Language of document : ECLI:EU:C:2016:611

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

28 ta’ Lulju 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Drittijiet tal-proprjetà intellettwali – Direttiva 2004/48/KE– Artikolu 14 – Spejjeż legali – Spejjeż tal-avukat – Rimbors b’rata fissa – Ammonti massimi – Spejjeż ta’ konsulenza teknika – Rimbors – Kundizzjoni ta’ nuqqas imwettaq mill-parti li tilfet”

Fil-Kawża C‑57/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hof van beroep te Antwerpen (qorti tal-appell ta’ Antwerpen, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Jannar 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Frar 2015, fil-proċedura

United Video Properties Inc.

vs

Telenet NV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, F. Biltgen, A. Borg Barthet, E. Levits u M. Berger (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Jannar 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal United Video Properties Inc., minn B. Vandermeulen, avukat, u D. Op de Beeck, avukat,

–        għal Telenet NV, minn S. Debaene, avukat, u H. Haouideg, avukat,

–        għall-Gvern Belġjan, minn J.-C. Halleux u J. Van Holm, bħala aġenti, assistiti minn E. Jacubowitz, avukat,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u M. de Ree, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Wilman, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑5 ta’ April 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn United Video Properties Inc. u Telenet NV fuq l-ispejjeż legali li hija trid tħallas lura lil Telenet wara li rrinunzjat għall-atti ta’ kawża dwar privattivi li hija kienet ippreżentat kontra din tal-aħħar.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 10, 17 u 26 tad-Direttiva 2004/48 huma fformulati kif ġej:

“(10)L-għan ta’ din id-Direttiva hija li tqarreb is-sistemi leġislattivi sabiex tassigura livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti u omoġenju fis-suq intern.

[...]

(17)      Il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għal din id-Direttiva għandhom ikunu determinati għal kull każ b’manjiera li jiġi kkunsidrati l-karatteristiċi speċifiċi ta’ dak il-każ, li jinkludu il-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull dritt ta’ proprjetà intellettwali u, fejn hu xieraq, il-karattru intenzjonali jew mhux intenzjonali tal-kontravvenzjoni.

[...]

(26)      Bl-għan li jsir kumpens għall-preġudizzju soffret riżultat tal-kontravvenzjoni kommessa mill-kontravventur li daħal f’attività b’mod konxju jew b’raġunijiet validi li suppost kien jaf, li din twassal għal din il-kontravvenzjoni, l-ammont ta’ ħsara konċessa lid-detentur tad-drittijiet għandha tikkunsidra l-aspetti xierqa kollha, bħal telf ta’ qligħ tad-detentur tad-drittijiet jew profitti mhux ġusti magħmula mill-kontravventur u, fejn hu xieraq, xi preġudizzju morali kkawżat lid-detentur tad-drittijiet. [...] L-għan huwa li ma tiġix introdotta obbligazzjoni biex tipprovdi għall-ħsara punitiva imma biex tħalli għall-kumpens ibbażat fuq kriterji oġġettivi waqt li tikkunsidra l-ispejjeż maħluqa lid-detentur tad-drittijiet, bħal spejjeż ta’ identifikazzjoni u riċerka.”

4        L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat, “Obbligu Ġenerali” jipprevedi li:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex jiġi assigurat l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti b'din id-Direttiva. Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikunu ġusti u m'għandhomx ikunu mhux neċessarjament kumplikati jew għaljin, jew li jwasslu għal-limiti ta’ ħin mhux raġjonevoli jew dewmien mhux ordnat.

2.      Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikun wkoll effetttivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom ikunu applikati b’mod u manjiera li jevitaw il-ħolqien ta’ barrieri biex jiġi leġitimiżżat il-kummerċ u biex jiġu provduti protezzjonijiet kontra l-abbuż tagħhom.”

5        Skont l-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-danni”:

“1.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti, fuq l-applikazzjoni tal-parti li sarulha d-danni, jordnaw lill-kontravventur li kien jaf jew b’raġunijiet validi li suppost kien jaf, daħal f’attività li tikkontravjeni, biex iħallas id-danni lid-detentur tad-dritt skond il-preġudizzju attwali soffert minnu/minnha riżultat tal-kontravvenzjoni.

[...]

2.      Fejn il-kontravventur daħal f’attività li tikkontravjenu, u ma kienx jaf jew kien jaf imma kellu raġjunijiet validi, l-Istati Membri jistgħu jistipulaw li l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu jordnaw li jiġu rkuprati l-profitti jew il-pagament tad-danni, li jistgħu jkunu stabbiliti minn qabel.”

6        L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48, intitolat “L-ispejjeż legali”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-ispejjeż legali u spejjeż oħra raġjonevoli u proprozjonati mħallsa mill-parti rebbieħa, bħala regola ġenerali, ikunu mħallsa mill-parti li tkun tilfet, sakemm jkun ekwità [l-ekwità ma tipprojbixxix dan].”

 Id-dritt Belġjan

7        Skont l-Artikolu 827(1) tal-Gerechtelijk Wetboek Belġjan (kodiċi ġudizzjarju), kull rinunzja ġġib magħha l-issuġġettar tal-parti li rrinunzjat għall-ħlas tal-ispejjeż legali kkawżati.

8        L-Artikolu 1017 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:

“Kull deċiżjoni finali, anki ex officio, għandha tinkludi l-kundanna għall-ispejjeż tal-parti li t-talbiet tagħha jkunu ġew miċħuda [...]”

9        Skont l-Artikolu 1018 tal-kodiċi ġudizzjarju:

“L-ispejjeż jinkludu:

[...]

6°      il-kumpens proċedurali previst fl-Artikolu 1022;

[...]”

10      L-Artikolu 1022 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi:

“Il-kumpens proċedurali jikkonsisti f’ammont b’rata fissa tal-ispejjeż u tal-onorarji tal-avukat tal-parti rebbieħa.

Permezz ta’ digriet approvat mill-Kunsill tal-Ministri, ir-Re jistabilixxi li għandhom jiġu stabbiliti l-ammonti bażiċi, massimi u minimi tal-kumpens proċedurali, li jiddependu b’mod speċjali fuq in-natura u l-importanza tal-kawża.

Fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, [il-qorti] tista’, permezz ta’ deċiżjoni b’motivazzjoni sostanzjali, tnaqqas jew iżżid il-kumpens, iżda mingħajr ma taqbeż l-ammonti massimi u minimi previsti mir-Re. [...]

L-ebda parti ma tista’ tkun obbligata tħallas kumpens għall-intervent tal-avukat tal-parti l-oħra li jeċċedi l-ammont tal-kumpens proċedurali.”

11      Id-Digriet Irjali tas-26 ta’ Ottubru 2007, li jistabbilixxi r-rata tal-kumpensi proċedurali msemmija fl-Artikolu 1022 tal-kodiċi ġudizzjarju u li jistabbilixxi d-data għad-dħul fis-seħħ tal-Artikoli 1 sa 13 tal-liġi tal-21 ta’ April 2007 dwar l-irkupru tal-onorarji u spejjeż tal-avukat (Belgisch Staatsblad, 9 ta’ Novembru 2007, p. 56834), jiddefinixxi l-ammonti bażiċi, minimi u massimi tal-kumpens proċedurali msemmi fl-Artikolu 1022 tal-kodiċi ġudizzjarju. B’hekk, l-Artikolu 2 ta’ dan id-Digriet Irjali jistabbilixxi, f’dak li jirrigwarda azzjonijiet relatati ma’ kawżi li jistgħu jiġu vvalutati fi flus, skala ta’ ammonti tal-kumpens proċedurali li tmur minn EUR 75, bħala ammont minimu, applikabbli għall-azzjonijiet li s-suġġett tagħhom huwa vvalutat sa EUR 250, sa EUR 30 000, bħala ammont massimu, applikabbli għall-azzjonijiet li s-suġġett, ivvalutat fi flus, jeċċedi EUR 1 000 000.01.

12      Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda azzjonijiet relatati ma’ kawżi li ma jistgħux jiġu vvalutati fi flus, l-Artikolu 3 tad-Digriet Irjali tas-26 ta’ Ottubru 2007 jipprevedi, bħala kumpens proċedurali, ammont bażiku ta’ EUR 1 200, ammont minimu ta’ EUR 75 u ammont massimu ta’ EUR 10 000.

13      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 8 tad-Digriet Irjali tas-26 ta’ Ottubru 2007 jiddisponi li l-ammonti bażiċi, minimi u massimi, tal-kumpens proċedurali huma marbuta mal-indiċi tal-prezzijiet għall-konsumatur, peress li kull bidla ta’ iktar jew inqas minn 10 punti twassal għal żieda jew tnaqqis ta’ 10 % tal-ammonti msemmija, b’mod partikolari, fl-Artikoli 2 u 3 ta’ dan id-digriet.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14      United Video Properties, li kienet proprjetarja ta’ privattiva, ippreżentat rikors kontra Telenet fil-Belġju, intiż, essenzjalment, li jiġi kkonstatat ksur tal-imsemmija privattiva minn din tal-aħħar, li tiġi ordnata twaqqaf il-ksur u li tiġi kkundannata wkoll għall-ispejjeż.

15      Permezz ta’ sentenza tat-3 ta’ April 2012, ir-Rechtbank van koophandel te Antwerpen (qorti tal-kummerċ ta’ Antwerpen, il-Belġju) ċaħdet dan ir-rikors u ddikjarat invalida l-privattiva inkwistjoni. Permezz ta’ din is-sentenza, hija kkundannat lil United Video Properties tħallas lil Telenet kumpens proċedurali relatat mal-proċedura fl-ewwel istanza ta’ EUR 11 000, l-ammont massimu previst mill-Artikolu 3 tad-Digriet Irjali tas-26 ta’ Ottubru 2007, wara li ġie adattat skont l-Artikolu 8 ta’ dan id-digriet. United Video Properties ippreżentat appell mill-imsemmija sentenza quddiem il-Hof van beroep te Antwerpen (qorti tal-appell ta’ Antwerpen, il-Belġju).

16      Madankollu, United Video Properties iddeċidiet li tirtira l-appell tagħha. Wara din ir-rinunzja għall-atti, Telenet talbet, b’mod partikolari, li din tal-aħħar tiġi kkundannata tirrimborsaha EUR 185 462.55 għall-spejjeż tal-avukat, kif ukoll EUR 40 400 għall-assistenza pprovduta minn aġent speċjalizzat fil-qasam tal-privattivi.

17      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kawża pendenti quddiem il-Hof van beroep te Antwerpen (qorti tal-appell ta’ Antwerpen) tirrigwarda biss l-ispejjeż li United Video Properties għandha tirrimborsa lil Telenet. Fil-fatt, skont il-leġiżlazzjoni Belġjana inkwistjoni, din tal-aħħar tista’ titlob biss ir-rimbors ta’ ammont massimu ta’ EUR 11 000 għal kull istanza għall-onorarji li hija ħallset lill-avukat tagħha. Fir-rigward tal-onorarji li tħallsu lil aġent speċjalizzat fil-qasam tal-privattivi, skont il-ġurisprudenza tal-Hof van Cassatie (qorti tal-kassazzjoni, il-Belġju), Telenet ma għandhiex id-dritt ta’ rimbors mingħand United Video Properties, sakemm ma tkunx tista’ turi li din tal-aħħar wettqet nuqqas bl-introduzzjoni tal-azzjoni tagħha jew fil-kors tal-proċedura u li l-ispejjeż tal-imsemmi aġent tal-privattivi kienu l-konsegwenza neċessarja ta’ dan.

18      Madankollu, Telenet tosserva li hija sostniet spejjeż li jeċċedu b’mod kunsiderevoli s-somma ta’ EUR 11 000 għal kull istanza. B’mod partikolari, hija tqis li l-leġiżlazzjoni Belġjana inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmur kontra l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48, peress li dan l-artikolu ma jippermetti lill-Istati Membri jintroduċu la limitu massimu ta’ rimbors għall-ispejjeż tal-avukat ta’ EUR 11 000 għal kull istanza, lanqas kundizzjoni ta’ nuqqas għar-rimbors tal-ispejjeż oħra mġarrba mill-parti rebbieħa.

19      F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hof van beroep te Antwerpen (qorti tal-appell ta’ Antwerpen) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin :

“1)      Il-kunċetti ta’ ‘spejjeż legali raġonevoli u proporzjonati’ u [...] spejjeż oħra’ fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48, jipprekludu l-leġiżlazzjoni Belġjana li tagħti lill-qorti l-possibbiltà li tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi ddefiniti partikolari għall-kawża u li tipprovdi sistema ta’ tariffi fissi varjati fir-rigward ta’ spejjeż għall-assistenza ta’ avukat?

2)       Il-kunċetti ta’ ‘spejjeż legali raġonevoli u proporzjonati’ u [...] ta’ ‘spejjeż oħra’ fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48, jipprekludu l-ġurisprudenza li tgħid li l-ispejjeż ta’ konsulenza teknika jistgħu jinġabru biss fil-każ ta’ nuqqas (kuntrattwali jew extra-kuntrattwali)?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

20      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġizlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li l-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż imġarrba mill-parti rebbieħa, li tagħti lill-qorti l-possibbiltà li tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tal-kawża quddiemha u li tipprovdi sistema ta’ tariffi fissi b’limitu massimu ta’ rimbors fir-rigward ta’ spejjeż għall-assistenza ta’ avukat.

21      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 jistabbilixxi l-prinċipju li l-ispejjeż legali raġonevoli u proporzjonati mġarrba mill-parti rebbieħa għandhom, bħala regola ġenerali, jitħallsu mill-parti li titlef, sakemm l-ekwità ma tippermettix li jsir dan.

22      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-portata tal-kunċett ta’ “spejjeż legali” li għandhom jitħallsu mill-parti li titlef, imsemmija fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48, għandu jiġi nnotat li dan il-kunċett jinkludi, fost affarijiet oħra, l-onorarji tal-avukat, peress li din id-direttiva ma għandha l-ebda element li jwassal għall-konklużjoni li dawn l-ispejjeż, li ġeneralment jikkostitwixxu parti sostanzjali tal-ispejjeż imġarrba fil-kuntest ta’ proċedura intiża li jiġi żgurat dritt ta’ proprjetà intelletwali, għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu.

23      It-tieni nett, mill-premessa 17 tad-Direttiva 2004/48 jirriżulta li l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji previsti minn din id-direttiva għandhom jiġu ddeterminati għal kull każ b’tali mod li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull każ. Ċertament, dan l-għan jista’ jimmilita kontra r-rimbors b’rata fissa tal-ispejjeż legali bħala tali, peress li tali determinazzjoni ma tiżgura la r-rimbors tal-ispejjeż li effettivament ikunu tħallsu, f’każ speċifiku, mill-parti rebbieħa, u lanqas, b’mod aktar ġenerali, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi speċifiċi kollha tal-każ inkwistjoni.

24      Madankollu, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 jimponi fuq l-Istati Membri li jiżguraw ir-rimbors tal-ispejjeż legali “raġonevoli” biss. Barra minn hekk, l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jiddisponi, b’mod partikolari, li l-proċeduri previsti mill-Istati Membri ma għandhomx ikunu inutilment għaljin.

25      Konsegwentement, leġiżlazzjoni li tipprevedi tariffi fissi għar-rimbors tal-onorarji tal-avukat jistgħu, bħala prinċipju, ikunu ġġustifikati sakemm tkun intiża li tiżgura li l-ispejjeż li għandhom jitħallsu lura jkunu raġonevoli, fid-dawl tal-fatturi bħas-suġġett tal-kawża, l-ammont inkwistjoni jew il-ħidma mwettqa għad-difiża tad-dritt inkwistjoni. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, jekk din il-leġiżlazzjoni tkun intiża sabiex jiġi eskluż ir-rimbors ta’ spejjeż eċċessivi minħabba onorarji għoljin wisq miftiehma bejn il-parti rebbieħa u l-avukat tagħha, jew minħabba għoti ta’ servizzi mill-avukat li ma jkunux meħtieġa sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt tal-proprjetà intellettwali inkwistjoni.

26      Min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit li l-parti li titlef għandha tħallas l-ispejjeż legali “raġonevoli”, għall-fini ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 fi Stat Membru, ma jistax jiġġustifika leġiżlazzjoni li timponi tariffi fissi sostanzjalment inqas mit-tariffi medji effettivament applikati għas-servizzi ta’ avukat f’dan l-Istat Membru.

27      Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni tkun irrikonċiljabbli mal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/48, li jiddisponi li l-proċeduri u r-rimedji previsti minn din id-direttiva għandhom ikunu dissważivi. Issa, l-effett dissważiv ta’ proċedimenti ta’ vjolazzjoni jkun serjament imnaqqas jekk min iwettaq il-vjolazzjoni jista’ jiġi kkundannat biss għar-rimbors ta’ parti żgħira mill-ispejjeż “raġonevoli” tal-avukat imġarrba mid-detentur tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali miksur. Għalhekk, tali leġiżlazzjoni tippreġudika l-għan tad-Direttiva 2004/48, li huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern, liema għan huwa espressament imsemmi fil-premessa 10 ta’ din id-direttiva, inkonformità mal-Artikolu 17(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

28      It-tielet nett, fir-rigward il-ħtieġa tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi speċifiċi tal-każ inkwistjoni, mill-formulazzjoni stess tal-ewwel domanda jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bħala prinċipju, toffri lill-qorti l-possibbiltà li tieħu inkunsiderazzjoni dawn il-karatteristiċi.

29      Ir-raba’ nett, mandankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 jipprevedi li l-ispejjeż legali li għandhom jitħallsu mill-parti li titlef għandhom ikunu “proporzjonati”. Issa, il-kwistjoni dwar jekk dawn l-ispejjeż humiex proporzjonati ma tistax tiġi evalwata indipendentement mill-ispjejjeż li l-parti rebbieħa effettivament tkun ħallset għall-assistenza ta’ avukat, sakemm dawn ikunu raġonevoli fis-sens tal-punt 25 ta’ din is-sentenza. Għalkemm ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità ma jimplikax li l-parti li titlef għandha neċessarjament tħallas lura l-ispejjeż kollha mħallsa mill-parti l-oħra, dan jeżiġi madankollu li din tal-aħħar ikollha dritt għar-rimbors, mill-inqas, ta’ parti sinjifikattiva u xierqa tal-ispejjeż raġonevoli li effettivament ikunu tħallsu mill-parti rebbieħa.

30      Għaldaqsant, leġizlazzjoni nazzjonali li tipprevedi limitu massimu għall-ispejjeż marbuta mal-assistenza ta’ avukat, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha tiżgura, minn naħa, li dan il-limitu jirrifletti r-realtà tat-tariffi għas-servizzi ta’ avukat fil-qasam tal-proprjetà intellettwali u, min-naħa l-oħra, li mill-inqas, parti sinjifikattiva u xierqa tal-ispejjeż raġonevoli effettivament imġarrba mill-parti rebbieħa jitħallsu mill-parti li titlef. Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni, b’mod partikolari f’każ li l-imsemmi limitu jkun baxx wisq, ma hijiex ta’ natura li teskludi li l-ammont ta’ dawn l-ispejjeż jeċċedi b’mod kunsiderevoli l-limitu previst, u b’hekk ir-rimbors li tista’ tippretendi l-parti rebbieħa jsir sproporzjonat, saħansitra, xi drabi, insinjifikattiv, b’hekk iċaħħad lill-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 mill-effettività tiegħu.

31      Il-konklużjoni li tinsab fil-punt preċedenti ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-każijiet fejn l-ekwità ma tippermettix li l-ispejjeż legali jitħallsu mill-parti li titlef. Fil-fatt, din l-esklużjoni hija intiża għar-regoli nazzjonali li jippermettu lill-qorti, f’każ partikolari fejn l-applikazzjoni tas-sistema ġenerali ta’ spejjeż legali twassal għal riżultat li jitqies inġust, li titbiegħed minn din is-sistema, bħala eċċezzjoni. Mill-banda l-oħra, l-ekwità, min-natura tagħha stess, ma tistax tiġġustifika esklużjoni ġenerali u inkundizzjonata ta’ rimbors ta’ spejjeż li jeċċedu limitu fiss.

32      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li l-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż imġarrba mill-parti rebbieħa, li toffri lill-qorti l-possibbiltà li tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tal-kawża quddiemha u li tipprovdi sistema ta’ tariffi fissi b’limitu massimu ta’ rimbors fir-rigward ta’ spejjeż għall-assistenza ta’ avukat, sakemm dawn it-tariffi jiżguraw li l-ispejjeż li għandhom jitħallsu mill-parti li titlef ikunu raġonevoli, fatt li għandu jiġu vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Madankollu, l-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi tariffi fissi li, minħabba li l-limiti massimi tagħhom ikunu wisq baxxi, ma jiżgurawx li, mill-inqas, parti sinjifikattiva u xierqa tal-ispejjeż raġonevoli mġarrba mill-parti rebbieħa jitħallsu mill-parti li titlef.

 Fuq it-tieni domanda

33      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regoli nazzjonali li ma jipprevedux ir-rimbors ta’ spejjeż ta’ konsulenza teknika ħlief fil-każ ta’ nuqqas imwettaq mill-parti li titlef.

34      Biex tingħata risposta għal din id-domanda, l-ewwel nett għandhom jitfakkru l-kliem tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48, li jgħidu li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ispejjeż legali raġonevoli u proporzjonati “u spejjeż oħra li tħallsu mill-parti rebbieħa” jitħallsu, bħala regola ġenerali, mill-parti li titlef, sakemm l-ekwità ma tipprojbixxix dan. Peress li l-ebda dispożizzjoni ta’ din id-direttiva ma għandha definizzjoni tal-kunċett ta’ “spejjeż oħra” li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 14 l-ispejjeż imġarrba għas-servizzi ta’ konsulent tekniku, dan il-kunċett, bħala prinċipju, jinkludi wkoll dan it-tip ta’ spejjeż.

35      Madankollu, it-tieni nett, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 79 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-premessa 26 tad-Direttiva 2004/48 issemmi li l-“[i]spejjeż ta’ identifikazzjoni u riċerka”, ta’ spiss marbuta ma’ servizzi ta’ konsulent tekniku, imġarrba mid-detentur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali. Din il-premessa tagħmel riferiment dirett għall-każijiet ta’ “kontravvenzjoni kommessa mill-kontravventur li daħal f’attività b’mod konxju jew b’raġunijiet validi li suppost kien jaf”, u tirrigwarda għalhekk, b’mod partikolari, id-danni li għandhom jitħallsu fil-każ ta’ nuqqas ta’ min wettaq il-ksur. Issa, id-danni huma s-suġġett ta’ dispożizzjoni ta’ din id-direttiva, jiġifieri l-Artikolu 13(1) tagħha. Għalhekk l-“[i]spejjeż ta’ identifikazzjoni u riċerka”, imġarrba ta’ spiss fil-kors ta’ proċedura ġudizzjarja, ma jaqgħux neċessarjament fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva.

36      It-tielet nett, għandu jiġi kkonstatat li interpretazzjoni estensiva tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 fis-sens li dan jipprevedi li l-parti li titlef għandha tħallas, bħala regola ġenerali, l-“ispejjeż oħra” mġarrba mill-parti rebbieħa, mingħajr ma tippreċiża n-natura ta’ dawn l-ispejjeż, iġġib magħha r-riskju li tagħti lil dan l-artikolu kamp ta’ applikazzjoni eċċessiv, u b’hekk iċċaħħad lill-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva mill-effettività tiegħu. Għaldaqstant, dan il-kunċett għandu jiġi interpretat strettament u għandhom jitqiesu biss “spejjeż oħra” skont l-Artikolu 14, l-ispejjeż li huma direttament u strettament marbutin mal-proċedura ġudizzjarja kkonċernata.

37      Ir-raba’ nett, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 ma jinkludi l-ebda element li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw ir-rimbors ta’ “spejjeż oħra”, jew ta’ spejjeż legali inġenerali, fil-kuntest ta’ proċedura intiża sabiex tiżgura r-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, għal kriterju ta’ nuqqas tal-parti li titlef.

38      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-kwistjoni dwar jekk regola nazzjonali tistax tissuġġetta r-rimbors tal-ispejjeż ta’ konsulent tekniku għall-kundizzjoni li l-parti li titlef tkun wettqet nuqqas tiddependi fuq ir-rabta bejn dawn l-ispejjeż u l-proċedura ġudizzjarja kkonċernata, peress li spejjeż imsemmija jaqgħu, bħala “spejjeż oħra”, taħt l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48, jekk tali rabta tkun diretta u stretta.

39      Għalhekk, ma jidhirx li hemm tali rabta diretta u stretta tal-ispejjeż ta’ riċerka u identifikazzjoni mġarrba fil-kuntest ta’ attivitajiet intiżi, b’mod partikolari, għall-osservazzjoni ġenerali tas-suq imwettqa minn konsulent tekniku, u għall-identifikazzjoni minn dan tal-aħħar tal-possibbiltà ta’ ksur ta’ dritt tal-proprjetà intelletwali, imputabbli f’dan l-istadju lill-kontravventuri li ma humiex magħrufa. Mill-banda l-oħra, sa fejn servizzi ta’ konsulent tekniku, indipendentement min-natura tagħhom, ikunu indispensabbli sabiex titressaq kawża intiża li tiżgura r-rispett ta’ tali dritt, f’każ partikolari, l-ispejjeż marbutin mal-assistenza ta’ dan il-konsulent jaqgħu taħt “spejjeż oħra” u, skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48, għandhom jitħallsu mill-parti li titlef.

40      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regoli nazzjonali li ma jipprevedux ir-rimbors ta’ spejjeż ta’ konsulent tekniku ħlief fil-każ ta’ nuqqas imwettaq mill-parti li titlef, peress li dawn l-ispejjeż huma direttament u strettament marbutin ma’ azzjoni ġudizzjarja intiża li jiġi żgurat ir-rispett ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali.

 Fuq l-ispejjeż

41      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li l-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż imġarrba mill-parti rebbieħa, li toffri lill-qorti l-possibbiltà li tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tal-kawża quddiemha u li tipprovdi sistema ta’ tariffi fissi b’limitu massimu ta’ rimbors fir-rigward ta’ spejjeż għall-assistenza ta’ avukat, sakemm dawn it-tariffi jiżguraw li l-ispejjeż li għandhom jitħallsu mill-parti li titlef ikunu raġonevoli, fatt li għandu jiġu vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Madankollu, l-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi tariffi fissi li, minħabba li l-limiti massimi tagħhom ikunu wisq baxxi, ma jiżgurawx li, mill-inqas, parti sinjifikattiva u xierqa tal-ispejjeż raġonevoli mġarrba mill-parti rebbieħa jitħallsu mill-parti li titlef.

2)      L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regoli nazzjonali li ma jipprevedux ir-rimbors ta’ spejjeż ta’ konsulent tekniku ħlief fil-każ ta’ nuqqas imwettaq mill-parti li titlef, peress li dawn l-ispejjeż huma direttament u strettament marbutin ma’ azzjoni ġudizzjarja intiża li jiġi żgurat ir-rispett ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.