Language of document : ECLI:EU:T:2011:178

Kawża T-393/10 R

Westfälische Drahtindustrie et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Proċeduri għal miżuri provviżorji — Kompetizzjoni — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multa — Garanzija bankarja — Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni”

Sommarju tad-digriet

1.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — Fumus boni juris — Urġenza — Dannu gravi u irreparabbli — Natura kumulattiva — Ibbilanċjar tal-interessi kollha inkwistjoni

(Artikoli 256(1) TFUE, 278 TFUE u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 104(2))

2.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-obbligu li tiġi kkostitwita garanzija bankarja bħala kundizzjoni tan-nuqqas ta’ rkupru immedjat ta’ multa — Kundizzjonijiet għall-għoti

(Artikolu 278 KE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 104(2))

3.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Kundizzjonijiet għall-għoti — Fumus boni juris — Eżami prima facie tal-motivi invokati insostenn tar-rikors prinċipali

(Artikolu 278 KE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 104(2))

4.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Kundizzjonijiet għall-għoti — Ibbilanċjar tal-interessi kollha inkwistjoni

(Artikolu 278 TFUE)

1.      Mill-Artikolu 278 TFUE u l-Artikolu 279 TFUE, minn naħa, moqrija flimkien mal-Artikolu 256(1) TFUE, min-naħa l-oħra, jirriżulta li l-Imħallef għal miżuri provviżorji jista, jekk jikkunsidra li ċ-ċirkustanzi hekk jitolbu, jordna s-sopensjoni tal-eżekuzzjoni tal-att ikkontestat jew jippreskrivi l-miżuri provviżorji neċessarji.

L-Artikolu 104(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprovdi li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jispeċifikaw is-suġġett tal-kawża, iċ-ċirkustanzi li jitolbu l-urġenza kif ukoll ir-raġunijiet ta’ fatt u ta’ dritt li jiġġustifikaw prima facie l-adozzjoni tal-miżura provviżorja li tiġi mitluba. B’hekk, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni u miżuri provviżorji oħrajn jistgħu jingħataw mill-Imħallef għal miżuri provviżorji jekk ikun stabbilit illi l-għoti tagħhom ikun ġustifikat prima facie fil-fatt u fid-dritt (fumus boni juris) u li huma urġenti fis-sens li huwa meħtieġ, sabiex ma jkunx hemm dannu serju u irreparabbli għall-interessi ta’ min qed jitlobhom, illi huma jiġu deċiżi u jkollhom l-effetti tagħhom qabel id-deċiżjoni fil-kawża prinċipali. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, b’mod li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jiġu miċħuda meta waħda minnhom tkun nieqsa. L-Imħallef għal miżuri provviżorji, skont il-każ, għandu anki jiżen l-interessi involuti.

Fil-kuntest ta’ dan l-eżami komplessiv, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa u huwa liberu li jiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, il-mod kif dawn id-diversi kundizzjonijiet għandhom jiġu vverifikati kif ukoll l-ordni ta’ dan l-eżami, billi ebda regola tad-dritt Komunitarju ma timponilu skema ta’ analiżi prestabbilita għall-evalwazzjoni tal-bżonn li tingħata deċiżjoni provviżorja.

(ara l-punti 11-13)

2.      It-talba għall-eżenzjoni mill-obbligu li tiġi kkostitwita garanzija bankarja bħala kundizzjoni tan-nuqqas ta’ rkupru immedjat ta’ multa tista’ tintlaqa’ biss f’każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali. Il-possibbiltà li teżiġi l-kostituzzjoni ta’ garanzija hija, fil-fatt, espressament ipprovduta għall-proċeduri għal miżuri provviżorji mir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, u tikkorrispondi għal linja ta’ kondotta ġenerali u raġonevoli tal-Kummissjoni.

L-eżistenza ta’ tali ċirkustanzi eċċezzjonali tista’, fil-prinċipju, titqies stabbilita meta l-parti li titlob li tiġi eżentata milli tikkostitwixxi l-garanzija bankarja meħtieġa tipproduċi l-prova, jew li għaliha huwa oġġettivament impossibbli li tikkostitwixxi din il-garanzija, jew li l-kostituzzjoni tagħha tqiegħed fil-perikolu l-eżistenza tagħha.

(ara l-punti 22, 23)

3.      Il-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris hija sodisfatta meta għall-inqas wieħed mill-motivi invokati mir-rikorrenti insostenn tar-rikors prinċipali jidher, prima facie, rilevanti u, fi kwalunkwe każ, mhux infondat jew meta l-argumenti li hija tressaq ma jistgħux jiġu esklużi mingħajr eżami dettaljat, li huwa rriżervat għall-qorti kompetenti fil-kawża prinċipali.

Jeżisti, prima facie, fumus boni juris li jirrigwarda motiv li kien espost b’mod tant preċiż li ppermetta lill-Kummissjoni li tippreżenta nota dettaljata ta’ diversi paġni u jippermetti barra minn hekk lill-Imħallef għal miżuri provviżorji li jiddeċiedi li ma jidhirx, prima facie, kompletament infondat u li ma jistax fi kwalunwe każ jiġi miċħud mingħajr eżami fil-fond, li jaqa’ taħt il-kompetenza tal-qorti li tiddeċiedi l-kawża prinċipali.

(ara l-punti 54, 55, 58, 61)

4.      Ir-riskji inerenti għal kull waħda mis-soluzzjonijiet possibbli għandhom jiġu bbilanċjati fl-eżami tat-talba għal miżuri provviżorji. Konkretament, dan ifisser li l-qorti għandha teżamina b’mod partikolari jekk l-interess tar-rikorrent għal sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata għandux jipprevali fuq l-interess ta’ eżekuzzjoni immedjata tagħha.

(ara l-punt  62)