Language of document : ECLI:EU:C:2013:390

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

13 ta’ Ġunju 2013 (*)

“Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae — Għoti ta’ benefiċċji tal-familja lil ċittadin ta’ Stat terz li jkun jibbenefika minn dritt ta’ residenza fi Stat Membru — Regolament (KE) Nru 859/2003 — Direttiva 2004/38/KE — Regolament (KEE) Nru 1612/68 — Kundizzjoni ta’ tul ta’ residenza”

Fil-Kawża C‑45/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-cour du travail de Brussell (Il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Jannar 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Jannar 2012, fil-proċedura

Office national d’allocations familiales pour travailleurs salariés (ONAFTS)

vs

Radia Hadj Ahmed,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský, U. Lõhmus, M. Safjan u A. Prechal (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Frar 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Hadj Ahmed, minn I. de Viron u M. Hernandez Dispaux, avukati,

–        għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet u T. Materne, bħala aġenti, assistiti minn J. Vanden Eynde, avukat,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Van Hoof u V. Kreuschitz, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1992/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35, iktar ʼil quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”), tal-Artikoli 13(2) u 14 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46), moqrija flimkien mal-Artikolu 18 TFUE, kif ukoll tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ʼil quddiem il-“Karta”).

2        Dik it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Office national d’allocations familiales pour travailleurs salariés (ONAFTS) u R. Hadj Ahmed, dwar l-għoti ta’ benefiċċji tal-familja garantiti.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15), li tħassar bid-Direttiva 2004/38 kien jipprovdi li:

“1.      Dawn li ġejjin għandhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħhom, ikollhom id-dritt li jinstallaw ruħhom ma’ ħaddiem li hu ċittadin ta’ Stat Membru wieħed u li hu mpjegat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor:

a)      il-mara tiegħu u d-dixxendenti tagħhom li huma taħt l-età ta’ 21 sena jew huma dipendenti;

[...]”

4        L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, li tħassar bir-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2011, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 141, p. 1), li l-kliem tiegħu ġie riprodott fl-Artikolu 10 ta’ dan l-aħħar regolament, kien jipprevedi fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“It-tfal ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li hu jew kien impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandhom ikunu ammessi għall-korsijiet edukattivi ġenerali, ta’ apprendistat u professjonali ta’ dak l-Istat taħt l-istess kondizzjonijiet bħal ċittadini ta’ dak l-Istat, jekk dawn it-tfal ikunu qegħdin jgħixu fit-territorju tiegħu.”

5        L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Definizzjonijiet” jipprovdi:

“Għall-iskop ta’ dan ir-Regolament:

[...]

f)      i)     membru tal-familja tfisser kwalunkwe persuna definita jew magħrufa bħala membru tal-familja jew iddisinjat bħala membru ta’ dar bil-leġislazzjoni taħt liema benefiċċji huma pprovduti [...]; fejn, madanakollu, l-imsemmija leġislazzjonijiet iqisu bħala membru ta’ familja jew membru ta’ dar biss persuna li tgħix taħt l-istess saqaf tal-persuna impjegata jew li taħdem għal rasha jew student, din il-kondizzjoni tkun ikkunsidrata sodisfatta jekk il-persuna inkwestjoni tkun prinċipalment dipendenti fuq dik il-persuna. [...]

[...]”

6        L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Persuni koperti”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għall-persuni impjegati [...] kif ukoll il-membri tal-familji tagħhom [...]”.

7        L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 859/2003, tal-14 ta’ Mejju 2003, li jestendi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u r-Regolament (KEE) Nru 574/72 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b’dawk id-dispożizzjonijiet unikament minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 317) jipprovdi:

“[...] [I]d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 [...] għandhom japplikaw għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li m’humiex diġà koperti b’dawk id-dispożizzjonijiet unikament fuq il-bażi taċ-ċittadinanza tagħhom, kif ukoll għall-membri tal-familji tagħhom u s-superstiti tagħhom, sakemm ikunu jirrisjedu legalment fit-territorju ta’ Stat Membru u huma f’sitwazzjoni li mhix konfinata fl-aspetti kollha ġewwa Stat Membru wieħed.”

8        L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Żamma tad-dritt ta’ residenza mill-membri ta’ familja f’każ ta’ divorzju, ta’ annullament ta’ żwieġ, jew ta’ tmiem ta’ unjoni reġistrata”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li, b’riżerva għal ċerti kundizzjonijiet, id-divorzju, l-annullament ta’ żwieġ jew it-tmiem ta’ unjoni reġistrata ma jwassalx għat-telf tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma jkollhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru.

9        L-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, intitolat “Żamma tad-dritt ta’ residenza”, jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu:

Ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt ta’ residenza kif previst fl-[Artikolu] 13 sakemm jaderixxu mal-kondizzjonijiet stabbiliti [f’dak l-artikolu].”

[...]”

 Id-dritt Belġjan

10      L-Artikolu 1 tal-liġi tal-20 ta’ Lulju 1971 li tistabbilixxi l-benefiċċji tal-familja garantiti (Moniteur belge tas-7 ta’ Awwissu 1971, p. 9302, iktar ʼil quddiem il-“liġi li tistabbilixxi benefiċċji tal-familja garantiti”), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali kien jipprovdi:

“[...] [I]l-benefiċċji tal-familja għandhom jingħataw, fil-kundizzjonijiet stabbiliti minn jew bis-saħħa ta’ din il-liġi, favur il-minuri li jkun esklużivament jew prinċipalment taħt il-kura u l-kustodja ta’ persuna fiżika residenti fil-Belġju.

[...]

Il-persuna fiżika msemmija fil-paragrafu għandha tkun irrisjediet effettivament fil-Belġju b’mod mhux interrott matul il-perijodu tal-aħħar ħames snin ta’ qabel il-preżentazzjoni tat-talba għal benefiċċji tal-familja garantiti.

Dawn li ġejjin huma eżentati minn dik il-kundizzjoni:

1°      il-persuna li taqaʼ taħt l-applikazzjoni tar-[Regolament Nru 1408/71];

2°      il-persuna li ma tkun ċittadina tal-ebda Stat;

3°      ir-refuġjat fis-sens tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 dwar l-aċċess għat-territorju, ir-residenza, l-istabbiliment u t-tkeċċija tal-istranġieri [Moniteur belge tal-31 ta’ Diċembru 1980, p. 14584, iktar ʼil quddiem il-‘liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980’)];

4°      il-persuna li ma hijiex indirizzata mill-inċiż 1 li tkun ċittadina ta’ Stat li rrattifika il-Karta soċjali Ewropea jew il-Karta soċjali Ewropea riveduta.

Jekk il-persuna fiżika msemmija fil-paragrafu 1 tkun stranġiera, hija għandha tiġi ammessa jew awtorizzata tirrisjedi fil-Belġju jew li tinstalla ruħha hemm, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-[liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980] [...]”.

11      Matul il-perijodu kkonċernat mill-kawża inkwistjoni, il-liġi tat-30 ta’ Diċembru 2009 li tikkonċerna dispożizzjonijiet differenti (Moniteur belge tal-31 ta’ Diċembru 2009, p. 82925) estendiet l-eżenzjoni mill-kundizzjoni ta’ residenza ta’ ħames snin billi żiedet fl-Artikolu 1(6) tal-liġi li tistabbilixxi l-benefiċċji tal-familja garantiti, punt 5, li huwa redatt kif ġej:

“il-persuna li titlob il-benefiċċji tal-familja garantiti favur minuri:

a)      ċittadina ta’ Stat li għaliha japplika ir-[Regolament Nru 1408/71] jew, fin-nuqqas, ċittadina ta’ Stat li rratifika l-Karta soċjali Ewropea jew il-Karta soċjali Ewropea (riveduta);

b)      jew persuna li ma hija ċittadina tal-ebda Stat jew refuġjata fis-sens tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 [...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12      R. Hadj Ahmed, ċittadina Alġerina, hija inkluża fil-Belġju fir-reġistru tal-popolazzjoni sa mit-18 ta’ Jannar 2006 u hija titolari ta’ permess li jawtorizzaha, sa minn dik id-data, li tirrisjedi fit-territorju Belġjan. Hija kisbet dan il-permess ta’ residenza minħabba l-fatt li kienet ingħaqdet, fil-Belġju, ma’ sieħeb ta’ nazzjonalità Franċiża. R. Hadj Ahmed u dan tal-aħħar għandhom wild, ukoll ta’ nazzjonalità Franċiża, li twieled fit-18 ta’ Diċembru 2003. Matul is-sena 2006, wara li kisbet l-imsemmi permess ta’ residenza, il-konvenuta fil-kawża prinċipali daħħlet fil-Belġju it-tifla tagħha, ta’ nazzjonalità Alġerina, li twieldet fit-28 ta’ Jannar 1993.

13      Waqt li kienet tgħix mas-sieħeb tagħha, R. Hadj Ahmed, li qatt ma kellha l-istatus ta’ ħaddiem fil-Belġju, setgħet tibbenefika mill-benefiċċji tal-familja bir-rata ordinarja għaż-żewġt itfal tagħha, abbażi tal-perijodi ta’ xogħol imwettqa fil-Belġju mis-sieħeb tagħha.

14      R. Hadj Ahmed u s-sieħeb tagħha sseparaw matul ix-xahar ta’ Ġunju 2007. Sa mill-15 ta’ Mejju 2007, il-persuna kkonċernata, li ma hijiex mantnuta mis-sieħeb preċedenti tagħha, tiddependi fuq l-għajnuna soċjali.

15      Mill-1 ta’ Ottubru 2007, R. Hadj Ahmed ma baqgħetx tirċievi l-benefiċċji tal-familja għat-tifla tagħha, filwaqt li baqgħet tibbenefika minnhom għall-wild l-ieħor tagħha. Tressqet talba quddiem l-ONAFTS intiża sabiex min dik l-istess data, jingħataw il-benefiċċji tal-familja garantiti għal dik it-tifla. Fis-7 ta’ April 2008, dik l-entità ċaħdet l-imsemmija talba peress li l-persuna kkonċernata ma kinitx tissodisfa l-kundizzjoni ta’ residenza ta’ ħames snin, prevista fl-Artikolu 1 tal-liġi li tistabbilixxi l-benefiċċji tal-familja garantiti.

16      Permezz ta’ rikors tat-3 ta’ Lulju 2008, R. Hadj Ahmed ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut tal-ONAFTS quddiem it-tribunal du travail de Bruxelles, billi pprevalixxiet ruħha mill-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71. Fl-istess ħin u fuq stedina tal-ONAFTS, hija ppreżentat quddiem l-awtoritajiet kompetenti talba għal deroga għall-kundizzjoni tat-tul ta’ residenza fil-Belġju. Wara dik il-proċedura, R. Hadj Ahmed kisbet il-benefiċċji tal-familja garantiti għat-tifla tagħha, wara erbaʼ snin ta’ residenza, jiġifieri mit-18 ta’ Jannar 2010. Konsegwentement, il-perijodu li għalih huma mitluba dawk il-benefiċċji fil-kuntest tal-kawża prinċipali huwa dak ta’ bejn l-1 ta’ Ottubru 2007 u t-18 ta’ Jannar 2010.

17      Permezz ta’ sentenza tat-23 ta’ Awwissu 2010, it-tribunal du travail de Bruxelles laqa’ r-rikors ippreżentat minn R. Hadj Ahmed. Waqt li għamlet riferiment għas-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Trojani (C-456/02, Ġabra p. I-7573), dik il-qorti kkunsidrat li, peress li l-persuna kkonċernata kienet ġiet awtorizzata li tinstalla ruħha fil-Belġju bħala membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, hija kienet assimilata ma’ tali ċittadin u kellha d-dritt għall-istess trattament bħal dak irriżervat għaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.

18      L-ONAFTS appella minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Fl-opinjoni tal-ONAFTS, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-konvenuta fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71. Huwa jesprimi dubji dwar jekk jistax jiġi inferut mid-Direttiva 2004/38 li persuna li ma għandhiex il-kwalità ta’ ċittadina tal-Unjoni hija assimilata għal ċittadin tal-Unjoni meta hija tingħaqad ma’ persuna li jkollha tali kwalità. L-ONAFTS isostni wkoll li s-sentenza Trojani, iċċitata iktar ʼil fuq, tindirizza sitwazzjoni li kienet relatata ma’ ċittadin tal-Unjoni u benefiċċju tas-sigurtà soċjali, li huwa każ differenti minn dak tal-konvenuta fil-kawża prinċipali.

19      Il-qorti tar-rinviju tikkunsdira li R. Hadj Ahmed għandha interess li tipprevalixxi ruħha mill-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71, bil-għan li tiġi skartata l-kundizzjoni ta’ residenza ta’ ħames snin prevista fl-Artikolu 1 tal-liġi li tistabbilixxi l-benefiċċji tal-familja garantiti.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-cour d’appel de Bruxelles iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      F’ċirkustanzi fejn ċittadina ta’ Stat terz (f’din il-kawża, ta’ nazzjonalità Alġerina) rċeviet, inqas minn 5 snin ilu, dritt ta’ residenza fi Stat Membru (f’din il-kawża, il-Belġju) sabiex tingħaqad, barra ż-żwieġ jew sħubija rreġistrata, ma’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor (f’din il-kawża, ċittadin Franċiż), li minnu kellha wild (ta’ nazzjonalità Franċiża), din iċ-ċittadina taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament [Nru] 1408/71 bħala membru tal-familja ta’ ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru, għall-għoti, bħala benefiċjarja, ta’ benefiċċji tal-familja favur wild ieħor ċittadin ta’ pajjiż terz (f’din il-kawża, ta’ nazzjonalità Alġerina) għalkemm il-koabitazzjoni tagħha mal-missier tal-wild ta’ nazzjonalità Franċiża sadanittant intemmet?

2)      F’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, fiċ-ċirkustanzi deskritti fl-ewwel domanda, u minħabba l-preżenza fid-dar tagħha tal-wild ta’ nazzjonalità Franċiża, din iċ-ċittadina ta’ Stat terz, jew il-wild tagħha ċittadin ta’ Stat terz, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament [Nru] 1408/71 bħala membru tal-familja ta’ ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru, għall-għoti ta’ benefiċċji tal-familja għall-wild ta’ nazzjonalità Alġerina?

3)      F’każ ta’ risposta negattiva għad-domandi preċedenti, fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-ewwel domanda, din iċ-ċittadina ta’ Stat terz tibbenefika, skont l-Artikoli 13(2) u 14 tad-Direttiva 2004/38 [...], moqrija flimkien mal-Artikolu 12 KE (issa [l-Artikolu] 18 [...] TFUE), mill-istess trattament legali bħaċ-ċittadini sakemm id-dritt ta’ residenza ma jkunx ġiet irtirat għaliha, b’tali mod li huwa eskluż li l-Istat Belġjan jimponilha kundizzjoni ta’ tul ta’ residenza għall-għoti ta’ benefiċċji tal-familja garantiti filwaqt li din il-kundizzjoni ma tkunx rikjesta għall-benefiċjarji nazzjonali?

4)      F’każ ta’ risposta negattiva għad-domandi preċedenti, fiċ-ċirkustanzi deskritti fl-ewwel domanda, u bħala omm ta’ ċittadin tal-[Unjoni], din iċ-ċittadina ta’ pajjiż terz hija, skont l-Artikoli 20 u 21 tal-[Karta] dwar il-prinċipju ta’ trattament ugwali b’tali mod li huwa eskluż li l-Istat Belġjan jimponilha kundizzjoni ta’ tul ta’ residenza għall-għoti ta’ benefiċċji tal-familja mogħtija għal wild ieħor tagħha, ċittadin ta’ pajjiż terz, filwaqt li t-tul tar-residenza ma huwiex rikest għal wild [li jkun ta’ nazzjonalità ta’ Stat Membru]?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

21      Permezz tal-ewwel żewġ domandi tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament Nru 1408/71 għandux jiġi interpretat fis-sens li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu ċittadina ta’ Stat terz (iktar ʼil quddiem l-“omm”) jew it-tifla tagħha, li hija wkoll ċittadina ta’ Stat terz (iktar ʼil quddiem it-“tifla”), meta dawn jinsabu fis-sitwazzjoni segwenti:

–        l-omm kisbet, f’inqas minn ħames snin ilu, permess ta’ residenza fi Stat Membru sabiex tingħaqad, barra ż-żwieġ jew sħubija rreġistrata, ma’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor (iktar ʼil quddiem iċ-“ċittadin ta’ Stat Membru ieħor”), li minnu għandha wild ċittadin ta’ dan l-aħħar Stat Membru (iktar ʼil quddiem il-“wild komuni”);

–        huwa biss iċ-ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li għandu l-istatus ta’ ħaddiem;

–        il-koabitazzjoni bejn l-omm u ċ-ċittadin ta’ Stat Membru ieħor fil-frattemp spiċċat; u

–        it-tifla u l-wild komuni jgħixu flimkien mal-omm.

22      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-kunċett ta’ “membru tal-familja” ta’ ħaddiem, fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71, huwa ddefinit fl-Artikolu 1(f)(i) tal-imsemmi regolament bħala li jinkludi “kwalunkwe persuna definita jew magħrufa bħala membru tal-familja jew iddisinjat bħala membru ta’ dar bil-leġislazzjoni taħt liema benefiċċji huma pprovduti [...]; fejn, madanakollu, l-imsemmija leġislazzjonijiet iqisu bħala membru ta’ familja jew membru ta’ dar biss persuna li tgħix taħt l-istess saqaf tal-persuna impjegata jew li taħdem għal rasha [...], din il-kondizzjoni tkun ikkunsidrata sodisfatta jekk il-persuna inkwestjoni tkun prinċipalment dipendenti fuq dik il-persuna”.

23      Għaldaqstant, fl-ewwel lok, din id-dispożizzjoni tirreferi speċifikament għal-leġiżlazzjoni nazzjonali billi tindika bħala “membru tal-familja” “kwalunkwe persuna definita jew magħrufa bħala membru tal-familja jew iddisinjat bħala membru ta’ dar bil-leġislazzjoni taħt liema benefiċċji huma pprovduti” (sentenza tas-26 ta’ Novembru 2009, Slanina, C‑363/08, Ġabra p. I‑11111, punt 25).

24      Fit-tieni lok, l-Artikolu 1(f)(i) tar-Regolament Nru 1408/71 jinkludi l-proviso li, “fejn, madanakollu, l-imsemmija leġislazzjonijiet [nazzjonali] iqisu bħala membru ta’ familja jew membru ta’ dar biss persuna li tgħix taħt l-istess saqaf tal-persuna impjegata jew li taħdem għal rasha [...], din il-kondizzjoni tkun ikkunsidrata sodisfatta jekk il-persuna inkwestjoni tkun prinċipalment dipendenti fuq dik il-persuna [...]” (sentenza Slanina, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 26).

25      Għalhekk, il-kundizzjoni imposta fl-Artikolu 1(f)(i) tar-Regolament Nru 1408/71 tkun sodisfatta, kif ġustament jirrileva l-Gvern Ċek u l-Kummissjoni Ewropea, jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, l-omm jew it-tifla jkunu jistgħu jiġu kkunsidrati, fis-sens tal-liġi nazzjonali għall-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar, bħala “membri tal-familja” taċ-ċittadin ta’ Stat Membru ieħor u, fin-negattiv, jekk huma jistgħu jiġu kkunsidrati bħala “prinċipalment dipendenti” fuq dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Slanina, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 27).

26      Anki jekk il-proċess li jkun għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jkun jinkludi indizji li juru li dik il-kundizzjoni ma hijiex sodisfatta fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan il-fatt.

27      Għall-kuntrarju, kif ġustament isostni l-Gvern Belġjan, mill-Artikolu 1(f)(i) tar-Regolament Nru 1408/71, kif interpretat fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li s-sempliċi ċirkustanza li l-wild komuni huwa membru tad-dar tal-omm ma hijiex rilevanti, bħala tali, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-omm jew tal-wild bħala “membru tal-familja”, fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni, taċ-ċittadin ta’ Stat Membru ieħor.

28      Fir-rigward tal-applikazzjoni eventwali tar-Regolament Nru 859/2003, li tagħmel riferiment għalih ukoll il-qorti tar-rinviju, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament, dan tal-aħħar jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 1408/71 għal ċittadini ta’ Stati terzi sa fejn dawn tal-aħħar ma jkunux jaqgħu diġà taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ dan l-aħħar regolament sempliċiment minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom.

29      Issa, l-eventwali nuqqas ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 fil-konfront tal-omm jew tat-tifla ma jiddependix fuq iċ-ċittadinanza ta’ dan tal-aħħar, iżda fuq il-fatt li huma ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala membri tal-familja, fis-sens tal-Artikolu 1(f)(i) ta’ dan ir-regolament, taċ-ċittadin ta’ Stat Membru ieħor.

30      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 859/2003, ċittadin ta’ Stat terz għandu jissodisfa żewġ kundizzjonijiet sabiex id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 ikunu applikabbli għalih kif ukoll għall-membri tal-familja tiegħu. Għalhekk, dan iċ-ċittadin għandu, minn naħa, jirrisjedi legalment fi Stat Membru u, min-naħa l-oħra, li ma jkunx jinsab f’sitwazzjoni li hija marbuta fl-aspetti kollha tagħha ma’ Stat Membru wieħed. Dan ikun il-każ partikolarment meta s-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat terz tkun ikkaratterizzata minn rabtiet unikament ma’ Stat terz u Stat Membru wieħed (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2010, Xhymshiti, C‑247/09, Ġabra p. I‑11845, punt 28).

31      Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-informazzjoni inkluża fid-deċiżjoni tar-rinviju, kemm l-omm kif ukoll it-tifla, matul il-perijodu rilevanti għall-finijiet tal-kawża prinċipali, kien jirrisjedu legalment fil-Belġju.

32      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, is-sitwazzjoni tal-omm u dik tat-tifla kienu jippreżentaw, kif jirriżulta mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, rabtiet unikament ma’ Stat terz u Stat Membru wieħed, jiġifieri mar-Repubblika Alġerina demokratika u popolari u mar-Renju tal-Belġju.

33      F’dawk il-kundizzjonijiet, ma jistax jiġi kkunsidrat li r-Regolament Nru 859/2003 jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 għall-persuni bħall-omm jew it-tifla.

34      Konsegwentement, jeħtieġ li tingħata risposta għall-ewwel u t-tieni domanda li r-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-omm u t-tifla, peress li huma jinsabu fis-sitwazzjoni msemmija fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ dak ir-regolament, sakemm ma jkunux jistgħu jiġu kkunsidrati, fis-sens tal-liġi nazzjonali u għall-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar, bħala “membri tal-familja” taċ-ċittadin ta’ Stat Membru ieħor jew, jekk fin-negattiv, jekk huma jkunu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala “prinċipalment dipendenti” fuq dan tal-aħħar.

 Fuq it-tielet domanda

35      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 13(2) u 14 tad-Direttiva 2004/38, moqrija flimkien mal-Artikolu 18 TFUE, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li permezz tagħha dan tal-aħħar jimponi fuq l-omm, peress li din tinsab fis-sitwazzjoni msemmija fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, kundizzjoni ta’ tul ta’ residenza ta’ ħames snin għall-għoti tal-benefiċċji tal-familja garantiti, filwaqt li ma jimponihiex fuq iċ-ċittadini tiegħu.

36      F’dak ir-rigward, kif jirrilevaw ġustament il-Gvern Belġjan, il-Gvern Ċek u l-Kummissjoni, mill-kliem tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li d-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma jkunux ċittadini ta’ Stat Membru ma jibqax validu, skont dik id-dispożizzjoni u taħt ċerti kundizzjonijiet, limitatament fil-każ ta’ divorzju, ta’ annullament ta’ żwieġ jew ta’ tmiem ta’ unjoni rreġistrata.

37      Issa, kif jikkonferma l-kliem ta’ dik l-istess l-ewwel domanda, iċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jirrilevawx l-eżistenza ta’ żwieġ jew ta’ unjoni rreġistrata bejn l-omm u ċ-ċittadin ta’ Stat Membru ieħor. F’dawk il-kundizzjonijiet, din tal-aħħar ma tistax tinvoka dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, u lanqas skont l-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, li, fil-paragrafu 2 tiegħu, sempliċiment ifakkar il-ħtieġa għall-persuni kkonċernati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti, partikolarment, fl-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva sabiex tkun tista’ tibbenefika miż-żamma tad-dritt ta’ residenza.

38      It-teħid inkunsiderazzjoni tal-Artikolu 18 TFUE, li tagħmel riferiment għalih il-qorti tar-rinviju fit-tielet domanda tagħha, ma jistax jikkontesta din il-konklużjoni.

39      Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li persuna bħall-konvenuta fil-kawża prinċipali kellha, matul il-perijodu rilevanti fil-kawża prinċipali, titolu li jawtorizzaha tirrisjedi fil-Belġju ma għandhiex bħala konsegwenza li hija tibda tibbenefika, skont l-Artikolu 18 TFUE, mill-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza.

40      Ċertament, fil-punt 46 tas-sentenza tagħha Trojani, iċċitata iktar ʼil fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment ddeċidiet li, ġaladarba ċittadin tal-Unjoni jkollu karta ta’ residenza fi Stat Membru, huwa jista’ jipprevalixxi ruħu mill-Artikolu 18 TFUE bil-għan li jingħata l-benefiċċju soċjali, taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.

41      Madankollu, dik l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18 TFUE, li l-kuntest tagħha huwa dak taċ-ċittadinanza tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2005, Bidar, C‑209/03, Ġabra p. I‑2119, punti 37 u 39), ma tistax tiġi trasposta, bħala tali, għal sitwazzjoni li fiha ċittadin ta’ Stat terz ikollu karta ta’ residenza fi Stat Membru.

42      Ladarba intqal dan kollu, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, għandha tkun il-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposta utli lill-qorti nazzjonali sabiex din tkun tista’ tiddeċiedi l-kawża li għandha quddiemha. Konsegwentement anki jekk, formalment, il-qorti tar-rinviju llimitat it-tielet domanda tagħha għall-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/88, tali ċirkustanza ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, kemm jekk din il-qorti tkun irreferiet għalihom fid-domandi tagħha kif ukoll jekk ma tkunx għamlet dan. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeduċi mill-elementi kollha prodotti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tal-imsemmi dritt li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Fuß, C‑243/09, Ġabra p. I‑9849, punti 39 u 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43      Issa, il-Kummissjoni ssostni li l-omm tista’ tinvoka, bil-għan li tevita li tiġi imposta fuqha kundizzjoni ta’ tul ta’ residenza ta’ ħames snin għall-għoti ta’ benefiċċji tal-familja garantiti, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza, billi tibbaża ruħha fuq id-dritt ta’ residenza li jirriżulta mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68.

44      F’dak ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-għan tar-Regolament Nru 1612/68, jiġifieri l-moviment liberu tal-ħaddiema, jeżiġi, sabiex dan tal-aħħar jiġi żgurat bl-osservanza tal-libertà u tad-dinjità, kundizzjonijiet ottimali ta’ integrazzjoni tal-familja ta’ ħaddiem migranti fi ħdan l-Istat Membru ospitanti (ara s-sentenzi tat-13 ta’ Novembru 1990, di Leo, C‑308/89, Ġabra p. I‑4185, punt 13, kif ukoll tas-17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R, C‑413/99, Ġabra p. I‑7091, punt 50).

45      Sabiex tali integrazzjoni tkun tista’ tirnexxi, huwa indispensabbli li l-wild ta’ ħaddiem migranti jkollu l-possibbiltà li jingħata l-edukazzjoni u li jkompli l-istudji tiegħu fl-Istat Membru ospitanti, kif previst b’mod espliċitu u mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, bil-għan li jikkompletahom b’suċċess (sentenzi tal-15 ta’ Marzu 1989, Echternach u Moritz, 389/87 u 390/87, Ġabra p. 723, punt 21, kif ukoll Baumbast u R, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 51).

46      Skont il-ġurisprudenza, dan id-dritt ta’ aċċess għall-edukazzjoni jimplika dritt ta’ residenza tal-wild tal-ħaddiem migrant jew ta’ ex ħaddiem migrant, meta dan il-wild jixtieq isegwi xi studji fl-Istat Membru ospitanti, kif ukoll dritt ta’ residenza korrispondenti favur il-ġenitur li jkollu effettivament il-kustodja ta’ dan il-wild (ara s-sentenza tat-23 ta’ Frar 2010, Teixeira, C‑480/08, Ġabra p. I‑1107, punti 36 u 53).

47      Skont il-Kummissjoni, kemm it-tifla kif ukoll il-wild komuni u, konsegwentement, anki l-omm, peress li din tal-aħħar għandha l-kustodja effettiva ta’ uliedha, għandhom jibbenefikaw minn tali dritt ta’ residenza bbażat fuq l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68.

48      Madankollu, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tistax tiġi adottata dik l-interpretazzjoni fil-konfront tat-tifla.

49      Fil-fatt, minn naħa, huwa stabbilit li t-tifla ma hijiex il-wild taċ-ċittadin ta’ Stat Membru ieħor. Għaldaqstant, fil-konfront ta’ din il-persuna, hija ma għandhiex il-kwalità ta’ wild ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li jaħdem jew li kien jaħdem fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, fis-sens tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68.

50      Min-naħa l-oħra, huwa ċertament veru, kif issostni l-Kummissjoni, li d-dritt ta’ stabbiliment mal-ħaddiem migrant, li minnu jibbenefikaw, skont l-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 1612/68 “il-mara tiegħu u d-dixxendenti tagħhom li huma taħt l-età ta’ 21 sena jew huma dipendenti”, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ta’ benefiċċju kemm fir-rigward tad-dixxendenti ta’ dak il-ħaddiem kif ukoll għall-konjuġi tiegħu (sentenza Baumbast u R, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 57).

51      Madankollu, f’dak ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-omm ma hijiex il-konjuġi ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, u li qatt ma kienet, u li s-sieħba fil-kuntest ta’ sempliċi koabitazzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala “l-mara”, fis-sens tal-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 1612/68 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ April 1986, Reed, 59/85, Ġabra p. 1283, punt 16). Għaldaqstant, it-tifla ma tistax tiġi kkunsidrata bħala l-wild ta’ konjuġi ta’ ħaddiem migrant jew ta’ ex ħaddiem migrant.

52      Għall-kuntrarju, fir-rigward tal-wild komuni, hemm lok li jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-wild effettivament huwa l-wild ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li huwa jew kien ħaddiem fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, fis-sens tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68. Madankollu, sabiex l-omm, bħala ġenitur li għandha l-kustodja effettiva ta’ dan l-istess wild, tkun tista’ tibbenefika mid-dritt ta’ residenza bbażat fuq dik id-dispożizzjoni, jeħtieġ li l-wild komuni jkun beda jagħmel użu mis-sistema edukattiva tal-Istat ospitanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Czop u Punakova, C‑147/11 u C‑148/11, punt 29).

53      Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex biżżejjed informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-wild komuni u, b’mod iktar partikolari, dwar l-edukazzjoni ta’ dan tal-aħħar, u dan jirriżulta, f’dan l-istadju tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, f’natura ipotetika fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-konsegwenzi li jistgħu jaffettwaw fil-kawża prinċipali l-eżistenza ta’ dritt ta’ residenza tal-omm, ibbażat fuq l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68.

54      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jeħtieġ li tingħata risposta għat-tielet domanda li l-Artikoli 13(2) u 14 tad-Direttiva 2004/38, moqrija flimkien mal-Artikolu 18 TFUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li permezz tagħhom dan tal-aħħar jimponi fuq l-omm, meta din tkun tinsab fis-sitwazzjoni msemmija fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, kundizzjoni ta’ tul ta’ residenza ta’ ħames snin għall-għoti ta’ benefiċċji tal-familja garantiti, filwaqt li ma jimponihiex fuq iċ-ċittadini proprji tiegħu.

 Fuq ir-raba’ domanda

55      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għad-domandi preċedenti, m’hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda.

56      Fil-fatt, hemm lok li jitfakkar li d-drittijiet fundamentali żgurati mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, inkluża l-Karta, huma intiżi li jiġu applikati għas-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn tali sitwazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Issa, kif jirriżulta mir-risposta għad-domandi preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex informazzjoni li tippermetti li jiġi konkluż li sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija effettivament irregolata mid-dritt tal-Unjoni.

 Fuq l-ispejjeż

58      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1992/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadina ta’ Stat terz jew it-tifla tagħha, li hija wkoll ċittadina ta’ Stat terz, ġaladarba dawn tal-aħħar ikunu fis-sitwazzjoni li ġejja:

–        din iċ-ċittadina ta’ Stat terz kisbet, f’inqas minn ħames snin ilu, permess ta’ residenza fi Stat Membru sabiex tingħaqad, barra ż-żwieġ jew sħubija rreġistrata, ma’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, li minnu għandha wild ċittadin ta’ dan l-aħħar Stat Membru;

–        huwa biss dak iċ-ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li għandu l-istatus ta’ ħaddiem;

–        il-koabitazzjoni bejn l-imsemmija ċittadina ta’ Stat terz u l-imsemmi ċittadin ta’ Stat Membru ieħor fil-frattemp spiċċat; u

–        iż-żewġt itfal jgħixu flimkien mal-omm,

ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ dak ir-regolament, sakemm din iċ-ċittadina ta’ stat terz jew it-tifla tagħha ma jkunux jistgħu jiġu kkunsidrati, fis-sens tal-liġi nazzjonali u għall-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar, bħala “membri tal-familja” taċ-ċittadin ta’ Stat Membru ieħor jew, jekk fin-negattiv, jekk huma jkunu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala “prinċipalment dipendenti” fuq dan tal-aħħar.

2)      L-Artikoli 13(2) u 14 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, moqrija flimkien mal-Artikolu 18 TFUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, li permezz tagħhom dan tal-aħħar jimponi fuq ċittadina ta’ Stat terz, meta din tkun tinsab fis-sitwazzjoni msemmija fil-punt 1 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza, kundizzjoni ta’ tul ta’ residenza ta’ ħames snin għall-għoti ta’ benefiċċji tal-familja garantiti, filwaqt li ma jimponihiex fuq iċ-ċittadini proprji tiegħu.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.