt 198).


27      Ara, pereżempju, Qorti EDB, 11 ta’ Diċembru 2007, Drassich vs L‑Italja (CE:ECHR:2007:1211JUD002557504, punt 34), u Qorti EDB, 24 ta’ Lulju 2012, D.M.T. u D.K.I. vs Il‑Bulgarija (CE:ECHR:2012:0724JUD002947606, punt 75).


28      Ara, fost l-oħrajn, Qorti EDB, 25 ta’ Marzu 1999, Pélissier u Sassi vs Franza (CE:ECHR:1999:0325JUD002544494, punti 55 sa 63) (il-qorti kklassifikat mill-ġdid ir-reat ta’ falliment kriminali għal wieħed ta’ għajnuna u ta’ assistenza f’falliment kriminali); Qorti EDB, 20 ta’ April 2006, I.H. et vs L‑Awstrija (CE:ECHR:2006:0420JUD004278098, punti 32 sa 39) (il-qorti kklassifikat mill-ġdid ir-reat ta’ stupru taħt l-Artikolu 201(2) tal-Kodiċi Kriminali tal-Awstrija għal dak ta’ stupru taħt l-Artikolu 201(1) ta’ dan il-kodiċi); Qorti EDB, 25 ta’ Settembru 2008, Seliverstov vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2008:0925JUD001969202, punti 16 sa 24) (il-qorti kklassifikat mill-ġdid ir-reat ta’ tentattiv ta’ teħid ta’ tixħim għal wieħed ta’ tentattiv ta’ frodi fuq skala kbira); Qorti EDB, 7 ta’ Jannar 2010, Penev vs Il‑Bulgarija (CE:ECHR:2010:0107JUD002049404, punti 37 sa 45) (il-qorti kklassifikat mill-ġdid ir-reat ta’ aġir lil hinn mis-setgħat tal-persuna għal wieħed ta’ dħul deliberat f’kuntratt ta’ żvantaġġ); Qorti EDB, 25 ta’ Jannar 2011, Block vs L‑Ungerija (CE:ECHR:2011:0125JUD005628209, punti 22 sa 25) (li tinvolvi l-klassifikazzjoni mill-ġdid “doppja” fejn il-qorti ta’ appell ikklassifikat mill-ġdid ir-reat ta’ tħejjija ta’ kontrafazzjoni ta’ flus għal wieħed ta’ falsifikazzjoni ta’ dokumenti pubbliċi filwaqt li wissiet dwar il-possibbiltà ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid bħala tentattiv ta’ frodi aggravata, u l-ogħla qorti sabet lill-akkużat ħati ta’ tentattiv ta’ frodi u ta’ falsifikazzjoni); Qorti EDB, 24 ta’ Lulju 2012, D.M.T. u D.K.I. vs Il‑Bulgarija (CE:ECHR:2012:0724JUD002947606, punti 76 sa 84) (il-qorti kklassifikat mill-ġdid ir-reat ta’ korruzzjoni passiva għal wieħed ta’ frodi); u Qorti EDB, 7 ta’ Novembru 2019, Gelenidze vs Il‑Ġeorġja (CE:ECHR:2019:1107JUD007291610, punti 35 sa 38) (il-qorti kklassifikat mill-ġdid ir-reat ta’ għoti ta’ deċiżjoni tal-qorti kontra l-liġi għal wieħed ta’ abbuż tal-kariga propost mill-prosekuzzjoni matul il-proċeduri tal-appell, li nstab ukoll li kiser il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet).


29      Ara Qorti EDB, 25 ta’ Marzu 1999, Pélissier u Sassi vs Franza (CE:ECHR:1999:0325JUD002544494, punt 62); Qorti EDB, 12 ta’ April 2011, Constantin vs Ir‑Rumanija (CE:ECHR:2011:0412JUD002117503, punt 22); u Qorti EDB, 5 ta’ Marzu 2013, Varela Geis vs Spanja (CE:ECHR:2013:0305JUD006100509, punt 54); ara wkoll Qorti EDB, 17 ta’ Lulju 2001, Sadak et vs It‑Turkija (Nru 1) (CE:ECHR:2001:0717JUD002990096, punt 57) (fejn instab li l-persuni akkużati ma kinux ġew informati dwar l-akkuża l-ġdida qabel l-aħħar ġurnata tal-proċess, ftit qabel ma ngħatat is-sentenza, li manifestament kien tard wisq).


30      Ara, għal dan il-għan, Qorti EDB, 25 ta’ Settembru 2008, Seliverstov vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2008:0925JUD001969202, punt 19): “Barra minn hekk, sa fejn il-Gvern sostna li kienet ġiet applikata dispożizzjoni iktar favorevoli, il-Qorti tqis li dan il-fatt huwa irrilevanti għall-każ inkwistjoni peress li l-qofol tal-ilment tar-rikorrent ma huwiex is-severità tal-piena iżda l-allegat ksur tad-dritt tiegħu li jkun informat bl-akkużi miġjuba kontrih u l-kapaċità tiegħu li jħejji d-difiża tiegħu u, fi kwalunkwe każ, il-qorti tal-appell ikkonfermat it-terminu ta’ priġunerija tar-rikorrent.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]


31      Ara Qorti EDB, 25 ta’ Marzu 1999 (CE:ECHR:1999:0325JUD002544494, punti 55 sa 63).


32      Ara Qorti EDB, 7 ta’ Jannar 2010 (CE:ECHR:2010:0107JUD002049404, punti 37 sa 45).


33      Ara Qorti EDB, 24 ta’ Lulju 2012 (CE:ECHR:2012:0724JUD002947606, punti 76 sa 84).


34      Qabbel, b’mod partikolari, Qorti EDB, 11 ta’ Diċembru 2007, Drassich vs L‑Italja (CE:ECHR:2007:1211JUD002557504, punti 36 sa 43) (fejn instab ksur tal-KEDB abbażi tal-klassifikazzjoni mill-ġdid tar-reat ta’ korruzzjoni sempliċi għal wieħed ta’ korruzzjoni f’atti ġudizzjarji fejn il-persuna ma ġiet informata fl-ebda stadju tal-proċedura u ma kellha ebda opportunità li tiddefendi ruħha kontra l-akkuża l-ġdida), ma’ Qorti EDB, 22 ta’ Frar 2018, Drassich vs L‑Italja (Nru 2) (CE:ECHR:2018:0222JUD006517309, punti 67 sa 74) (fejn ma nstab ebda ksur tal-KEDB fejn il-proċeduri reġgħu nfetħu sabiex il-persuna tingħata l-opportunità li tiddefendi ruħha kontra l-klassifikazzjoni mill-ġdid tar-reat).


35      Ara, pereżempju, Qorti EDB, 5 ta’ Settembru 2006, Bäckström u Andersson vs L‑Isvezja, p. 8 sa 11 (distinta f’Qorti EDB, 24 ta’ Lulju 2012, D.M.T. u D.K.I. vs Il‑Bulgarija (CE:ECHR:2012:0724JUD002947606, punt 81)); Qorti EDB, 26 ta’ Ġunju 2018, Pereira Cruz et vs Il‑Portugall (CE:ECHR:2018:0626JUD005639612, punti 204 sa 209); Qorti EDB, 26 ta’ Frar 2019, Ujlaki u Piskóti vs L‑Ungerija (CE:ECHR:2019:0226DEC000666814, punti 19 sa 21); u Qorti EDB, 23 ta’ Ġunju 2020, Filimon vs Ir‑Rumanija (CE:ECHR:2020:0623DEC005460014, punti 34 sa 43).


36      Ara Qorti EDB, 24 ta’ Ottubru 1996 (CE:ECHR:1996:1024JUD002152593, punti 30 sa 33).


37      Ara Qorti EDB, 18 ta’ Frar 2020 (CE:ECHR:2020:0218JUD000181411, punti 36 sa 49).


38      Ara Qorti EDB, 10 ta’ Frar 1995 (CE:ECHR:1995:0210JUD001916091, punti 28 sa 30).


39      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali, li jifformaw parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-obbligu li tiżgura l-osservanza tagħhom u li issa jinsabu rrikonoxxuti fil-Karta. Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Bank Melli Iran (C‑124/20, EU:C:2021:1035, punt 70).


40      Il-premessa 14 tad-Direttiva 2012/13 tispjega b’mod simili: “Id-Direttiva tibni fuq id-drittijiet stabbiliti fil-Karta, u b’mod partikolari l-Artikoli 6, 47 u 48 tagħha, billi tibni fuq l-Artikoli 5 u 6 tal-KEDB kif interpretati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.”


41      Ara l-premessi 1, 3 u 4 tad-Direttiva 2012/13.


42      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Covaci (C‑216/14, EU:C:2015:305, punt 33).


43      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Covaci (C‑216/14, EU:C:2015:305, punt 33).


44      Huwa possibbli li l-premessa 7 tad-Direttiva 2012/13 tinqara f’dan is-sens. Din il-premessa tipprovdi: “Minkejja li l-Istati Membri kollha huma parti għall-KEDB, l-esperjenza wriet li dak waħdu mhux dejjem jipprovdi livell biżżejjed ta’ fiduċja fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri l-oħra.”


45      F’din il-kawża, il-persuna akkużata tista’ tabilħaqq tkun taf li r-reat jista’ jiġi kklassifikat mill-ġdid bħala frodi, peress li hija stess offriet din l-għażla.


46      Fil-proposta oriġinali tal-Kummissjoni, ma kien hemm ebda dispożizzjoni li tikkorrispondi għall-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/13. Ara l-Kummissjoni Ewropea, Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċedimenti kriminali, Brussell, KUMM(2010) 392 finali, 20 ta’ Lulju 2010, l-Artikolu 6 propost, p. 18. Din id-dispożizzjoni kienet ir-riżultat ta’ emenda proposta mill-Parlament Ewropew. Ara l-Parlament Ewropew, Rapport dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċedimenti kriminali, A7‑0408/2011, 25 ta Novembru 2011, l-Artikolu 6(3a) propost; id-Dokument tal-Kunsill 10114/1/11 REV 1, Brussell, 17 ta’ Mejju 2011, p. 5 sa 7.


47      Ara d-Dokument tal-Kunsill 14631/11, Brussell, 26 ta’ Settembru 2011, p. 4 u 5.


48      Trechsel, S., Human Rights in Criminal Proceedings, Oxford University Press, 2005, p. 195.


49      Ara, pereżempju, is-sentenzi tad‑19 ta’ Settembru 2006, Wilson (C‑506/04, EU:C:2006:587, punti 49 sa 52), u tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punti 121 u 122).


50      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑4 ta’ Diċembru 2019, H vs Il‑Kunsill (C‑413/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:1044, punt 55), u tal‑24 ta’ Marzu 2022, Wagenknecht vs Il‑Kummissjoni (C‑130/21 P, EU:C:2022:226, punt 16).


51      Ara Qorti EDB, 5 ta’ Settembru 2006, p. 6 sa 11.