Language of document :

Rikors ippreżentat fit-28 ta' Jannar 2010 - Faci vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-46/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Faci SpA (Milan, l-Italja) (rappreżentanti: S. Piccardo, S. Crosby u S. Santoro, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn tikkonstata li r-rikorrenti kienet daħlet f'kartell għall-iffissar tal-prezzijiet, għat-tqassim tas-swieq permezz ta' kwoti ta' bejgħ u għat-tqassim tal-klijenti;

tannulla, jew tnaqqas sostanzjalment, il-multa imposta fuq ir-rikorrenti;

tannulla d-deċiżjoni sa fejn tnaqqas il-multa li inizjalment kienet ikkalkolata għall-kumpannija Bärlocher jew tnaqqas sostanzjalment l-ammont tat-tnaqqis mogħti;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-11 ta' Novembru 2009, (Każ Nru COMP/38.589 - Stabbilizzaturi tas-sħana) sa fejn il-Kummissjoni ddikjarat lir-rikorrenti responsabbli għal ksur tal-Artikolu 81 KE (li issa sar l-Artikolu 101 TFUE) u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE minħabba li daħlet f'kartell għall-iffissar tal-prezzijiet, għat-tqassim tas-swieq permezz ta' kwoti ta' bejgħ u għat-tqassim tal-klijenti fis-settur tal-ESBO/esters sector. Sussidjarjament, ir-rikorrenti titlob tnaqqis sostanzjali tal-multa li ġiet imposta fuqha.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret ċerti prinċipji ġenerali tad-dritt, wettqet numru ta' żbalji manifesti ta' evalwazzjoni, kisret il-prinċipji ta' amministrazzjoni tajba u ta' trattament ugwali u li ma kellhiex kompetenza sabiex tieħu azzjoni jew kisret il-prinċipju ta' kompetizzjoni mhux distorta, kisret l-obbligu ta' motivazzjoni u naqset milli tapplika l-linji gwida tal-2006 dwar il-kalkolu tal-multi. Ir-rikorrenti tqajjem ħames motivi:

Il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni billi tat wisq ftit importanza lill-provi ta' qabel il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-kartell filwaqt li tat wisq importanza lill-provi l-oħra. Konsegwentement, l-importanza tal-fatt li kartell ċar li kien qiegħed jopera bis-sħiħ, li kien jikkonsisti fl-iffissar tal-prezzijiet, fit-tqassim tas-swieq, fit-tqassim tal-klijenti, fi prezzijiet li jistgħu jagħmlu ħsara, kif ukoll korruzzjoni miftiehma, kien intemm qabel ma r-rikorrenti bdiet tipparteċipa fih, ma ġiex evalwat korrettament matul l-eżami tal-gravità tal-ksur imwettaq mir-rikorrenti.

Il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' trattament ugwali billi trattat lir-rikorrenti b'mod simili għal impriżi oħra, filwaqt li meta mqabbla ma' dawn tal-aħħar, il-gravità tal-ksur li wettqet kienet tiġġustifika trattament sostanzjalment differenti. Sabiex tiffissa l-ammont tal-multa, il-Kummissjoni applikat differenza ta' 1 % biss tal-valur ta' bejgħ fis-suq rilevanti, minkejja li r-rikorrenti wettqet inqas ksur u li ebda minnu ma kien jikkonsisti fih innifsu f'kartell ċar, u minkejja li l-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrenti ma kinitx applikat il-kartell. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kisret il-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni billi ma informatx lir-rikorrenti li kienet suġġetta għal investigazzjonjiet, ħlief ħafna wara l-impriżi l-oħra, u konsegwentement, ikkawżatilha dannu.

Il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba minħabba d-dewmien irraġonevoli tal-proċedimenti amministrattivi u s-sospensjoni tal-proċedimenti bl-għan li tiġi trattata kwistjoni interlokutorja. Il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' trattament ugwali sa fejn l-azzjonijiet tagħha kienu ta' preġudizzju, u dan b'mod inġust, għar-rikorrenti li, konsegwentement, kellha tibbenifika minn tnaqqis tal-multa sostanzjalment iktar mill-1 % li ngħatat.

Ir-rikorrenti tikkontesta t-tnaqqis tal-multa (iktar minn 95 %) li ngħatat lill-kumpannija Bärlocher, li hija kompetitriċi attwali jew potenzali tar-rikorrenti, abbażi tan-nuqqas ta' kompetenza, ta' ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali f'sens wiesgħa u ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni. Skont ir-rikorrenti, it-tnaqqis tal-multa huwa ekwivalenti għal sussidju li jista' jwassal għal kompetizzjoni distorta tas-suq. Barra minn hekk, jew sussidjarjament, ir-raġunijiet li jiġġustifikaw it-tnaqqis ma ġewx indikati mill-Kummissjoni fil-verżjoni tad-deċiżjoni li ġiet innotifikata lir-rikorrenti, u dan bi ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni.

Il-multa ġiet imposta fuq ir-rikorrenti bi ksur tal-linji gwida tal-2006 dwar il-kalkolu tal-multi u tal-prinċipji li jirriżultaw minnhom. Meta ffissat l-ammont tal-multa, il-Kummissjon ma ħaditx biżżejjed inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti, għall-kuntrarju tal-imrpiżi l-oħra, ma kinitx ipparteċipat f'kartelli ċari, u li uriet aġir kompetittiv fuq is-suq rilevanti kollu. Il-gravità tal-ksur imwettaq mir-rikorrenti ma ġiex evalwat korrettament billi aġir antikompetittiv ġie inġustament attribwit lilha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma evalwatx l-irwol li l-kumpannija Faci effettivament kellha, ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-daqs żgħir tagħha, is-setgħa limitata fuq is-suq u n-nuqqas ta' kapaċità min-naħa tagħha li toħloq distorsjoni ta' kompetizzjoni meta mqabbla ma' kumpanniji oħra, u naqset milli tagħmel tibdil f'dan is-sens skont il-punt 37 tal-linji gwida tal-2006 dwar il-multi sabiex tapplikahom skont il-liġi.

____________