Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour du travail de Bruxelles (il-Belġju) fit-30 ta' Jannar 2012 - Onafts - Office national d'allocations familiales pour travailleurs salaries vs Radia Hadj Ahmed

(Kawża C-45/12)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour du travail de Bruxelles

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Onafts - Office national d'allocations familiales pour travailleurs salariés

Konvenuta: Radia Hadj Ahmed

Domandi preliminari

F'ċirkustanzi fejn ċittadina ta' Stat terz (f'din il-kawża, ta' nazzjonalità Alġerina) rċeviet, inqas minn 5 snin ilu, dritt ta' residenza fi Stat Membru (f'din il-kawża, il-Belġju) sabiex tingħaqad, barra ż-żwieġ jew sħubija rreġistrata, ma' ċittadin ta' Stat Membru ieħor (f'din il-kawża, ċittadin Franċiż), li minnu kellha wild (ta' nazzjonalità Franċiża), din iċ-ċittadina taqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni ratione personae tar-Regolament 1408/71 2 bħala membru tal-familja ta' ħaddiem ċittadin ta' Stat Membru, għall-għoti, bħala benefiċjarja, ta' benefiċċji tal-familja favur wild ieħor ċittadin ta' pajjiż terz (f'din il-kawża, ta' nazzjonalità Alġerina) għalkemm il-koabitazzjoni tagħha mal-missier tal-wild ta' nazzjonalità Franċiża sadanittant intemmet?

F'każ ta' risposta negattiva għall-ewwel domanda, fiċ-ċirkustanzi deskritti fl-ewwel domanda, u minħabba l-preżenza fid-dar tagħha tal-wild ta' nazzjonalità Franċiża, din iċ-ċittadina ta' Stat terz, jew il-wild tagħha ċittadin ta' Stat terz, jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni ratione personae tar-Regolament 1408/71 bħala membru tal-familja ta' ħaddiem ċittadin ta' Stat Membru, għall-għoti ta' benefiċċji tal-familja għall-wild ta' nazzjonalità Alġerina?

F'każ ta' risposta negattiva għad-domandi preċedenti, fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-ewwel domanda, din iċ-ċittadina ta' Stat terz tibbenefika, skont l-Artikoli 13(2) u 14 tad-Direttiva 2004/38 , moqrija flimkien mal-Artikolu 12 KE (issa 18 tat-TFUE), mill-istess trattament legali bħaċ-ċittadini sakemm id-dritt ta' residenza ma jkunx ġiet irtirat għaliha, b'tali mod li huwa eskluż li l-Istat Belġjan jimponilha kundizzjoni ta' tul ta' residenza għall-għoti ta' benefiċċji tal-familja garantiti filwaqt li din il-kundizzjoni ma tkunx rikjesta għall-benefiċjarji nazzjonali?

F'każ ta' risposta negattiva għad-domandi preċedenti, fiċ-ċirkustanzi deskritti fl-ewwel domanda, u bħala omm ta' ċittadin tal-UE, din iċ-ċittadina ta' pajjiż terz hija, skont l-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE dwar il-prinċipju ta' trattament ugwali b'tali mod li huwa eskluż li l-Istat Belġjan jimponilha kundizzjoni ta' tul ta' residenza għall-għoti ta' benefiċċji tal-familja mogħtija għal wild ieħor tagħha, ċittadin ta' pajjiż terz, filwaqt li t-tul tar-residenza ma huwiex rikest għal wild ta' nazzjonalità tal-UE?

____________

1 - Regolament (KEE) tal-Kunsill Nru 1408/71, tal-14 ta' Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati [għall-ħaddiema mhux impjegati] u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35).

2 - Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta' April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).