Language of document :

Rikors ippreżentat fl-20 ta' Mejju 2009 - Is-Slovenja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-197/09)

Lingwa tal-kawża: Is-Sloven

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika tas-Slovenja (rappreżentanti: Ž. Cilenšek Bončina, državna pravobranilka)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009 C(2009) 1945 1 tad-19 ta' Marzu 2009, li teskludi mill-finanzjament Komunitarju ċertu infiqI imġarrab mill-Istati Membri taħt it-Taqsima tal-Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG) u taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG), sa fejn teskludi ċertu nfiq imġarrab mis-Slovenja;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

tikkundanna l-Kummissjoni għar-rimbors tal-ispejjeż sostnuti mis-Slovenja f'din il-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eskludiet għas-snin finanzjarji 2005 u 2006, fid-dawl tan-nuqqasijiet f'verifiki essenzjali u tal-irregolarità tal-proċeduri kif ukoll tal-istrumenti ta' kontroll, ċertu nfiq tar-Repubblika tas-Slovenja mill-finanzjament tal-Komunità billi implementat korrezzjoni finanzjarja b'rata fissa ta' 5 % għall-ħlasijiet diretti, li fir-rigward tagħha hija bbażat ruħha fuq ir-reviżjoni tal-kontroll nazzjonali li sar mid-dipartimenti tagħha, fl-Istat Membru inkwistjoni, f'Marzu 2005.

Ir-rikorrenti tqis b'mod partikolari fit-talbiet tagħha li l-Kummissjoni:

minħabba konstatazzjoni żbaljata tal-kuntest fattwali, applikat b'mod żbaljat l-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2419/2001 2, rispettivament l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004 3, peress li wettqet ir-reviżjoni tardivament; għal din ir-reviżjoni, għażlet reġjun mhux tipiku li għalih ġew ikkontrollati għelieqi manifestament żgħar; fl-okkażjoni tar-reviżjoni stess, ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-istandard internazzjonali 530 filwaqt li pprekludiet b'mod infondat l-użu ta' dan il-kriterju ta' kejl min-naħa tar-rikorrenti;

kisret il-prinċipju ta' trattament ugwali bejn Stati Membri peress li wettqet ir-reviżjoni tal-kontroll nazzjonali fl-Istati Membri l-oħra fuq bażi iktar wiesgħa u għalhekk b'kampjun iktar rappreżentattiv;

applikat deċiżjoni, jiġifieri l-korrezzjoni finanzjarja ta' 5 %, li minħabba r-riskju limitat għall-Fond, fid-dawl tar-riżorsi assenjati, hija manifestament sproporzjonata fir-rigward tal-gravità u mad-daqs tal-ksur ikkonstatat;

aġixxiet kontra l-prinċipji ta' bona fide u ta' korrettezza peress li d-dipartimenti tagħha ma kkontestawx il-legalità tal-indikazzjonijiet li kienu jipprovdu l-użu rota ta' kejl u, sal-ħarifa tal-2005, ma kinux ġibdu l-attenzjoni tar-rikorrenti fuq il-problema.

____________

1 - ĠU L 75, 21.03.2009, p. 15

2 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2419/2001 tal-11 ta' Diċembru tal-2001 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-amministrazzjoni integrata u s-sistema ta' kontroll għal ċerti skemi ta' għajnuna tal-Komunità permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3508/92 (ĠU L 327, 12.12.2001, p. 11).

3 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004 tal-21 ta' April 2004 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implementazzjoni ta' konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta' kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixi regoli komuni għal skemi ta' sostenn dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' sostenn għall-bdiewa (ĠU L 141, 30.04.2004, p. 18).