Language of document :

Rikors ippreżentat fl- 25 ta' Awwissu 2008 - Pannon Hőerőmű Zrt. vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-352/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ungeriż

Partijiet

Rikorrenti: Pannon Hőerőmű Energiatermelő, Kereskedelmi és Szolgáltató Zrt. (Pécs, l-Ungerija) (rappreżentanti: M. Kohlrusz, P. Simon u G.Ormai, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

prinċipalment, tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Ġunju 2008, dwar l-għajnuna mogħtija mill-Ungerija fil-kuntest tal-ftehim ta' bejgħ ta' elettriku għal żmien twil [C-41/2005 (ex NN 49/2005] (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata").

sussidjarjament, teżenta lir-rikorrenti mill-obbligu, impost fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-Ungerija, li tħallas lura l-għajnuna.

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti hija kumpannija b'responsabbiltà limitata magħluqa li l-attività prinċipali tagħha hija l-produzzjoni tal-enerġija elettrika. Qabel l-adeżjoni tal-Ungerija mal-Unjoni Europea, xi produttori tal-elettriku, bħala bejjiegħa, u MVM Trade Villamosenergia-kereskedelmi Zrt. (iktar 'il quqqiem, "MVM") bħala xerrejja, laħqu ftehim ta' xiri ta' elettriku għal żmien twil (iktar 'il quddiem il-"HTM"). Skont dan il-ftehim, MVM għandha l-obbligu li tixtri kwantità stabbilita ta' elettriku mingħand l-operaturi li jaħdmu fil-kuntest tal-HTM. Skont id-deċiżjoni kkontestata, dan l-obbligu ta' xiri jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li hija inkompatibbli mas-suq komuni, li għandha titħallas lura mill-benefiċjarji.

In sostenn tat-talba prinċipali tagħha, intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tallega essenzjalment li kien hemm difetti sostanzjali ta' forma, li ġew applikati regoli guridici b'mod żbaljat, u li jeżisti obbligu ta' ħarsien ta' interess ekonomiku ġenerali.

Fir-rigard tad-difetti sostanziali ta' forma, ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni ma eżaminatx kull wieħed mill-ftehim, iżda waslet għal din il-konklużjoni b'perspettiva ġenerali, fir-rigward tal-ftehim kollha. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni ż-żmien twil fis-seħħ tal-ftehim HTM, iżda biss mill-1 ta' Mejju 2004, jiġifieri, hija eżaminat il-perijodu bejn l-adeżjoni tal-Ungerija mal-Unjoni Europea u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tafferma li l-Kummissjoni eżaminat biss kif kien jaġixxi operatur ekonomku li kieku kien fil-pożizzjoni ta' MVM u ma analizzatx kif kien jaġixxi operatur ekonomiku li kieku kien fil-pożizzjoni ta' produttur tal-elettriku. Fir-raba' lok, hija tallega li l-Kummissjoni kkunsidrat b'mod żbaljat bħala "garanzija" l-mekkaniżu li jiġu stabbiliti l-prezzijiet adottat fil-kuntest tal-HTM. Fil-ħames u l-aħħar lok hija tallega li, fir-rigward tal-effetti ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni għamlet biss affermazzjonijiet ta' natura ġenerali u ma eżaminatx iċ-ċirkustanzi veri.

Ir-rikorrenti tallega motiv relatat mal-applikazzjoni żbaljata tar-regola f'din il-kawża, fuq il-bażi li l-motiv ġuridiku bbażat fuq l-eżistenza ta' difetti sostanzjiali jirriżulta infondat. Skond ir-rikorrenti, fil-każ tal-FTM konklużi minnha, mhumiex sodisfatti r-rekwiżiti sabiex jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat. Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni wettqet żball meta affermat li l-kriterju ta' investitur privat huwa sodisfatt, peress li s-sitwazzjoni ta' MVM ma tistax titqabbel ma' dik tal-investitur tipiku privat. Fit-tieni lok, lanqas ma tista' tiġi affermata n-natura selettiva tal-miżura, peress li l-konklużjoni tal-HTM tfisser obbligu legali speċifiku. Fit-tielet lok, il-vantaġġ ma kienx japplika għal fondi pubbliċi, peress li MVM hija kumpannija b'attività kummerċjali li topera f'kundizzjonijiet ta' ekonomija tas-suq. Fir-raba' lok, ma jinħoloqx l-effett ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni, peress li ma jistax jingħad li l-HTM jipproduċu effetti fuq il-kompetizzjoni.

Fil-każ li l-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra, minkejja dan, li huma sodisfatti r-rekwiżiti tal-għajnuna mill-Istat, ir-rikorrenti tafferma li s-servizz mogħti minnha għandu n-natura ta' servizz ta' interess ekonomiku ġenerali, u għalhek l-HTM konklużi mir-rikorrenti ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat li hija inkompatibbli mas-suq komuni.

Insostenn tat-talba sostnuta sussidjarjament fir-rikors tagħha, intiża sabiex tiġi eżentata mill-obbligu ta' rifużjoni, ir-rikorrenti tinvoka l-prinċipji ta' proporzionalità, ta' protezzjoni tal-aspettativi leġittimi u taċ-ċertezza legali, kif ukoll id-drittijiet tad-difiża.

____________