Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-28 ta’ Lulju 2016 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Hof van beroep te Antwerpen – Il-Belġju) – United Video Properties Inc. vs Telenet NV

(Kawża C-57/15)1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Drittijiet tal-proprjetà intellettwali – Direttiva 2004/48/KE– Artikolu 14 – Spejjeż legali – Spejjeż tal-avukat – Rimbors b’rata fissa – Ammonti massimi – Spejjeż ta’ konsulenza teknika – Rimbors – Kundizzjoni ta’ nuqqas imwettaq mill-parti li tilfet)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Hof van beroep te Antwerpen

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: United Video Properties Inc.

Konvenuti: Telenet NV

Dispożittiv

L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li l-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż imġarrba mill-parti rebbieħa, li toffri lill-qorti l-possibbiltà li tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tal-kawża quddiemha u li tipprovdi sistema ta’ tariffi fissi b’limitu massimu ta’ rimbors fir-rigward ta’ spejjeż għall-assistenza ta’ avukat, sakemm dawn it-tariffi jiżguraw li l-ispejjeż li għandhom jitħallsu mill-parti li titlef ikunu raġonevoli, fatt li għandu jiġu vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Madankollu, l-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi tariffi fissi li, minħabba li l-limiti massimi tagħhom ikunu wisq baxxi, ma jiżgurawx li, mill-inqas, parti sinjifikattiva u xierqa tal-ispejjeż raġonevoli mġarrba mill-parti rebbieħa jitħallsu mill-parti li titlef.

L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regoli nazzjonali li ma jipprevedux ir-rimbors ta’ spejjeż ta’ konsulent tekniku ħlief fil-każ ta’ nuqqas imwettaq mill-parti li titlef, peress li dawn l-ispejjeż huma direttament u strettament marbutin ma’ azzjoni ġudizzjarja intiża li jiġi żgurat ir-rispett ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali.

____________

1 ĠU C 138, 27.4.2015