Language of document : ECLI:EU:C:2013:235

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

11 ta’ April 2013 (*)

“Politika soċjali – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – klawżola 2 – Kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim qafas – Aġenzija ta’ xogħol temporanju – Tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema temporanji għal impriża li tirrikorri għas-servizzi ta’ ħaddiema temporanji – Kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi”

Fil-Kawża C‑290/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale di Napoli (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Mejju 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Ġunju 2012, fil-proċedura

Oreste Della Rocca

vs

Poste Italiane SpA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn E. Jarašiūnas, President tal-Awla, A. Ó Caoimh (Relatur) u G. C. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Poste Italiane SpA, minn R. De Luca Tamajo, avukat,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Palatiello, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar u B. Majczyna, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga u M. van Beek, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-klawżoli 2 u 5 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas”), li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn O. Della Rocca u l-impriża Poste Italiane SpA (iktar ’il quddiem “Poste Italiane”) dwar ir-relazzjoni ta’ xogħol maħluqa ma’ din tal-aħħar.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 1999/70

3        Mill-premessa 14 tad-Direttiva 1999/70, li hija bbażata fuq l-Artikolu 139(2) KE, jirriżulta li l-partijiet firmatarji tal-Ftehim qafas xtaqu, permezz tal-konklużjoni ta’ tali ftehim, itejbu l-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi jiggarantixxu l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u jistabbilixxu qafas sabiex jiġi evitat l-abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol jew ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi.

4        Skont l-Artikolu 1 tagħha, l-għan tad-Direttiva 1999/70 huwa li “jġib fis-seħħ il-[Ftehim qafas] konkluż [...] bejn l-organizzazzjonijiet ġenerali ta’ l-industrija (ETUC, UNICE u CEEP) annessi [anness] hawn”.

5        Ir-raba’ paragrafu tal-Preambolu tal-Ftehim qafas huwa fformulat b’dan il-mod:

“Dan il-ftehim japplika għal ħaddiema għal terminu fiss ħlief dawk mibgħuta minn aġenzija ta’ xogħol temporanju għad-dispożizzjoni ta’ impriża utenti [li tirrikorri għas-servizzi ta’ dawn il-ħaddiema]. Hija l-intenzzjoni tal-partijiet li jikkunsidraw il-bżonn għal ftehim simili relatat ma’ [...] xogħol temporanju [ma’ tali aġenzija].”

6        Il-klawżola 2 tal-Ftehim qafas, intitolata “L-iskop”, hija fformulata b’dan il-mod:

“1.      Dan il-ftehim japplika għal ħaddiema għal terminu fiss li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’kull Stat Membru.

2.       L-Istati Membri wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali u/jew l-imsieħba soċjali jistgħu jipprovdu li dan il-ftehim ma japplikax għal:

a)       relazzjonijiet ta’ taħriġ professjonali u skemi ta’ apprentistat tal-bidu;

b)       kuntratti u relazzjonijiet ta’ impjieg li kienu konklużi fil-qafas ta’ programm speċifiku pubbliku jew bl-appoġġ tal-pubbliku ta’ taħriġ, integrazzjoni u taħriġ professjonali mill-ġdid.”

7        Il-klawżola 3 tal-Ftehim qafas, intitolata “Definizzjonijiet”, tipprovdi:

“1.      Għall-iskop ta’ dan il-ftehim il-kliem ‘ħaddiem għal terminu fiss’ ifisru persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta’ l-impjieg dirett bejn min jimpjiega u ħaddiem meta l-aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg hu ddeterminat b’kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku.

[...]”

8        Il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, intitolata “Miżuri għal prevenzjoni ta’ l-abbuż”, tipprovdi:

“1.      Sabiex jiġi ipprevenut l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss, [l-Istati Membri] wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika, u/jew l-imsieħba soċjali, għandhom, meta ma hemm ebda miżuri ekwivalenti legali biex jipprevjenu l-abbuż, jintroduċu b’mod li jieħu kont tal-ħtiġiet tas-setturi u/jew kategoriji speċifiċi ta’ ħaddiema, waħda jew iktar mill-miżuri li ġejjin:

a)      raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet;

b)      iż-żmien massimu totali ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss;

ċ)      in-numru ta’ tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet.

[...]”

 Id-Direttiva 2008/104/KE

9        Il-premessi 5 u 7 tad-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Novembru 2008, dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija (ĠU L 327, p. 9), huma fformulati b’dan il-mod:

“(5)      Fl-introduzzjoni tal-[Ftehim qafas], il-firmatarji indikaw l-intenzjoni tagħhom li jqisu l-ħtieġa għal ftehim simili dwar ix-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija u ddeċidew li ma jinkludux il-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija fid-Direttiva dwar ix-xogħol għal żmien definit.

[...]

(7)      Fil-21 ta’ Mejju 2001, l-imsieħba soċjali rrikonoxxew li nnegozjati tagħhom dwar ix-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija ma waslu għall-ebda ftehim.”

 Il-leġiżlazzjoni Taljana

 Id-Digriet leġiżlattiv Nru 368/01

10      L-Artikolu 1 tad-Digriet leġiżlattiv Nru 368, dwar l-implementazzjoni tad-Direttiva 1999/70/KE dwar il-Ftehim qafas konkluż minn CES, UNICE u CEEP dwar ix-xogħol għal żmien determinat (decreto legislativo n. 368, attuazione della direttiva 1999/70/CE relativa all’accordo quadro sul lavoro a tempo determinato concluso dall’UNICE, dal CEEP e dal CES), tas-6 ta’ Settembru 2001 (GURI Nru 235, tad-9 ta’ Ottubru 2001, p. 4, iktar ’il quddiem id-Digriet leġiżlattiv Nru 368/01”), jipprovdi:

“1.      Il-kuntratt ta’ xogħol ta’ impjegat jista’ jkollu data ta’ skadenza għal raġunijiet ta’ natura teknika jew għal raġunijiet marbuta ma’ raġunijiet imperattivi ta’ produzzjoni, ta’ organizzazzjoni jew ta’ sostituzzjoni tal-impjegati.

2.      L-indikazzjoni ta’ data ta’ skadenza ta’ kuntratt tkun mingħajr effett jekk ma tirriżultax direttament jew indirettament minn att bil-miktub li jispeċifika r-raġunijiet indikati fil-paragrafu 1.

3.       Il-persuna li timpjega għandha tagħti kopja tal-att bil-miktub lill-ħaddiem f’terminu ta’ ħamest ijiem tax-xogħol li jiddekorru mill-bidu tal-prestazzjoni.

4.       Madankollu, ma huwiex neċessarju li jiġi redatt att bil-miktub meta t-tul tar-relazzjoni ta’ xogħol, li tkun purament okkażjonali, ma jaqbiżx tnax-il jum.”

11      Skont l-Artikolu 4 tad-Digriet leġiżlattiv Nru 368/01, li jikkonċerna r-regoli dwar l-estensjonijiet:

“1.      Il-perijodu ta’ validità tal-kuntratt għal żmien determinat jista’ jiġi estiż, bil-kunsens tal-ħaddiem, biss meta t-tul inizjali tal-kuntratt ikun ta’ inqas minn tliet snin. F’dan il-każ, l-estensjoni hija possibbli darba biss u bil-kundizzjoni li tkun meħtieġa minħabba raġunijiet oġġettivi u li tkun tikkonċerna l-istess attività bħal dik li fir-rigward tagħha jkun ġie konkluż il-kuntratt għal żmien determinat. F’dan il-każ biss, it-tul totali tar-relazzjoni għal żmien determinat ma jistax jaqbeż it-tliet snin.

2.      L-oneru tal-prova dwar l-eżistenza oġġettiva ta’ raġunijiet li jiġġustifikaw l-eventwali estensjoni tal-perijodu ta’ validità jaqa’ fuq il-persuna li timpjega.”

12      L-Artikolu 5 tad-Digriet leġiżlattiv Nru 368/01, intitolat “Skadenza tal-perijodu ta’ validità u sanzjonijiet. Kuntratti suċċessivi”, jipprovdi:

“1.       Jekk ir-relazzjoni ta’ xogħol tkompli wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ validità stabbilit inizjalment jew estiż sussegwentement skont l-Artikolu 4, il-persuna li timpjega hija obbligata tħallas lill-ħaddiem żieda fis-salarju ta’ 20 % kull jum sal-għaxar jum u ta’ 40 % għal kull jum addizzjonali.

2.       Jekk ir-relazzjoni ta’ xogħol tkompli għal iktar minn għoxrin jum, fil-każ ta’ kuntratt għal żmien inqas minn sitt xhur, jew għal iktar minn tletin jum fil-każijiet l-oħra, il-kuntratt jitqies li huwa għal żmien indeterminat b’effett mill-iskadenza ta’ dawn il-perijodi ta’ validità.

3.       Meta l-ħaddiem jiġi impjegat mill-ġdid għal żmien determinat skont l-Artikolu 1, f’terminu ta’ għaxart ijiem li jiddekorru mid-data tal-iskadenza ta’ kuntratt li t-tul tiegħu jkun ta’ jew inqas minn sitt xhur, jew ta’ għoxrin jum li jiddekorru mid-data tal-iskadenza ta’ kuntratt li t-tul tiegħu jkun ta’ iktar minn sitt xhur, it-tieni kuntratt jitqies li huwa konkluż għal żmien indeterminat.

4.       Fil-każ ta’ żewġ reklutaġġi suċċessivi għal żmien determinat, jiġifieri mwettqa mingħajr interruzzjoni, ir-relazzjoni ta’ xogħol titqies li hija għal żmien indeterminat b’effett mill-konklużjoni tal-ewwel kuntratt.”

 Id-Digriet leġiżlattiv Nru 276/03

13      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-Digriet leġiżlattiv Nru 276, li jimplementa d-delegi fil-qasam tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol previsti fil-Liġi Nru 30, tal-14 ta’ Frar 2003 (decreto legislativo n. 276, attuazione delle deleghe in materia di occupazione e mercato del lavoro, di cui alla legge 14 febbraio 2003, n. 30), tal-10 ta’ Settembru 2003 (Suppliment ordinarju tal-GURI Nru 235, tad-9 ta’ Ottubru 2003, p. 5, iktar ’il quddiem id-“Digriet leġiżlattiv Nru 276/03”), jidderoga, fir-rigward tal-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat konkluż ma’ aġenzija ta’ xogħol temporanju, mid-Digriet leġiżlattiv Nru 368/01, sa fejn jipprovdi li dawn il-kuntratti ta’ xogħol jistgħu jingħataw perijodu ta’ validità u jistgħu jiġu estiżi mingħajr ġustifikazzjoni, skont regoli li jaqgħu biss b’mod indirett taħt id-dritt komuni.

14      Id-Digriet leġiżlattiv Nru 276/03 jiddefinixxi l-kuntratt ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema (“somministrazione di lavoro”) bħala l-kuntratt li jkollu bħala suġġett il-provvista professjonali ta’ ħaddiema, għal żmien indeterminat jew determinat, li fil-kuntest tiegħu l-ħaddiema jeżerċitaw l-attività tagħhom favur, taħt it-tmexxija u taħt il-kontroll tal-impriża li tirrikorri għas-servizzi ta’ dawn il-ħaddiema. Dan għalhekk huwa kuntratt bejn żewġ persuni, il-persuna li tipprovdi l-ħaddiema (“somministratore”) u l-persuna li tirrikorri għas-servizzi ta’ dawn il-ħaddiema (“utilizzatore”), li permezz tiegħu tal-ewwel tipprovdi, bi ħlas, lil tat-tieni l-ħaddiema li tkun irreklutat hija stess. Dan il-kuntratt ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema jkun akkumpanjat minn kuntrat ta’ xogħol konkluż bejn il-persuna li tipprovdi l-ħaddiema u l-ħaddiem.

15      L-Artikolu 20(4) tad-Digriet leġiżlattiv Nru 276/03 jipprovdi li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema għal żmien determinat huwa awtorizzat meta jkun hemm raġunijiet ta’ natura teknika jew raġunijiet marbuta ma’ rekwiżiti imperattivi ta’ produzzjoni, ta’ organizzazzjoni jew ta’ sostituzzjoni, anki jekk dawn ikunu marbuta mal-attività ordinarja tal-persuna li tirrikorri għas-servizzi ta’ ħaddiema temporanji. Il-ftehim kollettivi nazzjonali dwar ix-xogħol jistgħu jipprovdu li għandhom jiġu ddefiniti, anki jekk mhux b’mod uniformi, limitajiet kwantitattivi fir-rigward tal-użu tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema għal żmien determinat.

16      Skont l-Artikolu 21 tad-Digriet leġiżlattiv Nru 276/03, il-kuntratt ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema għandu jiġi stipulat bil-miktub u għandu jinkludi, b’mod partikolari, il-każijiet u r-raġunijiet ta’ natura teknika jew ir-raġunijiet marbuta ma’ rekwiżiti imperattivi ta’ produzzjoni, ta’ organizzazzjoni jew ta’ sostituzzjoni previsti fl-Artikolu 20(3) u (4). Din l-informazzjoni għandha tiġi kkomunikata bil-miktub lill-ħaddiem mill-persuna li tipprovdi l-ħaddiema jew meta jiġi konkluż il-kuntratt ta’ xogħol jew meta l-ħaddiem jiġi assenjat lill-persuna li tirrikorri għas-servizzi ta’ ħaddiema temporanji.

17      L-Artikolu 22(2) tad-Digriet leġiżlattiv Nru 276/03 jipprovdi li, fil-każ ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema għal żmien determinat, ir-relazzjoni ta’ xogħol bejn il-persuna li tipprovdi l-ħaddiema u l-ħaddiem hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet tad-Digriet leġiżlattiv Nru 368/01, sa fejn dawn ikunu kompatibbli, bl-esklużjoni, fi kwalunkwe każ, tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(3) et seq ta’ dan id-digriet leġiżlattiv. Il-perijodu ta’ validità inizjali tal-kuntratt ta’ xogħol jiġi jiġi estiż fil-każijiet kollha, bil-kunsens tal-ħaddiem u bil-miktub, fis-sitwazzjonijiet u għat-tul previsti mill-ftehim kollettiv li tkun koperta minnu l-persuna li tipprovdi l-ħaddiema.

18      L-Artikolu 27 tad-Digriet leġiżlattiv Nru 276/03 jipprovdi li, meta t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema ma josservax il-limiti u l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 20 u 21 ta’ dan id-digriet leġiżlattiv, il-ħaddiem jista’ jitlob, permezz ta’ rikors li jista’ jiġi nnotifikat biss lill-persuna li tirrikorri għas-servizzi ta’ ħaddiema temporanji, li relazzjoni ta’ xogħol tiġi ddikjarata bħala stabbilita bejnu u din il-persuna, b’effett mill-bidu tat-tqegħid għad-dispożizzjoni.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19      O. Della Rocca kkonkluda ma’ Obiettivo Lavoro SpA (iktar ’il quddiem “Obiettivo Lavoro”), aġenzija ta’ xogħol temporanju, tliet kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi li bis-saħħa tagħhom tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ Poste Italiane bħala pustier. Dawn il-kuntratti kienu jkopru, rispettivament, il-perijodi bejn it-2 ta’ Novembru 2005 u l-31 ta’ Jannar 2006, it-2 ta’ Frar u t-30 ta’ Settembru 2006, kif ukoll it-2 ta’ Ottubru 2006 u l-31 ta’ Jannar 2007. Dawn il-kuntratti ta’ xogħol ġew konklużi fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema għal żmien determinat konkluż bejn Obiettivo Lavoro u Poste Italiane sabiex jinstab persunal ta’ sostituzzjoni għall-persunal assenti mis-servizz ta’ distribuzzjoni tal-posta fir-reġjun ta’ Campania. Huwa paċifiku li huwa biss il-kuntratt ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema, u mhux il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, li jinkludi r-raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw il-konklużjoni tagħhom u t-tiġdid tagħhom.

20      Peress li kkunsidra li r-raġunijiet wara l-użu tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema għal żmien determinat kienu “vagi u inkonsistenti” u li l-estensjoni ta’ dan it-tqegħid ma kinitx immotivata, O. Della Rocca fetaħ kawża quddiem it-Tribunale di Napoli sabiex jiġi kkonstatat li, peress li dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni kien irregolari fid-dawl tal-Artikoli 20, 21 u 27 tad-Digriet leġiżlattiv Nru 276/03, huwa kien marbut ma’ Poste Italiane b’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat.

21      Skont Poste Italiane, ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-użu tal-kuntratt għal tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema kienu indikati b’mod suffiċjenti u kienu reali. Barra minn hekk, it-tiġdid tal-kuntratti ta’ xogħol konklużi bejn Obiettivo Lavoro u O. Della Rocca ma kien suġġett għal ebda limitazzjoni leġiżlattiva peress li l-Artikolu 22 tad-Digriet leġiżlattiv Nru 276/03 jeskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) u (4) tad-Digriet leġiżlattiv Nru 368/01 għal dawn it-tip ta’ kuntratti.

22      Fid-deċiżjoni tar-rinviju, it-Tribunale di Napoli jindika li minn dan l-Artikolu 22 jirriżulta li, b’deroga mid-dritt komuni fil-qasam tal-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat, il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma timponi ebda limitu fir-rigward tat-tiġdid ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat fuq l-aġenziji ta’ xogħol temporanju. Fil-fatt, filwaqt li d-Digriet leġiżlattiv Nru 368/01 jipprovdi li l-ġustifikazzjoni tal-kuntratt u tal-estensjoni tiegħu għandha tkun marbuta mal-ħtiġijiet tal-persuna li timpjega, id-Digriet leġiżlattiv Nru 276/03 jippermetti l-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat meta l-kuntratt ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema jkun konkluż ukoll għal żmien determinat. Skont l-Artikoli 20(4) u 27(1) tad-Digriet leġiżlattiv Nru 276/03, huwa biss dan il-kuntratt tal-aħħar li għandu jkun iġġustifikat minn ħtiġijiet tekniċi jew minn rekwiżiti imperattivi marbuta mal-organizzazzjoni jew mal-produzzjoni.

23      Madankollu, it-Tribunale di Napoli jesprimi dubju dwar il-kompatibbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni mal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas.

24      F’dan id-dawl, dik il-qorti tqis li, l-ewwel nett, għandu jiġi kkjarifikat jekk ir-relazzjoni ta’ xogħol bejn l-aġenzija ta’ xogħol temporanju u l-ħaddiem temporanju jew dik stabbilita bejn dan tal-aħħar u l-impriża li tirrikorri għas-servizzi ta’ ħaddiema temporanji jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim qafas. Fil-fatt, għalkemm il-Preambolu tiegħu jissuġġerixxi li dan il-ftehim qafas ma japplikax, mill-punt 36 tad-digriet tal-15 ta’ Settembru 2010, Briot (C‑386/09, Ġabra p. I‑8471) jirriżulta li r-relazzjoni ta’ xogħol bejn l-aġenzija ta’ xogħol temporanju u l-ħaddiem temporanju hija suġġetta għall-Ftehim qafas, sa fejn id-Direttiva 2008/104 tikkonċerna biss ir-relazzjoni ta’ xogħol stabbilita bejn dan il-ħaddiem u l-impriża li tirrikorri għas-servizzi ta’ ħaddiema temporanji.

25      It-tieni nett, fil-każ li l-Ftehim qafas ikun applikabbli, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fl-assenza ta’ miżuri preventivi oħra, huwiex konformi mal-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas li r-raġunijiet marbuta ma’ ħtiġijiet tekniċi jew ir-rekwiżiti imperattivi marbuta mal-organizzazzjoni jew mal-produzzjoni li jkunu ġġustifikaw il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema għal żmien determinat — li jkunu speċifiċi għall-impriża li tirrikorri għas-servizzi ta’ ħaddiema temporanji u mhux għall-aġenzija ta’ xogħol temporanju u li ma jkollhom ebda konnessjoni mar-relazzjoni ta’ xogħol speċifika — jikkostitwixxu raġunijiet suffiċjenti sabiex tiġi ġġustifikata l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat bejn il-ħaddiem temporanju u l-aġenzija ta’ xogħol temporanju, kif ukoll sabiex tiġi ġġustifikata l-estensjoni ta’ dan il-kuntratt.

26      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din il-klawżola tippermettix li l-oneru tal-konsegwenzi ta’ użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat jiġi ttrasferit fuq persuna terza, f’dan il-każ l-impriża li tirrikorri għas-servizzi ta’ ħaddiema temporanji. Fil-fatt, peress li l-aġenziji ta’ xogħol temporanju jeżerċitaw sempliċement attività ta’ intermedjarji u peress li ma jistgħu jieħdu responsabbiltà għal ebda riskju tal-operat, il-ħaddiema jibbażaw sistematikament ir-rikorsi tagħhom fuq l-Artikolu 27(1) tad-Digriet leġiżlattiv Nru 276/03, b’tali mod li s-sanzjoni ma tolqotx lill-persuna li timpjega.

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale di Napoli ddeċieda li jissospendi l-proċedura quddiemu u li jagħmel dawn id-domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Fid-dawl b’mod partikolari tal-kunsiderazzjoni magħmula fil-punt 36 tad-digriet [Briot, iċċitat iktar ’il fuq], id-Direttiva [1999/70], [u] iktar preċiżament il-klawżola 2 [tal-Ftehim qafas], tirreferi ukoll għar-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat bejn il-ħaddiem mqiegħed għad-dispożizzjoni u l-aġenzija ta’ xogħol temporanju jew bejn il-ħaddiem mqiegħed għad-dispożizzjoni u l-persuna li tirrikorri għas-servizzi tiegħu, u, għaldaqstant, dawn ir-relazzjonijiet huma rregolati mid-Direttiva [1999/70]?

2)      Fl-assenza ta’ miżuri restrittivi oħra, dispożizzjoni li tippermetti li tiġi ġġustifikata l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat mal-aġenzija ta’ xogħol temporanju u t-tiġdid tiegħu minħabba raġunijiet ta’ natura teknika jew minħabba raġunijiet li jirrigwardaw eżiġenzi ta’ organizzazzjoni jew ta’ produzzjoni li ma humiex speċifiċi għall-aġenzija u lanqas għar-relazzjoni ta’ xogħol speċifik[a] għal żmien determinat, iżda jikkostitwixxu raġunijiet ta’ natura ġenerali speċifiċi għall-persuna li tirrikorri għas-servizzi tal-ħaddiem li ma humiex marbuta mar-relazzjoni ta’ xogħol speċifik[a], tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fil-klawżola 5(1)(a) tad-Direttiva [1999/70] jew tista’ tikkostitwixxi mod ta’ kif tiġi evitata l-imsemmija direttiva? Ir-raġunijiet oġġettivi previsti fil-klawżola 5(1)(a) tad-Direttiva [1999/70] għandhom ikunu stabbiliti bil-miktub u jikkonċernaw ir-relazzjoni ta’ xogħol speċifik[a] għal żmien determinat u t-tiġdid [tagħha] u, għaldaqstant, ir-referenza għar-raġunijiet oġġettivi ta’ natura ġenerali li ġġustifikaw il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema tissodisfa l-klawżola 5(1)(a)?

3)      Il-klawżola 5 tad-Direttiva [1999/70] tipprekludi li terz, f’dan il-każ il-persuna li tirrikorri għas-servizzi tal-ħaddiem, jinżamm responsabbli għall-konsegwenzi tal-abbuż?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

28      Poste Italiane ssostni li d-domandi magħmula ma humiex rilevanti peress li jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-Ftehim qafas għar-relazzjoni ta’ xogħol bejn il-ħaddiem temporanju u l-aġenzija ta’ xogħol temporanju, filwaqt li, fil-kawża prinċipali, O. Della Rocca qiegħed jinvoka biss l-illegalità tal-kuntratt ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema konkluż bejn l-aġenzija ta’ xogħol temporanju u l-impriża li tirrikorri għas-servizzi ta’ ħaddiema temporanji.

29      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tevalwa l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda magħmula minn qorti nazzjonali biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda konnessjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli, C‑188/10 u C‑189/10, Ġabra p. I‑5667, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Issa, għandu jiġi kkonstatat li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jikkonċernaw l-interpetazzjoni tal-Ftehim qafas f’tilwima reali, li fil-kuntest tagħha, kif jirriżulta mill-punti 20 u 21 ta’ din is-sentenza, O. Della Rocca mhux qiegħed jikkontesta biss it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema iżda wkoll it-tiġdid tal-kuntratti tiegħu ta’ xogħol mal-aġenzija ta’ xogħol temporanju, filwaqt li Poste Italiane qiegħda ssostni li dan it-tiġdid josserva r-rekwiżiti stabbiliti mil-leġiżlazzjoni Taljana, u dan iwassal lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar il-konformità ta’ din tal-aħħar mal-Ftehim qafas.

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li t-talba għal deċiżjoni preliminari ineżami hija ammissibbli.

 Fuq l-ewwel domanda

32      Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 1999/70 u l-Ftehim qafas għandhomx jiġu interpretati fis-sens li japplikaw għar-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat bejn ħaddiem temporanju u aġenzija ta’ xogħol temporanju jew għar-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat bejn tali ħaddiem u impriża li tirrikorri għas-servizzi ta’ ħaddiema temporanji.

33      Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li ħaddiem temporanju, bħal O. Della Rocca, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiæ tad-Direttiva 2008/104. Madankollu, huwa paċifiku li din id-direttiva, li kellha tiġi ttrasposta fid-dritt nazzjonali sa mhux iktar tard mill-5 ta’ Diċembru 2011, ma hijiex applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali sa fejn il-perijodi ta’ xogħol temporanju inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkonċernaw il-perijodu bejn it-2 ta’ Novembru 2005 u l-31 ta’ Jannar 2007. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ġustament tistaqsi biss dwar l-applikabbiltà tal-Ftehim qafas għal tali ħaddiem.

34      F’dan id-dawl, għandu jitfakkar li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, mit-termini stess tal-klawżola 2(1) tal-Ftehim qafas jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-ftehim qafas huwa fformulat b’mod wiesa’ sa fejn ikopri b’mod ġenerali l-“ħaddiema għal terminu fiss li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’kull Stat Membru”. Barra minn hekk, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ħaddiem għal terminu fiss” fis-sens tal-Ftehim qafas, stabbilita fil-klawżola 3(1) tiegħu, tkopri l-ħaddiema kollha, mingħajr ma tagħmel distinzjoni fuq il-bażi tal-kwalità pubblika jew privata tal-persuna li timpjega li jkunu marbuta magħha (sentenza tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C‑212/04, Ġabra p. I‑6057, punt 56).

35      Madankollu, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim qafas ma huwiex mingħajr limiti. F’dan is-sens, mit-termini stess tal-klawżola 2(1) tal-Ftehim qafas jirriżulta li d-definizzjoni tal-kuntratti u tar-relazzjonijiet ta’ xogħol li għalihom japplika dan il-ftehim qafas ma tiddependix minn dan il-ftehim jew mid-dritt tal-Unjoni iżda mil-leġiżlazzjoni u/jew mill-prattiki nazzjonali. Barra minn hekk, il-klawżola 2(2) tal-Ftehim qafas tagħti lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Ftehim qafas għal ċerti kategoriji ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol. Fil-fatt, il-klawżola 2(2) tal-Ftehim qafas tagħti lill-Istati Membri u/jew lill-imsieħba soċjali l-possibbiltà li jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-ftehim qafas ir-“relazzjonijiet ta’ taħriġ professjonali u skemi ta’ apprentistat tal-bidu” kif ukoll il-“kuntratti u relazzjonijiet ta’ impjieg li kienu konklużi fil-qafas ta’ programm speċifiku pubbliku jew bl-appoġġ tal-pubbliku ta’ taħriġ, integrazzjoni u taħriġ professjonali mill-ġdid” (ara s-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, Sibilio, C‑157/11, punti 42, 52 u 53).

36      Issa, bl-istess mod, mir-raba’ paragrafu tal-Preambolu tal-Ftehim qafas jirriżulta b’mod espliċitu li dan il-ftehim ma japplikax għall-ħaddiema għal żmien determinat li jkunu mqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ impriża li tirrikorri għas-servizzi ta’ ħaddiema temporanji minn aġenzija ta’ xogħol temporanju, u li l-intenzjoni tal-partijiet f’dan il-kuntratt qafas kienet li jiġi konkluż ftehim simili fir-rigward tax-xogħol temporanju. Ix-xogħol temporanju kien fil-fatt irregolat permezz tad-Direttiva 2008/104 li, kif jirriżulta mill-premessi 5 u 7 tagħha, ġiet adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni wara li n-negozjati bejn l-imsieħba soċjali fir-rigward tal-konklużjoni ta’ tali ftehim spiċċaw fix-xejn.

37      F’dan id-dawl, għandu jiġi osservat li l-esklużjoni prevista minn dan il-preambolu tal-Ftehim qafas tikkonċerna l-ħaddiem temporanju, bħala tali, u ma tikkonċerna ebda waħda mir-relazzjonijiet ta’ xogħol tiegħu, b’tali mod li kemm ir-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu mal-aġenzija ta’ xogħol temporanju u kif ukoll ir-relazzjoni stabbilita mal-impriża li tirrikorri għas-servizzi ta’ ħaddiema temporanji jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-ftehim qafas.

38      Huwa minnu li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-preambolu ta’ att tal-Unjoni ma għandux valur legali vinkolanti u la jista’ jiġi invokat sabiex isiru derogi mid-dispożizzjonijiet stess tal-att ikkonċernat u lanqas sabiex id-dispożizzjonijiet tiegħu jiġu interpretati f’sens li jkun manifestament kuntrarju għat-termini tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Novembru 1998, Manfredi, C‑308/97, Ġabra p. I‑7685, punt 30; tal-24 ta’ Novembru 2005, Deutsches Milch-Kontor, C‑136/04, Ġabra p. I‑10095, punt 32; tat-2 ta’ April 2009, Tyson Parketthandel, C‑134/08, Ġabra p. I‑2875, punt 16; u tat-28 ta’ Ġunju 2012, Caronna, C‑7/11, punt 40).

39      Madankollu, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-esklużjoni li tinsab fil-preambolu tal-Ftehim qafas hija espressa fil-klawżola 3(1) ta’ dan tal-aħħar, li tipprovdi li hija biss ir-relazzjoni ta’ xogħol konkluża b’mod “dirett” mal-persuna li timpjega li taqa’ taħt dan il-ftehim qafas.

40      Barra minn hekk, it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema temporanji jikkostitwixxi każ kumpless u speċifiku tad-dritt tax-xogħol li jimplika, kif jirriżulta mill-punti 32 u 37 ta’ din is-sentenza, relazzjoni doppja ta’ xogħol, minn naħa, bejn l-aġenzija ta’ xogħol temporanju u l-ħaddiem temporanju u, min-naħa l-oħra, bejn dan tal-aħħar u l-impriża li tirrikorri għas-servizzi ta’ ħaddiema temporanji, kif ukoll relazzjoni ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni bejn l-aġenzija ta’ xogħol temporanju u l-impriża li tirrikorri għas-servizzi ta’ ħaddiema temporanji. Issa, il-Ftehim qafas ma jinkludi ebda dispożizzjoni li tikkonċerna dawn l-aspetti speċifiċi.

41      Għall-kuntrarju, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 1(3)(ċ) tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 1996, dwar l-impjieg [il-kollokament] ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 1), jipprovdi b’mod espliċitu li din id-direttiva tapplika għall-kollokament, minn aġenzija ta’ xogħol temporanju, ta’ ħaddiem f’impriża li tirrikorri għas-servizzi ta’ ħaddiema temporanji, meta jkun hemm relazzjoni ta’ xogħol bejn l-impriża ta’ xogħol temporanju u l-ħaddiem temporanju matul il-perijodu ta’ kollokament. Bl-istess mod, l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/383/KEE, tal-25 ta’ Ġunju 1991, li tissupplementa l-miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-sigurtà u s-saħħa fix-xogħol tal-ħaddiema li għandhom relazzjoni ta’ impjieg b’dewmien fiss jew ta’ impjieg temporanju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 418), jippreċiża speċifikament li din id-direttiva tapplika għar-relazzjonijiet ta’ xogħol temporanju bejn aġenzija ta’ xogħol temporanju u l-ħaddiem temporanju.

42      Minn dan jirriżulta li r-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat ta’ ħaddiem temporanju mqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ impriża li tirrikorri għas-servizzi ta’ ħaddiema temporanji minn aġenzija ta’ xogħol temporanju ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim qafas u lanqas għaldaqstant f’dak tad-Direttiva 1999/70.

43      Din il-konklużjoni b’ebda mod ma hija kuntrarja għal dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fid-digriet Briot, iċċitat iktar ’il fuq. Fil-fatt, f’dik il-kawża, wara li kkonstatat li n-nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat ta’ ħaddiem temporanju li ntemm, minħabba l-iskadenza tal-perijodu ta’ validità tiegħu, f’data preċedenti għal dik tat-trasferiment tal-attività assenjata lil dan il-ħaddiem, ma kienx imur kontra d-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 98), il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement ippreċiżat, fil-punt 36 tad-digriet imsemmi, li din is-soluzzjoni kienet bla ħsara għall-protezzjoni li ħaddiem temporanju seta’ jgawdi, jekk ikun il-każ, kontra l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi taħt dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tad-Direttiva 1999/70, u għall-interpretazzjoni li tista’ tingħata lil dawn id-dispożizzjonijiet mill-Qorti tal-Ġustizzja.

44      Issa, preċiżament, mill-interpretazzjoni tad-Direttiva 1999/70 u tal-Ftehim qafas, kif tirriżulta mill-punti 34 sa 42 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li r-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat ta’ ħaddiem temporanju mqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ impriża li tirrikorri għas-servizzi ta’ ħaddiema temporanji minn aġenzija ta’ xogħol temporanju ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u tal-Ftehim qafas.

45      Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li d-Direttiva 1999/70 u l-Ftehim qafas għandhom jiġu interpretati fis-sens li la japplikaw għar-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat bejn ħaddiem temporanju u aġenzija ta’ xogħol temporanju u lanqas għar-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat bejn tali ħaddiem u impriża li tirrikorri għas-servizzi ta’ ħaddiema temporanji.

 Fuq it-tieni u t-tielet domandi

46      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domandi.

 Fuq l-ispejjeż

47      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP, u l-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 u li jinsab fl-Anness ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li la japplikaw għar-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat bejn ħaddiem temporanju u aġenzija ta’ xogħol temporanju u lanqas għar-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat bejn tali ħaddiem u impriża li tirrikorri għas-servizzi ta’ ħaddiema temporanji.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.