Language of document : ECLI:EU:C:2016:201

8KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fil-5 ta’ April 2016 (1)

Kawża C‑57/15

United Video Properties Inc.

vs

Telenet NV

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hof Van Beroep te Antwerpen (qorti tal-appell ta’ Antwerpen) (il-Belġju)]

“Drittijiet tal-proprjetà intellettwali — Direttiva 2004/48 — Artikolu 14 — Spejjeż legali — Rimbors tal-ispejjeż tal-avukat u tal-espert — Limitu massimu għall-onorarji tal-avukat”





1.        Id-domandi magħmula mill-Hof Van Beroep te Antwerpen (qorti tal-appell ta’ Antwerpen) f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari jidher li għandhom portata limitata imma, fil-fatt, iqajmu problemi ġuridiċi delikati. Għalkemm, bħala prinċipju, jaffettwaw biss il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ ċerti regoli nazzjonali (f’dan il-każ, tal-Belġju) dwar ir-rimbors ta’ ċerti spejjeż relatati mal-proċedura mill-parti li tkun tilfet il-kawża, jagħtu lok għal riflessjonijiet iktar wiesgħa dwar l-impatt tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fuq il-liġijiet tal-proċedura ċivili tal-Istati Membri.

2.        Id-dubji tal-qorti tar-rinviju jitqajmu fl-applikazzjoni tas-sistema Belġjana (liġi u ġurisprudenza tal-qorti tal-kassazzjoni) għall-partijiet tal-spejjeż marbuta mal-onorarji tal-avukati u mal-ispejjeż ta’ esperti, fil-kuntest ta’ proċedura legali dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Peress li hemm dispożizzjoni speċifika dwar l-ispejjeż proċedurali fid-Direttiva 2004/48/KE (2), bħala prinċipju, ir-regoli proċedurali tal-Istati Membri kollha għandhom ikunu konformi magħha. Il-problema hija kif ikun hemm konformità — jekk huwa possibbli — bejn il-kodiċi ta’ proċedura ċivili u l-ġurisprudenza tal-qorti tal-kassazzjoni Belġjana, it-tnejn li huma applikabbli għat-tipi kollha ta’ proċeduri b’mod ġenerali, permezz ta’ dispożizzjoni “settorjali” tad-dritt tal-Unjoni, li speċifikament tirreferi għat-tilwim fil-qasam tal-proprjetà intellettwali.

3.        F’ċerti Direttivi — fosthom id-Direttiva, li tikkostitwixxi t-titolu li jiġġustifika l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ kwistjoni li, altrimenti, tkun taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Istati Membri — jiġi osservat l-għan li jiġu armonizzati ċerti regoli proċedurali ta’ dawn tal-aħħar. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-direttivi huwa, ovvjament, limitat għal settur uniku jew għal diversi setturi individwali (il-proprjetà intellettwali, il-protezzjoni tal-kompetizzjoni, l-ambjent, il-protezzjoni tal-konsumatur, inter alia). Il-multiplikazzjoni ta’ regoli proċedurali “settorjali” — mhux dejjem konsistenti bejniethom — li għandhom jiġu inkorporati fl-ordinamenti nazzjonali tista’ twassal, b’mod mhux intenzjonat, għall-frammentazzjoni tal-liġi proċedurali f’dawk il-pajjiżi li rnexxielhom, wara bosta snin, u sforz kodifikanti ta’ min ifaħħru, jadottaw leġiżlazzjonijiet ġenerali li jissostitwixxu, speċifikament, il-multipliċità ta’ proċeduri preċedenti u jġibuhom f’waħda komuni.

4.        Il-każ preżenti jikkonċerna d-determinazzjoni, l-ewwel nett, tal-kwantitajiet li, fir-rigward tal-onorarji tal-avukat tal-parti rebbieħa, għandhom jitħallsu mill-parti li tkun tilfet il-kawża, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni Belġjana li tipprovdi limitu massimu f’dan ir-rigward. It-tieni nett, fir-rigward tal-ispejjeż tal-esperti, id-diffikultà ma hijiex daqshekk fil-kwantifikazzjoni tagħhom iżda fit-tnissil tal-istess obbligu ta’ ħlas, b’kunsiderazzjoni tal-ġurisprudenza tal-qorti tal-kassazzjoni Belġjana f’dan ir-rigward. Id-dubju huwa dwar jekk l-istabbiliment ta’ dan il-limitu u l-kriterju tal-ġurisprudenza humiex kompatibbli mal-Artikolu 14 tad-Direttiva.

5.        Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ser jippermetti li jiġi vverifikat jekk l-Istati Membri jgawdux ċertu grad ta’ libertà regolatorja sabiex jistabbilixxu sistema ta’ rimbors tal-ispejjeż proċedurali li għandhom jitħallsu mill-parti li tkun tilfet li, jew tirrestrinġihom għall-ammonti jew limiti massimi, jew inkella teskludi l-ġbir innifsu tagħhom, meta, fiż-żewġ każijiet, it-tilwimiet jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva 2004/48

6.        Skont il-premessi 4, 5, 10 u 26:

“(4)      Fuq livell internazzjonali, l-Istati Membri, kif wkoll il-Komunità hija nnifsha fir-rigward ta’ ħwejjeġ li huma kompetenza tagħha, huma marbuta b’dan il-Ftehim dwar aspetti relatati mas-suq tal-proprjetà intellettwali (il-Ftehim TRIPS), approvat, bħala parti min-negozjati multilaterali tar-Rawnd Urugwajan, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE […] u konkluż fil-kwadru tal-Organiżazzjoni Dinjija għall-Kummerċ.

(5)      Il-Ftehim TRIPS fih, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet fuq il-mezzi għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, li huma l-istandards komuni applikabbli fuq livell internazzjonali u implimentati mill-Istati Membri kollha. Din id-Direttiva m’għandiex taffettwa l-obbligazzjonijiet internazzjonali tal-Istati Membri, inklużi dawk li jaqgħu taħt il-Ftehim TRIPS.”

“(10) L-għan ta’ din id-Direttiva hija li tqarreb is-sistemi leġislattivi sabiex tassigura livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti u omoġenju fis-suq intern.”

“(26) Bl-għan li jsir kumpens għall-preġudizzju soffret riżultat tal-kontravvenzjoni kommessa mill-kontravventur li daħal f’attività b’mod konxju jew b’raġunijiet validi li suppost kien jaf, li din twassal għal din il-kontravvenzjoni, l-ammont ta’ ħsara konċessa lid-detentur tad-drittijiet għandha tikkunsidra l-aspetti xierqa kollha, bħal telf ta’ qligħ tad-detentur tad-drittijiet jew profitti mhux ġusti magħmula mill-kontravventur u, fejn hu xieraq, xi preġudizzju morali kkawżat lid-detentur tad-drittijiet. […] L-għan huwa li ma tiġix introdotta obbligazzjoni biex tipprovdi għall-ħsara punitiva imma biex tħalli għall-kumpens ibbażat fuq kriterji oġġettivi waqt li tikkunsidra l-ispejjeż maħluqa lid-detentur tad-drittijiet, bħal spejjeż ta’ identifikazzjoni u riċerka.”

7.        L-Artikolu 1 jipprevedi:

“Din id-Direttiva tikkonċerna il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex tassigura l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminu ‘diritijiet tal-proprjetà intellettwali’ jinkludi id-drittijiet tal-proprjetà industrijali.”

8.        L-Artikolu 3 jipprevedi, fir-rigward tal-“obbligu ġenerali” tal-Istati Membri fir-rigward tal-“miżuri, il-proċeduri u r-rimedji” rregolati mill-Kapitolu II:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex jiġi assigurat l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti b’din id-Direttiva. Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikunu ġusti u m’għandhomx ikunu mhux neċessarjament kumplikati jew għaljin, jew li jwasslu għal-limiti ta’ ħin mhux raġjonevoli jew dewmien mhux ordnat.

2.      Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikun wkoll effetttivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom ikunu applikati b’mod u manjiera li jevitaw il-ħolqien ta’ barrieri biex jiġi leġitimiżżat il-kummerċ u biex jiġu provduti protezzjonijiet kontra l-abbuż tagħhom.”

9.        Fis-sezzjoni 6 tal-Kapitolu II, li tikkonċerna d-“danni” u l-“ispejjeż legali”, insibu l-Artikoli 13 u 14 li jipprevedu kif ġej:

“Artikolu 13

[…]

1.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti, fuq l-applikazzjoni tal-parti li sarulha d-danni, jordnaw lill-kontravventur li kien jaf jew b’raġunijiet validi li suppost kien jaf, daħal f’attività li tikkontravjeni, biex iħallas id-danni lid-detentur tad-dritt skond il-preġudizzju attwali soffert minnu/minnha riżultat tal-kontravvenzjoni.

Meta l-awtoritajiet ġudizzjarji jiffissaw id-danni:

a)      Għandhom jikkunsidraw l-aspetti xierqa kollha, bħall-konsegwenzi negattivi ekonomiċi, li jinkludu qliegħ mitluf, li l-parti li sarulha d-danni, xi profitti inġusti li saru mill-kontravventur u, f’każijiet xierqa, elementi barra fatturi ekonomiċi, bħall-preġudizzju morali ikkawżat lid-detentur tad-dritt bil-kontravvenzjoni, jew

b)      bħala alternattiva għall-(a), huma jistgħu, f’każijiet xierqa, jistabbilixxu d-danni bħala somma waħda fuq bażi tal-elementi bħal għall-inqas l-ammont ta’ royalties jew ħlasijiet li kieku riedu jitħallsu jekk il-kontravventur talab l-awtoriżazzjoni biex juża’ id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali in kwestjoni.

2.      Fejn il-kontravventur daħal f’attività li tikkontravjenu, u ma kiex jaf jew kien jaf imma kellu raġjunijiet validi, l-Istati Membri jistgħu jistipulaw li l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu jordnaw li jiġu rkuprati l-profitti jew il-pagament tad-danni, li jistgħu jkunu stabbiliti minn qabel.

Artikolu 14

[…]

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-ispejjeż legali u spejjeż oħra raġjonevoli u proprozjonati mħallsa mill-parti rebbieħa, bħala regola ġenerali, ikunu mħallsa mill-parti li tkun tilfet, sakemm jkun ekwità [l-ekwità ma tipprojbixxix dan].”

B –    Id-dritt nazzjonali

10.      Skont l-Artikolu 827(1) tal-kodiċi ġudizzjarju Belġjan tal-10 ta’ Ottubru 1967 (Gerechtelijk Wetboek), kull rinunzja tinvolvi l-issuġġettar tal-parti li rrinunzjat għall-ħlas tal-ispejjeż legali kkawżati.

11.      Skont l-Artikolu 1017 ta’ dan il-kodiċi, id-deċiżjoni finali għandha tinkludi l-kundanna għall-ħlas tal-ispejjeż mill-parti li t-talbiet tagħha ġew miċħuda, sakemm ma jkunx hemm regola speċjali li tistabbilixxi mod ieħor u bla ħsara għal ftehim bejn il-partijiet li, skont il-każ, jiġi deċiż fis-sentenza.

12.      L-Artikolu 1018 tal-istess kodiċi jipprevedi, fil-paragrafi 4 u 6 tiegħu, li l-ispejjeż jinkludu:

–        l-ispejjeż tal-miżuri istruttorji kollha, b’mod partikolari l-ispejjeż tax-xhieda u tal-esperti;

–        il-kumpens proċedurali previst fl-Artikolu 1022 tal-kodiċi ġudizzjarju.

13.      Skont l-Artikolu 1022 tal-kodiċi msemmi, il-kumpens proċedurali jikkonsisti f’ammont b’rata fissa tal-ispejjeż u tal-onorarji tal-avukat tal-parti li t-talbiet tagħha ġew milqugħa.

Permezz ta’ digriet approvat mill-Kunsill tal-Ministri għandhom jiġu stabbiliti l-ammonti massimi u minimi tal-kumpens proċedurali, li jiddependu b’mod speċjali fuq in-natura u l-importanza tal-kawża.

Fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, qorti tista’, permezz ta’ deċiżjoni b’motivazzjoni sostanzjali, tnaqqas jew iżżid il-kumpens, iżda mingħajr ma taqbeż l-ammonti massimi u minimi previsti fid-digriet. Meta tiddeċiedi, il-qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni:

–        il-kapaċità ekonomika tal-parti li tkun tilfet, sabiex jitnaqqas l-ammont tal-kumpens;

–        il-komplessità tal-każ;

–        il-kumpensi kuntrattwali miftiehma mal-parti rebbieħa; u

–        in-natura manifestament irraġonevoli tat-talbiet.

L-ebda parti ma tista’ tkun obbligata tħallas kumpens għall-intervent tal-avukat tal-parti l-oħra lil hinn mill-ammont tal-kumpens proċedurali.

14.      Permezz ta’ Digriet Irjali tas-26 ta’ Ottubru 2007 (iktar ’il quddiem, id-“Digriet Irjali”) ġiet stabbilita r-rata għad-determinazzjoni tal-limiti minimi u massimi tal-kumpensi proċedurali previsti fl-Artikolu 1022 tal-kodiċi ġudizzjarju.

Skont l-Artikolu 2 tad-Digriet Irjali, ħlief għall-kwistjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 tal-istess digriet, il-kumpens proċedurali fir-rigward tal-azzjonijiet imwettqa permezz ta’ talbiet li jistgħu jiġu evalwati fi flus, għandu jkun kif ġej:

 

L-ammont ta’ riferiment

Ammont minimu

Ammont massimu

Sa 250.00

150.00

75.00

300.00

Minn 250.01 sa 750.00

200.00

125.00

500.00

Minn 750.01 sa 2 500.00

400.00

200.00

1 000.00

Minn 2,500.01 sa 5 000.00

650.00

375.00

1 500.00

Minn 5 000.01 sa 10 000.00

900.00

500.00

2 000.00

Minn 10 000.01 sa 20 000.00

1 100.00

625.00

2 500.00

Minn 20 000.01 sa 40 000.00

2 000.00

1 000.00

4 000.00

Minn 40 000.01 sa 60 000.00

2 500.00

1 000.00

5 000.00

Minn 60 000.01 sa 100 000.00

3 000.00

1 000.00

6 000.00

Minn 100 000.01 sa 250 000.00

5 000.00

1 000.00

10 000.00

Minn 250 000.01 sa 500,000.00

7 000.00

1 000.00

14 000.00

Minn 500 000.01 sa 1 000 000.00

10 000.00

1 000.00

20 000.00

Minn

1 000 000.01

15 000.00

1 000.00

30 000.00

Skont l-Artikolu 3 tad-Digriet Irjali, f’dak li jirrigwarda azzjonijiet relatati ma’ kawżi li ma jistgħux jiġu evalwati fi flus, l-ammont ta’ riferiment għall-istabbiliment ta’ kumpens proċedurali jitla’ sa EUR 1 200, peress li l-ammont minimu huwa ta’ EUR 75 u dak massimu ta’ EUR 10 000.

L-Artikolu 8 tad-Digriet Irjali jipprevedi sistema li taġġorna l-ammonti ta’ hawn fuq.

II – Il-fatti fil-kawża prinċipali u t-talba għal deċiżjoni preliminari.

15.      United Video Properties, Inc. (iktar ’il quddiem, “UVP”), kellha l-privattiva Ewropea EP 1327209, maħruġa fis-27 ta’ Marzu 2008, għall-ħażna ta’ dejta fuq servers f’sistema ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni, irregolata skont il-prinċipju ta’ għoti fuq talba. Peress li qieset li Telenet NV (iktar ’il quddiem “Telenet”) kisret id-drittijiet tagħha fuq din il-privattiva, UVP ressqet kawża fis-7 ta’ Ġunju 2011 kontra din il-kumpannija. L-għan tat-talbiet tagħha, essenzjalment, kien li jiġi ddikjarat li Telenet kienet kisret id-dritt tagħha fuq il-privattiva u li tiġi ordnata twaqqaf il-ksur, dirett jew indirett, fuq din. Hija talbet ukoll li Telenet tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

16.      Permezz ta’ digriet tat-3 ta’ April 2012, maħruġ mill-Aġent President tar-Rechtbank van Koophandel te Antwerpen (qorti tal-kummerċ ta’ Antwerpen), wara l-kontrotalba ta’ Telenet, ġiet ikkanċellata l-parti Belġjana tal-privattiva Ewropea EP 1327209, minħabba li ma tissodisfax ir-rekwiżit tan-novità, u UVP ġiet ikkundannata tħallas l-ispejjeż tal-proċedura, li ammontaw għal EUR 11 000. UVP appellat minn din is-sentenza fis-27 ta’ Awwissu 2012 quddiem il-Hof Van Beroep te Antwerpen (qorti tal-appell ta’ Antwerpen).

17.      Fl-istess waqt, UVP kienet bdiet proċeduri kontra l-kumpannija Virgin Media (li ma kinitx parti fil-kawża prinċipali), fir-rigward tal-parti Ingliża tal-istess privattiva. Il-High Court (qorti għolja) ta’ Londra, fl-14 ta’ Lulju 2014, iddikjarat il-privattiva bħala nulla, minħabba li ma kinitx inventiva. Fid-dawl tal-kawżi tal-High Court ta’ Londra u tal-President tar-Rechtbank van Koophandel te Antwerpen (qorti tal-kummerċ ta’ Antwerpen), UVP iddeċidiet li tirtira l-appell tagħha, permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Awwissu 2014, ikkonfermata minn oħra fl-24 ta’ Ottubru tal-istess sena.

18.      Fid-dawl tal-irtirar tal-UVP, Telenet talbet lill-Hof Van Beroep te Antwerpen (qorti tal-appell ta’ Antwerpen) biex taċċetta u tiddikjara:

–        Li l-Liġi tal-21 ta’ April 2007, dwar l-irkupru tal-onorarji u spejjeż relatati mal-assistenza ta’ avukat, u d-Digriet Irjali, li jistabbilixxi r-rata ta’ kumpens proċedurali, imorru kontra l-Artikolu 14 tad-Direttiva.

–        Li l-ġurisprudenza tal-Hof van Cassatie (qorti tal-kassazzjoni), li tipprovdi li l-onorarji u l-ispejjeż relatati mal-assistenza ta’ esperti tekniċi jistgħu jiġu mgħoddija lill-parti li tkun tilfet biss jekk ikun hemm nuqqas taħt id-dritt ċivili jikser ukoll l-Artikolu 14 tad-Direttiva.

–        Fl-aħħar nett, li l-UVP tiġi kkundannata tħallas lil Telenet l-ammont ta’ EUR 185 462.55 għal spejjeż tal-avukat u ta’ EUR 44 400 għall-assistenza teknika ta’ espert, aġent tal-privattivi.

19.      Skont l-allegazzjonijiet ta’ Telenet fuq l-ispejjeż legali akkumulati favur tagħha — l-uniku punt li jippersisti fil-kawża prinċipali —, ir-regola fid-dritt Belġjan hija li dawn għandhom jitħallsu mill-parti li tkun tilfet. Madankollu, għall-iffissar speċifiku tal-ispejjeż tal-avukat li għandhom jitħallsu mill-parti li tkun tilfet il-kawża, id-Digriet Irjali jistabbilixxi ammonti massimi li ma jistgħux jinqabżu, u dan — fl-opinjoni ta’ Telenet — bi ksur tal-Artikolu 14 tad-Direttiva.

20.      Barra minn hekk, fir-rigward tal-ispejjeż tal-assistenza teknika minn esperti li ma humiex inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi tal-21 ta’ April 2007 u tad-Digriet Irjali, il-ġurisprudenza tal-Hof van Cassatie (qorti ta’ kassazzjoni) tistabbilixxi, skont Telenet, li dawn jistgħu jitħallsu biss meta jinstab li jkun hemm nuqqas min-naħa tal-parti li tkun tilfet il-kawża, li lanqas ma huwa kompatibbli mal-Artikolu 14 tad-Direttiva.

21.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hof Van Beroep te Antwerpen (qorti tal-appell ta’ Antwerpen), permezz ta’ digriet tas-26 ta’ Jannar 2015, tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-kunċetti ta’ ‘spejjeż legali u spejjeż oħra raġonevoli u proporzjonati’ fl-Artikolu 14 tad-Direttiva fuq l-infurzar [tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali], jipprekludu l-leġiżlazzjoni Belġjana li tagħti lill-qorti l-possibbiltà li tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi ddefiniti partikolari għall-kawża u li tipprovdi sistema ta’ tariffi fissi varjati fir-rigward ta’ spejjeż għall-assistenza ta’ avukat?

2)      Il-kunċetti ta’ ‘spejjeż legali u spejjeż oħra raġonevoli u proporzjonati’ fl-Artikolu 14 tad-Direttiva fuq l-infurzar [tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali], jipprekludu l-ġurisprudenza li tgħid li l-ispejjeż ta’ konsulenza teknika jistgħu jinġabru biss fil-każ ta’ nuqqas (kuntrattwali jew extra-kuntrattwali)?”

III – Sunt tal-pożizzjoni tal-partijiet

A –    Fuq l-ewwel domanda

22.      Il-UVP ma tieħu ebda pożizzjoni dwar id-domanda preliminari, filwaqt li tindika li din hija kwistjoni bejn il-Kummissjoni u l-Gvern Belġjan dwar it-traspożizzjoni korretta tad-Direttiva.

23.      Telenet issostni li, peress li hija l-parti rebbieħa f’kawża li saret fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, huwa applikabbli l-Artikolu 14 tagħha, li jipprevedi li hija għandha tirċievi rimbors tal-ispejjeż legali u spejjeż oħra raġonevoli u proporzjonati, iġġenerati fil-kawża prinċipali, li għandhom jitħallsu kollha kemm huma mill-parti li tkun tilfet.

24.      Hija tqis li l-kunċetti ta’ “spejjeż legali u spejjeż oħra raġonevoli u proporzjonati” u ta’ “ekwità” huma awtonomi mid-dritt tal-Unjoni u għandhom ikunu interpretati b’mod uniformi fit-territorju kollu tagħha. Jekk dan ma jsirx ikun qed jiġi miksur l-għan tad-Direttiva, skont il-ġurisprudenza stabbilita fis-sentenza Realchemie Nederland (3).

25.      Hija temmen li l-għan essenzjali tad-Direttiva ma jiġix issodisfatt meta d-detenturi ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali ma jkunux protetti b’mod adegwat mill-qrati, bħal dik tal-Belġju, fejn il-parti rebbieħa fil-kawża ma tkunx tista’ tirkupra iktar minn porzjon żgħir tal-onorarji tal-avukat mill-parti li tkun tilfet.

26.      Sabiex tiġġustifika l-inadegwatezza tal-istabbiliment ta’ limitu ekonomiku mhux imsemmi fid-Direttiva, hija tfittex l-appoġġ, b’analoġija, tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fejn tinvoka s-sentenza tal-kawża McDonagh (4). Fl-opinjoni tagħha, ma huwiex possibbli li limitu fiss ta’ EUR 11 000 ikopri l-kunċetti, li min-natura tagħhom huma relattivi, ta’ raġonevolezza, ta’ proporzjonalità u ta’ ekwità. Għaldaqstant, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 jimpedixxi li l-ammont li l-parti rebbieħa tista’ tirkupra jkun suġġett għal limitu massimu.

27.      Insostenn tal-argument li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tmur kontra l-liġijiet nazzjonali abbozzati f’termini assoluti jew ta’ prinċipju, li ma jippermettux li jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi tal-każ, meta d-direttivi ma joffrux din l-istess riġidità, hija tiċċita s-sentenzi deċiżi fil-kawżi Marshall u VTB-VAB u Galatea (5).

28.      Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 14 tad-Direttiva huwa fformulat b’mod ġenerali ħafna. Ma biss talli, fih innifsu, fih ftit dettalji iżda talli jintroduċi regola li tippermetti eċċezzjonijiet ibbażati fuq kriterji ta’ ekwità, li jindika li l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa biex jittrasponuh fid-dritt nazzjonali tagħhom.

29.      Fil-fehma tagħha, l-Artikolu 14 għandu jitqies fid-dawl tal-għan ġenerali tad-Direttiva (premessa 10) u tas-sentenza Realchemie Nederland (6), fejn jiġi żgurat li l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali tkun effettiva (7). Barra minn hekk, għandhom jiġu kkunsidrati l-punti li ġejjin:

–        Li l-għan speċifiku tal-Artikolu 14 tad-Direttiva huwa li jiġi evitat li parti leża tiġi dissważa milli tibda proċedura ġudizzjarja sabiex tħares id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tagħha (8).

–        Li l-ispejjeż assoċjati ma’ dawn il-proċeduri jistgħu effettivament ikunu ostakolu kbir għall-bidu tagħhom u li d-differenzi bejn ir-regoli proċedurali fl-Istati Membri huma notevoli, mhux biss qabel it-traspożizzjoni tad-Direttiva fid-dritt nazzjonali, iżda anki wara (9).

–        Li, fil-kuntest tal-Artikolu 14 tad-Direttiva, jista’ jiġi enfasizzat kif l-Artikolu 3 tagħha jipprevedi li l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikunu ġusti u ma għandhomx ikunu inutilment ikkumplikati jew għaljin, u għandhom ikunu wkoll effettivi, proporzjonati u dissważivi.

30.      Għall-Kummissjoni, l-Artikolu 14 tad-Direttiva ma jipprekludix sistema ta’ stabbiliment ta’ spejjeż tal-avukat b’rata fissa bħal dik tal-Belġju. Il-possibbiltà li din tiġi introdotta taqa’ taħt id-diskrezzjoni tal-Istati Membri, u ma hemmx xejn li jindika li dan l-artikolu jew oħrajn fid-Direttiva jeskludu din il-possibbiltà. Din is-sistema, fil-fehma tagħha, tipprovdi vantaġġi għall-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u, b’mod partikolari, għaċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà. L-inċertezza dwar l-ispejjeż li għandhom jitħallsu, jew jiġu rkuprati, fi proċedura tista’ tkun ta’ żvantaġġ għall-preżentazzjoni ta’ kawża. L-effett dissważiv jista’ jaffettwa wkoll lid-detenturi ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Kieku r-regola kienet għall-irkupru sħiħ tal-ispejjeż, il-partijiet ikunu possibbilment esposti għal konsegwenzi finanzjarji kbar ħafna, f’każ ta’ telf tal-kawża. Dan jista’ wkoll jiskoraġġixxihom milli jibdew proċedura.

31.      Il-Gvern Belġjan, wara li espona l-għanijiet tad-Direttiva skont il-premessi 10 u 11 tagħha, jindika li l-għan essenzjali tagħha huwa li tippermetti aċċess iktar sempliċi għall-ġustizzja sabiex jiġi żgurat rispett ikbar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Dan huwa wkoll l-għan tal-Liġi tal-21 ta’ April 2007, dwar l-irkupru tal-onorarji u spejjeż relatati mal-assistenza ta’ avukat (10), skont in-nota spjegattiva tagħha. Id-dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja jirriżulta, ukoll, direttament mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.

32.      Jinnota li s-sistema mħallta stabbilita mil-leġiżlatur Belġjan għandha l-vantaġġ li tiżgura ċerta prevedibbiltà tar-riskji finanzjarji f’każ ta’ telf ta’ kawża, fatt li mhux biss talli jiffavorixxi l-aċċess għall-ġustizzja, iżda talli jipproteġi lil parti f’kawża meta l-parti opposta tkun daħlet fi spejjeż li ma humiex raġonevoli u proporzjonati. Din tinvolvi wkoll, liġi nazzjonali adottata wara konsultazzjoni u l-opinjoni favorevoli tal-kmamar tal-avukati Belġjani, li jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex ikunu jafu l-onorarji medji fil-proċeduri ta’ litigazzjoni, li fosthom huma inklużi dawk relatati mal-proprjetà intellettwali.

33.      Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li, fid-dawl tal-fatt li l-proposta inizjali tal-Kummissjoni (11) kienet issemmi espressament l-onorarji tal-avukat filwaqt li l-abbozz finali ma kienx isemmihom, id-Direttiva tħalli lill-Istati Membri liberi li jiddeċiedu jekk l-ispejjeż tal-avukat jaqgħux taħt il-kunċetti li għandhom jitħallsu lura mill-parti li tkun tilfet il-kawża. Sabiex jappoġġja din it-teorija huwa jiċċita wkoll l-Artikolu 45(2) tal-Ftehim TRIPS, li fuqu hija bbażata d-Direttiva (12).

34.      Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jirreferi għall-għażla ħielsa tal-metodu biex jiġu ddeterminati l-ispejjeż legali rekuperabbli u kif, skont ġurisprudenza stabbilita, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet preċiżi, l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jagħżlu l-mezzi li jiżguraw l-effett sħiħ ta’ dispożizzjoni.

35.      Huwa jenfasizza wkoll li din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa ma hijiex aċċidentali u li ġiet mogħtija deliberatament mid-Direttiva. Din id-dikjarazzjoni hija kkonfermata, l-ewwel nett, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 14 f’termini ġenerali u flessibbli u, it-tieni net, mill-kuntrast bejn it-termini użati fl-abbozz tad-Direttiva (13) u dawk użati fil-formulazzjoni finali, b’mod partikolari, iż-żieda tat-terminu “inġenerali” u t-tneħħija ta’ riferiment espress għal “onorarji tal-avukat”. Huwa jargumenta wkoll li dawn il-modifiki, saru b’teħid inkunsiderazzjoni kemm tad-differenzi kbar bejn id-diversi regolamenti nazzjonali, kif ukoll minħabba li, fil-qasam tad-dritt proċedurali, l-Istati Membri huma, bħala prinċipju, awtonomi.

36.      L-Istati Membri jistgħu, għalhekk, jiddeterminaw b’mod liberu r-raġonevolezza u l-proporzjonalità tal-ispejjeż tal-avukat u r-rimbors tagħhom, kemm permezz tal-iffissar ta’ ammonti b’rata fissa, kif ukoll b’xi mod ieħor, iżda dejjem billi jiżguraw l-effett sħiħ tal-Artikolu 14 tad-Direttiva.

37.      Dan l-Artikolu għandu l-għan li jiżgura li l-partijiet ma jiġux skoraġġuti milli jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom. L-ispejjeż tal-avukat huma l-iktar parti rilevanti u l-inqas waħda prevedibbli u, f’dan is-sens, jistgħu jkunu ta’ xkiel għall-aċċess għall-ġustizzja. Is-sistema ta’ rata fissa tikkontribwixxi għall-prevedibbiltà u t-trasparenza tar-riskju finanzjarju, u għalhekk tneħħi ostakolu importanti għall-aċċess għall-ġustizzja. Barra minn hekk, din tissodisfa wkoll ir-rekwiżit ġenerali, previst fl-Artikolu 3 tad-Direttiva, li l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għall-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali ma għandhomx ikunu inutilment ikkumplikati jew għaljin. Tariffa b’rata fissa tippermetti li l-livell massimu jiġi oġġettivament stabbilit u li spejjeż ogħla minnu ma jippreżentawx dawk il-karatteristiċi.

38.      Fl-aħħar nett, b’riferiment għall-premessa 17 tad-Direttiva, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li d-deċiżjoni dwar ir-raġonevolezza u l-proporzjonalità għandha ssir fid-dawl taċ-ċirkustanzi konkreti ta’ kull każ. Sakemm it-tariffa sservi sabiex jiġu kkalkolati l-ispejjeż legali raġonevoli u proporzjonati, l-Artikolu 14 tad-Direttiva ma huwiex ser ikun ta’ ostakolu għal-limitazzjoni imperattiva tal-onorarji tal-avukat sa ammont massimu.

39.      Fil-qosor, għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, l-Artikolu 14 tad-Direttiva ma jipprekludix sistema ta’ miżati b’rata fissa, stabbilita bil-liġi jew b’xi mod ieħor, li tipprevedi li l-onorarji rimborsabbli ta’ avukat ikunu determinati, jekk dawn it-tariffi jikkorrispondu għal spejjeż legali raġonevoli u proporzjonati fid-dawl tal-karatteristiċi tal-każ.

40.      Skont il-Gvern Pollakk, l-Artikolu 14 tad-Direttiva ma jeħtieġx li l-parti li tkun tilfet tħallas l-ispejjeż legali kollha tal-parti rebbieħa, iżda biss dawk raġonevoli u proporzjonati. B’mod preċiż, l-istabbiliment ta’ tariffi b’rata fissa jippermetti li l-kundanna għall-ispejjeż tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala raġonevoli.

41.      Is-sistema Belġjana tippermetti li l-parti li tkun tilfet ikollha tħallas l-ispejjeż tal-parti opposta taħt ċerti kundizzjonijiet soċjoekonomiċi aċċettabbli. Hija timpedixxi, barra minn hekk, li l-parti rebbieħa tinkludi spejjeż artifiċjali jew mhux iġġustifikati, kemm permezz ta’ mezzi finanzjarji eċċessivi fir-rigward tar-rimedji ekonomiċi tal-parti l-oħra, jew in mala fede, sabiex il-parti li tkun tilfet ma jkollhiex tbati biss il-konsegwenzi negattivi taċ-ċaħda tat-talbiet tagħha, iżda wkoll spejjeż artifiċjali.

42.      L-għan tal-Artikolu 14 tad-Direttiva huwa li l-parti leża ma tiġix skoraġġuta milli tibda proċedura legali sabiex tiddefendi d-drittijiet tagħha tal-proprjetà intellettwali. Permezz tas-sistema Belġjana, il-parti tista’ tevalwa minn qabel l-ammont tal-ispejjeż li ser jiġu rrimborsati lilha, jew li ser ikollha tħallas. It-tariffa għaldaqstant tippermetti li l-ispejjeż ikunu prevedibbli u tgħin sabiex il-partijiet ikollhom il-kapaċità li jagħżlu li jiddefendu d-drittijiet tagħhom.

B –    Fuq it-tieni domanda

43.      La UVP u lanqas il-Gvern tal-Polonja ma ssottomettew osservazzjonijiet f’dan ir-rigward.

44.      Telenet tqis li l-kriterju tal-ġurisprudenza Belġjana (li tgħid li għandu jkun hemm nuqqas min-naħa tal-parti li tkun tilfet sabiex jingħata kumpens tal-ispejjeż tal-espert) imur kontra l-Artikolu 14 tad-Direttiva. Din id-dispożizzjoni ma ssemmix il-kriterju ta’ nuqqas, u l-ekwità li tirreferi għaliha hija biss mekkaniżmu korrettiv tar-regola ġenerali, jiġifieri, ir-rimbors tal-ispejjeż raġonevoli u proporzjonati kollha, u mhux il-punt ta’ tluq tiegħu.

45.      Għall-Kummissjoni, l-ispejjeż tal-assistenza teknika esperta jaqgħu taħt il-kunċett ta’ spejjeż legali tal-Artikolu 14 u jistgħu jiġu rkuprati. Ir-rekwiżit ta’ nuqqas sabiex isir ir-rimbors ma huwiex kompatibbli ma’ dan l-Artikolu għar-raġunijiet li ġejjin:

–        Il-formulazzjoni tal-Artikolu 14 ma tinkludix dan il-kriterju u ma twassalx biex jitqies li l-ispejjeż ta’ esperti għandhom jiġu ttrattati b’mod differenti mill-ispejjeż l-oħra.

–        Il-kriterju ta’ nuqqas jikkostitwixxi ostakolu serju sabiex il-parti rebbieħa tkun tista’ tirkupra l-ispejjeż imwettqa fil-produzzjoni ta’ evidenza esperta għall-proċedura ġudizzjarja.

–        Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm f’oqsma materjali oħra, anki relatati mal-impożizzjoni tal-obbligu ta’ ħlas ta’ kumpens, eskludiet is-sors tal-ħtieġa ta’ att ta’ nuqqas bħala element addizzjonali għat-tnissil ta’ responsabbiltà (14).

46.      Skont il-Gvern Belġjan, l-ispejjeż relatati mal-onorarji tal-espert ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi tal-21 ta’ April 2007. Il-Hof van Cassatie (qorti tal-kassazzjoni) Belġjana rrikonoxxiet il-prinċipju ta’ rekuperabbiltà ta’ dawn l-ispejjeż taħt ċerti kundizzjonijiet: għandha tintwera l-eżistenza ta’ azzjoni ta’ nuqqas li tkun iġġenerat dannu li jikkonsisti fil-ħlas ta’ spejjeż u ta’ onorarji tal-esperti, li għandhom jinstabu li jkunu marbutin b’mod kawżali man-nuqqas u l-ħtieġa ta’ parir tekniku.

47.      Din il-ġurisprudenza tawtorizza, skont il-Gvern Belġjan, l-irkupru sħiħ tal-ispejjeż tal-espert sa fejn dawn jinkludu d-dannu li l-parti li tkun tilfet għandha tirrimborsa fuq il-bażi tan-nuqqas kuntrattwali jew extra-kuntrattwali. Is-sistema, għalhekk, hija kompatibbli mal-Artikolu 14 tad-Direttiva.

48.      Fl-opinjoni tal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, l-ispejjeż tal-esperti għandhom jiġu rrimborsati mill-parti li tkun tilfet sakemm dawn ikunu raġonevoli u proporzjonati. L-Artikolu 14 ma jipprovdi ebda lok għal interpretazzjoni restrittiva li tgħid li l-ispejjeż tal-esperti ma humiex rekuperabbli sakemm ma jkunx hemm nuqqas min-naħa tal-parti li tkun tilfet.

IV – Analiżi

A –    Fuq l-ewwel domanda preliminari

49.      L-Artikolu 14 tad-Direttiva juża żewġ kunċetti legali (“spejjeż legali” u “spejjeż oħra [...] imħallsa mill-parti rebbieħa”) li analiżi dettaljata tagħhom ma hijiex meħtieġa fir-risposta għall-ewwel domanda tat-talba għal deċiżjoni preliminari, peress li l-onorarji tal-avukat jaqgħu faċilment taħt il-kunċett ta’ spejjeż legali. L-“ispejjeż legali” per definizzjoni jinkludu dawn l-onorarji (15) u hekk jiġri kemm fil-każ tal-liġi Belġjana (16), kif ukoll fl-ordinamenti l-oħra u fir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja (17) stess.

50.      Meta l-onorarji tal-avukat tal-parti rebbieħa jkunu “raġjonevoli u proporzjonati”, l-Artikolu 14 tad-Direttiva jimponi bħala regola ġenerali li dawn jitħallsu mill-parti telliefa, “sakemm jkun ekwità [l-ekwità ma tipprojbixxix dan]”. Id-dispożizzjoni tintroduċi regola ġenerali suxxettibbli għal diversi eċċezzjonijiet: inter alia, li l-konsegwenzi ta’ din ir-regola jmorru kontra, fi proċedura unika, l-ekwità.

51.      L-aġġettivi “raġonevoli u proporzjonati” (18) huma, għalhekk, kruċjali sabiex jiġi deċiż jekk l-onorarji tal-avukat ta’ parti għandhomx jitħallsu mill-parti kkundannata għall-ispejjeż. Iż-żewġ aġġettivi għandhom ikunu ssodisfatti sabiex ir-regola tal-Artikolu 14 tkun applikabbli, b’mod konformi mal-Artikolu 3 tad-Direttiva, li jgħid li l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandhom ikunu “ġusti, ekwi u proporzjonati”.

52.      Id-deċiżjoni dwar ir-“raġonevolezza” tal-onorarji li għandhom jitħallsu għandha tindirizza, l-ewwel nett, l-idea ta’ “infurzar raġonevoli” li tissuġġerixxi l-verżjoni bil-Ġermaniż tal-Artikolu 14 tad-Direttiva (19). Leġiżlazzjoni nazzjonali tista’, forsi, tqis bħala mhux raġonevoli r-rimbors tal-ispejjeż tal-avukat meta, pereżempju, l-intervent ta’ dan il-professjonista kien superfluwu fi proċedura partikolari, fost preżunzjonijiet oħra. L-ispejjeż li l-ħlas tagħhom jintalab mill-parti li tkun tilfet jistgħu, għalhekk, ikunu limitati għal dawk l-“ispejjeż indispensabbli” li tkun wettqet il-parti rebbieħa fil-każ (20).

53.      It-tieni nett, għandu jiġi evalwat jekk l-onorarji tal-avukat humiex “proporzjonati”, jiġifieri, jekk humiex debitament relatati ma serje ta’ punti varjabbli, fatt li, għal darb’oħra, għandu jiġi stabbilit mil-liġi jew mill-qorti nazzjonali. Fatturi bħas-suġġett tal-kawża, l-ammont inkwistjoni, il-kumplessità tal-kwistjonijiet legali mqajma, il-ħidma mwettqa fir-risposta tagħha, il-kapaċità ekonomika tal-parti kkundannata għall-ispejjeż u fatturi oħra simili jistgħu jiġu evalwati sabiex jiġi deċiż jekk hemmx l-adegwatezza (proporzjon) rilevanti mal-onorarji tal-avukat li l-parti rebbieħa trid tiġbor mingħand il-parti telliefa f’kawża dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

54.      F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju ma ddeċidietx dwar ir-raġonevolezza u l-proporzjonalità tal-onorarji tal-avukat li jiddefendi l-interessi ta’ Telenet. Din is-sentenza taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tagħha u l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax toħdilha postha. Ir-risposta għat-talba għal deċiżjoni preliminari ma għandhiex taffettwa, għaldaqstant, il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-qorti a quo sabiex tiddeċiedi jekk l-ammont ta’ EUR 185 462.55, mitluba minn Telenet fir-rigward ta’ spejjeż tal-avukat huwiex raġonevoli u proporzjonat skont iċ-ċirkustanzi tal-kawża deċiża. Jekk tiddeċiedi hekk, il-qorti tar-rinviju xorta għandha tevalwa jekk ir-rimbors ta’ dan l-ammont huwiex konsistenti mar-rekwiżiti ta’ ekwità, li jagħtiha kapaċità inkontestabbli ta’ manuvra. Dawn l-evalwazzjonijiet kollha ma jiddependux, għal kollox, fuq id-deċiżjoni dwar il-validità, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, tal-limitu massimu li ser isir riferiment għalih iktar tard.

55.      La d-Direttiva fl-intier tagħha, u lanqas l-Artikolu 14 ma jistgħu jiġu interpretati indipendentement mill-valuri u l-prinċipji li fuqhom huwa bbażat l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, li jinkludu kemm iċ-ċertezza legali, kif ukoll id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-qasam tiegħu tad-dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja.

56.      Minkejja li f’xi wħud mill-osservazzjonijiet — speċjalment dawk tal-Gvern Belġjan — issemmiet l-awtonomija proċedurali tal-Istati, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14 tad-Direttiva ma tistax tinjora l-kriterju teleoloġiku: l-għan ta’ din id-direttiva huwa li tapprossima l-liġijiet tal-Istati Membri sabiex jiġi ggarantit livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti u omoġenju tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu, b’mod konformi ma’ dan il-pjan, il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji meħtieġa sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, imma dejjem fi ħdan il-qafas legali stabbilit mid-Direttiva stess.

57.      Fi ħdan dan il-kuntest leġiżlattiv hemm enfasi fuq nota li l-importanza tagħha lanqas ma tistax tiġi injorata: il-proċeduri u r-rimedji li l-Istati Membri għandhom jimplementaw f’dan il-qasam ma għandhomx ikunu “mhux neċessarjament kumplikati jew għaljin” (Artikolu 3(1) tad-Direttiva). Konsegwentement, “l-ispejjeż” tat-tilwimiet relatati magħhom ma jistgħux jinvolvu spejjeż ta’ piż eċċessiv (21) fuq il-partijiet.

58.      Mill-perspettiva sistematika, id-Direttiva tinkludi fl-istess taqsima (is-sitt waħda) id-“danni” u l-“[i]spejjeż legali”. Għalkemm il-premessa 26 tagħha, li tirreferi għall-kumpens tal-ħsara li tkun saret, ma tagħmel ebda riferiment għall-ispejjeż legali, madankollu jista’ jiġi argumentat li l-pożizzjoni komuni tippermetti li dawn jiġu kkategorizzati bħala element ieħor li d-Direttiva tipprovdi favur il-kumpens tad-detenturi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Dan isir, madankollu, permezz tal-adozzjoni ta’ sempliċi “regola ġenerali”, suxxettibbli għal eċċezzjonijiet, u billi l-applikazzjoni tagħha tiġi suġġetta għal fatturi differenti minn dawk li jikkonformaw mas-sistema ta’ kumpens għad-danni u ħsarat.

59.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar l-ispejjeż legali ġġenerati fi proċeduri dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-sentenzi Realchemie Nederland (22) u Diageo Brands (23). Mill-qari tagħhom, speċjalment mil-punt 49 tas-sentenza Realchemie Nederland (24), tista’ tittieħed l-idea, deskritta hawn fuq, li l-Artikolu 14 tad-Direttiva huwa element addizzjonali fis-servizz tal-kumpens sħiħ tad-danni mġarrba mid-detentur ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Il-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk, tenfasizza wkoll li l-Artikolu 14 tad-Direttiva huwa intiż sabiex isaħħaħ il-livell ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, billi jevita li l-parti leża ma tkunx dissważa milli tibda proċedura ġudizzjarja sabiex tħares id‑drittijiet tagħha.

60.      Fis-sentenza Realchemie Nederland il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, ma ddeċidietx fuq in-natura raġonevoli u proporzjonata tal-ispejjeż legali, minħabba li rriżulta li din il-kwistjoni kienet irrilevanti għal dik it-talba għal deċiżjoni preliminari (25). Id-dibattitu dwar l-interpretazzjoni u l-portata tal-Artikolu 14 jibqa’, għaldaqstant, mingħajr preċedent u huwa, eżattament, l-għan ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

61.      Il-prinċipju taċ-ċertezza legali, affermat b’mod qawwi mill-ġurisprudenza, huwa marbut ma’ dak tal-prevedibbiltà tar-risposta ġudizzjarja. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li “[...]l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għandha tkun ċerta u l-applikazzjoni tagħha għandha tkun prevedibbli għall-individwi, filwaqt li dan ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali japplika b’rigorożità partikolari fil-każ ta’ leġiżlazzjoni li jista’ jkollha konsegwenzi finanzjarji, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jkunu jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom” (26).

62.      Korollarju ta’ dan il-prinċipju, xieraq għall-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 14 tad-Direttiva, huwa li l-Istati Membri għandhom jippromwovu mekkaniżmi li jiffaċilitaw il-prevedibbiltà tal-ispejjeż legali. Fil-fatt, fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (27), fl-analiżi tad-dritt Ingliż dwar “digriet dwar il-protezzjoni tal-ispejjeż”, il-Qorti tal-Ġustizzja argumentat dwar il-ħtieġa li tiġi żgurata prevedibbiltà raġonevoli, kemm fir-rigward tal-obbligu li jitħallsu l-ispejjeż tal-proċedura ġudizzjarja kif ukoll fir-rigward tal-ammont tagħhom.

63.      Ma huwiex sorprendenti, għalhekk, li xi wħud mill-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub indikaw il-punt oppost tal-prevedibbiltà u dak taċ-ċertezza legali, bħala elementi ewlenin għall-kwantifikazzjoni tal-ispejjeż legali. Wieħed mill-fatturi deċiżivi fil-ftuħ ta’ kawża huwa l-ispiża tagħha u l-isforz finanzjarju prevedibbli li ser ikollhom iġarrbu l-partijiet.

64.      Minn din il-perspettiva, ma nistax naqbel ma’ interpretazzjoni tal-Artikolu 14 tad-Direttiva li twassal biex fl-ispejjeż legali jiġu inklużi, neċessarjament, l-onorarji tal-avukat kollha li jkunu ġew sostnuti mill-parti rebbieħa. Għall-kuntrarju, nirrakkomanda li: a) l-ispejjeż rekuperabbli taħt dan il-kunċett ikunu biss dawk li jikkorrispondu, f’kull każ, għal spejjeż raġonevoli u proporzjonati u b) l-Istati Membri jistgħu, preċiżament minħabba obbligi ta’ prevedibbiltà, jiddeterminaw b’mod “oġġettiv” u b’mod ġenerali l-ammont massimu li jista’ jiġi rkuprat, taħt skala bħal dik tal-liġi Belġjana inkwistjoni.

65.      Ma għandhiex issir konfużjoni bejn ir-relazzjoni tal-avukat u l-klijent u dik li tagħti lok għall-obbligu ta’ rimbors tal-ispejjeż legali. L-ewwel waħda hija relazzjoni kuntrattwali ta’ servizzi, li fi ħdanha t-tnejn jiftiehmu b’mod liberu dwar ir-remunerazzjoni ekonomika tal-klijent lill-avukat tiegħu. It-tieni waħda hija relazzjoni legali u proċedurali intiża li tikkumpensa lill-parti rebbieħa, a skapitu tal-parti li tkun tilfet, għall-ispejjeż sostnuti fi proċedura.

66.      In-natura differenti taż-żewġ relazzjonijiet hija essenzjali, għaliex fl-ewwel waħda (dik kuntrattwali) il-kunsiderazzjonijiet suġġettivi għandhom rwol determinanti u l-aċċettazzjoni tal-kundizzjonijiet ekonomiċi tal-avukat tiddependi kompletament fuq ir-rieda tal-klijent tiegħu, li jista’ sempliċement, isib professjonista ieħor sabiex jiddefendih. Fir-relazzjoni proċedurali din il-libertà tal-għażla ma teżistix u, għalhekk, huwa loġiku li jiġu applikati ċerti kriterji oġġettivi, (28) immirati sabiex jispeċifikaw, u possibbilment inaqqsu, l-ammont tal‑onorarji li għandhom jitħallsu minn min ma kellu ebda sehem fl-għażla fl-avukat tal-parti opposta.

67.      Il-kriterji oġġettivi jistgħu jiġu aġġustati abbażi ta’ ċerti spejjeż standard tal-assistenza ta’ avukat, li jgħin ukoll sabiex tiġi promossa l-ugwaljanza tal-partijiet fil-proċedura, filwaqt li jiġi evitat li waħda minnhom, dik li tkun l-iktar komda ekonomikament, timponi l-piż tal-għażla tagħha fuq l-avversarja tagħha. Kieku kien possibbli li l-ammont sħiħ tal-kont tal-avukat jiġi impost fuq il-parti opposta, ir-rikorrenti l-iktar komda ekonomikament tkun tista’ tuża s-setgħa tal-għażla tagħha b’mod kważi koerċizzjonali. Quddiem ir-riskju li jkollha tħallas l-ispejjeż għoljin ħafna tal-avukat tal-parti opposta, il-parti milquta tista’ tiddeċiedi li ma huwiex vallapena tikkontesta u li huwa iktar żgur li tirrinunzja l-eżerċizzju tal-azzjonijiet tagħha. Il-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn il-partijiet fil-kawża u d-dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja, li magħhom dan l-argument kollu huwa inevitabbilment marbut (29), jistgħu jiġu żnaturati.

68.      Huwa ċert li, skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva, il-proċeduri u r-rimedji f’dan il-qasam għandhom ikunu “effettivi, proporzjonati u dissważivi”. Madankollu, id-dissważjoni tista’ taħdem b’żewġ modi: b’mod eċċessiv, xi ħadd jista’ jaqta’ qalbu milli jiftaħ proċedura għax, jekk jitlifha, ikollu jħallas ħafna spejjeż; b’mod inqas min-normal, għax, jekk jirbaħ jirkupra biss parti żgħira mill-ispejjeż imġarrba. Fil-fehma tiegħi, il-potenzjalità “dissważiva” ta’ dawn it-tipi ta’ proċeduri tinkiseb, fir-rigward tal-ispejjeż legali, jekk dawn jiġu kkalkolati skont mudelli prevedibbli, stabbiliti minn qabel u f’termini oġġettivament raġonevoli u proporzjonati. L-ispejjeż tal-avukati li għandhom jitħallsu mill-parti li tkun tilfet jistgħu jkunu ostakolu sinjifikattiv għall-aċċess għall-ġustizzja (jiġifieri, fattur “dissważiv” b’mod eċċessiv, sal-punt li jsir “piż”, li huwa pprojbit mill-Artikolu 3 tad-Direttiva) jekk l-implementazzjoni tagħhom tkun fdata, esklużivament lill-kreditur mingħajr kontroll estern tal-ammont.

69.      Sistema, bħal dik Belġjana, li tistabbilixxi limitu massimu fuq l-onorarji tal-avukat li għandhom jitħallsu mill-parti kkundannata għall-ispejjeż hija konformi ma’ dawn il-kriterji? Ebda waħda mill-partijiet f’din il-kawża preliminari (u lanqas Telenet) ma qalet li, b’mod astratt, il-limiti assoluti jikkostitwixxu, fihom infushom, ksur tal-Artikolu 14 tad-Direttiva (30), u jiena naqbel magħhom (31). Il-Kummissjoni tirrikonoxxi espressament li din id-dispożizzjoni ma teskludix is-sistemi li jistabbilixxu rata fissa, li l-possibbiltà tagħhom hija dderivata mis-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri. L-osservazzjonijiet tal-Pajjiżi l-Baxxi huma simili: it-termini “raġjonevoli u proporzjonati” u l-ħtieġa ta’ “ekwità” msemmija fl-Artikolu 14 tad-Direttiva huma tant wiesgħa li jagħtu lill-Istati l-libertà tal-għażla.

70.      Ir-Renju tal-Belġju jressaq motiv favur l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati. Jiena nemmen, għall-kuntrarju, kif diġà ddikjarajt, li, minħabba l-eżistenza ta’ dispożizzjoni speċifika fid-Direttiva li għandha l-għan li “tistandardizza” t-trattament tal-ispejjeż f’kategorija unika ta’ litigazzjonijiet (dawk relatati mal-proprjetà intellettwali), ir-regolamentazzjoni tal-istrumenti proċedurali taqa’, mingħajr ebda dubju, fuq l-Istati Membri iżda fil-marġni tad-Direttiva (32).

71.      Is-sistema Belġjana ta’ intaxxar tal-ispejjeż tal-avukat, ibbażata fuq il-kriterju ta’ rebħ (il-parti li titlef tħallas l-onorarji tal-avukat lill-parti rebbieħa), tindika limiti massimi u minimi tad-dritt ta’ kumpens, skont l-ammont tal-kawża (33). Ir-realizzazzjoni tal-ammont preċiż li jista’ jintalab taqa’ f’idejn il-qorti li tkun familjari mal-każ, li għandha tistabbilixxih fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, dejjem fi ħdan dawn il-limiti.

72.      Fil-kawża prinċipali l-imħallef ikkwantifika l-onorarji tal-avukat fl-ewwel istanza għal EUR 11 000, l-ogħla figura għat-talbiet ta’ ammont mhux iddeterminat, skont l-Artikolu 3 tad-Digriet Irjali. L-ammont mogħti, għalhekk, jirriżulta li huwa ħafna inqas minn dak li ntalab mill-kreditur tal-ispejjeż (iktar minn EUR 185 000). Din iċ-ċirkustanza ma hijiex, minkejja kif tidher, tassew sinjifikattiva għaliex, minn naħa, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja iżda l-qorti tar-rinviju dik li għandha tiddeċiedi jekk dawn il-ħlasijiet kinux raġonevoli u proporzjonati; min-naħa l-oħra, mill-informazzjoni pprovduta ma jistax jiġi dedott liema jkun il-punt ta’ bilanċ xieraq.

73.      Fil-fehma tiegħi, it-tweġiba għandha tingħata wara evalwazzjoni tas-sistema Belġjana kollha kemm hi, fid-dawl tal-istandards tas-soltu dwar l-onorarji tal-avukati fis-seħħ f’dan il-pajjiż. L-Artikolu 14 tad-Direttiva, għalkemm ried li jistandardizza r-regolament statutorju tal-ispejjeż applikabbli għall-proċeduri li jikkonċernaw il-proprjetà intellettwali għall-Istati Membri kollha, ma kellux l-għan li jagħmel ugwali jew japprossima l-onorarji tal-avukat ta’ dawn tal-aħħar, li huma notevolment differenti minn xulxin. Id-Digriet Irjali ġie preċiżament adottat b’kunsiderazzjoni tal-opinjoni favorevoli tal-organizzazzjonijiet professjonali Belġjani (il-kmamar tal-avukati), b’tali mod li, bħala prinċipju, għandu jiġi preżunt li l-figuri massimi inklużi fih jaqgħu taħt l-istandards medji applikabbli fil-Belġju. Dawn l-organizzazzjonijiet huma fl-aħjar pożizzjoni sabiex jissuġġerixxu mudelli ta’ “raġonevolezza oġġettiva” li, fil-Belġju, ħadd ma għandu jkun obbligat li jħallas iktar minnhom bħala onorarji tal-avukat tal-parti opposta.

74.      Insostenn tas-sistema mfassla mil-leġiżlatur Belġjan, hemm ukoll il-prevedibbiltà fl-ammont tal-spejjeż legali, li għall-ħlas tiegħu huma suġġetti l-partijiet sa mill-bidu tal-proċedura. Kif enfasizzajt preċedentement, il-protezzjoni taċ-ċertezza legali teħtieġ aċċess għal ċerta data (fissa jew perċentwal) li fuq il-bażi tagħha jista’ jiġi kkalkolat ir-riskju ekonomiku li tinvolvi azzjoni proċedurali, kemm jekk bħala attakk jew bħala difiża.

75.      Fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nemmen li l-Artikolu 14 tad-Direttiva ma jagħtix lok għall-Qorti tal-Ġustizzja sabiex “tikkoreġi” r-rieda tal-leġiżlatur Belġjan, espressa fiż-żewġ regoli nazzjonali msemmija iktar ’il fuq, dwar il-limitu massimu ta’ onorarji li minnhom jirriżulta l-obbligu li l-parti kkundannata għall-ispejjeż tħallas l-ispejjeż tal-avukat tal-parti opposta. Nemmen li l-awtoritajiet Belġjani għandhom — u hekk intwera fil-proċedura ta’ abbozzar ta’ dawn id-dispożizzjonijiet — informazzjoni preċiża sabiex jistabbilixxu sistema ta’ onorarji massimi tal-avukati (li għandha tħallas il-parti li tkun tilfet il-kawża) b’mod konformi mal-istandards proprji tagħhom tal-ispejjeż, fid-dawl tas-sitwazzjoni speċifika tal-assistenza ta’ avukat f’dak il-pajjiż, fost fatturi oħra (34).

76.      Il-fatt li, f’din is-sistema, il-limiti ġew stabbiliti b’tali mod li, fit-talbiet ta’ ammont determinat l-onorarji rekuperabbli ma jaqbżux EUR 30 000 f’kull istanza u f’dawk ta’ ammont indeterminat ma jaqbżux EUR 11 000, għal kull istanza wkoll, jista’ jkun ftit jew wisq kwestjonabbli minn perspettivi oħra, iżda mhux fir-rigward tal-konformità tagħhom mal-Artikolu 14 tad-Direttiva. Mingħajr dubju, is-sistema tista’ titjieb (pereżempju, billi jiġu aċċettati eċċezzjonijiet uniċi għal ċirkustanzi straordinarji) iżda, kif hija kkonfigurata, ma tiksirx dan l-artikolu, li l-formulazzjoni tiegħu, kif diġà rrepetejt, tipprevedi “regola ġenerali” suxxettibbli għal eċċezzjonijiet, permezz ta’ standards ta’ raġonevolezza u ta’ proporzjonalità li jagħtu lill-Istati Membri livell għoli ta’ libertà ta’ konfigurazzjoni regolatorja. Il-leġiżlatur nazzjonali, fil-fehma tiegħi, jista’ jevalwa hu stess, b’kont meħud tal-kultura legali u s-sitwazzjoni tal-assistenza ta’ avukat fil-Belġju, fost fatturi oħra, il-limitu li minnu l-onorarji legali rekuperabbli mill-parti li tkun tilfet ma jibqgħux ikunu raġonevoli.

B –    Fuq it-tieni domanda preliminari

77.      Ir-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tiġi indirizzata fuq il-bażi tat-termini li permezz tagħhom il-qorti a quo tiddeskrivi d-dritt nazzjonali. Il-premessa tagħha hija li “l-ġurisprudenza [Belġjana] tgħid li l-ispejjeż ta’ konsulenza teknika jistgħu jinġabru biss fil-każ ta’ nuqqas (kuntrattwali jew extra-kuntrattwali)”. Hemm qbil unanimu li r-rimbors tal-ispejjeż ta’ espert (inklużi dawk għall-esperti jew konsulenti tekniċi) ma huwiex suġġett għar-regoli fis-seħħ għall-irkupru tal-onorarji tal-avukat.

78.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-ġurisprudenza Belġjana dwar ir-rimbors ta’ dawn l-ispejjeż hijiex kompatibbli mal-Artikolu 14 tad-Direttiva. L-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-partijiet fil-kawża li esprimew ruħhom f’dan ir-rigward, ħlief għall-Gvern Belġjan, jaqblu dwar it-teorija tan-nuqqas ta’ kompatibbiltà.

79.      Qabel ma nesprimi l-opinjoni tiegħi dwar ir-risposta għandi nagħmel żewġ osservazzjonijiet. L-ewwel waħda hija li, taħt il-kunċett ta’ spejjeż magħmula għall-intervent ta’ esperti jew konsulenti tekniċi nistgħu nsibu realtajiet differenti, li wħud minnhom ma jaqgħux neċessarjament taħt il-kategorija tal-“ispejjeż proċedurali”. Din tal-aħħar ma tinkludix spejjeż ftit jew wisq “konnessi” mal-eżerċizzju tal-azzjoni jew imħallsa “fil-kors” tagħha, iżda dawk li joriġinaw b’mod immedjat u dirett fil-proċedura stess. Persuna, fiżika jew ġuridika, tista’ twettaq proċeduri preliminari, jew saħansitra twettaq konsultazzjonijiet minn qabel ma’ ċerti konsulenti jew esperti, mingħajr ma din l-ispiża tiġi inkluż fost “l-ispejjeż proċedurali”. Skont il-premessa 26 tad-Direttiva, l-“[i]spejjeż ta’ identifikazzjoni u riċerka” mwettqa fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jappartjenu għall-kapitolu dwar il-kumpens għad-danni (Artikolu 13) u mhux dak tal-ispejjeż legali (Artikolu 14).

80.      It-tieni osservazzjoni hija li l-kodiċi ġudizzjarju Belġjan (Artikolu 1018(4)) isemmi fost l-ispejjeż legali li għandhom jitħallsu mill-parti li tkun tilfet — jiġifieri, fl-iskema ġenerali tar-rebħ — l-ispejjeż relatati max-“xhieda u [ma]l-esperti” meta dawn ikunu intervjenew wara l-adozzjoni ta’ “miżuri istruttorji” proċedurali miftiehma. Fir-rigward ta’ dawn l-ispejjeż tal-esperti ma jidhirx li japplika l-kriterju (suġġettiv) ta’ nuqqas, li tirreferi għalih il-qorti tar-rinviju, iżda r-regola (oġġettiva) tar-rebħ.

81.      Għandu jiġi ċċarat, għalhekk, dwar liema spejjeż ta’ esperti tirreferi eżattament il-ġurisprudenza Belġjana meta torbot ir-rimbors tagħhom mal‑eżistenza ta’ nuqqas fl-oriġini tad-dannu li jwassal għall-obbligu ta’ kumpens (35). Jistgħu jeżistu żewġ tipi ta’ spejjeż li jkunu saru għal evidenza ta’ natura teknika: a) dawk iġġenerati mill-intervent ta’ esperti fil-proċedura, previsti fl-Artikolu 1018(4) tal-kodiċi ġudizzjarju, u b) dawk prodotti barra mill-proċedura bħala appoġġ għat-talba jew għall-kontestazzjoni. Huwa biss fuq dawn tal-aħħar li tittratta l-ġurisprudenza msemmija mill-qorti tar-rinviju u mill-Gvern Belġjan stess.

82.      B’dawn ir-riżervi kollha, ir-risposta li nipproponi għat-tieni domanda preliminari magħmula għandha żewġ naħat. Fil-fehma tiegħi, il-ġurisprudenza nazzjonali msemmija mill-qorti tar-rinviju ma tmurx kontra l-Artikolu 14 tad-Direttiva meta l-ispejjeż tal-assistenza teknika mitluba ma jistgħux jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “spejjeż proċedurali”, minħabba ċ-ċirkustanzi speċifiċi tagħhom, pereżempju, in-natura sempliċement preliminari tagħhom jew fatturi oħra, li wħud minnhom indirizzajthom iktar ’il fuq. F’dan il-każ, huwa possibbli li l-irkupru tagħhom huwa possibbli skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva, dispożizzjoni li tippermetti li jitqiesu ċirkustanzi relatati mal-kunċett ta’ nuqqas (il-kumpens huwa impost fuq il-“[...]kontravventur li kien jaf jew b’raġunijiet validi li suppost kien jaf, daħal f’attività li tikkontravjeni”).

83.      Min-naħa l-oħra, u għall-kuntrarju tal-proposta preċedenti, l-ispejjeż imġarrba mill-intervent tal-espert f’kawża għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, li għandhom rabta diretta u immedjata mal-eżerċizzju tal-azzjoni, għandhom jiġu kkumpensati lill-parti rebbieħa skont it-termini tal-Artikolu 14 tad-Direttiva (jiġifieri, jekk ikunu raġonevoli, proporzjonati u mhux kontra l-ekwità), mingħajr ebda ħtieġa ta’ rekwiżit ieħor bħall-preżenza ta’ nuqqas.

84.      Jekk nipproponi għat-tieni domanda preliminari risposta li hija differenti minn dik proposta għall-ewwel waħda huwa minħabba li l-liġi interna (li toriġina mill-ġurisprudenza) li tapplika, preżumibbilment, għall-ispejjeż tal-esperti, tista’ teskludi l-irkupru, totali jew parzjali, tagħhom f’kawżi relatati mal-proprjetà intellettwali, preċiżament minħabba l-kunċett ta’ nuqqas, li ma jseħħx fil-każ ta’ onorarji ta’ avukat. L-esklużjoni ġġeneralizzata ta’ dawn l-“ispejjeż proċedurali” (sakemm fil-fatt ikollhom din in-natura), li tista’ tirriżulta mill-ġurisprudenza nazzjonali applikabbli għal dan it-tip ta’ kawżi, lanqas ma tippermetti li tiġi evalwata ad casum in-natura proporzjonata u raġonevoli tagħhom, li, fil-fehma tiegħi, ma huwiex kompatibbli la mal-kliem u lanqas mal-għan tal-Artikolu 14 tad-Direttiva.

V –    Konklużjoni

85.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi preliminari magħmula bil-mod li ġej:

“1)      L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, li timponi limitu massimu fuq ir-rimbors tal-onorarji tal-avukat tal-parti rebbieħa, mill-parti kkundannata għall-ispejjeż, fi kwalunkwe tip ta’ tilwim, anki f’dawk relatati mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

2)      L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 jipprekludi l-impożizzjoni ta’ rekwiżit ta’ nuqqas bħala kundizzjoni neċessarja sabiex il-parti li tkun tilfet tiġi ordnata tħallas l-ispejjeż tal-esperti, raġonevoli, proporzjonati u mhux kontra l-ekwità, magħmula mill-parti rebbieħa, sakemm dawn ikollhom rabta diretta u immedjata mal-eżerċizzju tal-azzjoni proċedurali għall-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali.”


1 – Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32; iktar ’il quddiem, id-“Direttiva”).


3 – Kawża C‑406/09, EU:C:2011:668, punti 47 u 48.


4 – Kawża C‑12/11, EU:C:2013:43, punti 40 u 42.


5 – Sentenza Marshall (C-271/91, EU:C:1993:335); kif ukoll is-sentenza VTB‑VAB u Galatea (C‑261/07 u C‑299/07, EU:C:2009:244).


6 – Kawża C-406/09, EU:C:2011:668. Skont din is-sentenza, l-għan ġenerali tad-Direttiva huwa l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri sabiex jiġi ggarantit livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti u omoġenju tal-proprjetà intellettwali.


7 – Sentenza L’Oréal et (C‑324/09, EU:C:2011:474), punt 131.


8 – Sentenza Realchemie Nederland (C-406/09, EU:C:2011:668), punt 48.


9 – http://ec.europa.eu/internal_market/consultations/docs/2012/intellectual-property-rights/summary-of-responses_en.pdf


10 – Huwa jenfasizza kif il-qorti kostituzzjonali belġjana, fis-sentenza tagħha Nru 182/2008, tat-18 ta’ Settembru 2008, mogħtija f’appell ta’ nuqqas ta’ kostituzzjonalità kontra l-Liġi tal-21 ta’ April 2007, irrikonoxxiet li l-leġiżlatur kien ħaseb sabiex jiżgura ċ-ċertezza legali u sabiex iwieġeb għall-iżviluppi tal-ġurisprudenza fil-qasam tar-rimbors ta’ spejjeż tal-avukat, kif ukoll sabiex jissalvagwarda l-aċċess għall-ġustizzja għall-partijiet kollha fil-kawża.


11 – http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/HTML/?uri=CELEX:52003PC0046&from=EN


12 – L-awtoritajiet ġudizzjarji għandu jkollhom ukoll l-awtorità li jordnaw li l-persuna li kisret id-drittijiet tħallas l-ispejjeż tad-detentur tad-dritt, li jistgħu jinkludu l-onorarji tal-avukati dovuti (http://www.wipo.int/treaties/es/text.jsp?file_id=305906).


13 – http://eur-lex.europa.eu/legal-content/ES/TXT/HTML/?uri=CELEX:52003PC0046&from=EN


14 – Sentenzi Dekker (C‑177/88, EU:C:1990:383), Draehmpaehl (C‑180/95, EU:C:1997:208) u Strabag et (C‑314/09, EU:C:2010:567).


15 – Ma naħsibx li huwa rilevanti li matul il-proċedura ta’ tfassil tad-Direttiva tneħħa mill-Artikolu 14 ir-riferiment espliċitu għall-onorarji tal-avukat, peress li, kemm jekk jissemmew espliċitament u anki jekk ma jissemmewx, dawn huma waħda mill-iktar partijiet tipiċi tal-ispejjeż tal-proċedura.


16 – Ara l-Artikolu 1018(6) tal-kodiċi ġudizzjarju Belġjan.


17 – L-Artikolu 144(b) tar-Regoli tal-Proċedura. Il-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi b’mod kontinwu l-kunċetti ta’ raġonevolezza, proporzjonalità u evalwazzjoni ġusta sabiex jiġu stabbiliti l-ispejjeż legali eliġibbli tal-partijiet fil-proċedura. Dan jirriżulta, fost l-oħrajn, fis-sentenzi mogħtija fil-kawżi Deoleo vs Aceites del Sur-Coosur (C-498/07 P-DEP, EU:C:2013:302), punt 35; tat-12 ta’ Ottubru 2012, Zafra Marroquineros vs Calvin Klein Trademark Trust, (C‑254/09 P‑DEP, EU:C:2012:628), punt 31; Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni, (C-208/11 P, EU:C:2013:304), punt 30; Il-Ġermanja et vs Il-Kummissjoni (C-75/05 P u C-80/05 P, EU:C:2013:458), punt 48; OCVV vs Schräder (C-38/09 P-DEP, EU:C:2013:679), punt 36; Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni (C‑521/09 P-DEP, EU:C:2013:644), punt 28; kif ukol tas-26 ta Frar 2015, Wedl & Hofmann vs Reber Holding et (C‑141/13 P-DEP, EU:C:2015:133), punt 28, fost oħrajn.


18 – Ċerti verżjonijiet lingwistiċi tad-Direttiva jipprovdu ż-żewġ aġġettivi kemm għall-ispejjeż kif ukoll għall-ispejjeż l-oħra tal-proċeduri. Oħrajn, għall-kuntrarju (dik bil-Franċiż, bl-Ispanjol u bit-Taljan), japplikawhom biss għall-ispejjeż. Is-sens tad-dispożizzjoni jissuġġerixxi li dawn għandhom jiġu estiżi għaż-żewġ kategoriji, bħal fil-verżjoni bl-Ingliż, bil-Ġermaniż, bil-Portugiż u bl-Olandiż.


19 – Il-verżjoni bil-Ġermaniż tal-Artikolu 14 tad-Direttiva tirreferi għall-“Prozesskosten und sonstigen Kosten […] soweit sind zumutbar und angemessen” (mingħajr enfasi fil-verżjoni oriġinali).


20 – Il-kunċett ta’ “spejjeż indispensabbli” jinsab litteralment fl-imsemmi Artikolu 144(b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, taħt it-titolu “spejjeż li jistgħu jinġabru”. Fost dawn insibu, b’mod partikolari, “l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-alloġġ u r-remunerazzjoni ta’ aġent, konsulent jew avukat”.


21 – L-istess tħassib jidher fid-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003, li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE rigward il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 466). L-Artikolu 10a(5) u l-ħames paragrafu tal-Artikolu 15a, rispettivament, ta’ dawn iż-żewġ direttivi tal-aħħar jeħtieġu li l-proċeduri tal-qorti ma jkollhomx piż eċċessiv.


22 – Kawża C-406/09, EU:C:2011:668, punti 48 u 49.


23 – Kawża C-681/13, EU:C:2015:471, punt 72.


24 – Kawża C-406/09, EU:C:2011:668. Bħala regola ġenerali, min jikser drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandu jbati l-konsegwenzi ekonomiċi kollha tal-imġieba tiegħu.


25 – Kawża C-406/09, EU:C:2011:668. Hija eżaminat biss jekk l-ispejjeż ta’ proċedura ta’ exequatu, magħmula fi Stat Membru li fih jintalab ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor, fil-kuntest ta’ kawża relatata mal-protezzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, kinux inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 14 tad-Direttiva.


26 – Sentenza l-Irlanda vs Il-Kummissjoni (325/85, EU:C:1987:546), punt 18.


27 – Kawża C-530/11, EU:C:2014:67, punt 52 et seq. Ir-regoli interni kienu jiffavorixxu limitu inizjali fuq l-ammont tal-ispejjeż li setgħu jirriżultaw fit-tmiem tal-kawża.


28 – Il-Qorti tal-Ġustizzja użat il-kunċett ta’ “raġonevolezza oġġettiva” tal-ispejjeż fis-sentenza Edwards u Pallikaropoulos (C‑260/11, EU:C:2013:221), fejn fil-punt 40 tagħha, fil-kuntest tal-ibbilanċjar bejn l-interess partikolari tar-rikorrent u l-interess ġenerali (f’dak il-każ, irrappreżentat mid-difiża tal-ambjent), irriżulta li “din l-evalwazzjoni ma tistax tinvolvi biss is-sitwazzjoni ekonomika tal-parti kkonċernata, iżda għandha wkoll tkun ibbażata fuq analiżi oġġettiva tal-ammont tal-ispejjeż […].F’dawn il-parametri, l-ispiża ta’ proċedura ma għandhiex tidher, f’ċerti każijiet, bħala li hija oġġettivament irraġonevoli. Għaldaqstant, l-ispiża ta’ proċedura la għandha tisboq il-kapaċitajiet finanzjarji tal-parti kkonċernata u lanqas, fi kwalunkwe każ, ma għandha tidher li hija oġġettivament irraġonevoli”.


29 – Ma jistax ikun mod ieħor, peress li d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv huwa rrikonoxxut fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Huwa rilevanti li jsir aċċenn għal dan, peress li s-suġġett tal-każ jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni (Artikolu 51 tal-Karta).


30 – Xi wħud isemmu, fid-difiża tat-teorija tagħhom, il-Ftehim dwar il-Qorti Unifikata tal-Privattivi (ĠU 2013, C 175, p. 1), li ma jipprevedix biss l-applikazzjoni tal-kriterji ta’ raġonevolezza u ta’ proporzjonalità, iżda wkoll limitu massimu fuq l-ispejjeż, f’dawn it-termini: “L-ispejjeż legali raġonevoli u proporzjonati u spejjeż oħrajn magħmulin mill-parti rebbieħa għandhom, bħala regola ġenerali, jitħallsu mill-parti telliefa, sakemm l-ekwità ma titlobx mod ieħor, sa limitu stabbilit f’konformità mar-Regoli ta’ Proċedura.” (mingħajr enfasi fil-verżjoni oriġinali).


31 – Id-difensur ta’ Telenet ammetta waqt is-seduta li ma jkollu ebda oġġezzjoni għall-applikazzjoni ta’ limitu massimu stabbilit bid-Digriet Irjali li kieku l-ammont tiegħu jkun ogħla.


32 – Fis-sentenza Diageo Brands (C‑681/13, EU:C:2015:471), punt 73, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva ma humiex intiżi li jirregolaw l-aspetti kollha marbuta mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, iżda biss dawk li huma inerenti, minn naħa, għar-rispett ta’ dawn id-drittijiet u, min-naħa l-oħra, għal-ksur tal-imsemmija drittijiet, billi jimponu l-eżistenza ta’ rimedji ġudizzjarji effettivi intiżi li jipprevjenu, jitterminaw jew jirrimedjaw kwalunkwe ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali eżistenti.


33 – Fil-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ġiet traskritta t-tabella li fiha l-ammonti massimi, skont l-ammont tal-proċedura. Meta dak l-ammont ma jkunx iddeterminat, l-iskala tvarja bejn EUR 82.50 u EUR 11 000. Dawn l-ammonti huma dovuti għal kull pass proċedurali, jiġifieri, f’kull istanza.


34 – Il-qorti kostituzzjonali Belġjana nnotat fis-sentenza tagħha Nru 182/2008 li l-Liġi tal-21 ta’ April 2007, kif ukoll id-Digriet Irjali maħruġ għall-iżvilupp tagħha, introduċew ir-restrizzjoni tal-ammont rifondibbli lill-parti rebbieħa fil-kawża, bi spejjeż tal-parti li tkun tilfet, minħabba “x-xewqa tal-leġiżlatur li jippreserva l-aċċess għall-ġustizzja għal persuni żvantaġġjati u r-rieda li jiġu evitati jew limitati l-‘proċeduri fi ħdan proċedura’, rigward l-ammont ta’ tariffi li jistgħu jiġu rkuprati”.


35 – Kemm fl-osservazzjonijiet bil-miktub kif ukoll f’dawk orali ma ntweriex, b’ċertezza suffiċjenti, jekk teżistix ġurisprudenza ġenerali, konsistenti u uniformi f’dan il-qasam. Xi sentenza tal-Hof van Cassatie (qorti tal-kassazzjoni) Belġjana ammettiet li l-ispejjeż għall-assistenza teknika għandhom jitħallsu lura lill-parti li tkun sofriet id-dannu, preċiżament bħala kumpens għal dan, meta dawn kienu essenzjali sabiex jiġi kkwantifikat (pereżempji, f’każijiet ta’ esproprjazzjoni).