Language of document : ECLI:EU:C:2016:611

Kawża C‑57/15

United Video Properties Inc.

vs

Telenet NV

(talba għal deċiżjoni preliminari

mressqa mill-hof van beroep te Antwerpen)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Drittijiet tal-proprjetà intellettwali –Direttiva 2004/48/KE – Artikolu 14 – Spejjeż legali – Spejjeż tal-avukat – Rimbors b’rata fissa – Ammonti massimi – Spejjeż ta’ konsulenza teknika – Rimbors – Kundizzjoni ta’ nuqqas imwettaq mill-parti li tilfet”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-28 ta’ Lulju 2016

1.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali – Direttiva 2004/48 – Spejjeż legali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tinkludi sistema ta’ tariffi fissi fil-qasam ta’ rimbors tal-ispejjeż tal-avukat – Ammissibbiltà – Kundizzjoni – Natura raġonevoli tal-ispejjeż – Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali – Assenza ta’ garanzija fir-rigward ir-rimbors ta’ parti sinjifikattiva u xierqa ta’ dawn l-ispejjeż mill-parti li tilfet – Inammissibbiltà

(Direttiva 2004/48 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, premessa 17, Artikoli 3(1) u (2), u 14)

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali – Direttiva 2004/48 – Spejjeż legali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix ir-rimbors tal-ispejjeż ta’ konsulent tekniku ħlief fil-każ ta’ nuqqas imwettaq mill-parti li tilfet – Inammissibbiltà

(Direttiva 2004/48 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, premessa 26, Artikoli 13(1), u 14)

1.        L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, li tipprevedi li l-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż imġarrba mill-parti rebbieħa, li toffri lill-qorti l-possibbiltà li tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tal-kawża quddiemha u li tipprovdi sistema ta’ tariffi fissi fil-qasam ta’ rimbors fir-rigward ta’ spejjeż għall-assistenza ta’ avukat, sakemm dawn it-tariffi jiżguraw li l-ispejjeż li għandhom jitħallsu mill-parti li titlef ikunu raġonevoli, fatt li għandu jiġu vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Inkunsiderazzjoni tal-premessa 17 u tal-Artikoli 3(1) u 14 ta’ din id-direttiva, tali leġiżlazzjoni tista’ tkun iġġustifikata, b’mod partikolari, jekk din hija intiża sabiex jiġi eskluż ir-rimbors ta’ spejjeż eċċessivi minħabba onorarji għoljin wisq miftiehma bejn il-parti rebbieħa u l-avukat tagħha, jew minħabba għoti ta’ servizzi mill-avukat li ma jkunux meħtieġa sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt tal-proprjetà intellettwali inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit li l-parti li titlef għandha tħallas l-ispejjeż legali raġonevoli ma jistax jiġġustifika leġiżlazzjoni li timponi tariffi fissi sostanzjalment inqas mit-tariffi medji effettivament applikati għas-servizzi ta’ avukat f’dan l-Istat Membru. Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni tkun irrikonċiljabbli mal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/48, li jiddisponi li l-proċeduri u r-rimedji previsti minn din id-direttiva għandhom ikunu dissważivi u tippreġudika l-għan ewlieni tad-Direttiva 2004/48, li huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern.

Madankollu, l-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi tariffi fissi li, minħabba li l-limiti massimi tagħhom ikunu wisq baxxi, ma jiżgurawx li, mill-inqas, parti sinjifikattiva u xierqa tal-ispejjeż raġonevoli mġarrba mill-parti rebbieħa jitħallsu mill-parti li titlef. Fil-fatt, din il-kwistjoni ma tistax tiġi evalwata indipendentement mill-ispejjeż li l-parti rebbieħa effettivament tkun ħallset għall-assistenza ta’ avukat, sakemm dawn ikunu raġonevoli. Għalkemm ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità ma jimplikax li l-parti li titlef għandha neċessarjament tħallas lura l-ispejjeż kollha mħallsa mill-parti l-oħra, dan jeżiġi madankollu li l-parti rebbieħa jkollha dritt għar-rimbors, mill-inqas, ta’ parti sinjifikattiva u xierqa tal-ispejjeż raġonevoli li effettivament ikunu tħallsu.

(ara l-punti 25-27, 29, 32 u d-dispożittiv 1)

2.        L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regoli nazzjonali li ma jipprevedux ir-rimbors ta’ spejjeż ta’ konsulent tekniku ħlief fil-każ ta’ nuqqas imwettaq mill-parti li titlef, peress li dawn l-ispejjeż huma direttament u strettament marbutin ma’ azzjoni ġudizzjarja intiża li jiġi żgurat ir-rispett ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali.

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, peress li l-ispejjeż ta’ riċerka u identifikazzjoni, ta’ spiss marbuta ma’ servizzi ta’ konsulent tekniku, imġarrba mid-detentur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, jirrigwardaw b’mod partikolari, id-danni li għandhom jitħallsu fil-każ ta’ nuqqas ta’ min wettaq il-ksur u li d-danni huma s-suġġett tal-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva, dawn l-ispejjeż, imġarrba ta’ spiss fil-kors ta’ proċedura ġudizzjarja, ma jaqgħux neċessarjament fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva.

It-tieni nett, interpretazzjoni estensiva tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 fis-sens li dan jipprevedi li l-parti li titlef għandha tħallas, bħala regola ġenerali, l-ispejjeż oħra mġarrba mill-parti rebbieħa, mingħajr ma tippreċiża n-natura ta’ dawn l-ispejjeż, iġġib magħha r-riskju li tagħti lil dan l-artikolu kamp ta’ applikazzjoni eċċessiv, u b’hekk iċċaħħad lill-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva mill-effettività tiegħu. Għaldaqstant, dan il-kunċett għandu jiġi interpretat strettament u għandhom jitqiesu biss spejjeż oħra, skont l-Artikolu 14, l-ispejjeż li huma direttament u strettament marbutin mal-proċedura ġudizzjarja kkonċernata.

It-tielet nett, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 ma jinkludi l-ebda element li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw ir-rimbors ta’ spejjeż oħra, jew ta’ spejjeż legali inġenerali, fil-kuntest ta’ proċedura intiża sabiex tiżgura r-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, għal kriterju ta’ nuqqas tal-parti li titlef.

F’dan il-kuntest, għandhom tali rabta diretta u stretta u, għaldaqstant, jitqiesu li huma spejjeż oħra li, skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48, għandhom jitħallsu mill-parti li titlef, dawk l-ispejjeż marbuta mal-assistenza ta’ konsulent tekniku, sa fejn is-servizzi tiegħu jkunu indispensabbli sabiex titressaq kawża intiża, f’każ partikolari, li tiżgura r-rispett ta’ dritt tal-proprjetà intelletwali.

(ara l-punti 35-37 u d-dispożittiv 2)