Language of document : ECLI:EU:T:2006:254

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

13 ta' Settembru 2006 (*)

"Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għal trade mark figurattiva li fiha l-element verbali METRO – Trade mark verbali nazzjonali preċedenti METRO – Skadenza tat-trade mark nazzjonali preċedenti"

Fil-kawża T-191/04,

MIP Metro Group Intellectual Property GmbH & Co. KG, stabbilita f’Düsseldorf (il-Ġermanja), irrappreżentata minn R. Kaase, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li hija

Tesco Stores Ltd, stabbilita fi Cheshunt (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn S. Malynicz, barrister,

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni ta’ l-Ewwel Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI tat-23 ta’ Marzu 2004 (Kawża R 486/2003‑1), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn MIP Metro Group Intellectual Property GmbH & Co. KG u Tesco Stores Ltd,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Jaeger, President, V. Tiili u O. Czúcz, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratriċi,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-27 ta’ Mejju 2004,

wara li rat ir-risposti ta’ l-intervenjenti u ta’ l-UASI ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-13 u fil-21 ta’ Settembru 2004 rispettivament, 

wara s-seduta tat-30 ta’ Novembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għal-kawża

1        Fl-20 ta’ Marzu 1998, MIP METRO Group Intellectual Property GmbH & Co. KG, li qabel kienet METRO Cash & Carry GmbH (iktar ‘il quddiem ir-"rikorrenti"), ippreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 11, 1994 p. 1), kif emendat.

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv riprodott hawn taħt:

Image not foundImage not found

3        L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ġiet ippubblikata fil-fil0Bullettin tat-Trade marks Komunitarji Nru 86/99, tat-2 ta’ Novembru 1999.

4        Fit-28 ta’ Jannar 2000, Tesco Stores Ltd (iktar ‘il quddiem l-"intervenjenti") ressqet oppożizzjoni, skond l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94, għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade mark verbali nazzjonali preċedenti METRO Nru 1543011, irreġistrata fir-Renju Unit fis-27 ta’ Lulju 1993, u li t-terminu inizjali tal-validità tagħha skada fis-27 ta’ Lulju 2000.

5        Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Ġunju 2000, l-UASI informa lill-intervenjenti li ngħatalha terminu ta’ erba’ xhur għas-sottomissjoni tal-fatti, provi u argumenti addizzjonali li hija kienet tqis utli sabiex issostni l-oppożizzjoni tagħha. F’nota ta’ informazzjoni annessa ma’ din l-ittra, l-UASI informa lill-intervenjenti li fil-każ li t-terminu ta’ validità tar-reġistrazzjoni tat-trade mark preċedenti jkun skada "fid-data li fiha l-provi tad-drittijiet preċedenti [kellhom] jingħataw" skond ir-Regola 20(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU L 303, p. 1, iktar ‘il quddiem ir-"Regolament ta’ implementazzjoni"), l-intervenjenti kellha wkoll tippreżenta ċertifikat ta’ tiġdid, jew prova ekwivalenti, jew fin-nuqqas, il-prova li l-applikazzjoni għal tiġdid kienet ġiet debitament ippreżentata lill-awtoritajiet kompetenti. It-terminu ta’ erba’ xhur ġie sussegwentement ipprorogat u skada definittivament fit-13 ta’ Marzu 2003.

6        Il-prova tat-tiġdid tat-trade mark preċedenti ma ngħatatx fit-terminu fuq imsemmi.

7        Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ April 2003, l-intervenjenti ġiet informata li, peress li ma kinitx tat il-prova tat-tiġdid tar-reġistrazzjoni tagħha, kienet ser tingħata deċiżjoni fuq l-oppożizzjoni abbażi tal-provi disponibbli.

8        Permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2003 (iktar ‘il quddiem id-"deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni"), id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni għar-raġuni li l-intervenjenti, minkejja li kienet ġiet debitament mistiedna tagħmel dan, ma tatx il-prova li d-dritt preċedenti tagħha kien għadu fis-seħħ wara s-27 ta’ Lulju 2000, id-data li fiha skada t-terminu ta’ validità tar-reġistrazzjoni tat-trade mark tagħha skond id-dokumentazzjoni ppreżentata mill-intervenjenti.

9        Fil-11 ta’ Awwissu 2003, l-intervenjenti ressqet appell quddiem l-UASI, skond l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni.

10      Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Mejju 2004 (iktar ‘il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), l-Ewwel Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI laqa’ l-appell. Hu qies li, fid-data li fiha ġiet ippreżentata l-oppożizzjoni u anki fid-data li fiha l-provi kienu ġew mitluba (it-13 ta’ Ġunju 2000), id-dritt preċedenti kienu għadu validu u li, għalhekk, l-intervenjenti ma kellhiex għalfejn tipprova t-tiġdid tar-reġistrazzjoni tat-trade mark tagħha.

 It-talbiet tal-partijiet

11      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI jbati l-ispejjeż.

12      L-UASI jitlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tilqa’ r-rikors tar-rikorrenti għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-intervenjenti tbati l-ispejjeż.

13      L-intervenjenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż ta’ l-intervenjenti.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet ta’ l-UASI

14      F’dak li għandu x’jaqsam mal-pożizzjoni proċedurali ta’ l-UASI, għandu jiġi mfakkar li, filwaqt li l-UASI m’għandux il-kapaċità legali meħtieġa biex iressaq rikors kontra deċiżjoni ta’ Bord ta’ l-Appell, għall-kuntrarju, huwa lanqas ma jista’ jkun marbut li jiddefendi b’mod sistematiku d-deċiżjonijiet ta’ Bord ta’ l-Appell li jkunu kkontestati jew li neċessarjament jitlob li r-rikorsi kollha mressqa kontra tali deċiżjoni jiġu miċħuda [is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Ġunju 2004, GE Betz vs L-UASI – Atofina Chemicals (BIOMATE), T-107/02, Ġabra p. II‑1845, punt 34; tal-15 ta’ Ġunju 2005, Spa Monopole vs L-UASI – Spaform (SPAFORM), T-186/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 20, u tal-25 ta’ Ottubru 2005, Peek & Cloppenburg vs L-UASI (Cloppenburg), T-379/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 22]. Mhemm xejn li jżomm lill-UASI milli jaqbel ma’ konklużjoni tar-rikorrenti jew milli jikkuntenta ruħu li jirrimetti ruħu għall-ġudizzju għaref tal-Qorti tal-Prim’Istanza, filwaqt li jressaq dawk l-argumenti li jidhrulu xierqa biex jispjega l-pożizzjoni tiegħu lill-Qorti tal-Prim’Istanza (is-sentenzi BIOMATE, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 36 u Cloppenburg, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 22). Mill-banda l-oħra, l-UASI ma jistax iressaq talbiet favur l-annullament jew favur il-bdil tad-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ l-Appell abbażi ta’ punt li ma kienx imqajjem fir-rikors jew jippreżenta raġunijiet li ma kinux imqajma fir-rikors (is-sentenza Cloppenburg, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 22; ara ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ottubru 2004, Vedial vs L-UASI, C-106/03 P, Ġabra p. I‑9573, punt 34).

15      Minn dan isegwi li t-talbiet li permezz tagħhom l-UASI jaqbel mat-talbiet tar-rikorrenti favur l-annullament għandhom jiġu ddikjarati ammissibbli safejn huma u l-argumenti mressqa in sostenn tagħhom ma joħorġux mill-ambitu tat-talbiet u tar-raġunijiet imressqa mir-rikorrenti.

 Fuq il-mertu

A –  L-argumenti tal-partijiet

16      Ir-rikorrenti tressaq raġuni waħda in sostenn tat-talbiet tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Hija tqis li d-deċiżjoni kkontestata tikser ir-Regolament Nru 40/94, b’mod partikolari l-Artikolu 74 tiegħu, kif ukoll ir-Regolament ta’ implementazzjoni, b’mod partikolari r-Regoli 16 u 20 tiegħu. Jirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet li d-data rilevanti li fiha d-dritt preċedenti għandu jkun fis-seħħ u li għaliha min jopponi għandu jġib il-prova tal-validità ta’ l-imsemmi dritt hija dik li fiha d-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni tiddeċiedi jew, għallinqas, id-data ta’ l-iskadenza tat-terminu mogħti biex jingħataw provi oħra, u mhux dik tal-preżentata tat-talba ta’ oppożizzjoni.

17      Wara, hija ssostni li r-ratio legis tar-Regola 16 tar-Regolament ta’ implementazzjoni jitlob li l-applikant u d-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni jkollhom il-possibbiltà li jeżaminaw il-validità tat-trade mark preċedenti invokata kontra l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, billi hija biss trade mark valida li tista’ tifforma l-bażi ta’ oppożizzjoni. Id-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni hija awtorizzata mir-Regola 16(3) u mir-Regola 20(2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni li tistabbilixxi terminu għall-produzzjoni ta’ provi jekk dawn ta’ l-aħħar ma jkunux ġew ipprovduti ma’ l-att ta’ oppożizzjoni.

18      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-konstatazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata, li skondhom id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni ma tistax, minn naħa, tieħu in kunsiderazzjoni l-iskadenza tal-validità tad-drittijiet tat-trade mark preċedenti li sseħħ qabel ma hija tiddeċiedi fuq l-oppożizzjoni u, min-naħa l-oħra, teżiġi l-prova tat-tiġdid tat-trade mark preċedenti, imorru kontra d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 40/94 u tar-Regolament ta’ implementazzjoni, kif ukoll kontra l-iskema ġenerali ta’ l-evalwazzjoni tar-raġunijiet dwar ir-rifjut.

19      L-UASI jsostni l-argumentazzjoni tar-rikorrenti. Huwa jqis, b’mod partikolari, li d-deċiżjoni kkontestata hija inkompatibbli mad-direttivi interni tiegħu li jirregolaw il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, li jiddisponu li "waqt it-terminu ta’ erba’ xhur mogħti sabiex jiġi kkompletat l-inkartament, min jopponi jrid jippreżenta l-prova li t-trade mark(s) li fuqha (fuqhom) jistrieħ għadha (għadhom) fis-seħħ. Fin-nuqqas ta’ prova tat-tiġdid, ir-reġistrazzjoni preċedenti m’għandhiex tittieħed in kunsiderazzjoni […] jew l-oppożizzjoni għandha tiġi miċħuda minħabba li mhijiex fondata. Madankollu, sabiex jiġi evitat li d-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni tiddeċiedi fuq oppożizzjoni bbażata fuq reġistrazzjoni preċedenti li ma ġietx mġedda, jekk reġistrazzjoni li tkun ġiet validament ippruvata tiskadi bejn it-tmiem tat-terminu ta’ erba’ xhur u l-mument meta tingħata d-deċiżjoni, l-eżaminatur għandu jitlob lil min jopponi li jagħti l-prova tat-tiġdid tar-reġistrazzjoni, indipendentement minn jekk l-applikant ikunx qajjem oġġezzjoni jew le".

20      Min-naħa tagħha, l-intervenjenti tressaq sitt argumenti biex issostni l-pożizzjoni tagħha li skondha l-Bord ta’ l-Appell applika korrettament ir-Regolament Nru 40/94 u r-Regolament ta’ implementazzjoni.

21      L-ewwel nett, hija ssostni lili l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 40/94 juża l-preżent ("jekk issir oppożizzjoni") iktar milli l-futur. Barra minn hekk, l-Artikolu 8(2) ta’ l-imsemmi Regolament juża l-passat ("trade marks reġistrati"). Skond l-intervenjenti, meta ż-żewġ dispożizzjonijiet jinqraw flimkien, huwa ċar li hija d-data ta’ l-oppożizzjoni li hija determinanti. Konsegwentement mhemm l-ebda dispożizzjoni fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 40/94 li tobbliga lil min jopponi li jżomm dan l-istatus ta’ proprjetarju tat-trade mark preċedenti jew li jipprova li żamm dan l-istatus lil hinn mit-terminu għall-oppożizzjoni.

22      It-tieni nett, l-intervenjenti tikkunsidra li l-unika kundizzjoni stipulata mill-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 40/94 hija li oppożizzjoni tkun magħmula għar-raġuni li t-trade mark ma tistax tiġi reġistrata skond l-Artikolu 8 ta’ l-imsemmi Regolament. Hija tosserva li dan ir-rekwiżit huwa wkoll espress fil-preżent. Minbarra dan, huwa meħtieġ li min jopponi jkun, fost l-oħrajn, il-proprjetarju tat-trade marks preċedenti li għalihom hemm referenza fl-Artikolu 8(2) ta’ l-imsemmi Regolament. F’din id-dispożizzjoni, il-preżent huwa wkoll użat. Minn dan hija tiddeduċi li mhemm l-ebda obbligu fuq min jopponi li juri li ser jibqa’ proprjetarju sa data indefinita fil-futur li tmur lil hinn mit-terminu għall- oppożizzjoni. Hija tqis li l-Artikolu 42(3) ta’ l-imsemmi Regolament jikkonferma din l-analiżi, billi jeżiġi li min jopponi jispeċifika r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni, u billi juża mill-ġdid il-preżent. Barra minn hekk, hija tafferma li min jopponi jrid jindika r-raġunijiet eżistenti f’din id-data li jistgħu jiġu invokati kontra t-trade mark in kwistjoni. L-ebda persuna li topponi ma hija f’pożizzjoni li tindika b’ċertezza x’tista’ tkun is-sitwazzjoni f’data indefinita fil-futur li tmur lil hinn mit-terminu għall-oppożizzjoni. F’kull każ, dan imur kontra l-kliem ta’ l-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 40/94.

23      It-tielet nett, l-intervenjenti ssostni li r-Regoli 15 u 16 tar-Regolament ta’ implementazzjoni huma deċiżament siekta fir-rigward tat-teżi, sostnuta mir-rikorrenti, li skondha l-validità tat-trade mark preċedenti għandha tiġi pprovata fid-data li fiha d-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni tagħti d-deċiżjoni tagħha fuq il-mertu. Hi ssostni li l-fatt li l-leġiżlaturi stabbilew tali dispożizzjonijiet dettaljati, mingħajr madankollu ma speċifikaw li min jopponi għandu jipprova li d-drittijiet tiegħu jkunu għadhom jeżistu lil hinn mit-terminu għall-oppożizzjoni, għandu jiġi interpretat li jfisser li l-intenzjoni tal-leġiżlatur hija li ma jitlobx tali prova, skond il-prinċipju expressio unius est exclusio alterius. Barra minn hekk, l-intervenjenti tfakkar li d-dispożizzjonijiet in kwistjoni huma espressi fil-preżent jew fil-passat.

24      Hi tirreferi wkoll għar-Regola 15(2)(c)(i) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, li jiddisponi li, "meta l-oppożizzjoni saret mill-proprjetarju ta[t-trade mark] preċedenti jew tal-jedd preċedenti, [l-att ta’ oppożizzjoni għandu jinkludi] indikazzjoni li huwa l-proprjetarju ta’ dik i[t-trade mark] jew jedd". Minn dan hija tiddeduċi li l-uniku element li, skond din ir-Regola, għandu jiġi pprovat, huwa li min jopponi huwa l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti fid-data li fiha tkun saret l-oppożizzjoni.

25      Ir-raba’ nett, l-intervenjenti tfakkar li r-rekwiżit taċ-ċertezza legali jimplika li l-leġiżlazzjoni Komunitarja għandha tippermettu lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu bi preċiżjoni l-portata ta’ l-obbligi li hija timponi fuqhom (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-1 ta’ Ottubru 1998, Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni, C-233/96, Ġabra p. I‑5759, punt 38). Hija tirrileva li s-soluzzjoni proposta mir-rikorrenti, jiġifieri li d-data li fiha l-UASI jevalwa l-validità tat-trade mark preċedenti tkun dik li fiha jagħti d-deċiżjoni tiegħu fuq l-oppożizzjoni, tistrieħ fuq bażi arbitrarja u inċerta. Hija ssostni li l-possibbiltà ta’ proċeduri mtawla teżiġi minn kull min jopponi li jaqta’ l-probabbli data li fiha tingħata deċiżjoni fuq il-mertu jew li kontinwament jagħti l-prova aġġornata tat-trade mark preċedenti.

26      Il-ħames nett, l-intervenjenti ssostni li jmur kontra l-prinċipju tad-dritt Komunitarju tan-non-retroattività li jiġi mitlub minn min jopponi li jipprova li t-trade mark preċedenti għadu jeżisti jew huwa validu lil hinn mit-terminu għall-oppożizzjoni.

27      Hija tispeċifika li meta ġiet ippreżentata l-oppożizzjoni, fit-28 ta’ Jannar 2000, intbagħtilha dokument, li jawtorizzaha sabiex sussegwentement tipprovdi kopja tar-reġistrazzjoni. Hija ppreżentat kopja taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni għat-trade mark preċedenti fl-24 ta’ Frar 2000. Hija tallega fil-punt 18 tar-risposta tagħha li din ir-reġistrazzjoni stabbiliet li t-trade mark kellha tibqa’ fis-seħħ sas-27 ta’ Lulju 2003, jiġifieri lil hinn mill-għeluq tat-terminu għall-oppożizzjoni. Fit-13 ta’ Ġunju 2000, l-UASI kitbilha biex jinformaha bil-bidu tal-fażi kontradittorja tal-proċedura u jitlobha tipprovdi l-fatti, il-provi u l-osservazzjonijiet in sostenn ta’ l-argumenti tagħha. Hija ssostni li, jekk, kif tippretendi r-rikorrenti, din l-ittra timponi fuqha li tagħti l-prova tat-tiġdid tar-reġistrazzjoni li ġa kienet ġiet ippreżentata waqt it-terminu għall-oppożizzjoni, tali eżiġenza tkun retrospettiva u, għaldaqstant, inammissibbli.

28      Is-sitt u l-aħħar nett, l-intervenjenti ssostni li l-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94 ma jsaħħaħx iktar it-teżi tar-rikorrenti. Skondha, l-għan ta’ dan l-Artikolu jikkorrispondi għat-titolu tiegħu, jiġifieri li jiddetermina l-portata ta’ eżami tal-fatti mill-UASI fuq inizjattiva tiegħu stess. Għalhekk hija tiċħad li din is-silta timplika li min jopponi għandu l-obbligu li jipprova lill-UASI li trade mark tibqa’ teżisti u tkun valida sad-data li fiha d-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni tiddeċiedi.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

29      Ir-rikorrenti, sostnuta mill-UASI, essenzjalment tikkritika żewġ affermazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata. L-ewwel nett, il-Bord ta’ l-Appell jagħmel żball meta jqis li l-iskadenza tat-trade mark li fuqha ġiet ibbażata l-oppożizzjoni ma tawtorizzawx lid-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni biex timmodifika retrospettivament l-istatus ta’ min jopponi u biex tiċħad l-oppożizzjoni. It-tieni nett, huwa jiżbalja meta jikkunsidra li min jopponi huwa obbligat jipprova darba għal dejjem ir-raġunijiet għall-oppożizzjoni tiegħu, u li, għalhekk, la d-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni u lanqas il-Bordijiet ta’ l-Appell m’għandhom id-dritt li jeżiġu prova ulterjuri tal-fatt li t-trade mark preċedenti li fuqha l-oppożizzjoni ġiet ibbażata tkun għadha valida. Dawn l-affermazzjonijiet imorru kontra l-iskema ġenerali tar-Regolament Nru 40/94 u tar-Regolament ta’ implementazzjoni, billi jipperikolaw li jqiegħdu lid-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni f’pożizzjoni li tikkonstata konflitt bejn it-trade mark mitlub u trade mark preċedenti li t-terminu ta’ protezzjoni tiegħu jkun skada.

30      Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita sewwa, il-funzjoni essenzjali tat-trade mark hija li tiggarantixxi lill-konsumatur jew lill-utent finali l-identità ta’ l-oriġini tal-prodott kopert mit-trade mark, billi tagħmilha possibli għalih li jiddistingwi, mingħajr possibbiltà ta’ konfużjoni, dak il-prodott minn dawk li għandhom provenjenza oħra (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Mejju 1978, Hoffmann-La Roche, 102/77, Ġabra p. 1139, punt 7; tad-29 ta’ April 2004, Henkel vs L-UASI, C-456/01 P u C-457/01 P, Ġabra p. I‑5089, punt 48, u tas-16 ta’ Settembru 2004, SAT.1 vs L-UASI, C-329/02 P, Ġabra p. I‑8317, punt 23). Mhemmx interess ġenerali biex tingħata xi protezzjoni prevista mir-Regolament Nru 40/94 lil trade mark li ma taqdix il-funzjoni essenzjali tagħha (is-sentenza Henkel vs L-UASI, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 48).

31      Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 8 u 42 tar-Regolament Nru 40/94 u tar-Regoli 15, 16 u 20 tar-Regolament ta’ implementazzjoni fir-rigward tar-raġunijiet għal rifjut u l-proċedimenti ta’ oppożizzjoni għandhom essenzjalment bħala għan li jiżguraw li trade mark preċedenti tista’ żżomm il-funzjoni tagħha ta’ identifikazzjoni ta’ oriġini, billi jipprovdu l-possibbiltà li tiġi rifjutata r-reġistrazzjoni ta’ trade mark ġdida li tkun f’konflitt mat-trade mark preċedenti minħabba fi probabbiltà ta’ konfużjoni bejniethom.

32      L-eventwalità ta’ tali konflitt għandha tiġi kkunsidrata minn żewġ aspetti differenti. Minn naħa, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dispożizzjonijiet fuq imsemmija, hemm bżonn li tkun teżisti identiċità jew xebh bejn it-trade mark preċedenti u t-trade mark mitluba u bejn il-prodotti jew servizzi koperti biż-żewġ trade marks, li jista’ jagħti lok għal konfużjoni bejn iż-żewġ sinjali. Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ l-applikazzjoni ratione temporis ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, dawn iż-żewġ trade marks iridu jeżistu flimkien għal ċertu perijodu. Il-funzjoni ta’ identifikazzjoni ta’ l-oriġini ta’ trade mark preċedenti ma tistax tkun mhedda minn trade mark oħra li hija rreġistrata biss wara li tkun skadiet it-trade mark preċedenti. Fin-nuqqas ta’ perijodu li fih iż-żewġ trade marks jeżistu flimkien, ma jista’ jqum l-ebda konflitt.

33      Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li l-affermazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata li "[x]ejn ma jawtorizza lid-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni li timmodifika retroattivament l-istatus ta’ min jopponi sempliċement għaliex waqt il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, […] ir-reġistrazzjoni nazzjonali, […] tiskadi", ma tiħux in kunsiderazzjoni l-fatt li l-ebda konflitt ma jista’ jseħħ bejn it-trade mark mitluba u trade mark preċedenti li tkun skadiet waqt dan il-perijodu, billi t-trade mark mitluba tista’ biss tiġi rreġistrata wara l-għeluq tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni. Konsegwentement, il-protezzjoni li l-Bord ta’ l-Appell tat lit-trade mark preċedenti mhijiex iġġustifikata mill-protezzjoni tal-funzjoni essenzjali tat-trade mark, u tmur kontra l-ispirtu u l-iskema ġenerali tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-evalwazzjoni tar-raġunijiet għal rifjut u l-proċedimenti ta’ oppożizzjoni.

34      Minbarra dan, ir-rikorrenti u l-UASI ġustament isostnu li d-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni u l-Bord ta’ l-Appell għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni l-bdil fiċ-ċirkustanzi li jseħħ fil-perijodu bejn meta tiġi ppreżentata l-oppożizzjoni u meta tingħata d-deċiżjoni fuq l-oppożizzjoni u li jirriżulta mill-provi ppreżentati mill-partijiet bi tweġiba għat-talba għal informazzjoni min-naħa ta’ l-UASI.

35      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet fis-sentenza tagħha tat-23 ta’ Settembru 2003, Henkel vs L-UASI – LHS (UK) (KLEENCARE) (T-308/01, Ġabra p. II‑3253, punt 26), li fil-kuntest ta’ l-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni ta’ oppożizzjoni mwettaq mill-Bordijiet ta’ l-Appell skond l-Artikolu 61(1) tar-Regolament Nru 40/94, l-eżitu ta’ l-appell jiddependi mill-kwistjoni jekk deċiżjoni ġdida li għandha l-istess dispożittiv bħad-deċiżjoni li hija suġġetta għall-appell tistax tkun legalment adottata fil-mument li jiġi deċiż l-appell jew le.

36      Fil-kuntest ta’ dan l-eżami mill-ġdid, il-Bordijiet ta’ l-Appell ta’ l-UASI jeżerċitaw, ħlief f’każ ta’ rinviju, il-kompetenzi ta’ l-istanza li tkun ħadet id-deċiżjoni appellata (is-sentenza KLEENCARE, punt 35 supra, punt 24). Konsegwentement, għandu jiġi kkonsidrat li l-prinċipju stabbilit minn din il-ġurisprudenza huwa applikabbli għall-evalwazzjoni magħmula mid-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni, b’mod li la d-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni u lanqas il-Bordijiet ta’ l-Appell ma jistgħu jadottaw deċiżjoni li tkun illegali fil-mument li fih jiddeċiedu abbażi tal-provi prodotti mill-partijiet fil-kuntest tal-proċedura quddiemhom.

37      Madankollu l-intervenjenti tikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata ġustament stabbiliet li min jopponi għandu jesponi r-raġunijiet u l-provi in sostenn ta’ l-oppożizzjoni tiegħu darba għal dejjem. Id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni ma tistax tistrieħ fuq in-nuqqas ta’ provi dwar it-tiġdid tat-trade mark preċedenti, ġaladarba t-talba tagħha għal informazzjoni dwar it-tiġdid tar-reġistrazzjoni ma kienet ġustifikata minn ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 40/94 jew tar-Regolament ta’ implementazzjoni.

38      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 30 iktar ‘il fuq li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 40/94 u dawk tar-Regolament ta’ implementazzjoni għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-funzjoni essenzjali tat-trade mark. Issa biex ikun f’pożizzjoni li jivverifika jekk it-trade mark preċedenti tistax titlef il-funzjoni tagħha ta’ identifikazzjoni ta’ oriġini minħabba fil-koeżistenza fiż-żmien mat-trade mark mitluba, li magħha hija tista’ tiġi mfixkla, l-UASI għandu jkun jaf bit-terminu ta’ validità tat-trade mark preċedenti.

39      Is-setgħa li tintalab informazzjoni f’dan ir-rigward mingħand min jopponi tista’ tiġi dedotta mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 40/94 u tar-Regolament ta’ implementazzjoni. Għalhekk, skond l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 40/94, l-UASI jista’ jitlob informazzjoni u l-produzzjoni ta’ dokumenti f’kull proċedura mibdija quddiemu, b’mod partikolari l-informazzjoni u d-dokumenti li jqis neċessarji biex jiddeċiedi fuq l-oppożizzjoni. Barra minn hekk, jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tar-Regoli 16 u 20 tar-Regolament ta’ implementazzjoni, meħudin flimkien, li l-UASI jista’ jistieden lil min jopponi sabiex jipprovdi fatti, provi u argumenti, b’mod partikolari ċ-ċertfikat ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark preċedenti, li ma jinsabux fl-att ta’ oppożizzjoni.

40      L-intervenjenti tikkunsidra, min-naħa l-oħra, li min jopponi ma jistax ikun obbligat jipprova li ser jibqa’ l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti sa data indefinita li tkun lil hinn mit-terminu għall-oppożizzjoni.

41      Għandu jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li l-intervenjenti tillimita ruħha li tafferma, fl-ewwel, fit-tieni, fit-tielet u fis-sitt argumenti tagħha, li tali obbligu għal min jopponi la jirriżulta mill-Artikoli 8, 42 u 74 tar-Regolament Nru 40/94 u lanqas mir-Regoli 15 u 16 tar-Regolament ta’ implementazzjoni. Hija ma tressaq l-ebda argument li jiċħad li l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 40/94 jew il-qari flimkien tar-Regoli 16 u 20 tar-Regolament ta’ implementazzjoni jagħtu d-dritt lill-UASI li jitlob lil min jopponi li jipprova t-tiġdid tat-trade mark wara li jkun skada, meta l-iskadenza sseħħ wara d-data li fiha jiġi ppreżentat l-att ta’ l-oppożizzjoni. Minbarra dan, l-argumenti tagħha f’dan ir-rigward huma bbażati fuq interpretazzjoni li tistrieħ fuq it-tempi tal-verbi użati mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti fuq imsemmija meħuda separatament u b’ebda mod ma jirreferu għall-prinċipji li fuqhom huma bbażati r-raġunijiet għal rifjut u l-proċedimenti ta’ oppożizzjoni.

42      Għandu jiġi wkoll innotat li l-argumentazzjoni tagħha toħroġ ‘il barra mill-kuntest fattwali ta’ din il-kawża. Meta skada t-terminu għall-għoti ta’ l-informazzjoni (it-13 ta’ Marzu 2003) jew ukoll meta skada t-terminu inizjali stabbilit mid-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni (it-13 ta’ Ottubru 2000), il-validità tat-trade mark preċedenti ma kienet tiddependi minn l-ebda element futur, iżda mill-kwistjoni jekk l-intervenjenti kinitx ġeddet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark tagħha li t-terminu ta’ validità inizjali tagħha skadiet fis-27 ta’ Lulju 2000, li għalhekk hija talba għal prova li tirrigwarda avveniment li għadda. Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li t-talba għal informazzjoni ma kinitx tikkonċerna l-validità tat-trade mark f’mument futur indefinit, kuntrarjament għal dak li ssostni l-intervenjenti.

43      Permezz tar-raba’ argument tagħha, l-intervenjenti tikkunsidra li tista’ tirriżulta inċertezza legali mill-fatt li min jopponi ma jkunx f’pożizzjoni li jkun jaf jekk għandux jagħti l-prova tat-tiġdid tar-reġistrazzjoni tat-trade mark preċedenti minn jeddu, b’mod kontinwu, jew fuq stedina ta’ l-UASI. L-eżiġenza ta’ prova dwar il-validità tat-trade mark preċedenti għalhekk tippresupponi li min jopponi jaqta’ d-data li fiha tkun ser tingħata d-deċiżjoni fuq l-oppożizzjoni.

44      Lanqas dan l-argument ma jista’ jintlaqa’. Fil-fatt b’ebda mod ma jirriżulta mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni li l-UASI jeżiġi li min jopponi jissottometti provi ta’ tiġdid b’mod kontinwu mingħajr talba ta’ l-UASI għal informazzjoni. Lanqas ma jirriżulta tali obbligu mill-atti ppreżentati mir-rikorrenti u mill-UASI. Fil-fatt, id-direttivi ta’ l-UASI dwar l-oppożizzjoni jaffermaw espliċitament il-kuntrarju, jiġifieri li "l-eżaminatur għandu jitlob lil min jopponi li jagħti l-prova tat-tiġdid tar-reġistrazzjoni".

45      Fir-rigward tal-ħames argument tagħha, li skondu r-rikonoxximent tas-setgħa li tintalab informazzjoni fuq it-tiġdid tat-trade mark preċedenti tmur kontra l-prinċipju tan-non-retroattività, huwa biżżejjed li jiġi speċifikat li l-intervenjenti ammettiet, bi tweġiba għal domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li hija kienet indikat bi żball, fil-punt 18 tar-risposta tagħha, li t-trade mark preċedenti baqgħet fis-seħħ sas-27 ta’ Lulju 2003 fuq il-bażi tad-dokumentazzjoni mogħtija lid-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni, filwaqt li d-data korretta kienet fil-fatt is-27 ta’ Lulju 2000.

46      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li l-Bord ta’ l-Appell żbalja meta kkunsidra, minn naħa, li l-iskadenza tal-validità tat-trade mark preċedenti qabel il-mument meta d-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni tiddeċiedi fuq l-oppożizzjoni ma tistax tittieħed in kunsiderazzjoni mid-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni u, min-naħa l-oħra, li d-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni m’għandhiex is-setgħa li titlob informazzjoni fuq it-tiġdid tat-trade mark preċedenti wara l-ippreżentar inizjali tal-provi. Meta għamel hekk, il-Bord ta’ l-Appell interpreta d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 40/94 u tar-Regolament ta’ implementazzjoni li jirregolaw l-evalwazzjoni tar-raġunijiet għal rifjut u l-proċedimenti ta’ oppożizzjoni b’mod li jmur kontra l-prinċipji li fuqhom huma bbażati, u, b’mod partikolari, kiser l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 40/94 u r-Regola 20 tar-Regolament ta’ implementazzjoni.

47      Minn dan isegwi li l-unika raġuni tar-rikorrenti għandha tintlaqa’ u li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

 Fuq l-ispejjeż

48      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-UASI tilef, billi d-deċiżjoni kkontestata hija annullata, hemm lok li huwa jiġi ordnat iħallas l-ispejjeż tar-rikorrenti, kif mitlub mir-rikorrenti. Peress li l-intervenjenti tilfet, hija għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni ta’ l-Ewwel Bord ta’ l-Appell ta’ l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tat-23 ta’ Marzu 2004 (Każ R 486/2003‑1) hija annullata.

2)      L-UASI għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk li saru mir-rikorrenti.

3)      L-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Jaeger

Tiili

Czúcz

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Settembru 2006.

E. Coulon

 

      M. Jaeger

Reġistratur

 

      President


*Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.