Language of document : ECLI:EU:T:2006:272

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

27 ta' Settembru 2006 (*)

“Kompetizzjoni – akkordju– Aċidu ċitriku –Artikolu 81 – Multa – Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 – Linji gwida għall-kalkolu ta’ l-ammont ta’ multa – Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni – Prinċipji ta' ċertezza legali u ta' non retroattività – Prinċipju tal-proporzjonalità – Trattament ugwali – Obbligu ta’ motivazzjoni – Drittijiet tad-difiża”

Fil-kawża T-59/02

Archer Daniels Midland Co., stabbilita f’Decatur, Illinois (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn C.O. Lenz, avocat, L. Martin Alegi, M. Garcia u E. Batchelor, solicitors,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn P. Oliver, bħala aġent,

konvenuta

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annullament ta’ l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/742/KE, tal-5 ta’ Diċembru 2001, dwar il-proċedura marbuta ma’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u ta’ l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (COMP/E-1/36.604 – Aċidu ċitriku) (ĠU L 239, 2002, p. 18), li fiha tikkonstata li r-rikorrenti kisret l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE billi pparteċipat fir-restrizzjoni tal-kapaċitajiet tas-suq u għall-ħatra ta’ produttur sabiex imexxi ż-żieda fil-prezzijiet f’kull qasam nazzjonali ta’ l-imsemmi suq ikkonċernat, talba għall-annullament ta’ l-Artikolu 3 ta’ din l-istess deċiżjoni sa fejn tikkonċerna r-rikorrenti u, sussidjarjament, talba għat-tnaqqis tal-multa imposta fuqha,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla),

komposta minn J. Azizi, President, M. Jaeger u F. Dehousse, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Ġunju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Archer Daniels Midland Co. (iktar ’il quddiem “ADM”), hija l-kumpannija prinċipali ta’ grupp ta’ impriżi li joperaw fis-settur tat-trasformazzjoni taċ-ċereali u ta’ żerriegħa li minnha jingħasar iż-żejt. Hija daħlet fis-suq ta’ l-aċidu ċitriku fl-1991.

2        L-aċidu ċitriku huwa l-iżjed aġent aċidifikanti u preżervanti li jintuża fid-dinja. Jeżistu diversi tipi, għal użu differenti, b’mod partikolari fil-prodotti ta’ l-ikel u x-xorb, fid-deterġenti u fil-prodotti għall-indafa tad-dar, fil-prodotti farmaċewtiċi u kożmetiċi kif ukoll fid-diversi proċessi industrijali.

3        Fl-1995, il-bejgħ totali ta’ aċidu ċitriku fid-dinja kollha kien ta’ madwar EUR 894 720000 filwaqt li l-bejgħ imwettaq fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) kien ta’ madwar EUR 323690000. Fl-1996, mas-60 % tas-suq dinji ta’ l-aċidu ċitriku kien f’idejn il-ħames destinatarji tad-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors preżenti, jiġifieri, minbarra ADM, Jungbunzlauer AG (iktar ’il quddiem “JBL”), F. Hoffmann-La Roche AG (iktar ’il quddiem “HLR”), Haarmann & Reimer Corp. (iktar ’il quddiem “H&R”), kumpannija li tal-grupp Bayer AG (iktar ’il quddiem “Bayer”), u Cerestar Bioproducts BV (iktar ’il quddiem “Cerestar”), flimkien imsejħa l-“partijiet ikkonċernati”.

4        F’Awwissu 1995, il-ministru tal-Ġustizzja Amerikan informa lill-Kummissjoni li kienet qed issir investigazzjoni li tikkonċerna s-suq ta’ l-aċidu ċitriku. Bejn ix-xahar ta’ Ottubru 1996 u x-xahar ta’ Ġunju 1998, il-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi l-ADM, irrikonoxxew li kienu involuti f’akkordju. Wara li ġie konkluż ftehim mal-Ministru tal-Ġustizzja Amerikan, ġew imposti xi multi fuq dawn l-impriżi mill-awtoritajiet Amerikani. Barra minn hekk, ċerti persuni li nstabu ħatja ġew imposti xi multi f’isimhom. Barra minn hekk, investigazzjonijiet ġew ukoll imwettqa fil-Kanada fejn ġew imposti xi multi lil uħud mill-istess impriżi, fosthom l-ADM.

5        Fis-6 ta’ Awwissu 1997, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 13, 1962, p. 204), il-Kummissjoni talbet li tingħata informazzjoni mill-erba’ produtturi prinċipali ta’ l-aċidu ċitriku fil-Komunità. Barra minn hekk, f’Jannar 1998, il-Kummissjoni talbet li tingħata informazzjoni mingħand ix-xerrejja prinċipali ta’ l-aċidu ċitriku fil-Komunità u, bejn Ġunju u Lulju 1998, hija talbet informazzjoni mill-ġdid mill-produtturi prinċipali ta’ l-aċidu ċitriku fil-Komunità.

6        Wara l-ewwel talba għal informazzjoni li hija kienet għamlet f’Lulju 1998, Cerestar ikkuntattjat lill-Kummissjoni u ddikjarat, waqt laqgħa li saret fid-29 ta’ Ottubru 1998, li hija kellha l-intenzjoni li tikkoopera mal-Kummissjoni abbażi tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Lulju 1996 li kienet tgħid li l-multi ma jiġux imposti jew jitnaqqsu fil-każijiet ta’ akkordji (ĠU C 207, p.4, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni”). F’din l-istess okkażjoni, Cerestar, tat deskrizzjoni bil-kliem ta’ l-attivitajiet li rriżultaw mill-akkordju li fihom hija kienet ipparteċipat. Fil-25 ta’ Marzu 1999, hija bagħtet dikjarazzjoni bil-miktub lill-Kummissjoni li kienet tikkonferma dak li hija kienet qalet fl-imsemmija laqgħa.

7        B’ittra tat-28 ta’ Lulju 1998, il-Kummissjoni indirizzat talba lill-JBL sabiex tagħti informazzjoni li għaliha hija wieġbet b’ittra tat-28 ta’ Settembru 1998.

8        Wara laqgħa li saret fil-11 ta’ Diċembru 1998, ADM iddikjarat li riedet tikkoopera mal-Kummissjoni u ssottomettiet oralment l-attivitajiet antikompetittivi li kienet ħadet sehem fihom. B’ittra tal-15 ta’ Jannar 1999, ADM ikkonfermat id-dikjarazzjonijiet orali tagħha.

9        Fit-3 ta’ Marzu 1999, il-Kummissjoni indirizzat numru ta’ talbiet għal informazzjoni kumplementari lil HLR, lil JBL u lil Cerestar.

10      Rispettivament fit-28 ta’ April, fil-21 ta’ Mejju u fit-28 ta’ Lulju 1999, Bayer, f’isem H & R, JBL u HLR bagħtu dikjarazzjonijiet bis-saħħa tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

11      Fid-29 ta’ Marzu 2000, abbażi ta’ informazzjonijiet li ġew ikkomunikati lilha, il-Kummissjoni bagħtet nota ta' lmenti lil ADM u lill-partijiet l-oħra kkonċernati għall-ksur ta’ l-Artikolu 81(1) KE, u ta’ l-Artikolu 53(2) tal-Ftehim fuq iż-ŻEE (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”). ADM u l-partijiet l-oħra kkonċernati bagħtu l-osservazzjonijiet bil-miktub fi tweġiba għall-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni. L-ebda minn dawn il-partijiet ma talab seduta u l-anqas ma kkontesta sostanzjalment il-materjalità tal-fatti esposti fin-nota ta' lmenti.

12      Fis-27 ta’ Lulju 2001, il-Kummissjoni talbet informazzjoni komplementari lill-ADM u lil partijiet oħra kkonċernati.

13      Fil-5 ta’ Diċembru 2001, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni C(2001)3923 finali dwar il-proċedura taħt l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u ta’ l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (COMP/E-1/36.604 - Aċidu ċitriku) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni”). Id-Deċiżjoni ġiet innotifikata lill-ADM b’ittra tas-17 ta’ Diċembru 2001.

14      Id-Deċiżjoni tinkludi b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

“Artikolu 1

[ADM], [Cerestar], [H & R], [HLR] u [JBL] kisru l-Artikolu 81(1) tat-Trattat u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw fi ftehim u/jew prattiċi miftiehma għal numru ta’ drabi fis-settur ta’ l-aċidu ċitriku.

Il-ksur dam:

–        fil-każ ta’ [ADM], ta’ [H & R], ta’ [HLR] u ta’ [JBL]: minn Marzu 1991 sa Mejju 1995;

–        fil-każ ta’ [Cerestar]: minn Mejju 1992 sa Mejju 1995.

[…]

Artikolu 3

Il-multi li ġejjin qed jiġu imposti fuq l-impriżi msemmija fl-Artikolu 1 għall-ksur ikkonstatat fl-imsemmi Artikolu:

a)      [ADM]: multa ta’ EUR 39690000,

b)      [Cerestar]: multa ta’ EUR 170000,

ċ)      [HLR]: multa ta’ EUR 63500000,

d)      [H & R]: multa ta’ EUR 14220000,

e)      [JBL]: multa ta’ EUR 17640000.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

15      Fil-punti 80 sa 84 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni indikat li l-akkordju kien jirrigwarda l-attribuzzjoni ta’ kwoti ta’ bejgħ attribwibbli lil kull membru u r-rispett ta’ dawn il-kwoti, l-iffissar tal-prezz immirat u/jew il-minimu li jrid jintlaħaq, it-tneħħija ta’ skontijiet u l-iskambju ta’ informazzjonijiet speċifika fuq il-klijenti.

16      Għall-finijiet tal-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi, il-Kummissjoni, fid-Deċiżjoni, għamlet użu mill-metodoloġija indikata fil-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti bis-saħħa ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u ta’ l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU C 9, 1998, p. 3, iktar’il quddiem il-“linji gwida”), kif ukoll tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

17      L-ewwel nett, il-Kummissjoni ddeterminat l-ammont bażi tal-multa abbażi tal-gravità u tad-dewmien tal-ksur.

18      F’dan il-kuntest, f’dak li jikkonċerna l-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni kkunsidrat, mill-ewwel, li l-partijiet ikkonċernati kkommettew ksur gravi ħafna, fir-rigward tan-natura tiegħu, ta’ l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq ta’ l-aċidu ċitriku fiż-ŻEE u l-estensjoni tas-suq ġeografiku kkonċernat (punt 230 tad-Deċiżjoni).

19      Wara, il-Kummissjoni kkunsidrat li kellha tittieħed in kunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika reali li twassal li tippreġudika l-kompetizzjoni u tiffissa l-multa għal ammont li jiggarantixxi effett suffiċjentement dissważiv. Konsegwentement, billi bbażat ruħha fuq il-fatturat mondjali mwettaq mill-partijiet ikkonċernati mill-bejgħ ta’ l-aċidu ċitriku fl-aħħar sena tal-perijodu li fih sar il-ksur, jiġifieri s-sena 1995, il-Kummissjoni sseparathom fi tliet kategoriji, jiġifieri, fl-ewwel kategorija, H & R, b’parti mis-suq mondjali ta’ 22 %, fit-tieni kategorija, ADM u JBL, b’parti mis-suq ta’ [kunfidenzjali] waqt li HLR, b’parti mis-suq ta’ 9 % u, fit-tielet kategorija, Cerestar b’parti mis-suq mondjali ta’ 2.5 %. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni bdiet billi tiffissa ammont bażiku ta’ EUR 35000000, għall-impriżi li jifformaw parti mill-ewwel kategorija, EUR 21000000, għal dawk li jifformaw parti mit-tieni kategorija, u ta’ EUR 3500000 għal dawk li jifformaw parti mit-tielet kategorija (punt 239 tad-Deċiżjoni).

20      Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat li l-multa jkollha effett suffiċjentement dissważiv, il-Kummissjoni pproċediet għall-aġġustament ta’ dan l-ammont inizjali. Konsegwentement, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi globali tal-partijiet ikkonċernati, espressi fl-ammont totali tal-fatturat mondjali tagħhom, il-Kummissjoni applikat koeffiċjent multiplikatur ta’ 2 għall-ammonti inizjali li ġew iddeterminati għal ADM u HLR u ta’ 2.5 għall-ammont inizjali ddeterminat għal H & R (punti 50 u 246 tad-Deċiżjoni).

21      F’dak li jikkonċerna d-dewmien tal-ksur imwettaq minn kull impriża, l-ammont inizjali li ġie ddeterminat ġie miżjud b’10 % fis-sena, jiġifieri żieda ta’ 40 % għal ADM, H & R, HLR u JBL, waqt li żdied għal 30 % għal Cerestar (punti 249 u 250 tad-Deċiżjoni).

22      Minħabba f’hekk, il-Kummissjoni ffissat l-ammont bażiku tal-multi għal EUR 58800000 f’dak li jikkonċerna ADM. Fir-rigward ta’ Cerestar, ta’ HLR, ta’ H & R u ta’ JBL, l-ammonti bażiċi ġew ifissati, rispettivament, għal EUR 4550000, EUR 58800000, EUR 122500000, u EUR 29400000 (punt 254 tad-Deċiżjoni).

23      It-tieni nett, minħabba ċirkustanzi aggravanti, l-ammonti bażiċi tal-multi imposti fuq ADM u lil HLR ġew miżjuda b'35 % minħabba li dawn l-impriżi kellhom rwol prinċipali fil-kuntest ta’ l-akkordju (punt 273 tad-Deċiżjoni).

24      It-tielet nett, il-Kummissjoni eżaminat iċ-ċaħda ta’ l-argumenti ta’ ċerti impriżi sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn ċirkustanzi attenwanti (punti 274 sa 291 tad-Deċiżjoni).

25      Ir-raba’ nett, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 15(2) tar-regolament Nru 17, il-Kummissjoni adattat l-ammonti li ġew ikkalkulati għal Cerestar u H & R sabiex dawn ma jeċċedux il-limitu ta’ 10 % tal-fatturat totali tal-partijiet ikkonċernati (punt 293 tad-Deċiżjoni).

26      Il-ħames nett, bis-saħħa tat-titolu B tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni tat il-kunsens tagħha għal “tnaqqis kbir ħafna” (ta’ 90 %) tal-multa imposta fuq Cerestar meta kienet għadha ma kooperatx. Bis-saħħa tat-titolu D ta’ din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni tat “tnaqqis kunsiderevoli” (ta’ 50 %) mill-ammont tal-multa imposta fuq ADM, (ta’ 40 %) fuq JBL, (ta’ 30 %), fuq H & R u (ta’ 20 %) fuq HLR (punt 326).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

27      B’att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-28 ta’ Frar 2002, ADM ressqet ir-rikors preżenti.

28      B’att separat ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-28 ta’ Frar 2002, ADM talbet li tingħata trattament kunfidenzjali fir-rigward ta’ ċerta informazzjoni li tinsab fis-sottomissjonijiet u f’ċerti annessi.

29      Fuq ir-rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (it-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, għamlet xi domandi bil-miktub lill-partijiet, li għalihom huma wieġbu fiż-żmien previst.

30      Il-partijiet instemgħu fis-sottomissjonijiet orali kif ukoll fir-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-seduta tad-9 ta’ Ġunju 2004.

31      ADM titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni li fih qed jiġi kkonstatat li hija kisret l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipat fir-restrizzjoni tal-kapaċitajiet tas-suq ikkonċernat u fl-għażla ta’ produttur sabiex imexxi ż-żieda fil-prezzijiet f’kull suq nazzjonali ta’ l-imsemmi suq ikkonċernat;

–        tannulla l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni safejn jikkonċerna lilha;

–        sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa tagħha;

–        tikkundanna l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

32      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha: 

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lill-ADM tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

I –  Fuq l-applikabbiltà tal-linji gwida

A –  L-argumenti tal-partijiet

33      Minn naħa, ADM issostni li l-metodu tal-kalkolu tal-multi stabbilit mil-linji gwida hija radikalment differenti mill-prattika ta’ l-imgħoddi tal-Kummissjoni li fiha, kif hija ammettiet fid-Deċiżjoni (punt 253), kienet tikkonsisti f'li tiddetermina l-ammont tal-multa abbażi tar-rata bażi li kienet tirrappreżenta ċerta perċentwali ta’ bejgħ fis-suq Komunitarju kkonċernat. Min-naħa l-oħra, il-linji gwida introduċew rata fissa ta’ multa, per eżempju ta’ EUR 20000000 fil-każ ta’ ksur gravi, indipendentement mill-volum ta’ bejgħ tal-prodott ikkonċernat.

34      ADM tosserva li, waqt il-perijodu kkonċernat fil-każ preżenti (1991 sa 1995), il-Kummissjoni tat multi, b'applikazzjoni ta’ din il-prattika stabbilita, li fih l-ammont kien normalment jinstab bejn it-2.5 u d-9 % tal-fatturat imwettaq mill-bejgħ tal-prodott ikkonċernat fis-suq Komunitarju. Min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni tal-politika ġdida istitwita mil-linji gwida twassal għal multi li l-ammont tagħhom huwa minn 10 sa 34 darba iktar mill-multi li kienu ġew imposti abbażi tal-prattika preċedenti.

35      ADM tirrikonoxxi li l-Kummissjoni għandha poter ta’ diskrezzjoni li bih iżżid il-multi meta l-politika fil-qasam tal-liġi tal-kompetizzjoni teżiġi li jingħataw multi ta’ natura dissważiva iżjed għoljin. Madankollu, billi imponiet multa li l-ammont tagħha hija minn 10 sa 34 darba superjuri għal dak li ġie ffissat skond il-prattika preċedenti, il-Kummissjoni eċċediet dan il-marġini ta’ evalwazzjoni. Bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, din il-konklużjoni hija kkorroborata mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, Lögstör Rör vs Il-Kummissjoni (T-16/99, Ġabra p. II-1633, punt 237). Minn naħa, hija fil-fatt tirrimarka li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza tat il-possibbiltà lill-Kummissjoni tgħolli l-livell tal-multi safejn huwa indikat mir-Regolament Nru 17 bil-kundizzjoni li dan ikun neċessarju biex tiġi żgurata l-implementazzjoni tal-politika Komunitarja tal-kompetizzjoni. Issa, la fid-deċiżjoni u l-anqas fis-sottomissjonijiet tagħha, il-Kummissjoni ma tatx ġustifikazzjoni jew ressqet xi provi li juru li l-implementazzjoni ta’ din il-politika kienet titlob li jiġu imposti multi ta’ ammont bejn 10 u 34 darba superjuri għal dak li kien jirriżulta mill-politika preċedenti. Min-naħa l-oħra, hija osservat li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza ċċitata kif ukoll fil-kawżi l-oħrajn ibbażati fuq akkordju relatat ma’ l-installazzjoni ta’ ħiters fl-ibliet, ħlief għal dik relatata mal-kumpannija ABB (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, T-31/99, Ġabra p. II-1881), il-Kummissjoni tat multi ta’ livell komparabbli ma’ dak li kien prevalenti meta kienet tiġi applikata l-prattika preċedenti tal-Kummissjoni. Hija ssostni li fil-fatt, l-impriżi kkonċernati f’dan l-akkordju ġew ikkundannati biss għal multi ta’ ammont li jirrappreżenta bejn 3 u 14 % tal-bejgħ imwettaq, u anki fuq ABB kienet ġiet imposta biss multa li kienet tikkorrispondi għal 44 % tal-fatturat tagħha.

36      ADM tqis li l-impriżi għandhom ikunu f’pożizzjoni li joperaw f’kundizzjonijiet li jkunu jistgħu jipprevedu. Skond il-linji gwida (l-ewwel paragrafu), fl-iffissar ta’ l-ammont tal-multi, il-Kummissjoni għandha tirrispetta linja politika koerenti u mhux diskriminatorja. ADM tqis li n-nuqqas ta’ ċertezza legali fid-determinazzjoni tal-multi hija antinomika ma’ l-idea ta’ l-implementazzjoni effettiva tan-natura dissważiva ta’ multa. Sabiex l-effett dissważiv individwali ta’ multa jkun effettiv, huwa neċessarju li l-impriżi jkunu jafu minn qabel is-sanzjonijiet applikabbli. Hija tgħid li amnistija globali jew politika ta’ indulġenza effikaċi titlob li s-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ rifjut ta’ kollaborazzjoni għandhom ikunu kjarament iddefiniti minn qabel. Bl-istess mod, mhuwiex raġonevoli li jinżamm stat ta’ inċertezza kostanti fuq it-tip ta’ multi li jistgħu jingħataw fil-każ tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari minħabba d-dewmien kunsiderevoli ta’ l-investigazzjonijiet għal tali ksur. Konsegwentement, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi li l-metodu adottat mill-Kummissjoni biex tikkalkula l-multi skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jkun jista' jiġi previst bi grad suffiċjenti ta’ ċertezza.

37      ADM iżżid li jirriżulta mill-manwal tal-linji gwida tas-Sentencing Comission ta’ l-Istati Uniti [punt 1B1.11(b)(1), iktar ’il quddiem il-“linji gwida Amerikani”] u tal-ġurisprudenza tal-qorti ta’ l-appell Federali [sentenza United States vs Kimler, 167 F. 3d 889 (5th Circ. 1999)] li l-applikazzjoni b’effett retroattiv tal-linji gwida ġodda fir-rigward tal-multi hija pprojbita bir-regola ex post facto mill-kostituzzjoni ta’ l-Istati Uniti, meta hija twassal biex tagħti piena iżjed iebsa minn dik li kienet ser tingħata meta seħħ il-ksur.

38      Konsegwentement, skond ADM, l-applikazzjoni retroattiva tal-politika ġdida prevista fil-linji gwida għal ksur li, bħal f’dan il-każ, seħħ qabel il-pubblikazzjoni tagħhom u li għandha bħala effett li tagħti multa lil ADM li hija superjuri għall-multi imposti bis-saħħa tal-prattika preċedenti, u dan mingħajr li din il-marġini tkun meħtieġa sabiex tiggarantixxi r-rispett tal-politika fil-qasam tal-liġi tal-kompetizzjoni, tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali u hija illegali.

39      Min-naħa l-oħra, ADM issostni li l-applikazzjoni tal-linji gwida jiksru l-prinċipju ta’ trattament ugwali, billi hija twassal għal distinzjoni bejn l-impriżi li kisru l-liġi tal-kompetizzjoni, mhux skond id-data tal-ksur iżda skond id-data ta’ l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ffissata minn din ta’ l-aħħar b’mod arbitrarju. Per eżempju, ADM tgħid li l-impriżi kkonċernati mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/624/KE, ta’ l-14 ta’ Mejju 1997, dwar il-proċedura marbuta ma’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [82] tat-Trattat KE (IV/34,621, 35,059/F-3 – Irish Sugar plc) (ĠU L 258, p. 1), u fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/210/KE, tad-29 ta’ Marzu 1994, dwar il-proċedura marbuta ma’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat KE (IV/33.941 – HOV-SVZ/MCN) (ĠU L 104, p. 34), ġew imposti fuqhom multi li l-ammont tagħhom rispettivament jirrappreżentaw biss 6.8 u 5 % ta’ l-ammont ta’ bejgħ imwettaq fis-suq rilevanti, meta kien hemm ksur li kien relatat ma’ l-akkordju fuq l-aċidu ċitriku.

40      Il-Kummissjoni talbet li dawn il-motivi jiġu miċħuda.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

41      L-ewwel nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li l-prinċipju ta’ non retroattività tal-liġijiet kriminali, skond l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, bħala dritt fundamentali, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li l-osservanza tiegħu għandha tiġi rrispettata meta jiġu imposti multi għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, u li dan il-prinċipju jeżiġi li s-sanzjonijiet imposti jikkorrispondu ma’ dawk li kienu ġew iffissati meta kien seħħ il-ksur (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punt 202; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, T-23/99, Ġabra p. II-1705, punti 218 sa 221, u tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, T-224/00, Ġabra p. II-2597, punt 39).

42      Wara, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-adozzjoni tal-linji gwida li jistgħu jbiddlu l-politika ġenerali tal-kompetizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-multi tista', fil-bidu, taqa' fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non retroattività.

43      Fil-fatt, minn naħa, il-linji gwida jista' jkollhom effetti legali. Dawn l-effetti legali jirriżultaw mhux minn natura legali tal-linji gwida, iżda mill-adozzjoni u l-pubblikazzjoni tagħhom mill-Kummissjoni. Din l-adozzjoni u pubblikazzjoni tal-linji gwida twassal għal awtolimitazzjoni tal-kapaċità ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni, li ma tistax tabbandunahom sabiex tikkundanna, f’dan il-każ, il-ksur ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt, bħat-trattament ugwali, il-protezzjoni ta’ l-aspettattiva leġittima u ċ-ċertezza legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 41 supra, punti 209 sa 212).

44      Min-naħa l-oħra, il-linji gwida, billi huma strument ta’ politika fil-qasam tal-kompetizzjoni, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju tan-non retroattività, fil-bidu ta’ interpretazzjoni ġurisprudenzjali ġdida ta’ norma li tistabbilixxi ksur, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward ta’ l-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (ara, b’mod partikolari, Qorti Ewr. D. B., sentenzi S.W. u C.R. vs Ir-Renju Unit, tat-22 ta’ Novembru 1995, serje A Nri 335-B u 335-C, § 34 sa 36 u §32 sa 34; Cantoni vs Franza, tal-15 ta’ Novembru 1996, Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet 1996-V, § 29 sa 32, u Coëme et vs Il-Belġju, tat-22 ta’ Ġunju 2000, Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet 2000-VII, § 145), li fiha, din l-aħħar dispożizzjoni tmur kontra l-applikazzjoni retroattiva ta’ interpretazzjoni ġdida ta’ dispożizzjoni li tistabbilixxi ksur. Skond din il-ġurisprudenza, dan ikun il-każ jekk ikun jirrigwarda interpretazzjoni tal-ġurisprudenza li riżultat tiegħu mhuwiex raġonevalment prevvidibbli meta jkun twettaq il-ksur, b’mod partikolari fid-dawl ta’ l-interpretazzjoni aċċettata f’dak iż-żmien fil-ġurisprudenza relattiva għad-dispożizzjoni legali kkonċernata. Għandu jiġi madankollu ppreċiżat li jirriżulta minn din l-istess ġurisprudenza li l-portata tal-kunċett ta’ prevvidibbiltà jiddependi ħafna mill-kontenut tat-test partikolari, mill-qasam li jkopri kif ukoll min-numru u l-kwalità tad-destinatarji tiegħu. Barra minn hekk, il-prevedibbiltà tal-liġi ma tmurx kontra li persuna kkonċernata jkollha tasal biex tirrikorri għal kjarifiki sabiex tevalwa, b’mod raġonevoli fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn att iddeterminat. B’mod iżjed partikolari, fir-rigward tas-sentenza Cantoni vs Franza (iċċitata iktar ’il fuq, § 35), dan jirrigwarda speċjalment lill-professjonisti, li huma mdorrija jużaw prudenza kbira fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom. Wieħed jista' wkoll jistenna mingħandhom li huma jagħtu attenzjoni partikolari biex jevalwaw ir-riskji li dan ifisser (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 41supra, punti 215 sa 223).

45      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm għalhekk lok li jiġi vverifikat jekk it-tibdil li jikkostitwixxi l-adozzjoni tal-linji gwida kienx raġonevolment prevvidibbli meta seħħ il-ksur ikkonċernat.

46      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-innovazzjoni prinċipali tal-linji gwida hija li tieħu bħala punt inizjali l-kalkolu ta’ ammont bażiku, iddeterminat mill-iskali previsti f’dan ir-rigward mill-imsemmija linji gwida, liema skali jirriflettu l-gradi differenti ta’ ksur, iżda li, bħala tali, m’għandhomx relazzjoni mal-fatturat rilevanti. Dan il-metodu jistrieħ essenzjalment fuq li ssir tariffa, pjuttost relattiva u simplifikata, tal-multi (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 41supra, punt 225).

47      Għaldaqstant, għandu jiġi mfakkar li l-fatt li l-Kummissjoni fil-passat applikat multi ta’ ċertu livell għal ċerti tipi ta’ ksur ma jneħħix il-possibbiltà li tgħolli dan il-livell skond il-limiti indikati mir-regolament Nru 17, jekk dan huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni tal-politika Komunitarja tal-kompetizzjoni, iżda bil-kontra, l-applikazzjoni utili tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni teżiġi li l-Kummissjoni tkun tista' f’kull ħin tadatta l-livell ta’ multi għall-bżonnijiet ta’ din il-politika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 41supra, punt 227, tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 109, u tat-2 ta’ Ottubru 2003, Aristrain vs Il-Kummissjoni, C-196/99 P, Ġabra p. I-11005, punt 81; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ Marzu 1992, Solvay vs Il-Kummissjoni, T-12/89, Ġabra p. II-907, punt 309, u ta’ l-14 ta’ Meju 1998, Europa Carton vs Il-Kummissjoni, T-304/94, Ġabra p. II-869, punt 89; sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 41 supra, punt 56).

48      Jirriżulta minn dan li l-impriżi implikati fi proċedura amministrattiva li jistgħu jagħtu lok għal multa ma jiksbux aspettattiva leġittima mill-fatt li l-Kummissjoni ma tkunx ser taqbeż il-livell tal-multi mitluba preċedentement, lanqas fil-metodu ta’ kalkolu ta’ dawn l-aħħar (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 41 supra, punt 228).

49      Konsegwentement, l-imsemmija impriżi għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni l-possibbiltà li, f’kull żmien, il-Kummissjoni tiddeċiedi li tgħolli l-livell tal-multi meta mqabbel ma dak li ġie applikat fl-imgħoddi. Dan huwa validu mhux biss meta l-Kummissjoni tipproċedi li tgħolli l-livell ta’ l-ammont tal-multi billi taqta’ fuq multi f’deċiżjonijiet individwali, iżda wkoll jekk din iż-żieda ssir bl-applikazzjoni, għal każijiet speċifiċi, tar-regoli ta’ kondotta li għandhom portata ġenerali bħal-linji gwida (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 41 supra, punti 229 u 230).

50      Għalhekk, sostanzjalment, ADM b'mod żbaljat issostni li ż-żieda tal-livell tal-multi mill-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ l-akkordju, huwa sproporzjonat b’mod manifest meta mqabbel ma’ l-għan li tiġi żgurata l-implementazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni.

51      B’hekk, iċ-ċirkustanza invokata minn ADM – li kieku kellha tiġi meqjusa bħala fatt - li tgħid li l-applikazzjoni ta’ politika ġdida twassal għal multi li jammontaw bejn l-10 u l-34 darba superjuri għall-multi li kienu jingħataw abbażi tal-prattika preċedenti ma twassalx għal ksur tal-prinċipju ta’ non retroattività. Fil-fatt, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 44 tal-preżenti sentenza, għandu jkun raġonevolment previdibbli għal ADM li l-Kummissjoni f’kull mument tista' tirrevedi l-livell ġenerali tal-multi fil-kuntest ta’ l-implementazzjoni ta’ politika tal-kompetizzjoni differenti. B’hekk, ADM kellha raġonevolment tipprevedi t-tali żieda – li tqisha bħala stabbilita – fiż-żmien fejn il-ksur ikkonċernat kien seħħ.

52      Fl-aħħar nett, safejn ADM tqis li, biex jiġi żgurat l-effett dissważiv tal-multi, huwa neċessarju li l-impriżi jkunu jafu minn qabel il-livell tal-multi li huma għandhom jistennew li se jingħataw jekk huma jagħmlu xi ksur għar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, huwa biżżejjed li jiġi ppreċiżat li n-natura dissważiva tal-multi ma jippreżupponi bl-ebda mod li l-impriżi jkunu jafu minn qabel il-livell preċiż tal-multa li għandhom jistennew għal imġiba antikompetittiva stabbilita.

53      F’dak li jikkonċerna l-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali invokat minn ADM, għandu jiġi ppreċiżat li kien diġà ġie deċiż li l-fatt li ġie applikat il-metodu msemmi fil-linji gwida biex jiġi kkalkulat l-ammont tal-multa ta’ ADM ma jikkostitwixxix trattament diskriminatorju fir-rigward ta’ l-impriżi li wettqu ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni waqt l-istess perijodu iżda li, minħabba raġunijiet marbuta mad-data li fiha jiġi stabbilit il-ksur jew raġunijiet li jirrigwardaw l-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva li tikkonċernahom, kienu s-suġġett ta’ kundanni f’dati li kienu jippreċedu l-adozzjoni u l-pubblikazzjoni tal-linji gwida (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 41 supra, punti 69 sa 73; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Lulju 2001, Tate & Lyle et vs Il-Kummissjoni, T-202/98, T-204/98 u T-207/98, Ġabra p. II-2035, punti 118 u 119).

54      Konsegwentement, għandu jiġi miċħud l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

II –  Fuq ir-rilevanza tal-multi diġà imposti f’pajjiżi oħra

A –  L-argumenti tal-partijiet

55      ADM issostni li, billi rrifjutat li tnaqqas l-ammont tal-multi diġà imposti fuq ADM mill-Istati Uniti u mill-Kanada mill-ammont tal-multa stabbilita mid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju li jipprojbixxi l-akkumulu ta’ sanzjonijiet għall-istess ksur. Kif jirriżulta wkoll mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Diċembru 1972, Boehringer vs Il-Kummissjoni (7/72, Ġabra p. 1281), il-Kummissjoni għandha l-obbligu li timponi sanzjoni mill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz jekk il-fatti sostnuti kontra l-impriża rikorrenti mill-Kummissjoni, minn naħa, u minn dawn l-awtoritajiet, min-naħa l-oħra, huma identiċi. Dan huwa proprju l-każ ikkonċernat, peress li, bil-kontra tal-kawża li tat lok għas-sentenza Boehringer Boehringer vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, l-akkordju ssanzjonat mill-awtoritajiet Amerikani u Kanadiżi kien, skond ir-rikorrenti, l-istess, fis-suġġett, fil-post u fid-dewmien tagħha, għal dik issanzjonata mill-Kummissjoni, li għalhekk tkun ibbażat ruħha fuq l-elementi ta’ prova miġbura mill-awtoritajiet Amerikani.

56      F’dan ir-rigward, ADM tikkuntesta l-evalwazzjoni li tinsab fid-Deċiżjoni, li tgħid li l-multi imposti mill-Istati Uniti u mill-Kanada kienu biss ħadu in kunsiderazzjoni l-effetti antikompetittivi ta’ l-akkordju fil-kuntest ta’ dawn il-qrati (punt 333 tad-Deċiżjoni). Fl-Istati Uniti, id-deċiżjoni imposta fuq ADM fil-15 ta’ Ottubru 1996 turi, bil-kontra, li l-akkordju kkontestat kien globali u kien jimpedixxi l-kummerċ “fl-Istati Uniti u lil hinn”. Il-multa imposta għaldaqstant hija ta’ ammont partikolarment għoli minħabba l-portata ġeografika tal-ksur. Għal dak li jikkonċerna l-proċedura segwita mill-Kanada, il-fatt li kien jirrigwarda akkordju mondjali kien ukoll speċifikament meħud in kunsiderazzjoni.

57      F’kull każ, jekk wieħed ukoll iqis li l-affermazzjoni tal-Kummissjoni hija eżatta, il-fatt li awtoritajiet oħrajn ma kkunsidrawx l-effetti lokali ta’ ksur hija nieqsa minn kull rilevanza għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ l-interdizzjoni ta’ l-aggregazzjoni tas-sanzjonijet. Fil-fatt, skond is-sentenza Boehringer vs Il-Kummissjoni, punt 55 supra, hawnhekk, tkun biss determinanti l-identità tal-komportamenti inkriminati. Dan il-metodu huwa kkonfermat mill-prattika tal-Kummissjoni nnifisha li, f’deċiżjoni ta’ l-1983, kienet naqqset mill-ammont tal-multa imposta fuq impriżi li pparteċipaw f’akkordju l-ammont tal-multa li kienet diġà ġiet iffissata mill-awtoritajiet Ġermaniżi, meta kienet iddeċidiet biss fuq l-aspetti ta’ dan l-akkordju li ma kinux jagħmlu parti mill-Ġermanja [ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 83/546/KEE, tas-17 ta’ Ottubru 1983, dwar il-proċedura għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [81] tat-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ekonomika Ewropea (IV/30.064 – Ċilindri/Vireg magħmula minn ħadid u minn azzar fondut) (ĠU L 317, p. 1)].

58      ADM tqis li l-Kummissjoni naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni, fid-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multa, il-fatt li hija kienet diġà ġiet ikkundannata, f’pajjiżi terzi, għal multi u għal danni-interessi ta’ ammont suffiċjenti biex tiġi dissważa milli tikkommetti ksur ġdid tal-liġi tal-kompetizzjoni. B’hekk, ADM ġiet suffiċjentement ippenalizzata.

59      Barra minn hekk, skond ADM, il-Kummissjoni tiżbalja meta tikkonkludi li d-danni-interessi mħallsa minnha fil-kuntest tal-proċeduri diretti fl-Istati Uniti u fil-Kanada huma purament kumpensatorji. Fil-fatt, tippreċiża ADM, dawn id-danni-interessi mħallsa bis-saħħa ta’ regolament tranżazzjonali ħadu in kunsiderazzjoni t-talbiet ta’ danni-interessi b’rata tripla (“triple damages”) pretiżi mix-xerrejja kkonċernati. Għalhekk l-imsemmija danni-interessi jmorru lil hinn minn ammont purament kumpensatorju u jinkludu element ta’ natura penali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kienet marbuta tieħu in kunsiderazzjoni dawn l-ammonti ta’ natura penali, skond il-prinċipju li jgħid li l-ebda piena ma tista' tingħata żewġt idrabi għall-istess ksur.

60      Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

61      Għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ta’ ne bis in idem jipprojbixxi li l-istess persuna tiġi ssanzjonata iżjed minn darba għall-istess imġiba illegali sabiex jiġi protett l-istess interess ġuridiku. L-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju hija sottomessa għal tliet kunidzzjonijiet kumulattivi, jiġifieri l-identità tal-fatti, l-identità ta’ min wettaq il-ksur u l-identità ta’ l-interess ġuridiku protett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 p, C-217/00 P, u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 338).

62      Il-ġurisprudenza Komunitarja tgħid ukoll li impriża tista' validament tkun is-suġġett ta’ żewġ proċedimenti paralleli għall-istess komportament illegali, u għallhekk sanzjoni doppja, waħda mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru kkonċernat, l-oħra Komunitarja, safejn l-imsemmija proċedimenti jkollhom finijiet distinti u li m’hemmx identità bejn id-dispożizzjonijiet li ġew miksura (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 1969, Wilhelm et 14/68, Ġabra p. 1, punt 11; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ April 1995, Tréfileurope vs Il-Kummissjoni, T-141/89, Ġabra p. II-791, punt 191, u tas-6 ta’ April 1995, Sotralentz vs Il-Kummissjoni, T-149/89, Ġabra p. II-1127, punt 29).

63      Isegwi li l-prinċipju ta’ ne bis in idem iżjed u iżjed ma japplikax għal każ bħal dan, li fih il-proċeduri mressqa u s-sanzjonijiet imposti mill-Kummissjoni, minn naħa, u mill-awtoritajiet Amerikani u Kanadiżi, min-naħa l-oħra, ma jsegwux, kif wieħed isib, l-istess għanijiet. Fil-fatt, jekk, fl-ewwel każ, jirrigwarda ż-żamma ta’ kompetizzjoni mingħajr ma tagħmel ħsara fit-territorju ta’ l-Unjoni Ewropea jew fiż-ŻEE, il-protezzjoni mfittxija fit-tieni każ tikkonċerna s-suq Amerikan jew Kanadiż (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T-239/01, T-244/01, T-246/01, T-251/01 u T-252/01, Ġabra p. II-1181, punt 134, u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-kundizzjoni ta’ l-identità ta’ l-interess ġuridiku protett neċessarju biex jiġi applikat il-prinċipju ta’ ne bis in idem, huwa żbaljat ukoll.

64      Għaldaqstant, ADM b'mod żbaljat tinvoka l-prinċipju ta’ ne bis in idem f’dan il-każ.

65      Din il-konklużjoni mhijiex ikkunsidrata mill-ġdid mis-sentenza Boehringer vs Il-Kummissjoni, punt 55 supra, invokata minn ADM. Fil-fatt, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ma indikatx li l-Kummissjoni għandha timponi sanzjoni mill-awtoritajiet ta’ Stat terz li fih il-fatti sostnuti kontra impriża mill-Kummissjoni u mill-imsemmija awtoritajiet ikunu identiċi, iżda limitat ruħha li tindika li din il-kwistjoni għandha tiġi riżolta meta tasal (sentenza Boehringer vs Il-Kummissjoni, punt 55 supra, punt 3).

66      F’kull każ, meta għall-inqas il-prinċipju ta’ ekwità jkun jista', f’ċerti ċirkustanzi partikolari, iġiegħel lill-Kummissjoni tieħu in kunsiderazzjoni s-sanzjonijiet imposti mill-awtoritajiet ta’ Stati terzi meta dawn jissanzjonaw ukoll komportament fit-territorju tal-Komunità, għandu jiġi kkonstatat li ADM għadha ma pprovatx li dan huwa l-każ ikkonċernat u li l-awtoritajiet Amerikani u Kanadiżi ssanzjonaw l-akkordju safejn kien jitratta t-territorji tal-Komunità u taż-ŻEE.

67      Fil-fatt, is-sempliċi riferenza, fit-tranżazzjoni konkluża ma’ l-awtoritajiet Amerikani, dwar il-fatt li l-akkordju kellu rilevanza “fl-Istati Uniti u lil hinn” ma jurix li, meta sar il-kalkolu ta’ l-ammont tal-multa, l-awtoritajiet Amerikani ħadu in kunsiderazzjoni l-applikazzjonijiet jew l-effetti ta’ l-akkordju minbarra dawk li jikkonċernaw it-territorju Amerikan, b’mod partikolari fir-rigward taż-ŻEE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 63 supra, punt 143).

68      Għaldaqstant, f’dak li jikkonċerna l-ammont għoli tal-multa minħabba l-portata ġeografika tal-ksur, għandu jiġi kkunsidrat li din is-sempliċi affermazzjoni mhijiex suffiċjenti sabiex wieħed juri li l-impatt ta’ l-akkordju fuq is-suq taż-ŻEE ġie meħud in kunsiderazzjoni.

69      F’dak li jikkonċerna t-tranżazzjoni konkluża ma’ l-awtoritajiet Kanadiżi, ADM tibqa' fin-nuqqas li tgħaddi l-inqas prova tal-fatt li, fid-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multa, dawn l-awtoritajiet kienu kkonċernati bl-applikazzjoni jew l-effetti ta’ l-akkordju barra minn dawk li jikkonċernaw dan il-pajjiż u, b’mod partikolari, dawk li jikkonċernaw iż-ŻEE. Ir-riferenza għall-portata mondjali ta’ l-akkordju magħmula mill-awtoritajiet Kanadiżi u invokata minn ADM kienet hemm biss biex tiddefinixxi l-importanza ta’ l-akkordju fis-suq Kanadiż kollu.

70      Fir-rigward ta’ l-effett dissważiv tal-multi li ngħataw diġà, u d-danni u l-interessi, li fih id-danni u interessi tripli mhumiex kumpensatorji, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li l-kompetenza tal-Kummissjoni li timponi multi fuq l-impriżi li, deliberatament jew b’negliġenza, jikkommettu ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 81(1) KE jew ta’ l-Artikolu 82 KE, jikkostitwixxu wieħed mill-metodi tal-Kummissjoni biex tkun tista' twettaq il-missjoni ta’ sorveljanza li jagħtiha d-dritt Komunitarju. Din il-missjoni titlob l-obbligu li ssegwi politika ġenerali intiża li tapplika l-prinċipji ffissati mit-Trattat fil-qasam tal-kompetizzjoni u li tindirizza l-komportament ta’ l-impriżi f’dan is-sens (sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 47 supra, punt 105).

71      Isegwi li l-Kummissjoni għandha l-kompetenza li tiddeċiedi l-livell ta’ l-ammont tal-multi sabiex issaħħaħ l-effett dissważiv tagħhom meta l-ksur ta’ tip li ġie determinat għadu relattivament frekwenti, filwaqt li l-illegalità tagħhom ġiet stabbilita fil-bidu tal-politka Komunitarja fil-qasam tal-kompetizzjoni, minħabba l-profitt li ċerti impriżi interessati jistgħu jiksbu (sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 47 supra, punt 108).

72      ADM ma tistax turi b’mod validu li l-ebda dissważjoni ma kienet imposta fuqha minħabba li hija kienet diġà ġiet ikkundannata għall-istess fatti minn qrati ta’ Stati terzi. Fil-fatt, l-għan ta’ dissważjoni intiża mill-Kummissjoni kellha effett fuq it-tmexxija ta’ l-impriżi fil-Komunità jew fiż-ŻEE. Konsegwentement, in-natura dissważiva ta’ multa imposta fuq ADM, minħabba l-ksur tagħha tar-regoli tal-kompetizzjoni Komunitarji, ma jista' jiġi ddeterminat la fir-rigward tas-sitwazzjoni partikolari ta’ l-ADM biss, l-anqas fir-rigward tar-rispett min-naħa tagħha tar-regoli tal-kompetizzjoni ffissati fi Stati terzi lil hinn miż-ŻEE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 63 supra, punti 146 u 147).

73      Għaldaqstant, il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-multi imposti minn Stati oħrajn għandu jiġi miċħud.

III –  Fuq il-gravità tal-ksur

A –  Introduzzjoni

74      ADM tqis li l-Kummissjoni ma evalwatx korrettament il-gravità tal-ksur fil-kuntest tal-kalkolu ta’ l-ammont tal-multa. Il-motivi invokati fuq dan is-suġġett huma bbażati, l-ewwel nett, fuq in-nuqqas jew insuffiċjenza ta’ kunsiderazzjoni tal-fatturat imwettaq mill-bejgħ tal-prodott ikkonċernat, it-tieni nett, fuq l-applikazzjoni ta’ koeffiċenti multiplikatur fuq l-ammont inizjali u, it-tielet nett, fuq l-impatt konkret ta’ l-akkordju fuq is-suq.

75      Qabel ma tieħu deċiżjoni fuq is-sustanza tal-motivi differenti invokati f’dan il-kuntest, għandu jiġi spjegat fil-qosor il-metodu segwit mill-Kummissjoni fil-każ partikolari fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni u l-kunsiderazzjoni tal-gravità tal-ksur, kif jirriżulta mill-punti tad-Deċiżjoni.

76      Jirriżulta mid-Deċiżjoni li, biex tevalwa l-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni, l-ewwel nett, ikkunsidrat li l-partijiet ikkonċernati kienu għamlu ksur gravi ħafna, fir-rigward tan-natura tiegħu, ta' l-impatt tiegħu konkret fuq is-suq ta’ l-aċidu ċitriku u ta' l-estensjoni tas-suq ġeografiku kkonċernat, jiġifieri ż-ŻEE kollha (punti 204 sa 232 tad-Deċiżjoni).

77      Wara, il-Kummissjoni qieset li għandu jiġi applikat trattament differenti bejn il-partijiet ikkonċernati sabiex “tittieħed in kunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika reali ta’ min wettaq il-ksur [li] jikkawżaw dannu kunsiderevoli lil kompetizzjoni, u […] tiffissa l-multa għal livell li jiżguralha effett suffiċjentement dissważiv”. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni indikat li hija ħadet in kunsiderazzjoni l-kobor speċifiku ta’ kull impriża, u għaldaqstant l-effett reali ta’ l-imġiba illegali tagħha fuq il-kompetizzjoni (punti 233 u 234 tad-Deċiżjoni).

78      Għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni għażlet li tibbaża ruħha fuq il-fatturat imwettaq mill-partijiet ikkonċernati mill-bejgħ ta’ l-aċidu ċitriku fuq livell mondjali waqt l-aħħar sena tal-perijodu li fih sar il-ksur, jiġifieri s-sena 1995. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni kkunsidrat li, billi s-suq ta’ l-aċidu ċitriku huwa globali, “il-figuri […] li jagħtu immaġini iżjed fidila tal-kapaċità ta’ l-impriżi parteċipanti [li] jikkawżaw dannu kunsiderevoli lil operaturi oħrajn fis-Suq Komuni u/jew taż-ŻEE” (punt 236 tad-Deċiżjoni). Il-Kummissjoni żiedet li, skond hi, dan il-metodu kien validu minħabba l-fatt li kien jirrigwarda akkordju mondjali, li fih l-għan kien b’mod partikolari li jinqasmu s-swieq fuq livell mondjali. Hija qieset, barra minn hekk, li l-fatturat mondjali ta’ parti mill-akkordju kien jagħti wkoll idea tal-kontribut tagħha għall-effikaċja ta’ l-akkordju kollu kemm hu jew, bil-kontra, ta’ l-instabbiltà li kien ikollha li kieku din il-parti ma kinitx tipparteċipa (punt 236 tad-Deċiżjoni).

79      Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni ddeċidiet li taqsam l-impriżi fi tliet kategoriji: fl-ewwel kategorija, hija qiegħdet H & R minħabba l-fatt li, “b’parti mis-suq mondjali ta’ 22 %, [hija] kienet l-iżjed produttriċi importanti fis-suq”. Fit-tieni kategorija, hija qiegħdet lil ADM, JBL u HLR filwaqt li indikat li l-ewwel tnejn kellhom “l-istess partijiet mis-suq ta’ [kunfidenzjali]” u li l-aħħar waħda kellha parti mis-suq ta’ 9 %. Fl-aħħar nett, fit-tielet kategorija, hija qiegħdet lil Cerestar minħabba li hija kienet “mingħajr dubju l-iżgħar kompetitriċi” bi 2.5 % ta’ parti mis-suq fl-1995. B’hekk, il-Kummissjoni ffissat l-ammont bażiku ta’ EUR 35000000 għal H & R, ta’ EUR 21000000 għal ADM, JBL kif ukoll għal HLR, u ta’ EUR 3500000 għal Cerestar (punti 237 sa 239 tad-Deċiżjoni).

80      Fl-aħħar nett, biex jiġi żgurat li l-multa jkollha effett suffiċjentement dissważiv, il-Kummissjoni emendat dan l-ammont billi ħadet in kunsiderazzjoni l-kobor u r-riżorsi globali tal-partijiet ikkonċernati. B’hekk, il-Kummissjoni applikat koeffiċenti multiplikatur ta’ 2 (jiġifieri żieda ta’ 100 %) għall-ammont inizjali speċifiku għal ADM, li għaldaqstant sar EUR 42000000, u koeffiċenti multiplikatur ta’ 2.5 (jiġifieri żieda ta’ 150 %) għall-ammont inizjali speċifiku għal HLR li sar għaldaqstant sar EUR 87500000 (punti 240 sa 246 tad-Deċiżjoni).

B –  Fuq in-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-fatturat imwettaq mill-bejgħ tal-prodott ikkonċernat

1.     L-argumenti tal-partijiet

81      ADM tikkontesta lill-Kummissjoni l-fatt li ma kkunsidratx, jew ma kkunsidratx biżżejjed, il-fatturat tagħha mwettaq mill-bejgħ tal-prodott ikkonċernat għall-kalkolu ta’ l-ammont bażiku tal-multa.

82      Minn naħa, ADM issostni li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza li l-fatturat imwettaq permezz tal-prodott ikkonċernat huwa element importanti fil-kalkolu tal-multi (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Lulju 1994, Parker Pen vs Il-Kummissjoni, T-77/92, Ġabra p. II-549, punti 92 sa 95; tat-8 ta’ Ottubru 1996, Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummissjoni, T-24/93 sa T-26/93 u T-28/93, Ġabra p. II-1201, punt 233; tal-21 ta’ Ottubru 1997, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, T-229/94, Ġabra p. II-1689, punt 127, u ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, T-327/94 , Ġabra p. II-1373, punt 176).

83      ADM tqis li l-kunsiderazzjoni tal-fatturat imwettaq permezz tal-prodott ikkonċernat fiż-ŻEE hija bażi approprjata sabiex jiġu evalwati t-theddidiet għal kompetizzjoni fis-suq tal-prodott ikkonċernat fi ħdan il-Komunità kif ukoll ta’ l-importanza relattiva tal-parteċipanti fl-akkordju fir-rigward tal-prodotti kkonċernati. Din il-konklużjoni hija kkorroborata bil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (sentenza Europa Carton vs Il-Kummissjoni, punt 47 supra, punt 126, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, KNP BT vs Il-Kummissjoni, T-309/94, Ġabra p. II-1007, punt 108, ikkonfermata fl-appell mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, KNP BT vs Il-Kummissjoni, C-248/98 P, Ġabra p. I-9641).

84      Barra minn hekk, skond ADM, is-sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 41 supra, tikkonferma li l-kunsiderazzjoni sproporzjonata tad-daqs globali ta’ impriża biex tiffissa l-multa hija illegali.

85      ADM tinvoka wkoll il-fatt li, fil-prattika deċiżjonali ta’ l-aħħar snin li tikkonċerna każijiet li jixbhu dan il-każ [Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/601/KE, tat-13 ta’ Lulju 1994, dwar il-proċedura għall-implementazzjoni ta’ l-Artikolu 85 tat-Trattat KE (IV/C/33.833 -Kartun) (ĠU L 243, p. 1); Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/815/KE, tat-30 ta’ Novembru 1994, dwar il-proċedura għall-implementazzjoni ta’ l-Artikolu 85 tat-Trattat KE (IV/33.126 u 33.322 - Siment) (ĠU L 343, p. 1); Deċiżjoni tal-Kummissjoni 86/398/KEE, tat-23 ta’ April 1986, dwar il-proċedura għall-implementazzjoni ta’ l-Artikolu 85 tat-Trattat KEE (IV/31.149 – Polypropylene) (ĠU L 230, p. 1); Deċiżjoni tal-Kummissjoni 89/515/KEE, tat-2 ta’ Awwissu 1989, dwar il-proċedura għall-implementazzjoni ta’ l-Artikolu 85 tat-Trattat KE (IV/31.553 – Chicken wire) (ĠU L 260, p. 1), u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/215/KEFA, tas-16 ta’ Frar 1994, dwar il-proċedura għall-implementazzjoni ta’ l-Artikolu 65 tat-Trattat KEFA li tikkonċerna ftehim u prattiċi miftiehma li jimplikaw il-produtturi Ewropej ta’ travi (ĠU L 116, p. 1)], il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-volum ta’ bejgħ imwettaq mill-prodott ikkonċernat fis-suq Komunitarju, kif tgħid hija stess fid-Deċiżjoni (punt 253). Issa, hija tqis li, billi bbażat ruħha fuq id-deċiżjonijiet tagħha għal dan il-kriterju ta’ kalkolu, il-Kummissjoni ffissat multi li l-ammont tagħhom kien jinstab bejn it-2.5 u d-9 % tal-fatturat imwettaq mill-partijiet ikkonċernati permezz tal-prodott ikkonċernat. ADM tippreċiża li, jekk il-Kummissjoni wkoll kienet segwiet dan il-kriterju għall-kalkolu f’dan il-każ, dan kien iwassalha timponi multa li fiha l-ammont kien ikun bejn EUR 1150000 u EUR 4140000. Hija ssostni li, għaldaqstant, billi naqset milli tintrabat ma’ dan il-kriterju ta’ kalkolu, il-Kummissjoni imponitilha multi li f’dan l-ammont kien minn 10 sa 34 darba superjuri għal dak tal-multi li hija kienet timponi fuq din il-bażi.

86      ADM tqis li l-Kummissjoni b'mod żbaljat issostni wkoll li ħadet in kunsiderazzjoni l-fatturat tal-partijiet ikkonċernati billi kklassifikathom fi tliet kategoriji li jikkorrispondu ma' l-importanza tas-sehem li huma għandhom fis-suq mondjali ta’ l-aċidu ċitriku (punt 236). Skond ADM, il-Kummissjoni kellha wkoll tieħu in kunsiderazzjoni l-valur limitat ta’ bejgħ ta’ l-aċidu ċitriku fiż-ŻEE fl-1995.

87      Fil-fatt, l-ewwel nett, anki kif il-Kummissjoni stess tammetti, hija marbuta li tiddetermina l-gravità tal-ksur u, għaldaqstant, il-livell tal-multa fid-dawl ta’ l-effetti fuq iż-ŻEE. Issa, f’dan ir-rigward, l-argument invokat mill-Kummissjoni fil-punt 236 tad-Deċiżjoni li jgħid li f’dan il-kuntest għandu jiġi applikat il-fatturat mondjali meta jitqies li l-għan ta’ l-akkordju kien li “jirtiraw riżervi kompetittivi mis-suq taż-ŻEE” huwa nieqes minn kull bażi. Id-Deċiżjoni ma tippretendix li l-partijiet jaslu biex jirtiraw il-provvisti tagħhom mis-suq taż-ŻEE. ADM tippreċiża li l-akkordju kien stipula kwoti fuq bażi mondjali (punti 97 sa 101 tad-Deċiżjoni) u li ma kienx hemm kwoti separati għall-Ewropa. F’akkordju li jeffettwa l-konsumaturi taż-ŻEE, id-dannu kkawżat lilhom jibqa' l-istess kemm jekk jestendi jew ma jestendix lil hinn miż-ŻEE. F’dan ir-rigward, ma jrid ikun hemm l-ebda differenza fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u fid-determinazzjoni tal-multa imposta.

88      It-tieni nett, il-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni hija inkoerenti. Fil-fatt, fil-kawżi msemmija “Pajpijiet tal-ħadid mhux magħquda” [Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/382/KE, tat-8 ta’ Diċembru 1999, dwar il-proċedura għall-implementazzjoni ta’ l-Artikolu 81 KE (Kawża IV/E-1/35.860-B – Pajpijiet tal-ħadid mhux magħquda) (ĠU L 140, 2003, p. 1)] u “Sodium Gluconate” (Deċiżjoni tat-2 ta’ Ottubru 2001, li tikkonċerna l-proċedura għall-implementazzjoni ta’ l-Artikolu 81 KE u ta’ l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE , COMP/E-1/36.756 – Sodium Gluconate), il-Kummissjoni kellha biss l-intenzjoni li tieħu in kunsiderazzjoni biss il-bejgħ imwettaq fiż-ŻEE.

89      It-tielet nett, l-effetti kontradittorju ta’ kunsiderazzjoni tal-fatturat mondjali jidher f’dan il-każ, peress li l-bejgħ ta’ ADM fil-Kanada u fl-Istati Uniti, li jikkonsisti minn ftit jew wisq 50 % tal-bejgħ mondjali ta’ l-aċidu ċitriku fis-suq mondjali, ġà ttieħdu in kunsiderazzjoni mill-awtoritajiet ta’ dawn il-pajjiżi meta ġew imposti s-sanzjonijiet fuq ADM. Billi ħadet in kunsiderazzjoni l-fatturat mondjali, il-Kummissjoni tat multa sproporzjonata meta mqabbla mal-bejgħ ta’ ADM li għalihom din kienet diġà penalizzata.

90      Ir-raba’ nett, ADM tqis li, kieku kellu jitqies li l-fatturat mondjali mwettaq mill-bejgħ ta’ aċidu ċitriku seta' jikkostitwixxi fattur rilevanti fl-iffissar tal-multa, il-Kummissjoni ma ħadithiex in kunsiderazzjoni b’mod approprjat. Fil-fatt, l-ammont tal-multa imposta fuq ADM (qabel l-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni) hija ta’ 66 % tal-fatturat mondjali mwettaq mill-bejgħ ta’ aċidu ċitriku. Din is-sanzjoni taqbeż sostanzjalment kull dannu kkaġunat lill-konsumaturi jew lill-kompetizzjoni bil-parteċipazzjoni ta’ ADM fl-akkordju, li kien fil-fatt jikkorrispondi biss għal frazzjoni tal-fatturat imwettaq fis-suq mondjali. Iżjed preċiżament, il-Kummissjoni bbażat ruħha esklużivament fuq il-fatturat kollu u fuq ir-riżorsi ta’ l-impriża. Issa, ADM tqis li l-fatt li tkun ibbażat ruħha b’mod sproporzjonat fuq il-fatturat totali jwassal għall-impożizzjoni ta’ multa illegali.

91      Konsegwentement, ADM tqis li l-Kummissjoni mhux biss interpretat b’mod żbaljat il-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza iżda kisret ukoll il-prinċipju tal-proporzjonalità.

92      Min-naħa l-oħra, ADM issostni li l-linji gwida jindikaw li huwa “neċessarju li tittieħed in kunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva ta’ min wettaq il-ksur li joħolqu dannu kunsiderevoli lil operaturi oħrajn, b’mod partikolari lill-konsumaturi” u li huma barra minn hekk jipprevedu, fil-kuntest ta’ akkordji, kunsiderazzjoni eventwali intiża biex tirrifletti “l-impatt reali […] tal-komportament illegali ta’ kull impriża fuq il-kompetizzjoni”.

93      Issa, skond ADM, l-impatt ekonomiku, kemm jekk huwa fuq il-kompetizzjoni jew fuq l-operaturi l-oħrajn, jista' jiġi biss evalwat meta mqabbel ma’ l-ammont ta’ bejgħ tal-prodott ikkonċernat. Hija biss il-kunsiderazzjoni ta’ dan il-bejgħ li tippermetti li tkun tista' tiġi evalwata l-estensjoni tad-dannu potenzjali għall-konsumaturi jew għall-kompetizzjoni fir-rigward ta’ benefiċċju antikompetittiv jew fir-rigward ta’ profitti illegali oħrajn.

94      Konsegwentement, hija tqis li, billi naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni l-fatturat imwettaq mill-bejgħ tal-prodott ikkonċernat, il-Kummissjoni m’applikatx korrettament il-linji gwida tagħha.

95      Fl-aħħar nett, ADM tqis li, billi naqset milli tesponi b’mod speċifiku l-motivi esposti in sostenn tad-deċiżjoni tagħha li ma tiħux in kunsiderazzjoni l-bejgħ li ADM kienet għamlet fis-suq tal-prodott ikkonċernat fiż-ŻEE, il-Kummissjoni kisret l-obbligu tal-motivazzjoni li bih kienet marbuta.

96      Il-Kummissjoni titlob li l-motivi li ġew invokati jiġu miċħuda.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

97      ADM tqajjem il-ksur, minn naħa, tal-prinċipju tal-proporzjonalità u tal-linji gwida u, min-naħa l-oħra ta’ l-obbligu tal-motivazzjoni.

a)     Fuq il-ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità

98      Peress li dan ġie rrikonoxxut permezz ta’ ġurisprudenza stabbilita, il-gravità tal-ksur trid tiġi stabbilita fid-dawl ta’ numru ta’ elementi bħal, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża u l-kuntest tagħha, u dan mingħajr ma teżisti lista restrittiva jew eżawrjenti tal-kriterji li għandhom obbligatorjament jittieħdu in kunsiderazzjoni (Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Marzu 1996, SPO et vs Il-Kummissjoni, C-137/95 P, Ġabra p. I-1611, punt 54; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, C-219/95 P, Ġabra p. I-4411, punt 33; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni, T-9/99, Ġabra p. II-1487, punt 443).

99      Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li, fost l-elementi ta’ evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, skond il-każ, jistgħu jkunu parti minn din l-evalwazzjoni l-volum u l-valur tal-merkanziji li huma s-suġġett tal-ksur kif ukoll id-daqs u s-saħħa ekonomika ta’ l-impriża u, għaldaqstant, l-influwenza li din tista' teżerċita fis-suq rilevanti. Minn naħa, isegwi li huwa possibbli, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, li l-fatturat globali ta’ l-impriża tittieħed ukoll in kunsiderazzjoni, peress li jikkostitwixxi indikazzjoni, anki jekk aprossimattiva u imperfetta, tad-daqs u s-saħħa ekonomika tagħha, kif ukoll tas-suq ta’ l-impriżi kkonċernati fis-suq rilevanti li tista' tagħti indikazzjoni tal-kobor tal-ksur. Min-naħa l-oħra, jirriżulta minn dan li m’għandux jiġi attribwit lil waħda u jew lill-oħra figuri ta’ rilevanza sproporzjonata meta mqabbla ma’elementi oħra ta’ evalwazzjoni, billi l-iffissar ta’ ammont approprjat ta’ multa ma jistax ikun ir-riżultat ta’ sempliċi kalkolu abbażi ta’ dan il-fatturat globali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 47 supra, punti 120 u 121; is-sentenzi Parker Pen vs Il-Kummissjoni, punt 82 supra, punt 94; SCA Holding vs Il-Kummissjoni, punt 82 supra, punt 176; Archer Daniels Midland and Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 41 supra, punt 188, u HFB et vs Il-Kummissjoni, punt 98 supra, punt 444).

100    Jirriżulta minn dan li, jekk ma jiġix miċħud, kif issostni ADM, li l-fatturat tal-prodott ikkonċernat jista' jikkostitwixxi bażi approprjata biex jiġu evalwati t-theddidiet għall-kompetizzjoni fis-suq tal-prodott ikkonċernat fi ħdan il-Komunità kif ukoll l-importanza relattiva tal-parteċipanti fl-akkordju meta mqabbla mal-prodotti kkonċernati, ma jfissirx li dan l-element jikkostitwixxi, b'xi mod, l-uniku kriterju li bih tiegħu l-Kummissjoni għandha tevalwa l-gravità tal-ksur.

101    Konsegwentement, kontra dak li ssostni ADM, dan l-element ikun qed jingħatalu importanza sproporzjonata filwaqt li jillimita, bħal ma jidher li qed tipproponi, l-evalwazzjoni tar-relazzjoni bejn il-multa imposta u l-fatturat tal-prodott in kwistjoni sabiex tiġi evalwata n-natura proporzjonata tiegħu. Għandha tiġi evalwata n-natura proporzjonata ta’ dan il-livell ta’ multa meta mqabbel ma’ l-elementi kollha li l-Kummissjoni għandha tieħu in kunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, jiġifieri n-natura stess tal-ksur, l-impatt tiegħu konkret fuq is-suq ikkonċernat u l-estensjoni għas-suq ġeografiku.

102    Il-fondatezza tad-Deċiżjoni meta mqabbla ma wħud minn dawn il-kriterji se tiġi eżaminata, abbażi ta’ l-erba’ argumenti ta' ADM intiżi li juru sostanzjalment li l-Kummissjoni kellha, f’dan il-każ, tapplika f’dan il-kuntest il-fatturat ta’ l-impriżi kkonċernati fuq il-livell taż-ŻEE u mhux fuq il-livell mondjali.

103    Bħala l-ewwel argument tagħha, ADM tikkritika sostanzjalment il-fatt li, fil-punt 236 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat li kellha tagħmel użu mill-fatturat mondjali sabiex tikklassifika l-partijiet ikkonċernati fi tliet kategoriji peress li l-għan ta’ l-akkordju kien li “jirtiraw ir-riżervi kompetittivi tas-suq taż-ŻEE”. Issa, skond ADM, id-Deċiżjoni ma tippretendix li l-partijiet kienu mitluba jirtiraw il-provvisti tagħhom mis-suq taż-ŻEE.

104    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li għandu jiġi kkonstatat li ADM tiċċita din il-parti tad-Deċiżjoni 'l barra mill-kuntest tiegħu. Qari tal-punt 236 tad-Deċiżjoni kollha kemm turi b’mod ċar li, skond il-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ ftehim mondjali bħal f’dan il-każ, huwa biss il-fatturat mondjali li jippermetti li tiġi evalwata l-kapaċità effettiva tal-partijiet ikkonċernati li jikkaġunaw dannu lis-suq ikkonċernat. Konsegwentement, dan l-ewwel argument mhuwiex fondat.

105    Fit-tieni argument tagħha, ADM tipprova turi li, fil-prattika amministrattiva reċenti tagħha, il-Kummissjoni nnifisha rreferiet għall-fatturati mwettqa fiż-ŻEE.

106    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata madankollu li ż-żewġ deċiżjonijiet li hija tinvoka biex issostni l-imsemmi argument mhumiex rilevanti f’dan il-każ. Fil-fatt, fil-kawża msejħa “Pajpijiet tal-ħadid mhux magħquda” (ara l-punt 88 supra), il-Kummissjoni ma kklassifikatx il-partijiet ikkonċernati (ara l-punti 159 sa 162 tad-Deċiżjoni fl-imsemmija kawża). Fir-rigward tal-kawża msejħa “Sodium Gluconate” (ara l-punt 88 supra), bħal f’dan il-każ, il-Kummissjoni rreferiet għall-fatturat mondjali sabiex tikklassifika l-impriżi. L-argumentazzjoni ta’ ADM hija għaldaqstant nieqsa minn fatti.

107    Bħala t-tielet argument tagħha, ADM tqajjem, sostanzjalment, il-fatt li l-bejgħ tagħha ta’ aċidu ċitriku fil-Kanada u fl-Istati Uniti, li huma ta’ madwar 50 % tal-bejgħ tagħha ta’ aċidu ċitriku fis-suq mondjali, diġà ttieħdu in kunsiderazzjoni mill-awtoritajiet ta’ dawn il-pajjiżi meta ġew imposti s-sanzjonijiet fuq ADM. Fir-rigward tal-fatt li ADM issostni, sostanzjalment, b’din l-argumentazzjoni, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ l-interdizzjoni tal-kumulu ta’ penalitajiet, din l-argumentazzjoni kienet diġà ġiet miċħuda mill-Qorti tal-Prim’Istanza bħala infondata (ara l-punti 61 sa 73 supra). Fir-rigward tal-fatt li ADM tqis, b’din l-argumentazzjoni, li mhijiex kompetenza tal-Kummissjoni li tiffissa l-multa abbażi ta’ l-imġiba fi swieq li huma esterni għall-ispazju Komunitarju, din l-argumentazzjoni hija nieqsa min fatti. Fil-fatt, il-Kummissjoni m’għamlitx użu mill-fatturat mondjali bħala bażi għall-kalkolu tal-multa, iżda biss bħala mod li tiddetermina l-kapaċità ekonomika li tista' tagħmel dannu lill-kompetizzjoni ta’ kull impriża u li tiffissa l-multa għal livell li jiggarantixxi effett dissważiv suffiċjenti għal kull impriża, li hija ġġustifikata fir-rigward tan-natura mondjali ta’ l-akkordju.

108    Bħala r-raba’ argument tagħha, ADM tipprova sostanzjalment tistabbilixxi li l-kunsiderazzjoni tal-fatturat imwettaq permezz tal-bejgħ ta’ aċidu ċitriku fuq livell mondjali wassal għal multa sproporzjonata meta mqabbla mad-dannu kkawżat lill-konsumaturi u lill-kompetizzjoni.

109    Issa, għandu jiġi mfakkar li, f’dan il-każ, is-suġġett jirrigwarda ftehim li jgħaqqad impriżi li joperaw fuq livell mondjali, li għandhom 60 % tas-suq tal-prodott rilevanti fuq livell mondjali, u, b’mod partikolari, li tibbaża, minbarra l-iffissar tal-prezzijiet, partikolarment fuq id-diviżjoni tas-suq bl-allokazzjoni tal-kwoti ta’ bejgħ. Fit-tali każ, fil-kuntest tat-trattament iddifferenzjat tal-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni tista' b’mod validu, bħal ma hija għamlet f’dan il-każ, tibbaża ruħha fuq il-fatturat imwettaq mill-membri rispettivi ta’ l-akkordju fuq livell mondjali, f’dan il-każ ta’ l-aċidu ċitriku. Fil-fatt, l-għan ta’ dan it-trattament iddifferenzjat huwa li tiġi evalwata l-kapaċità ekonomika effettiva ta’ min iwettaq ksur li jikkawża dannu għall-kompetizzjoni bl-imġiba illegali tiegħu u, għalhekk, li jittieħed in kunsiderazzjoni l-piż speċifiku tiegħu fi ħdan dan il-ftehim. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma eċċedietx il-marġini ta’ evalwazzjoni estiża li hija rrikonoxxuta lilha f’dan il-qasam meta qieset li l-parti rispettiva tas-suq mondjali tal-membri ta’ l-akkordju kien valur indikattiv approprjat.

110    Għaldaqstant, il-motivi bbażati fuq il-ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità għandhom jiġu miċħuda.

b)     Fuq il-ksur tal-linji gwida

111    F’dak li jikkonċerna l-ksur tal-linji gwida, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li dawn l-aħħar ma jipprevedux li l-ammont tal-multi huwa kkalkulat permezz tal-fatturat globali jew tal-fatturat imwettaq mill-impriżi fis-suq ikkonċernat. Madankollu, hija ma topponix iżjed li l-fatturat jittieħed in kunsiderazzjoni meta jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa bil-għan li jiġu rrispettati l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju u dan meta ċ-ċirkustanzi jeżiġu hekk (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 41 supra, punt 283, ikkonfermata fl-appell mis-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 41 supra, punt 258, u Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 41 supra, punt 187).

112    Konsegwentement, il-linji gwida ma jipprevedux li l-fatturat ta’ l-impriżi kkonċernati – kemm jekk huwa l-fatturat globali jew dak ibbażat fuq il-bejgħ tal-prodotti kkonċernati – jikkostitwixxi l-punt inizjali għall-kalkolu tal-multi u, wisq inqas, li jikkostitwixxu l-uniċi kriterji rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-gravità tal-ksur.

113    Madankollu, il-Kummissjoni tista' tieħu dan in kunsiderazzjoni bħala element rilevanti fost oħrajn. Dan huwa partikolarment il-każ meta, skond it-tielet sas-sitt inċiż tal-punt 1A tal-linji gwida, il-Kummissjoni tadatta l-ammont sabiex tiggarantixxi livell tal-multi suffiċjentement dissważiv. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tieħu in kunsiderazzjoni l-kapaċità effettiva ta’ min wettaq il-ksur li jikkawża dannu kunsiderevoli lill-operaturi l-oħra u n-neċessità li tiġi żgurata li l-multa jkollha natura suffiċjentement dissważiva (punt 1 A, ir-raba’ inċiż) u tieħu in kunsiderazzjoni l-ammonti ddeterminati fuq il-piż speċifiku, u għalhekk l-impatt reali, ta’ l-imġiba illegali ta’ kull impriża fuq il-kompetizzjoni, partikolarment meta teżisti disparità kunsiderevoli fid-dimensjoni ta’ l-impriżi li jkunu wettqu ksur ta’ l-istess natura (punt 1 A, is-sitt inċiż).

114    F’dan il-każ, il-Kummissjoni sostniet fis-sottomissjonijiet tagħha li hija bbażat ruħha fuq il-fatturat imwettaq mis-suq tal-prodott ikkonċernat biex tevalwa r-rilevanza relattiva għal kull impriża. Issa, anki kif jirriżulta mill-punt 236 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ħadet sew in kunsiderazzjoni il-fatturat mondjali imwettaq għall-prodott in kwistjoni sabiex tittieħed in kunsiderazzjoni l-importanza relattiva ta’ l-impriżi fis-suq ikkonċernat. Fil-fatt, kif ġie wkoll diġà kkonstatat fil-punti 77 u 78 supra, il-Kummissjoni qieset li, biex tapplika trattament iddifferenzjat sabiex tieħu in kunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika reali ta’ min wettaq il-ksur li jikkawżaw dannu kunsiderevoli għall-kompetizzjoni u li tiffissa l-multa għal livell li jiżguralha effett suffiċjentement dissważiv, hija għażlet li tibbaża ruħha fuq il-fatturat imwettaq mill-partijiet ikkonċernati mill-bejgħ ta’ aċidu ċitriku fuq livell mondjali waqt l-aħħar sena tal-perijodu li fih seħħ il-ksur, jiġifieri s-sena 1995.

115    F’dan il-każ, jitratta ftehim mondjali li jgħaqqad l-impriżi li għandhom parti kbira ħafna mis-suq tal-prodott rilevanti fuq livell mondjali. Barra minn hekk, il-ftehim jibbaża fuq l-iffissar tal-prezzijiet u fuq id-diviżjoni tas-suq bl-attribuzzjoni tal-kwoti ta’ bejgħ. Fit-tali każ, fil-kuntest ta’ trattament differenzjat bejn l-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni tista' validament tibbaża ruħha fuq il-fatturati mwettqa mill-membri ta’ dan l-akkordju bil-bejgħ tagħhom ta’ l-aċidu ċitriku fuq livell mondjali. Fil-fatt, billi l-għan ta’ dan it-trattament iddifferenzjat kien li tevalwa l-kapaċità ekonomika effettiva ta’ min iwettaq ksur li jikkawżaw dannu għall-kompetizzjoni bl-imġiba illegali u, b'hekk, li tieħu in kunsiderazzjoni l-piż speċifiku tagħhom fi ħdan il-ftehim, il-Kummissjoni ma qabżitx il-marġini kbira tagħha ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-parti tas-suq mondjali tal-membri rispettivi ta’ l-akkordju kien valur indikattiv approprjat.

116    Konsegwentement, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-linji gwida għandu jiġi miċħud.

c)     Fuq il-ksur ta’ l-obbligu tal-motivazzjoni

117    Hija ġurisprudenza stabbilita li l-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament ta’ l-awtorità Komunitarja, awtriċi ta’ l-att inkriminat, b’mod li tippermetti lil min hu kkonċernat li jkun jaf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura li ttieħdet u lill-qorti kompetenti li teżerċità l-istħarriġ tagħha. Il-ħtieġa għal motivazzjoni għandha tiġi apprezzata fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut ta’ l-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista' jkollhom biex jirċievu xi spjegazzjonijiet. Mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti, safejn il-kwistjoni li jsir magħruf jekk il-motivazzjoni ta’ att jissodisfax l-eżiġenzi ta’ l-Artikolu 253 KE għandu jiġi apprezzat fir-rigward mhux biss minn kif inhi msejħa, iżda wkoll mill-kuntest tagħha kif ukoll mir-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 63, u tat-30 ta’ Settembru 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-301/96 , Ġabra p. I-9919, punt 87).

118    Fir-rigward ta’ deċiżjoni li timponi multi fuq numru ta’ impriżi għal ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, il-portata ta’ l-obbligu tal-motivazzjoni għandha tiġi partikolarment iddeterminata fid-dawl tal-fatt li l-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita permezz ta’ numru kbir ta’ elementi bħal, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża u l-kuntest tagħha, u dan mingħajr ma teżisti lista restrittiva jew eżawrjenti tal-kriterji li għandhom obbligatorjament jittieħdu in kunsiderazzjoni (digriet SPO et vs Il-Kummissjoni, punt 98 supra, punt 54).

119    F’dan il-każ, il-Kummissjoni kkalkulat l-ammont tal-multa li kellha timponi fuq impriża abbażi tal-fatturat tagħha relatat mal-prodott ikkonċernat, madankollu hija ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-fatturat tal-prodott ikkonċernat fiż-ŻEE, iżda fuq livell mondjali (ara l-punt 114 supra). Kontra dak li tafferma ADM, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta li tieħu in kunsiderazzjoni l-fatturat relatat mal-prodott ikkonċernat fiż-ŻEE (ara l-punt 111 supra). Għaldaqstant, m’għandhiex tiġi akkużata li ma indikatx il-motivi li għalihom hija ma kkunsidratx dan il-fattur sabiex tikkalkula l-ammont tal-multa li hija kellha timponi fuqha.

120    Għaldaqstant, il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-obbligu tal-motivazzjoni għandu wkoll jiġi miċħud.

C –  Fuq l-applikazzjoni ta’ koeffiċenti multiplikatur fuq l-ammont tal-bidu

1.     L-argumenti tal-partijiet

121    ADM tqis li l-applikazzjoni ta’ koeffiċenti multiplikatur ta’ 2 fuq l-ammont tal-bidu (punt 246 tad-Deċiżjoni) tikkostitwixxi miżura manifestament sproporzjonata, li hija barra minn hekk ibbażata fuq raġunament żbaljat u li tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

122    L-ewwel nett, ADM tfakkar li, fil-kuntest tal-proċeduri meħuda fl-Istati Uniti u fil-Kanada għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, hija diġà ħallset multi [USD 30000000 fl-Istati Uniti u CAD 2000000 fil-Kanada], ikkumpensat lill-konsumaturi (USD 83000000), ħallset madwar USD 34000000 biex ittemm proċedimenti mibdija kontriha mill-azzjonisti tagħha, rat lil wieħed mill-membri tal-persunal tagħha jiġi kkundannat għal piena ta’ ħabs fl-Istati Uniti u adottat, fuq livell mondjali, politika ta’ konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni. Dawn is-sanzjonijiet u miżuri kollha jirrendu inutli u sproporzjonata l-impożizzjoni ta’ sanzjoni ġdida dissważiva mill-Kummissjoni.

123    It-tieni nett, ADM issostni li, meta jitqies li l-impriżi huma entitajiet ekonomiċi razzjonali, sabiex il-multa jkollha effettivament natura dissważiva, huwa biss neċessarju li hija tiġi ffissata għal livell li ammont tiegħu jaqbeż il-benefiċċju li tkun wettqet mill-ksur. Hija tqis li, jekk l-impriżi jifhmu li t-telf marbut mas-sanzjoni tannulla l-benefiċċju ta’ l-akkordju, il-multa kien diġà jkollha effett dissważiv. Din il-pożizzjoni kienet ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 47 supra (punt 108). Hija tikkorrispondi wkoll mal-linji gwida li jirrakkomandaw (fir-raba’ inċiż tal-punt I A) li l-effett dissważiv jiġi evalwat fid-dawl tal-kapaċità tal-parteċipanti fl-akkordju kkonċernat li joħolqu dannu lill-konsumaturi u, konsegwentement, jeżiġu li kull benefiċċju li jirriżulta minn akkordju illegali jittieħed in kunsiderazzjoni fid-determinazzjoni ta’ l-effett dissważiv approprjat. Fl-aħħar nett, dan il-metodu huwa komuni għal regoli Komunitarji oħrajn.

124    ADM ma tikkuntestax li l-fatturat globali tista' tittieħed in kunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-multa. Madankollu, li tingħata importanza żejda jwassal għal multa sproporzjonata. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tillimita ruħha li tiddefendi ż-żieda applikata b’komparazzjoni billi tirreferi għall-fatturat ta’ ADM. Issa, l-ebda spjegazzjoni razzjonali ma tista' tiġġustifika li l-kalkolu taż-żieda b’effett dissważiv kien ikkonċentrat fuq il-fatturat globali tagħha. Il-metodu magħżul mill-Kummissjoni ma tispjega bl-ebda mod għaliex kellha tirriduċi fix-xejn il-benefiċċji mwettqa minn ADM permezz tal-bejgħ ta’ prodotti li m’għandhom l-ebda relazzjoni mal-ksur ikkonċernat bil-għan li tiddisswadi l-partijiet ikkonċernati jsegwu l-attivitajiet tagħhom fi ħdan akkordju bbażat fuq l-aċidu ċitriku.

125    It-tielet nett, ADM terġa tfakkar il-punt li jgħid li sanzjoni dissważiva effikaċi għandha ġġib fix-xejn il-profitt mistenni mill-akkordju (ara l-punt 123 supra). Madankollu, ADM issostni li f’dan il-każ kienet JBL li kienet wettqet l-ogħla bejgħ annwali fiż-ŻEE (EUR 77000000) u li wettqet l-ogħla profitt permezz ta' l-akkordju. Għalhekk, ADM tqajjem li JBL ma ġietx imposta żieda dissważiva f’dan l-istadju tal-kalkolu tal-multi. Min-naħa l-oħra, ADM issostni li b’bejgħ anwali fiż-ŻEE li jirrappreżenta EUR 46000000, hija sabet li l-ammont bażiku tal-multa imposta fuqha ġie rduppjat biż-żieda ta’ EUR 21000000 applikat bħala dissważjoni. ADM tqis minn dan kollu li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

126    Ir-raba’ nett, ADM tqis li l-Kummissjoni ma tistax issostni b’mod validu fir-risposti li, barra l-akkordju fis-suq ta’ l-aċidu ċitriku, ADM kienet ipparteċipat simultanjament f’żewġ akkordji oħra. Fil-fatt, dan l-element ma jerġax jiġi kkunsidrat fid-Deċiżjoni. Għaldaqstant, f’kull deċiżjoni relatata ma’ dawn l-akkordji, il-Kummissjoni applikat koeffiċenti multiplikatur sabiex tiżgura effett dissważiv lill-multa.

127    Il-ħames nett, ADM tqis li d-Deċiżjoni mhijiex motivata biżżejjed fuq dan il-punt. ADM issostni fil-fatt li l-Kummissjoni naqset milli tippreċiża fuq liema bażi żieda ta’ dan id-daqs setgħat tiġi meqjusa neċessarja sabiex ikollha effett dissważiv. Hija ddeċidiet li tiddikjara li l-kumpanniji ta’ l-ikbar daqs kellhom jiġu milquta b’ammendi ogħla iżda ma indikatx ir-raġunijiet li għalihom l-irduppjar tal-multa kienet, f’dan il-każ, ikkunsidrata adegwata għal ADM, l-anqas ma indikat jekk fatturi bħas-sanzjonijiet li diġà ngħataw u li kienu jeżerċitaw effett dissważiv fuq l-intenzjoni li jsiru profitti mill-akkordju ġewx meħuda in kunsiderazzjoni. Issa, skond ADM, il-Kummissjoni, f’dan il-każ, kienet marbuta tesponi b’mod ċar il-motivi li jiġġustifikaw l-adozzjoni tal-miżura kkonċernata, Fil-fatt, ADM issostni li ma jeżistux każijiet ippubblikati li fihom il-Kummissjoni tinkludi żieda “suffiċjentement dissważiva” bħala miżura supplementari fil-proċedura tal-kalkolu tal-multi. Għaldaqstant, din iż-żieda tirrappreżenta parti kunsiderevoli tal-multa li finalment ġiet imposta fuq ADM.

128    Il-Kummissjoni titlob li l-motivi invokati jiġu miċħuda.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

a)     Fuq il-ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità

129    Fir-rigward ta’ dak li ADM sostanzjalment issostni li, meta jintqies li l-impriżi huma entitajiet ekonomiċi razzjonali u li, sabiex il-multa jkollha effettivament natura dissważiva, huwa biss neċessarju li din tiġi ffissata fuq livell li jaqbeż l-ammont ta’ benefiċċju mwettaq mill-ksur, għandu jiġi mfakkar li d-dissważjoni hija waħda mill-kunsiderazzjonijiet prinċipali li għandha tmexxi lill-Kummissjoni fid-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1970, Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, punt 173, u ta’ l-14 ta’ Lulju 1972, BASF vs Il-Kummissjoni, 49/69, Ġabra p. 713, punt 38).

130    Issa, jekk il-multa kellha tiġi ffissata fuq livell li jaqbeż l-ammont ta’ benefiċċju mwettaq mill-akkordju, din ma kienx ikollha effett dissważiv. Jista' fil-fatt jiġi raġonevolment preżunt li impriżi razzjonalment jieħdu in kunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-kalkolu finanzjarju tagħhom u fit-tmexxija tagħhom, mhux biss tal-livell tal-multi li huma jistgħu jirċievu fil-każ ta’ ksur, iżda wkoll tal-livell tar-riskju li jiġi skopert l-akkordju. Barra minn hekk, li kieku kellha titnaqqas il-funzjoni tal-multa għas-sempliċi tixjin tal-profitt jew tal-benefiċċju li jirriżulta, ma tkunx ingħatat biżżejjed kunsiderazzjoni tan-natura infrazzjonali ta’ l-imġiba kkonċernata skond l-Artikolu 81(1) KE. Fil-fatt, billi tnaqqas il-multa għal sempliċi ħlas ta’ kumpens għal dannu subit, ikun qed jintesa, minbarra l-effett dissważiv li huwa intiż għall-imġiba fil-ġejjieni, in-natura repressiva ta' tali miżura fir-rigward tal-ksur konkret effettivament imwettaq.

131    B’hekk, fil-każ ta’ impriża li, bħal ADM, hija preżenti fuq numru kbir ta’ swieq u għandha kapaċità finanzjarja partikolarment kbira, il-kunsiderazzjoni tal-fatturat imwettaq fis-suq ikkonċernat tista' ma tkunx suffiċjenti biżżejjed biex tiżgura li l-multa jkollha effett dissważiv. Fil-fatt, iżjed ma impriża hi kbira u għandha riżorsi globali li jagħtuha l-kapaċità li taġixxi b’mod indipendenti fis-suq, iżjed għandha tkun konxja ta’ l-importanza tar-rwol tagħha fir-rigward tat-tħaddim tajjeb tal-kompetizzjoni fis-suq. Għaldaqstant, iċ-ċirkustanzi ta’ fatt relatati mas-saħħa ekonomika ta’ impriża li tinsab ħatja ta’ ksur, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni fl-eżami tal-gravità tal-ksur. Għaldaqstant, il-kunsiderazzjoni tal-fatturat globali ta’ ADM biex jiġi kkalkulat l-ammont tal-multa ma twassalx għal multa sproporzjonata f’dan il-każ.

132    Għaldaqstant, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità għandu jiġi miċħud.

b)     Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

133    Għandu jiġi mfakkar li, skond il-prinċipju ta’ trattament ugwali, il-Kummissjoni ma tistax tittratta sitwazzjonijiet komparabbli b’mod differenti jew sitwazzjonijiet differenti b’mod identiku, sakemm dan it-trattament mhuwiex oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Diċembru 1984, Sermide, 106/83, Ġabra p. 4209, punt 28, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, BPB ta’ Eendracht vs Il-Kummissjoni, T-311/94, Ġabra p. II-1129, punt 309).

134    ADM sostanzjalment issostni li, minkejja figuri tal-bejgħ ta’ aċidu ċitriku iżjed għolja (EUR 77000000) minn dawk li hija wettqet (EUR 46000000), il-Kummissjoni ma imponietx żieda fil-multa ta’ JBL bħal ma kienet ġiet imposta fuqha.

135    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi ppreċiżat li l-applikazzjoni ta’ koeffiċenti multiplikatur għandu l-għan li jiżgura li l-multa jkollha effett dissważiv għall-inqas għal impriżi ta’ daqs kbir ħafna. Issa, il-fatturat imwettaq fis-sena 2000 minn JBL kien biss laħaq EUR 314000000, filwaqt li, għal ADM, dan kien laħaq EUR 13936000000. B’hekk għandu wkoll jittieħed in kunsiderazzjoni li impriżi kbar ħafna, bħal ADM, għandhom responsabbiltà akkwiżita fir-rigward tal-kompetizzjoni ħielsa fis-swieq li fihom huma preżenti u għandhom bħala regola ġenerali infrastruttura iżjed importanti fir-rigward ta’ għarfien legali u ekonomiku li jippermettilhom jevalwaw in-natura infrazzjonali ta’ l-imġiba tagħhom fir-rigward tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni.

136    Għaldaqstant, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għandu wkoll jiġi miċħud.

c)     Fuq il-ksur ta’ l-obbligu tal-motivazzjoni

137    Fir-rigward ta’ l-argument li bih ADM issostni li l-Kummissjoni ma indikatx ir-raġunijiet li għalihom l-irduppjar tal-multa ġiet meqjusa adegwata, l-anqas jekk ċerti fatturi bħas-sanzjonijiet imposti u li għandhom effett dissważiv fuq it-tfittxija ta’ profitti li jirriżultaw mill-akkordju ttieħdu in kunsiderazzjoni, għandu jsir riferiment, l-ewwel nett, għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 117 u 118 supra. Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni mmotivat l-applikazzjoni ta’ koeffiċenti multiplikatur, b’mod partikolari, għall-multa kkalkulata għal ADM bil-bżonn li tiżgura li l-multa jkollha effett suffiċjentement dissważiv. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-fatturati mondjali tal-partijiet ikkonċernati (punti 50 u 241 tad-Deċiżjoni). Fl-aħħar nett, fil-punt 26 tad-Deċiżjoni, hija indikat li kienet tqis li l-applikazzjoni ta’ koeffiċenti multiplikatur ta’ 2 kienet approprjata biex tiżgura n-natura dissważiva tal-multa li kellha tiġi imposta fuq ADM.

138    Fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ l-importanza ta’ koeffiċenti multiplikatur applikat lil ADM, il-Kummissjoni setgħet tillimita ruħha li tinvoka d-daqs ta’ din l-impriża bħal ma jirriżulta b’mod approssimattiv mill-fatturat globali mwettaq minnha, u li tippreċiża n-neċessità li tiżgura n-natura dissważiva tal-multa. Ma kinitx meħtieġa, bis-saħħa ta’ l-obbligu tal-motivazzjoni, li tindika l-elementi f’figuri relatati mal-metodu tal-kalkolu li jaqa’ taħt din l-għażla (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Sarrió vs Il-Kummissjoni, C-291/98 P, Ġabra p. I-9991, punt 80).

139    Għaldaqstant, il-Kummissjoni motivat suffiċjentement id-Deċiżjoni fuq dan il-punt u l-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-obbligu tal-motivazzjoni għandha wkoll tiġi miċħuda.

D –  Fuq l-eżistenza ta’ żbalji ta’ evalwazzjoni relatati ma’ l-impatt konkret ta’ l-akkordju fuq is-suq

1.     Introduzzjoni

140    L-ewwel nett, hemm lok li jiġi mfakkar li l-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita fir-rigward ta’ numru ta’ elementi bħal, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża u l-kuntest tagħha, u mingħajr ma tkun ġiet stabbilita lista restrittiva jew eżawrjenti tal-kriterji li għandhom obbligatorjament jittieħdu in kunsiderazzjoni (digriet SPO et vs Il-Kummissjoni, punt 98 supra, punt 54; is-sentenzi Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, punt 98 supra, punt 33, u HFB et vs Il-Kummissjoni, punt 98 supra, punt 443). F’dan il-kuntest, l-impatt konkret ta’ l-akkordju fuq is-suq ikkonċernat jista' jittieħed in kunsiderazzjoni bħala waħda mill-kriterji rilevanti.

141    Fil-linji gwida tagħha (l-ewwel inċiż tal-punt 1 A), il-Kummissjoni indikat li, biex tevalwa l-gravità ta’ ksur, hija tieħu in kunsiderazzjoni, minbarra n-natura proprja ta’ dan il-ksur u l-estensjoni tas-suq ġeografiku kkonċernat, “l-impatt konkret [tal-ksur] fuq is-suq meta jista' jiġi mkejjel”.

142    F'dak li jirrigwarda dan il-każ, jirriżulta mill-punti 210 sa 230 tad-Deċiżjoni li l-Kummissjoni effettivament iffissat l-ammont tal-multa, kkalkulata skond il-gravità tal-ksur, billi ħadet in kunsiderazzjoni dawn it-tliet kriterji. B’mod partikolari, f’dan il-kuntest, hija kkunsidrat li l-akkordju kellu “effett reali” fuq is-suq ta’ l-aċidu ċitriku (punt 230 tad-Deċiżjoni).

143    Issa, skond ADM, f’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għamlet diversi żbalji fl-evalwazzjoni ta’ l-impatt konkret ta’ l-akkordju fuq is-suq ta’ l-aċidu ċitriku. Skond ADM, dawn l-iżbalji jeffettwaw il-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi.

2.     Fir-rigward ta’ l-argument li l-Kummissjoni għażlet metodu żbaljat biex turi li l-akkordju kellu impatt konkret fuq is-suq

a)     L-argumenti tal-partijiet

144    ADM sostanzjalment issostni li l-Kummissjoni għażlet metodu żbaljat biex turi li l-ksur kellu impatt konkret fuq is-suq.

145    ADM tikkontesta lill-Kummissjoni li ma stabbilietx l-impatt konkret ta’ l-akkordju fuq is-suq ta’ l-aċidu ċitriku. Hija tgħid li, fil-punt 211 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni stess iddikjarat li l-marġini bejn il-prezzijiet li fil-verità ġew ipprattikati u dawk li ġew applikati fin-nuqqas ta’ l-akkordju ma setgħetx tiġi kkalkulata b’ċertezza. F'tali sitwazzjoni, minflok ma tippreżenta, għall-inqas, teorija difendibbli mil-lat ekonomiku ta’ x’kien jiġri kieku l-akkordju ma kienx eżista, il-Kummissjoni sempliċement invokat suppożizzjonijiet fis-sens li l-implementazzjoni tal-ftehim fuq l-akkordju kellha tipproduċi effetti fuq is-suq ikkonċernat.

146    ADM tqis li, minkejja l-fatt li, waqt il-proċedura amministrattiva, ADM ippreżentat rapport ta’ esperti lill-Kummissjoni tat-30 ta’ Ġunju 2000, imsemmi, b’mod partikolari, fil-punti 222 u 223 tad-Deċiżjoni u li fiha ADM tirreferi għar-risposta tagħha fin-nota ta' lmenti u li fiha kien intwera li l-akkordju ma kellu l-ebda effett fuq is-suq rilevanti (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ l-esperti”), il-Kummissjoni ma wettqitx analiżi ekonomika approprjata ta’ l-informazzjoni mogħtija. ADM tgħid li r-rapport ta’ l-esperti jindika dan li ġej:

“Għaldaqstant, l-obbligi li jxekklu l-provvista u d-domanda żejda, segwiti bi provvisti iżjed u iżjed kompetittivi li jiġu mill-importazzjonijiet Ċiniżi ta’ aċidu ċitriku, marbuta ma’ żidiet kbar fil-provvista minn produtturi diversi, jagħtu spjegazzjoni konvinċenti ta’ l-imġiba tal-prezzijiet mill-1991 sa l-1995 […] Il-fatt li waqt il-perijodu tal-ksur il-prezzijiet ma laħqux il-livell ta’ nofs is-snin 1980, minkejja d-domanda żejda, flimkien maċ-ċirkustanza li l-produtturi li pparteċipaw fl-akkordju ma kinux f’pożizzjoni li jikkontrollaw il-kapaċitajiet jew id-dħul ta’ kompetituri ġodda fis-suq, jimplika li hemm lok li l-ipoteżi li tgħid li l-produtturi effikaċjement ikkontrollaw il-prezz ta’ l-aċidu ċitriku waqt dan il-perijodu għandha tiġi miċħuda.”

147    ADM tosserva li, fil-punt 226 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni stess ammettiet li l-ispjegazzjonijiet fuq iż-żieda fil-prezzijiet ta’ l-1991 u l-1992, mogħtija, b’mod partikolari, minn ADM, “[seta'] kellhom ċerta validità”. Madankollu, ADM tikkontesta li l-Kummissjoni kkuntentat ruħha li tafferma li ma kellux jiġi eskluż li l-akkordju kellu effett fuq is-suq.

148    L-ewwel nett, skond ADM, isegwi li l-Kummissjoni ma stabbilietx jekk l-akkordju li kellu impatt konkret fuq is-suq setax jiġi mkejjel, fis-sens tal-linji gwida, iżda bil-kontra qalbet l-oneru tal-prova.

149    It-tieni nett, ADM tqis li jirriżulta li l-Kummissjoni għamlet żball ta’ dritt billi ddikjarat li l-bdil fil-prezzijiet huma neċessarjament kumpatibbli ma’ akkordju effikaċi. Fil-fatt, billi bbażat ruħha fuq it-tali dikjarazzjoni, purament astratta, il-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-kuntest ta’ l-industrija u l-anqas il-fatturi li jsostnu l-konklużjoni li tgħid li, għal raġunijiet esposti b’mod iddettaljat fir-rapport ta’ l-esperti, il-prezz ma żdiedx lil hinn mil-livelli ffissati bl-akkordju.

150    It-tielet nett, ADM tqis li l-Kummissjoni ħadet żball billi ħarġet l-opinjoni li tgħid li żidiet fil-prezzijiet fi żmien qasir kienu neċessarjament riżultat ta’ akkordju effikaċi. Hemm fil-fatt ċertu numru ta’ setturi ta’ prodotti kompetittivi li, meta jiġu kkonfrontati bl-istess mod b’insuffiċjenzi ta’ provvista u b’domanda eċċessiva analoga, jagħmlu żidiet fil-prezz ta’ 40 % jew iżjed f’terminu ta’ żmien qasir.

151    Barra minn hekk, ADM issostni li, biex turi li l-akkordju kellu impatt konkret fuq is-suq ikkonċernat, il-Kummissjoni ma setgħetx validament tibbaża ruħha fuq iċ-ċirkustanzi li l-membri ta’ l-akkordju kienu jirrappreżentaw 60 % tas-suq mondjali u 70 % tas-suq Ewropew ta’ l-aċidu ċitriku u li dawn kienu implikati f’akkordju twil u kumpless.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

152    Fid-dawl ta' l-ilmenti magħmula minn ADM fuq il-linja adottata mill-Kummissjoni biex turi li l-akkordju kellu impatt konkret fuq is-suq ta’ l-aċidu ċitriku, għandha tiġi miġbura fil-qosor l-analiżi mressqa mill-Kummissjoni, bħal dik li tirriżulta mill-punti 210 sa 228 tad-Deċiżjoni, qabel ma tieħu deċiżjoni fuq il-merti ta’ l-argumenti mressqa minn ADM.

–       Ġabra fil-qosor ta’ l-analiżi mressqa mill-Kummissjoni

153    L-ewwel nett, il-Kummissjoni osservat li “[il]-ksur sar minn impriżi li, waqt il-perijodu in kwistjoni, kienu jirrappreżentaw iżjed minn 60 % tas-suq mondjali u 70 % tas-suq Ewropew ta’ l-aċidu ċitriku”.

154    Wara, il-Kummissjoni affirmat li, “[m]eta dawn l-akkordji effettivament ġew implementati, huma kellhom effetti reali fuq is-suq” (punt 210 tad-Deċiżjoni). Fil-punt 212 tad-Deċiżjoni, filwaqt li rreferiet ruħha għall-parti tad-Deċiżjoni tagħha li kienet tirrigwarda d-deskrizzjoni tal-fatti, il-Kummissjoni reġgħet sostniet l-argument li jgħid li l-ftehim li sar fuq l-akkordju kien ġie “dettaljatament implementat” u żiedet li “wieħed mill-parteċipanti [kien] iddikjara li kien ‘sorpriż mil-livell ta’ formalità u organizzazzjoni li ntlaħaq mill-parteċipanti sabiex jaslu għal dan il-ftehim’”. B’hekk, fil-punt 216 tad-Deċiżjoni, hija osservat li, “[f]ir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet hawn fuq imsemmija u l-isforzi mwettqa minn kull parteċipant għall-organizzazzjoni kumplessa ta’ l-akkordju, l-effikaċja ta’ l-implementazzjoni tagħha ma tistax tiġi ddubitata”.

155    Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li ma kienx neċessarju “li tikkwantifika preċiżament il-marġini ta’ dawn il-prezzijiet meta mqabbla ma’ dawk li setgħu ġew applikati fin-nuqqas ta’ dawn l-akkordji” (punt 211 tad-Deċiżjoni). Fil-fatt, il-Kummissjoni sostniet li “din il-marġini ma tistax tiġi kull darba mkejla b’ċertezza: ċertu numru ta’ fatturi esterni setgħu simultanjament effettwaw l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-prodott, li fih għalhekk kull konklużjoni fuq l-importanza relattiva tal-każijiet kollha possibbli hija perikoluża ħafna” (ibidem). Madankollu, fil-punt 213 tad-Deċiżjoni, hija ddeskriviet l-evoluzzjoni tal-prezzijiet ta’ l-aċidu ċitriku mix-xahar ta’ Marzu 1991 sas-sena 1995 li fih innotat li, bejn ix-xahar ta’ Marzu 1991 u nofs is-sena 1993, il-prezz ta’ l-aċidu ċitriku kien żdied b’40 % u li, wara din id-data, huma nżammu fuq dan il-livell. B’hekk, fil-punti 214 u 215 tad-Deċiżjoni, hija fakkret li l-membri ta’ l-akkordju kienu ffissaw il-kwoti ta’ bejgħ u kienu kkonċepew u implementaw metodi ta’ informazzjoni, ta’ sorveljanza u ta’ kumpens biex tiżgura l-applikazzjoni ta’ kwoti.

156    Fl-aħħar nett, fil-punti 217 sa 228 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni qajmet, analizzat u ċaħdet ċerti argumenti invokati mill-partijiet ikkonċernati waqt il-proċedura amministrattiva. B’mod partikolari, hija qajmet ir-rapport ta’ l-esperti li skond dawn l-evoluzzjoni tal-prezzijiet ikkonstatat kienet isseħħ anki fin-nuqqas ta’ akkordju. Fil-punt 226 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni qieset, għaldaqstant, fil-kliem li ġejjin, li l-argumenti mressqa minn ADM, billi bbażat ruħha fuq ir-rapport ta’ l-esperti, kif ukoll l-argumenti invokati minn partijiet oħra, ma setgħux jiġu milqugħa:

“L-ispjegazzjonijiet għaż-żieda fil-prezz ta’ l-1991-1992 mogħtija minn ADM, [H & R u JBL] jista' jkollhom ċerta validità, iżda huma ma jurux b’mod konvinċenti li l-implementazzjoni ta’ l-akkordju ma seta' jkollu ebda rwol fil-bdil tal-prezzijiet. Jekk il-fenomeni deskritti setgħu jseħħu fin-nuqqas ta’ akkordju, huma jistgħu wkoll perfettament iseħħu fl-eżistenza tiegħu. Iż-żieda fil-prezz ta’ l-aċidu ċitriku ta’ 40 % f’erbatax-il xahar ma tistax tiġi spjegata biss b'reazzjoni purament kompetittiva, iżda għandha tiġi interpretata fid-dawl ta' l-akkordji konklużi bejn il-parteċipanti biex jikkoordinaw iż-żieda fil-prezzijiet u jallokaw partijiet mis-suq, kif ukoll biex jimplementaw sistema ta’ informazzjoni u ta’ sorveljanza. Dawn l-elementi kollha kkontribwew għas-suċċess taż-żieda fil-prezzijiet.”

–       Il-kunsiderazzjonijiet

157    L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li, skond it-termini ta’ l-ewwel inċiż tal-punt 1 A, tal-linji gwida, fil-kalkolu tagħha tal-multa skond il-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni tieħu in kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, “l-impatt konkret [tal-ksur] fuq is-suq meta din tista' tiġi mkejla”.

158    F’dan ir-rigward, hemm lok li tiġi analizzata t-tifsira eżatta tat-termini “meta [jiġifieri l-impatt konkret] hija miżurabbli”. B’mod partikolari, għandu jiġi ddeterminat jekk, fis-sens ta’ dawn it-termini, il-Kummissjoni tistax tieħu unikament in kunsiderazzjoni l-impatt konkret ta’ ksur fil-kuntest tal-kalkolu tiegħu tal-multi jekk, u safejn, hija tkun tista' tikkwantifika dan l-impatt.

159    Kif ġustament tallega l-Kummissjoni, l-eżami ta’ l-impatt ta’ akkordju fuq is-suq jimplika neċessarjament li jsir riferiment għal ipoteżijiet. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha teżamina b’mod partikolari x’kien ikun il-prezz tal-prodott ikkonċernat fin-nuqqas ta’ l-akkordju. Issa, fl-eżami tal-kawżi għall-evoluzzjoni reali tal-prezzijiet, huwa perikoluż li ssir spekulazzjoni fuq il-parti rispettiva ta’ kull waħda minn dawn l-aħħar. Għandha tittieħed in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza oġġettiva li, minħabba l-akkordju fuq il-prezzijiet, il-partijiet irrinunċjaw preċiżament għal-libertà tagħhom li jikkompetu permezz tal-prezzijiet. B’hekk, l-evalwazzjoni ta’ l-influwenza li tirriżulta mill-fatturi li jmorru lil hinn min din l-astensjoni volontarja mill-partijiet fl-akkordju hija neċessarjament ibbażata fuq probabbiltajiet raġonevoli u mhux ikkwantifikabbli bi preċiżjoni.

160    B’hekk, sakemm wieħed ma jmurx kontra l-utilità ta’ l-ewwel inċiż tal-punt 1 A tal-linji gwida, ma jistax jiġi kkontestat lill-Kummissjoni li hija bbażat ruħha fuq l-impatt konkret ta’ akkordju fis-suq li kellu għan antikompetittiv, bħal ma hu akkordju fuq il-prezzijiet jew ukoll kwoti, mingħajr ma wieħed jikkwantifika dan l-impatt jew mingħajr ma jagħti evalwazzjoni permezz ta’ figuri fuq dan is-suġġett.

161    Għaldaqstant, l-impatt konkret ta’ akkordju fis-suq għandu jiġi kkunsidrat bħala suffiċentement ippruvat jekk il-Kummissjoni hija f’pożizzjoni li tagħti indizzji konkreti u kredibbli li jindikaw, bi probabbiltà raġonevoli, li l-akkordju kellu impatt fuq is-suq.

162    F’dan il-każ, jirriżulta mill-ġabra fil-qosor ta’ l-analiżi mressqa mill-Kummissjoni (ara l-punti 153 sa 156 supra) li hija bbażat ruħha fuq żewġt indizzji sabiex tikkonkludi li kien jeżisti “effett reali” ta’ l-akkordju fuq is-suq. Fil-fatt, minn naħa, hija invokat li l-membri ta’ l-akkordju implementaw b’attenzjoni ddettaljata l-ftehim ta’ l-akkordju (ara, b’mod partikolari, il-punti 210, 212, 214 u 215) u li, waqt il-perijodu in kwistjoni, dawn il-membri kienu jirrappreżentaw iżjed minn 60 % tas-suq mondjali u 70 % tas-suq Ewropew ta’ l-aċidu ċitriku (punt 210 tad-Deċiżjoni). Min-naħa l-oħra, hija qieset li l-informazzjoni mogħtija waqt il-proċedura amministrattiva turi ċerta konkordanza bejn il-prezzijiet iffissati mill-akkordju u dawk li ġew realment użati mill-membri ta’ l-akkordju (punt 213 tad-Deċiżjoni).

163    Anki jekk huwa veru li t-termini użati fil-punti 210 u 216 tad-Deċiżjoni jistgħu, waħedhom, jiġu mifhuma li jissuġġerixxu li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq relazzjoni ta’ kawża u effett bejn l-implementazzjoni ta’ akkordju u l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq, ma jfissirx li l-qari ta’ l-analiżi kollha tal-Kummissjoni turi li, kontra dak li tafferma ADM, il-Kummissjoni sempliċement iddeduċiet l-eżistenza ta’ effetti reali ta’ l-akkordju mill-implementazzjoni tagħha fis-suq.

164    Minbarra l-eżistenza ta’ implementazzjoni “dettaljata” tal-ftehim ta’ l-akkordju, hija bbażat ruħha fuq l-evoluzzjoni tal-prezzijiet ta’ l-aċidu ċitriku waqt il-perijodu kkonċernat mill-akkordju. Fil-fatt, fil-punt 213 tad-Deċiżjoni, hija ddeskriviet il-prezzijiet ta’ l-aċidu ċitriku bejn l-1991 u l-1995 bħala li ġew iffissati bejn il-membri ta’ l-akkordju, imxerrda mal-klijenti u, fil-parti l-kbira, applikata mill-partijiet. Iktar ’il quddiem se jiġi eżaminat jekk, kif issostni ADM, il-Kummissjoni għamlitx żbalji fl-evalwazzjoni ta’ l-elementi fattwali li fuqhom hija bbażat il-konklużjonijiet tagħha. B’hekk, kif ġie wkoll deċiż fil-punt 160 supra, ma jistax jiġi kkontestat lill-Kummissjoni li ma ppruvatx tikkwantifika l-importanza ta’ l-impatt ta’ l-akkordju fuq is-suq jew tagħti evalwazzjoni f’figuri fuq dan is-suġġett.

165    F’dan il-kuntest, ma jistax iżjed jiġi kkontestat lill-Kummissjoni li kkunsidrat li ċ-ċirkustanza li l-membri ta’ l-akkordju jirrappreżentaw parti kbira ħafna tas-suq ta’ l-aċidu ċitriku (60 % tas-suq mondjali u 70 % tas-suq Ewropew) jikkostitwixxi fattur importanti li hija għandha tieħu in kunsiderazzjoni sabiex teżamina l-impatt konkret ta’ l-akkordju fuq is-suq. Fil-fatt, ma jistax jiġi miċħud li l-probabbiltà ta’ l-effikaċja ta’ akkordju fuq l-iffissar tal-prezzijiet u ta’ kwoti ta’ bejgħ tiżdied bl-importanza tal-partijiet tas-suq li jinqasmu bejn il-membri ta’ l-akkordju. Jekk huwa veru li, waħedha, din iċ-ċirkustanza ma tistabbilixxix l-eżistenza ta’ impatt konkret, lanqas ma jista' jingħad li, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ma stabbilietx tali relazzjoni ta’ kawża b’effett, iżda żammitha biss in kunsiderazzjoni bħala element fost l-oħrajn.

166    B’hekk, il-Kummissjoni validament setgħet tqis li l-piż ta’ din l-indikazzjoni tiżdied mad-dewmien ta’ l-akkordju. Fil-fatt, fir-rigward ta’ l-ispejjeż ta’ l-amministrazzjoni u tat-tmexxija marbuta mat-tħaddim tajjeb ta’ akkordju kumpless li jirrigwarda, bħal f’dan il-każ, fuq l-iffissar tal-prezzijiet, il-qsim tas-swieq u l-iskambju ta’ informazzjoni fid-dawl tar-riskji marbuta ma tali attivitajiet illeċiti, il-Kummissjoni setgħet raġonevolment tqis li l-fatt li l-impriżi komplew il-ksur waqt perijodu twil jindika li l-membri ta’ l-akkordju ħadu ċertu benefiċċju minn dan l-akkordju u, għaldaqstant, li dan kellu impatt konkret fuq is-suq ikkonċernat.

167    Fl-aħħar nett, iċ-ċirkustanza li, fil-punt 226 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ammettiet li l-analiżi fir-rapport ta’ l-esperti seta' kellha “ċerta validità” anki jekk madankollu jitqies li hija ma turix b’mod konvinċenti li l-implementazzjoni ta’ l-akkordju ma kellha l-ebda rwol fit-tibdil tal-prezzijiet ta’ l-aċidu ċitriku ma jikkostitwixxix bdil fl-oneru tal-prova. Din il-parti ta’ l-analiżi turi pjuttost li l-Kummissjoni fliet bi preċiżjoni d-diversi argumenti favur u kontra l-eżistenza ta’ impatt konkret ta’ l-akkordju.

168    Jirriżulta minn kull ma ntqal li l-Kummissjoni ma adottatx pożizzjoni żbaljata biex tevalwa l-impatt konkret ta’ l-akkordju fuq is-suq ta’ l-aċidu ċitriku.

3.     Fuq dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni ta’ l-evoluzzjoni fil-prezzijiet ta’ l-aċidu ċitriku

a)     L-argumenti tal-partijiet

169    ADM issostni li l-provi mressqa mill-Kummissjoni fuq l-implementazzjoni ta’ l-akkordju huma limitati u ma jistabbilixxux l-eżistenza ta’ impatt konkret.

170    L-ewwel nett, ADM tikkontesta l-valur ta’ prova ta’ l-analiżi tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ l-evoluzzjoni tal-prezzijiet ta’ l-aċidu ċitriku. Fil-fatt ADM tikkritika l-fatt li l-Kummissjoni limitat l-analiżi tagħha għall-prezzijiet imsemmija u ma eżaminatx il-prezzijiet li fil-verità ġew mitluba. Issa, ADM tippreċiża li, fil-verità, il-maġġoranza tal-prezzijiet mitluba mingħandha fir-rigward tal-klijenti tagħha kienu inqas mill-prezz stipulat mill-akkordju waqt il-perijodu kollu kkonċernat. Bl-istess mod, Cerestar u JBL wkoll, iddikjaraw li ma kinux marbuta ma’ l-iffissar tal-prezzijiet li ġie deċiż (punt 217 tad-Deċiżjoni). ADM iżżid li l-informazzjoni li tikkonċerna l-bejgħ medju kull xahar fl-Ewropa, mogħtija lill-Kummissjoni minn ADM, H & R u JBL [ara l-punt 95 tad-Deċiżjoni kif ukoll l-ittri ta’ JBL tat-28 ta’ Settembru 1998, ta’ H & R (Bayer) tat-23 ta’ Settembru 1997 u ta’ ADM tal-5 ta’ Diċembru 1997], isostnu wkoll il-konklużjoni li tgħid li l-prezzijiet li effettivament ġew mitluba kienu ġeneralment inferjuri għall-prezzijiet miftiehma.

171    Barra minn hekk, ADM tiġbed l-attenzjoni fuq numru ta’ estratti minn rapporti ta’ bejgħ ta’ H & R stabbiliti bejn ix-xahar ta’ Marzu 1991 u x-xahar ta’ Settembru 1994, li fihom fil-fehma tagħha jirriżulta li seħħet pressjoni kontinwa fuq il-prezzijiet waqt il-perijodu kollu kkonċernat.

172    ADM tippreċiża wkoll li din il-konklużjoni hija kkonfermata b’dak li qalu l-klijenti fuq l-iffissar kompetittiv tal-prezzijiet.

173    ADM tirrileva li, fil-punti 91, 116 u 217 sa 226 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ammettiet li, waqt il-perijodu ftit jew wisq bejn nofs is-sena 1993 u x-xahar ta’ Mejju 1995, kien hemm ingann fuq skala kbira fir-rigward tar-responsabbiltajiet li jirriżultaw mill-akkordju, li kellu impatt dirett fuq il-prezzijiet iffissati mill-akkordju, u li, minħabba l-importazzjonijiet Ċiniżi, ma kienx possibbli li jiġu rrispettati dawn il-prezzijiet.

174    It-tieni nett, ADM tikkontesta l-valur ta’ prova ta’ l-analiżi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kwoti tal-bejgħ. Fil-fatt, ADM tikkritika l-fatt li l-Kummissjoni limitat l-analiżi tagħha għall-kwoti deċiżi u l-implementazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ sorveljanza u ta’ kumpens u ma eżaminatx il-kwantitajiet ta’ aċidu ċitriku li effettivament ġew mibjugħa mid-diversi partijiet ikkonċernati.

175    F’dan ir-rigward, ADM tosserva, l-ewwel nett, li jirriżulta mill-punt 97 tad-Deċiżjoni, u dan huwa kkonfermat mir-rapport ta’ l-esperti, li ż-żieda mgħaġġla tad-domanda, speċjalment bejn l-1991-1992, irrendiet inoperanti s-sistema ta’ l-iffissar ta’ kwoti ta’ tunnellaġġ, li l-parteċipanti abbandunaw wara xahrejn is-sistema ta’ ffissar ta’ kwoti f'termini ta’ tunnellaġġ li dwarhom huma ftehmu wara l-laqgħa tagħhom tas-6 ta’ Marzu 1991, li huma ssostitwew sistema ta’ kwoti bbażata fuq perċentwali ta’ bejgħ u li din is-sistema kienet tqiegħed lil kull parteċipant f’pożizzjoni li jbiegħ ammonti kunsiderevoli ta’ tunnellaġġ ta’ snin preċedenti biex jagħmlu profitt miż-żieda fid-domanda.

176    It-tieni nett, ADM tirrimarka li jirriżulta mill-punti 106 u 107 tad-Deċiżjoni u tar-rapport ta’ l-esperti (paragrafi 35 sa 40) li, kull sena, il-bejgħ imwettaq mill-partijiet qabżu l-kwoti tagħhom jew kienu inferjuri għalihom, ħaġa li ħolqot nuqqas ta’ qbil kontinwu. JBL ddikjarat ukoll, mingħajr ma ġiet ikkontestata mill-Kummissjoni, “li hija ma [kienet] prattikament qatt ikkonċernata mill-partijiet tas-suq li fuqhom inizjalment kien hemm qbil”. Għall-partijiet fl-akkordju, il-fatt li ma rrispettawx it-termini huwa kumpatibbli maż-żieda fil-provvista magħmula minn ADM, JBL u HLR mingħajr ma kienu marbutin li jagħmlu hekk, waqt il-perijodu kkonċernat.

177    It-tielet nett, ADM tippreċiża li jirriżulta mill-punt 106 tad-Deċiżjoni li s-sistemi ta’ kumpens u ta’ sorveljanza ma kellhomx l-effikaċja meħtieġa biex jobbligaw il-partijiet jirrispettaw il-kwoti tagħhom u kienu jikkostitwixxu raġuni importanti għan-nuqqas ta’ qbil fi ħdan l-akkordju.

178    ADM issostni li, f’kawżi li jistgħu jiġu kkomparati, il-Kummissjoni qieset li n-nuqqas ta’ rispett tal-klawżoli tal-ftehim li ħoloq l-akkordju kien wassal għal impatt limitat. B’hekk fid-deċiżjoni tagħha fil-kawża msemmija “Bastimenti tal-ġarr Griegi”, il-Kummissjoni ammettiet li l-ġabra ta’ tnaqqis fuq il-prezz miftiehem fil-kuntest ta’ l-akkordju kien wassalha għall-konklużjoni li l-impatt reali fuq is-suq kien limitat u, fid-deċiżjoni tagħha fil-kawża msemmija “Kumpanniji tal-laneċ – Ħlas barrani monetarju”, li r-reżistenza tal-klijenti għaż-żidiet fil-prezz kien wassalha tikkonkludi li kien hemm impatt limitat fuq is-suq ikkonċernat. ADM tqis li importanza simili kellha tiġi rrikonoxxuta f’dan il-każ bil-prova tat-tnaqqis fil-prezzijiet iffissati mill-akkordju u billi ma ġewx irrispettati l-kwoti miftehma.

179    Il-Kummissjoni tiċħad l-argumentazzjoni ta’ ADM.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

180    Hija ġurisprudenza stabbilita li, għall-finijiet ta' kontroll ta’ l-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fuq l-impatt konkret ta’ l-akkordju fuq is-suq, għandha fuq kollox tiġi eżaminata l-evalwazzjoni tagħha fir-rigward ta’ l-effetti maħluqa mill-akkordju fuq il-prezzijiet [ara s-sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 41 supra, punt 148, u, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Cascades vs Il-Kummissjoni, T-308/94, Ġabra p. II-925, punt 173, u Mayr-Melnhof vs Il-Kummissjoni, T-347/94, Ġabra p. II-1751, punt 225].

181    Barra minn hekk, il-ġurisprudenza tfakkar li fid-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur, hemm lok li jittieħed in kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-kuntest regolamentari u ekonomiku ta’ l-imġiba inkriminata (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punt 612, u Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, punt 98 supra, punt 38) u li, biex tevalwa l-impatt konkret ta’ ksur fuq is-suq, huwa dmir tal-Kummissjoni li tirreferi għall-kompetizzjoni li ġeneralment teżisti fin-nuqqas ta’ ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 619 u 620; sentenza Mayr-Melnhof vs Il-Kummissjoni, punt 180 supra, punt 235, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Marzu 1999, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, T-141/94, Ġabra p. II-347, punt 645).

182    Minn naħa, jirriżulta li, fil-każ ta’ akkordji bbażati fuq il-prezzijiet, għandu jiġi kkonstatat – b’livell raġonevoli ta’ probabbiltà (ara l-punt 161 supra) – li l-ftehim effettivament ippermettew lill-partijiet ikkonċernati jilħqu livell ta’ prezzijiet superjuri għal dak li kien ikollhom fin-nuqqas ta’ akkordju. Min-naħa l-oħra, jirriżulta minn dan li, fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet oġġettivi kollha tas-suq ikkonċernat, fir-rigward tal-kuntest ekonomiku u eventwalment regolamentari prevalenti. Jirriżulta mis-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza mogħtija fil-kawża relatata mal-kartell tal-kartun (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Mayr-Melnhof vs Il-Kummissjoni, punt 180 supra, punti 234 u 235) li għandha tittieħed in kunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ “fatturi ekonomiċi oġġettivi” li juru li, fil-kuntest ta’ “kompetizzjoni ħielsa”, il-livell tal-prezzijiet ma kienx jevolvi bl-istess mod tal-prezzijiet mitluba [ara, ukoll, is-sentenzi Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 41 supra, punti 151 u 152, u Cascades vs Il-Kummissjoni, punt 180 supra, punti 183 u 184].

183    F’dan il-każ, billi bbażat ruħha fuq dokumenti mogħtija minn ADM u JBL waqt il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni analizzat l-evoluzzjoni tal-prezzijiet ta’ l-aċidu ċitriku bejn Marzu 1991 u 1995, kif ukoll, bħala miżuri korollarji intiżi li jżommu l-pressjoni liż-żieda tal-prezzijiet, l-iffissar ta’ kwoti ta’ bejgħ u l-istituzzjoni ta’sistema ta’ kumpens.

184    Fil-punt 213 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ddeskriviet kif ġej l-evoluzzjoni tal-prezzijiet ta’ l-aċidu ċitriku, bħal ma ġew miftehma u applikati mill-membri ta’ l-akkordju:

“Minn Marzu 1991 sa nofs l-1993, il-prezzijiet miftehma bejn il-membri ta’ l-akkordju ġew ippreżentati lill-klijenti u ġew implementati b’mod estensiv, b’mod partikolari waqt l-ewwel snin ta’ l-akkordju. Iż-żieda fil-prezz ta’ 2.25 [Marki Ġermaniżi (DEM)] il-kilo (CAA) f’April 1991, deċiża wara l-laqgħa ta’ l-akkordju ta’ Marzu 1991, ġiet applikata faċilment. Din ġiet segwita mid-deċiżjoni, meħuda fuq it-telefon f’Lulju, li l-prezz jittella’ għal DEM 2.70 ’il kilo (CAA) għax-xahar ta’ Awwissu. Din iż-żieda fil-prezz setgħet tiġi wkoll applikata b’suċċess. Id-deċiżjoni finali li l-prezz jiżdied għal DEM 2.80 ’il kilo (CAA) ttieħdet fil-laqgħa ta’ Mejju 1991 u ġiet applikata f’Ġunju 1992. Wara din id-data, il-prezzijiet ma ġewx miżjuda iżjed u l-akkordju bbaża ruħu fuq il-bżonn li jinżammu dawn il-prezzijiet.”

185    Barra minn hekk, il-Kummissjoni fakkret li, waqt is-snin 1991 sa 1994, il-membri ta’ l-akkordju kienu ffissaw kwoti ta’ bejgħ taħt forma ta’ tunnellaġġ fiss u preċiż attribwibbli lil kull membru ta’ l-akkordju taħt sistema ta’ kontroll. Il-Kummissjoni nnutat li dawn il-kwoti kienu effettivament ġew applikati u li r-rispett ta’ l-istruzzjonijiet kienu ġew sorveljati kostantement. Barra minn hekk, il-Kummissjoni fakkret li l-membri ta’ l-akkordju kienu ftehmu fuq mekkaniżmu ta’ kumpens, u li kienu effettivament applikawh, bl-intenzjoni li jissanzjonaw il-membri ta’ l-akkordju li jbiegħu tunnellaġġi superjuri għal dawk li kienu ġew attribwiti lilhom fil-kuntest ta’ kwoti ta’ bejgħ u li joffru kumpens lil dawk li ma kinux qed jagħmlu hekk (punti 214 u 215 tad-Deċiżjoni, b’riferiment għall-parti tal-“fatti” tad-Deċiżjoni).

186    ADM ma tikkuntestax bħala tali l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ l-evoluzzjoni tal-prezzijiet u l-iffissar ta’ kwoti ta’ bejgħ iżda tillimita ruħha sostanzjalment li tinvoka li, fil-verità, il-prezzijiet u l-kwoti ma kinux ġew kompletament segwiti.

187    B’hekk, f’li jikkonċerna l-evoluzzjoni tal-prezz ta’ l-aċidu ċitriku, ADM issostni li, skond numru ta’ komunikazzjonijiet indirizzati lill-Kummissjoni waqt il-proċedura amministrattiva kif ukoll skond ir-rapport ta’ l-esperti, il-maġġoranza tal-prezzijiet realment mitluba kienu iżjed baxxi mill-prezzijiet deċiżi.

188    Madankollu, jirriżulta mill-figuri mogħtija minn ADM li kien hemm paralelliżmu permanenti bejn il-prezzijiet iffissati u dawk li fil-verità ġew mitluba. B’mod partikolari, skond dawn il-figuri, meta, bejn ix-xahar ta’ Marzu 1991 u x-xahar ta’ Mejju 1992, il-membri ta’ l-akkordju ddeċidew li jżidu l-prezzijiet ta' l-aċidu ċitriku użat fis-settur ta’ l-ikel minn DEM 2.25 ’il kilo għal madwar DEM 2.8 ’il kilo, il-prezzijiet effettivament mitluba lill-klijenti, li f’April 1991 kienu bejn DEM 1.9 u 2.1 ’il kilo, kienu żdiedu sa ma laħqu bejn DEM 2.3 u 2.7 ’il kilo. Barra minn hekk, jirriżulta minn dawn il-figuri li, waqt il-perijodu kollu li fih il-membri ta’ l-akkordju kienu ffissaw il-livell tal-prezzijiet għal DEM 2.8 ’il kilo, il-prezzijiet effettivament mitluba lill-klijenti kienu baqgħu inqas minn dawk mitluba fiż-żieda tal-prezzijiet bejn l-1991 u l-1992.

189    Il-fatt li l-partijiet ma rrispettawx il-ftehim tagħhom u m’applikawx b’mod sħiħ il-prezzijiet deċiżi ma jimplikax li, billi għamlu hekk, huma applikaw prezzijiet li huma setgħu jitolbu fin-nuqqas ta’ l-akkordju. Kif ġustament tippreċiża l-Kummissjoni fil-punt 219 tad-Deċiżjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza diġà ħadet deċiżjoni, fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti, li impriża li ssegwi, minkejja l-konċertazzjoni mal-kompetituri tagħha, politka ftit jew wisq indipendenti fuq is-suq tista' sempliċement tipprova tuża l-akkordju għall-benefiċċju tagħha (sentenza Cascades vs Il-Kummissjoni, punt 180 supra, punt 230). B’hekk, kif tindika l-Kummissjoni fil-punt 226 tad-Deċiżjoni, l-akkordju ppermetta lill-membri fi ħdanu jikkoordinaw l-evoluzzjoni tal-prezzijiet fuq is-suq.

190    L-istess jista' jingħad għall-allegata ineffikaċja tas-sistema ta’ kwoti ta’ bejgħ. F’dan ir-rigward, ADM targumenta biss li, waqt il-perijodu ta’ l-akkordju, is-sistema kienet ġiet immodifikata b’mod li kienet tippermetti lil kull membru ta’ l-akkordju jbigħ tunnellaġġ iktar minn dak li kien ġie allokat lilu biex jagħmel profitt miż-żieda fid-domanda. Issa, din l-argumentazzjoni ma tistax titkompla. Hija mhijiex tat-tip li turi li t-tunnellaġġi effettivament mibjugħa mill-membri ta’ l-akkordju kienu jikkorrispondu għal dawk li kienu jiġu mibjugħa fin-nuqqas ta’ l-akkordju u li s-sistema, anki jekk applikata b’mod inqas effettiv minn dak previst mill-partijiet, ma kienx jeżerċita pressjoni fuq il-prezzijiet. B’hekk, ma jistax jiġi eskluż li billi l-prezzijiet evolvew b’mod iżjed kunsiderevoli fin-nuqqas ta’ l-akkordju dawn kienu jwaqqfu l-partijiet milli jikkompetu bil-prezzijiet.

191    Fir-rigward ta’ dak li ntqal, il-Kummissjoni setgħet validament tqis li hija kellha elementi konkreti u kredibbli li jindikaw li l-prezzijiet ta’ l-aċidu ċitriku mitluba fil-kuntest ta’ l-akkordju kienu, bi probabbiltà raġonevoli, għola minn dawk li kien ikun hemm fin-nuqqas ta’ l-akkordju.

192    Anki jekk wieħed iqis ukoll, kif issostni ADM billi tibbaża ruħha fuq l-analiżi ekonomika fir-rapport ta’ l-esperti, li l-prezzijiet miltuba mill-membri ta’ l-akkordju kienu fil-parti l-kbira identiċi għal dawk li kien ikun hemm fin-nuqqas ta’ l-akkordju, jibqa' l-fatt li l-Kummissjoni setgħet ġustament tafferma, fil-punt 226 tad-Deċiżjoni, li l-akkordju kien ippermetta lill-membri ta’ l-akkordju jikkoordinaw l-evoluzzjoni tal-prezzijiet. B’hekk, anki jekk l-evoluzzjoni tal-prezzijiet kienet fil-parti l-kbira avvantaġġata bil-komportament tas-suq b’mod li ma jistax jiġi sostnut li l-livell tal-prezzijiet evolva b’mod identiku għal dak tal-prezzijiet mitluba, ma jfissirx li l-partijiet setgħu għall-inqas jikkoordinaw l-evoluzzjoni tal-prezzijiet.

193    Għaldaqstant, l-argumenti ta’ ADM ma jistgħux jiġu segwiti.

4.     Fuq id-definizzjoni tas-suq ta’ prodotti rilevanti

a)     L-argumenti tal-partijiet

194    ADM tqis li l-Kummissjoni għamlet xi żbalji fid-definizzjoni tas-suq rilevanti. Hija ssostni li d-definizzjoni tas-suq rilevanti hija meħtieġa sabiex tkejjel l-impatt ta’ l-akkordju fuq dan is-suq u li, għaldaqstant, dawn l-iżbalji kellhom impatt fuq il-kalkolu tal-multa. Fil-fatt, ADM issostni li d-definizzjoni tas-suq ta’ prodotti rilevanti tikkostitwixxi parti essenzjali mill-analiżi mandatorja li għandha ssir mill-Kummissjoni jekk hija trid tieħu in kunsiderazzjoni l-impatt ekonomiku li jista' jitkejjel ta’ l-akkordju fuq is-suq ta’ prodotti rilevanti biex tiddetermina l-ammont tal-multa. Fin-nuqqas ta’ din l-analiżi, il-konklużjoni tal-Kummissjoni li tikkonċerna l-eżistenza ta’ impatt issir sempliċi evalwazzjoni teoretika ta’ l-effetti fuq il-kompetizzjoni potenzjalment marbuta ma miżuri restrittivi, liema analiżi ma tkunx waħda fuq l-effetti antikompetittivi osservati wara l-ksur sostnuta b’indikazzjonijiet konkreti (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni,T-25/95, T-26/95, T-30/95 sa T-32/95, T-34/95 sa T-39/95, T-42/95 sa T-46/95, T-48/95, T-50/95 sa T-65/95, T-68/95 sa T-71/95, T-87/95, T-88/95, T-103/95 u T-104/95, Ġabra p. II-491, punt 4866).

195    ADM issostni li jirriżulta mill-punti 8 sa 14 tad-Deċiżjoni li l-aċidu ċitriku għandu prodotti sostituttivi għal iżjed minn 90 % ta’ l-applikazzjonijiet tagħha. B’hekk, ADM issostni li jirriżulta mir-rapport ta’ l-esperti li s-“suq ta’ prodott rilevanti għal analiżi antitrust huwa l-aċidu ċitriku bil-fosfati u, wisq probabbli wkoll, bl-aċidi minerali”. Barra minn hekk, produtturi oħrajn ta’ l-aċidu ċitriku esprimew irwieħhom ukoll f’dan is-sens waqt il-proċedura amministrattiva. Fl-aħħar nett, ADM issostni li s-sostitwibbiltà ta’ l-aċidu ċitriku minn prodotti oħrajn hija wkoll spjegata f’rapport ta’ R. Bradley, H. Janshekar u Y. Yoshikawa, li jġib l-isem “CEH Marketing Research Report, Citric Acid” u ppublikat, fl-1996, minn “Chemical Economics Handbook – SRI International” (iktar ’il quddiem ir-“rapport CEH”), rapport li fuqu l-Kummissjoni nnifisha bbażat ruħha fid-Deċiżjoni tagħha (ara, b’mod partikolari, il-punt 72).

196    Madankollu, ADM tippreċiża li, minkejja dawn il-fatti, il-Kummissjoni astjeniet ruħha milli teżamina jekk kienx hemm lok li tqis il-prodott aċidu ċitriku fih innifsu bħala suq ekonomiku rilevanti jew jekk kienx jaqbel li jitqies bħala parti ta’ suq iżjed kbir, li jiġbor fih l-imsemmija prodotti sostituttivi.

197    Il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti ta’ ADM.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

198    L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ma analizzatx jekk is-suq tal-prodott ikkonċernat kellux jiġi limitat għall-aċidu ċitriku jew jekk kellux jitqies, bħal ma ssostni ADM, b’mod iżjed wiesa', li jiġbor fih il-prodotti ta’ sostituzzjoni tiegħu. Taħt it-titoli “Il-prodott ikkonċernat” (punti 4 sa 14 tad-Deċiżjoni) u “Is-suq ta’ l-aċidu ċitriku” (punti 38 sa 53 tad-Deċiżjoni), il-Kummissjoni ddeskriviet biss id-diversi applikazzjonijiet ta’ l-aċidu ċitriku kif ukoll il-volum fis-suq ta’ l-aċidu ċitriku.

199    Issa, fir-rapport ta’ l-esperti li ADM għaddiet lill-Kummissjoni waqt il-proċedura amministrattiva, is-suq ta’ prodotti kkonċernati huwa analizzat u ddefinit bħala iżjed vast, li jiġbor fih prodotti sostituttivi, bħall-fosfati u l-aċidi minerali. Madankollu, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ma eżaminatx l-argumenti ta’ ADM li kienu jirrigwardaw il-bżonn li ssir definizzjoni iżjed wiesgħa tas-suq tal-prodott rilevanti.

200    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-argument ta’ ADM huwa biss validu jekk juri li, jekk il-Kummissjoni kienet iddefinixxiet is-suq ta’ prodotti kkonċernati b’konformità ma’ l-affermazzjonijiet ta’ ADM, hija kellha tikkonstata li l-ksur ma kellux impatt fuq is-suq iddefinit bħala dak ta’ l-aċidu ċitriku u tas-sostituti tiegħu. Fil-fatt, anki kif ġie deċiż fil-punt 161 supra, huwa biss fit-tali ċirkustanza li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq il-kriterju ta’ l-impatt konkret ta’ l-akkordju fuq is-suq biex tistabbilixxi l-kalkolu tagħha tal-multa skond il-gravità tal-ksur.

201    Issa, fir-rigward ta’ l-analiżi ta’ l-evoluzzjoni tal-prezzijiet u tal-kwoti tal-bejgħ, magħmula mill-Kummissjoni fil-punti 213 et seq. tad-Deċiżjoni, ADM ma rnexxiliex tipprova u l-anqas tgħaddi xi elementi li, flimkien, jikkostitwixxu faxxa ta’ provi li juru, bi probabbiltà raġonevoli, li l-impatt ta’ l-akkordju relatat ma’ l-aċidu ċitriku fuq is-suq iżjed wiesa' li jinkludi s-sostituti ta’ l-aċidu ċitriku kien ineżistenti jew, għall-inqas, irrilevanti. Anki fir-rapport ta’ l-esperti, meta dan jgħid li s-suq għandu jiġi ddefinit b’mod iżjed wiesa', l-analiżi fir-rigward ta’ l-allegat nuqqas ta’ influwenza ta’ l-akkordju fuq l-evoluzzjoni tal-prezzijiet huwa limitat biss għas-suq ta’ l-aċidu ċitriku.

202    Fl-aħħar nett, ADM b'mod żbaljat tinvoka l-punt 4866 tas-sentenza Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, punt 194 supra. Fil-fatt, jekk huwa veru li, f’din il-parti tas-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li l-Kummissjoni kellha tipproċedi għal analiżi bbażata fuq indikazzjonijiet konkreti u ma tillimitax ruħha għal evalwazzjonijiet teoretiċi, ma jfissirx li din il-parti tas-sentenza ma tikkonċernax id-definizzjoni tas-suq tal-prodotti kkonċernati, iżda l-effetti reali tal-ksur fuq is-suq bħala tali.

203    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud l-ilment ibbażat fuq id-definizzjoni żbaljata tas-suq tal-prodotti kkonċernati.

204    Fir-rigward ta’ kull ma ntqal, għandu jiġi konkluż li ADM ma stabbilietx li l-Kummissjoni għamlet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward ta’ l-impatt konkret ta’ l-akkordju fuq is-suq.

IV –  Fuq id-dewmien tal-ksur

205    ADM tfakkar li, fil-punti 91, 116 u 217 sa 226 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ammettiet li, waqt il-perijodu ftit jew wisq ta’ bejn nofs is-sena 1993 u Mejju 1995, kien hemm qerq kbir fir rigward ta’ l-obbligi, li kellu impatt dirett fuq il-prezzijiet iffissati mill-akkordju, u li, minħabba l-importazzjonijiet Ċiniżi, ma kienx possibbli li jiġu rrispettati dawn il-prezzijiet (ara l-punt 173 supra).

206    F’dan il-kuntest, ADM issostni li l-Kummissjoni ma setgħetx tapplika ż-żieda ta’ 10 % għal kull sena ta' ksur lil ADM (punt 249 tad-Deċiżjoni). Fil-fatt, skond ADM, billi għamlet hekk, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali meta hija neħħiet il-prattika deċiżjonali tagħha [deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/273/KE dwar il-proċedura għall-implementazzjoni ta’ l-Artikolu 85 tat-Trattat KE (IV/35.733 - VW) (ĠU L 124, p. 60)] li timponi żieda żgħira għall-perijodi li fihom il-ftehim ma ġiex irrispettat jew ma ġiex implementat.

207    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

208    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, fil-punt B tal-linji gwida, il-Kummissjoni indikat li, għal dak li jikkonċerna l-ksur ta’ dewmien medju, jiġifieri, in ġenerali, il-ksur li damu minn sena għal ħames snin, hija tista' żżid l-ammont tal-multa deċiża għall-gravità tal-ksur sa ma tilħaq 50 %.

209    F’dan il-każ, fil-punt 249 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni sabet li ADM għamlet ksur waqt erba’ snin, li skond il-linji gwida huwa dewmien medju, u hija żiedet il-multa minħabba d-dewmien tagħha, b’40 %. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni rrispettat ir-regoli li hija imponiet fuqha nnifisha mil-linji gwida. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li ż-żieda ta’ 40 % fir-rigward tad-dewmien tal-ksur mhijiex, f’dan il-każ, manifestament sproporzjonata.

210    Fir-rigward tal-fatt li ADM tinvoka d-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-kawża VW (ara l-punt 206 supra), għandu jiġi kkonstatat li l-fatti f’din il-kawża l-oħra kienu differenti minn din. Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li kien jirrigwarda akkordju li dam iżjed minn għaxar snin u li, f’konformità mal-linji gwida tagħha, il-Kummissjoni kienet użat perċentwali għal kull sena biex iżżid il-multa u mhux, bħal f’dan il-każ, perċentwali waħda. B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li, kontra dak li tafferma ADM, ma jirriżulta mkien mill-punti tad-Deċiżjoni ta’ din il-kawża l-oħra li, meta ħadet din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ppruvat iddaħħal prattika ġenerali li hija kellha tirrispetta fid-deċiżjonijiet kollha sussegwenti.

211    Għaldaqstant, il-motiv għandu jiġi miċħud.

V –  Fuq iċ-ċirkustanzi aggravanti

A –  Introduzzjoni

212    Fil-punti 267 u 273 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni qieset li, permezz ta’ HLR, ADM lagħbet ir-rwol ta’ mexxejja ta’ l-akkordju u, għaldaqstant, applikat żieda ta’ 35 % fuq l-ammont tal-multa ta’ dawn iż-żewġ impriżi.

213    ADM tikkontesta l-fatt li kienet mexxejja ta’ l-akkordju u sostniet li l-Kummissjoni ma tistax validament iżżid l-ammont tal-multa bħal ma għamlet. F’dan il-kuntest, ADM sostanzjalment tqajjem erba’ motivi relatati maż-żieda fil-multa fir-rigward taċ-ċirkustanzi aggravanti. L-ewwel nett, ADM issostni li l-Kummissjoni b'mod żbaljat ikkwalifikatha bħala mexxejja ta’ l-akkordju. It-tieni nett, ADM issostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali billi imponiet fuq ADM l-istess rata ta’ żieda ta’ HLR. It-tielet nett, ADM tqis li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta' proporzjonalità billi ħarġet mill-prattika deċiżjonali tagħha fir-rigward tar-rata ta’ żieda mogħtija lil ADM. Ir-raba’ nett, ADM issostni li d-Deċiżjoni hija vvizzjata minn ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni.

B –  Fuq il-kwalifika ta’ ADM bħala mexxejja ta’ l-akkordju

1.     Introduzzjoni

214    Jirriżulta mill-punti 263 sa 266 tad-Deċiżjoni li, biex tikkonkludi li, flimkien ta’ HLR, ADM għandha tiġi kkunsidrata bħala mexxejja ta’ l-akkordju, il-Kummissjoni qalet sostanzjalment li ADM lagħbet rwol determinanti fit-twettieq ta’ l-akkordju kif ukoll rwol importanti fl-iżvolġiment ta’ diversi laqgħat ta’ l-akkordju. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq tliet elementi differenti.

215    L-ewwel nett, fil-punti 263 u 264 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni invokat il-fatt li, f’Jannar 1991, wara li daħlet f’dan is-suq f’Diċembru 1990, ADM organizzat numru ta’ laqgħat bilaterali ma’ wħud mill-produtturi prinċipali ta’ l-aċidu ċitriku, jiġifieri H & R, HLR u JBL (iktar ’il quddiem il-“laqgħat bilaterali organizzati minn ADM f’Jannar 1991”). It-tieni nett, fil-punt 265 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dikjarazzjoni li ex rappreżentant ta’ ADM, li pparteċipa fil-laqgħat ta’ l-akkordju, (iktar ’il quddiem l-“ex rappreżentant ta’ ADM”) għamel quddiem l-FBI waqt il-proċedura ta’ antitrust quddiem l-awtoritajiet Amerikani kif jirriżulta minn rapport stabbilit mill-FBI (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ l-FBI”) fir-rigward, b’mod partikolari, tal-komportament li kellu rappreżentat ieħor ta’ ADM li kien ipparteċipa wkoll fil-laqgħat ta’ l-akkordju (iktar ’il quddiem ir-“ir-rappreżentant l-ieħor ta’ ADM”). It-tielet nett, fil-punt 266 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni rreferiet għal dikjarazzjoni magħmula minn Cerestar waqt il-proċedura amministrattiva (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni ta’ Cerestar”).

216    ADM takkuża lill-Kummissjoni li għamlet żbalji fl-evalwazzjoni ta’ kull waħda mit-tliet elementi kif ukoll li ma mmotivatx biżżejjed id-Deċiżjoni f’dan ir-rigward. Dawn l-ilmenti jiġu eżaminati, separatament, għal kull waħda mit-tliet elementi. Barra minn hekk, ADM issostni li dawn l-elementi ma jippermettux, f’kull każ, li jiġi konkluż li ADM kellha rwol ta’ mexxejja fil-kuntest ta’ l-akkordju.

2.     Fuq l-allegati żbalji tal-Kummissjoni fuq ir-rwol ta’ mexxejja ta’ ADM

a)     Fuq il-laqgħat bilaterali organizzati minn ADM f’Jannar 1991

 L-argumenti tal-partijiet

217    ADM tqis li l-imġiba tagħha waqt il-laqgħat li saru fix-xahar ta’ Jannar 1991 u li fiha pparteċipaw, minbarra hi stess, H & R, HLR u JBL, m’għandhiex tiġi meqjusa bħala element li jistabbilixxi r-rwol tagħha ta’ mexxejja fi ħdan l-akkordju. F’dan ir-rigward, ADM tiċċita partijiet mill-punt 264 tad-Deċiżjoni, li fiha l-Kummissjoni ddikjarat li “l-eżistenza ta’ numru ta’ laqgħat bilaterali bejn ADM u l-kompetituri tagħha ftit qabel l-ewwel laqgħa multilaterali ta’ l-akkordju ma [kienx] biżżejjed biex jiġi konkluż li ADM kienet l-istigatriċi ta’ l-akkordju”.

218    F’kull każ, ADM tqis li d-Deċiżjoni hija vvizzjata minn ksur ta’ l-obbligu tal-motivazzjoni. Fil-fatt, billi ddikjarat hi stess li l-eżistenza ta’ dawn il-laqgħat bilaterali ma kinux biżżejjed biex jiġi konkluż li ADM kient l-istigatriċi ta’ l-akkordju, il-Kummissjoni kkontradixxiet l-analiżi tagħha stess fil-punt 263 fir-rigward ta’ l-imsemmija laqgħat.

219    Il-Kummissjoni titlob li l-argumenti ta’ ADM jiġu miċħuda.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

220    Għandu jiġi osservat li, fil-punt 263 tad-Deċiżjoni, fir-rigward tal-laqgħat bilaterali organizzati minn ADM f’Jannar 1991, il-Kummissjoni indikat li bbażat ruħha fuq żewġ dokumenti. L-ewwel nett, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq memorandum tal-15 ta’ Jannar 1999, ippreparat minn ADM, fuq laqgħa li l-ex rappreżentant ta’ ADM fl-akkordju kellu mad-dipartimenti tal-Kummissjoni fil-11 ta’ Diċembru 1998. It-tieni nett, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq ir-rapport ta’ l-FBI.

221    Fir-rigward ta’ dawn il-laqgħat bilaterali li ADM organizzat f’Jannar 1991 mal-produtturi prinċipali ta’ l-aċidu ċitriku, jiġifieri H & R, HLR u JBL, il-Kummissjoni qieset li, minkejja l-fatt li ADM kienet ikkwalifikat dawn il-laqgħat bħala sempliċi preżentazzjoni intiża għal kompetituri oħrajn, kien “probabbli ħafna li huma [kienu] lagħbu rwol determinanti fit-twaqqif (jew it-twaqqif mill-ġdid) ta’ l-akkordju fuq l-aċidu ċitriku f’Marzu 1991”. Fil-fatt, skond il-Kummissjoni, “[m]eta rat iż-żmien qasir ħafna li kien hemm bejn dawn il-laqgħat u l-ewwel laqgħa multilaterali ta’ l-akkordju tas-6 ta’ Marzu 1991, huwa probabbli ħafna li l-possibbiltà li l-intenzjoni li jiġi stabbilit akkordju formalizzat kien ġie diskuss, kif jindika b’mod partikolari l-kontenut tad-diskussjonijiet skond ir-rendikont li kien għamel impjegat ta’ ADM: minkejja li d-deskrizzjoni tad-diskussjonijiet jibqa' mhux ċar, dan l-impjegat indika li ta’ l-inqas f’żewġ okkażjonijiet, kompetitur ġie ‘denigrat’ […] għall-mod ta’ kif kien jiġġestixxi l-attivitajiet tiegħu fis-settur ta’ l-aċidu ċitriku”. Il-Kummissjoni qieset li “[d]in l-espressjoni ta’ riżentiment fir-rigward ta’ kompetitur akkużat li ma ġabx ruħu kif suppost fis-suq [kien] ifisser li kien hemm prova ta’ għan antikompetittiv li tinġieb iżjed dixxiplina fis-suq” (punti 74, 75 u 263 tad-Deċiżjoni).

222    Barra minn hekk, fil-punt 264 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni żiedet li “l-eżistenza ta’ numru ta’ laqgħat bilaterali bejn ADM u l-kompetituri tagħha ftit qabel l-ewwel laqgħa multilaterali ta’ l-akkordju ma [kienx] biżżejjed biex jiġi konkluż li ADM kienet l-istigatriċi ta’ l-akkordju, iżda [kienet] tikkostitwixxi indikazzjoni importanti”.

223    Dwar il-fatt li ADM issostni li kien hemm żbalji fl-evalwazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-laqgħat bilaterali, għandu jiġi kkunsidrat, l-ewwel nett, li hija ma tikkontestax li organizzat dawn il-laqgħat. Barra minn hekk, hija ma takkużax iżjed lill-Kummissjoni talli hija għamlet ġabra fil-qosor żbaljata tad-dokumenti li fuqhom hija bbażat f’dan ir-rigward. Madankollu, ADM issostni li dawn il-laqgħat kellhom biss bħala għan li jippermettulha tintroduċi ruħha lill-membri l-oħra ta’ l-akkordju.

224    Issa, jekk huwa veru, kif issostni l-Kummissjoni fil-punt 264 tad-Deċiżjoni, li l-informazzjoni li l-Kummissjoni kellha dwar dawn il-laqgħat bilaterali ma kinux waħedhom suffiċjenti biex jiġi konkluż li, f’dawn il-laqgħat, ADM kellha r-rwol ta’ istigatriċi ta’ l-akkordju, madankollu l-Kummissjoni setgħet ġustament tqis li ż-żamma ta' tali laqgħat bilaterali, organizzati minn ADM ftit qabel l-ewwel laqgħa multilaterali ta’ l-akkordju, kien jikkostitwixxi “indikazzjoni qawwija” li ADM kienet istigatriċi ta’ l-akkordju.

225    L-uniku fatt li, fil-punt 264 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni rrelativizzat il-valur probatorju ta' l-eżistenza ta’ dawn il-laqgħat bilaterali fir-rigward tar-rwol ta’ istigatriċi ta’ ADM fi ħdan l-akkordju ma jfissirx li l-Kummissjoni għamlet analiżi żbaljata ta’ l-imsemmija laqgħat. Bil-kontra, il-metodu magħżul mill-Kummissjoni juri li hija analizzat b’mod dettaljat id-dokumenti invokati sabiex tikkonkludi li l-eżistenza ta’ dawn il-laqgħat bilaterali kienu jikkostitwixxu indikazzjoni qawwija tar-rwol ta’ mexxejja min-naħa ta’ ADM fl-akkordju, iżda mhuwiex suffiċjenti biex jittieħdu konklużjonijiet definittivi.

226    Għaldaqstant, il-Kummissjoni m'għamlitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta invokat l-eżistenza ta’ dawn il-laqgħat bħala indikazzjoni supplementari relatata ma’ żewġ elementi oħra li fuqhom ibbażat ruħha sabiex tikkonkludi li ADM kellha rwol ta’ mexxejja ta’ l-akkordju.

227    Fir-rigward ta’ dak li ssostni ADM, li kien hemm ksur ta’ l-obbligu ta' motivazzjoni, għandu jiġi osservat li l-punti 263 u 264 tad-Deċiżjoni juru b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament ta’ l-istituzzjoni. Fil-fatt, jekk, fil-punt 263 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni qieset li l-laqgħat suċċessivi bejn ADM u, rispettivament, H & R, HLR u JBL f’Jannar 1991 wisq probabbilment kellhom rwol determinanti fit-twaqqif ta’ l-akkordju fuq l-aċidu ċitriku f’Marzu 1991, fil-punt 264 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ppreċiżat il-konsegwenzi għal ADM f’dan ir-rigward billi indikat li l-eżistenza ta’ ċiklu ta’ laqgħat bilaterali bejn ADM u l-kompetituri tagħha ftit qabel l-ewwel laqgħa multilaterali ta’ l-akkordju mhijiex suffiċjenti biex jiġi konkluż li ADM kienet l-istigatriċi, iżda tikkostitwixxi indikazzjoni qawwija. Din il-preċiżjoni mhijiex kontradittorja u ma teffettwax il-koerenza tar-raġunament tal-Kummissjoni. Ma tistax għaldaqstant, tiġi attribwita lilha nuqqas ta’ motivazzjoni, f’dan ir-rigward.

228    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kkomettiet la żball manifest ta’ evalwazzjoni u l-anqas ksur ta’ l-obbligu ta' motivazzjoni.

b)     Fuq id-dikjarazzjoni ta' l-ex rappreżentant ta’ ADM quddiem l-FBI

 Tifkira tal-fatti u tal-kontenut tad-Deċiżjoni

229    Fil-11 u t-12 ta’ Ottubru 1996, l-ex rappreżentant ta’ ADM għamel dikjarazzjoni fl-interrogazzjoni tiegħu mill-“grand jury” fil-kuntest tal-proċedura antitrust imwettqa fl-Istati Uniti, li wasslet għal tranżazzjoni ġudizzjarja (plea agreement). Dan l-interrogatorju, li fih l-ex rappreżentant ta’ ADM ġie assistit mill-avukati tiegħu, seħħ wara l-adozzjoni ta’ inġunzjoni (compulsion order). Dan l-interrogatorju ta’ lok għat-twaqqif tar-rapport ta’ l-FBI tal-5 ta’ Novembru 1996.

230    Jirriżulta minn ittra li ġiet indirizzata fil-11 ta’ Ottubru 1996 mill-awtoritajiet ta’ l-Istati Uniti lil-avukat ta' l-ex rappreżentant ta’ ADM li dan l-interrogatorju seħħ fuq talba ta’ ADM, li aċċettat li tissottometti ruħha għal interrogatorju bil-kundizzjoni li tkun tista' teżerċita d-drittijiet tagħha, mogħtija mill-Kostituzzjoni ta’ l-Istati Uniti, li ma tweġibx domandi li jistgħu jwasslu għall-inkriminazzjoni tagħha (il-ħames emenda). Din l-ittra ssemmi wkoll li, qabel dan l-interrogatorju, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Uniti taw immunità kriminali lill-ex rappreżentant ta’ ADM fir-rigward tal-fatti li ġew ammessi fid-dikjarazzjoni tiegħu, sakemm huwa jwieġeb b’mod sinċier u veritier id-domandi mqiegħda u li jipprovdi l-informazzjoni kollha li huwa għandu. Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Uniti indikaw li d-dikjarazzjoni magħmula mill-ex rappreżentant ta’ ADM fl-interrogatorju ma jistgħux jiġu użati direttament jew indirettament kontra ADM jew wieħed mill-impjegati tagħha, waħda mill-fergħat jew waħda mill-kumpanniji li huma marbutin magħha, fil-kuntest ta’ proċedura kriminali.

231    Fl-imsemmi interrogatorju tal-11 u t-12 ta’ Ottubru 1996, l-ex rappreżentant ta’ ADM ippreżenta deskrizzjoni dettaljata ta’ kif kien jaħdem l-akkordju u tal-partijiet implikati. Huwa ta b’mod partikolari deskrizzjoni tal-laqgħat perijodiċi ta’ l-ogħla livell (imsemmija bħala l-laqgħat tal-“masters” jew ukoll “G-4/5”) kif ukoll ta’ l-iżjed laqgħat tekniċi (imsemmija laqgħat tax-“sherpas”), laqgħat li fihom bosta drabi pparteċipa huwa stess. B’mod partikolari, fil-paġni 21 u 22 tar-rapport ta’ l-FBI, jidher l-għoti ta’ dikjarazzjoni ta' l-ex rappreżentant ta’ ADM li minnha l-Kummissjoni ċċitat partijiet fil-punt 265 tad-Deċiżjoni.

232    Fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva li tmexxiet quddiem il-Kummissjoni, Bayer ikkomunikatilha r-rapport ta’ l-FBI. Barra minn hekk, ukoll waqt il-proċedura amministrattiva, fil-11 ta’ Diċembru 1998, waqt laqgħa bejn id-dipartimenti tal-Kummissjoni u r-rappreżentanti ta’ ADM (ara l-punt 57 tad-Deċiżjoni), il-Kummissjoni interrogat l-ex rappreżentant ta’ ADM. Wara din il-laqgħa, ADM għaddiet memorandum mhux datat lill-Kummissjoni u intitolat “Memorandum tal-laqgħa ta' l-[ex rappreżentant ta’ ADM fi ħdan l-akkordju] u l-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 1998”.

233    Wara, fin-nota ta' lmenti, il-Kummissjoni bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq id-dikjarazzjoni ta' l-ex rappreżentant ta’ ADM kif jirriżulta mir-rapport ta’ l-FBI. Barra minn hekk, hija annettiet dan ir-rapport man-nota ta' lmenti.

234    Fl-aħħar nett, fir-risposta tagħha għan-nota ta' lmenti, ADM irreferiet għad-dikjarazzjoni ta' l-ex rappreżentant tagħha quddiem l-FBI sabiex issostni l-importanza tal-kooperazzjoni ta’ ADM mhux biss fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Kummissjoni, iżda wkoll quddiem l-awtoritajiet Amerikani. B’hekk, ADM rreferiet hija stess f’bosta drabi għar-rapport tal-FBI biex turi li hija kienet ikkooperat bis-sħiħ fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Kummissjoni, li l-akkordju ma kellux ħlief impatt limitat fuq is-suq ta’ l-aċidu ċitriku u li hija kellha tibbenefika miċ-ċirkustanzi attenwanti fil-kalkolu tal-multa. B’mod partikolari, f’dan il-kuntest, ADM bbażat ruħha fuq ir-rapport ta’ l-FBI sabiex turi li, fil-fehma tagħha, hija ma kellhiex ir-rwol ta’ mexxejja ta’ l-akkordju, anki jekk, b’din l-argumentazzjoni, hija ppruvat turi lill-Kummissjoni li hija kellha tibbenefika minn ċirkustanza attenwanti.

235    Fil-punt 265 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni rreferiet għar-rapport ta’ l-FBI bil-kliem li ġejjin:

“Waqt l-interrogatorju tiegħu quddiem l-FBI fl-1996, [l-ex] rappreżentant ta’ ADM fil-laqgħat ta’ l-akkordju ddikjara, b’riferenza għal rappreżentant ieħor ta’ ADM fl-istess laqgħat, li ‘l-metodu ta’ l-arranġament G-4/5 jidher li kien l-idea ta’ [dan ir-rappreżentant l-ieħor ta’ ADM] u li fil-laqgħa tas-6 ta’ Marzu 1991 f’Bażilea, fejn il-ftehim [aċidu ċitriku] ġie mfassal, [dan ir-rappreżentant l-ieħor ta’ ADM] [kellu] rwol pjuttost attiv’. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ l-istess kollega, huwa żied li [dan ir-rappreżentant l-ieħor ta’ ADM] kien ikkunsidrat bħala ‘l-Għaref’, u kien ġie mlaqqam ‘il-predikatur’ minn [rappreżentant ta’ JBL].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 L-argumenti tal-partijiet

236    ADM issostni li l-Kummissjoni għamlet żball billi bbażat ruħha fuq ir-rapport ta’ l-FBI bħala dokument li jistabbilixxi l-“leadership” ta’ ADM.

237    L-ewwel nett, ADM issostni li l-Kummissjoni ma setgħetx validament tibbaża ruħha fuq ir-rapport ta’ l-FBI, peress li dan ir-rapport kien parti minn elementi ta’ prova miġbura mill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz inkarigati mill-investigazzjoni, li għalihom mhumiex applikabbli l-protezzjonijiet proċedurali ggarantiti mid-dritt Komunitarju. ADM tippreċiża li la l-ex rappreżentant ta’ ADM u l-anqas l-avukat tiegħu ma ngħataw l-okkażjoni li jirrevedu, japprovaw jew jiffirmaw id-dikjarazzjoni.

238    Dikjarazzjonijiet simili ġew ikkunsidrati bħala li ftit jistgħu jiġu fdati quddiem il-qrati ta’ l-Istati Uniti. Barra minn hekk, ADM tosserva li, fis-sentenza tagħha ta’ l-10 ta’ Novembru 1993, Otto (C-60/92, Ġabra p. I-5683, punt 20), il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li l-informazzjonijiet li nkisbu fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali li ma jirrelatawx mad-dritt irrikonoxxut mill-Komunità tad-difiża kontra l-awtoinkriminazzjoni jistgħu, ċertament, jingħataw lill-Kummissjoni, b’mod partikolari minn parti interessata. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ġġudikat li kien jirriżulta mis-sentenza tagħha tat-18 ta’ Ottubru 1989, Orkem vs Il-Kummissjoni (374/87, Ġabra p. 3283), li l-Kummissjoni – ukoll, f’dan il-każ, bħala awtorità nazzjonali – m’għandhiex tuża dawn l-informazzjonijiet bħala miżura ta’ prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni fil-kuntest ta’ proċedura li tista' twassal għal sanzjonijiet, jew bħala indikazzjoni li tiġġustifika l-ftuħ ta’ investigazzjoni qabel it-tali proċedura.

239    ADM tippreċiża li hija ma tippretendix li l-awtoritajiet ta’ l-Istati Uniti m’applikawx il-garanziji proċedurali. Hija tindika li l-ex rappreżentant ta’ ADM kien fil-fatt assistit mill-avukat tiegħu u kien kiseb immunità mill-proċeduri kriminali. Madankollu, ADM issostni li huma elementi ta’ prova miġbura fil-kuntest tal-proċedura mwettqa minn pajjiż terz, li għaliha mhumiex applikabbli l-garanziji mogħtija mid-dritt Komunitarju. Il-Kummissjoni ma tistax evidentement ma tiddeterminax il-valur ta’ prova ta’ dokument jekk hija ma tifhimx kif ġiet stabbilita, l-anqas il-garanziji proċedurali li ppreċedew it-tfassil tagħha, inklużi l-fatturi determinanti bħal li jsir magħruf jekk l-imsemmi dokument ġiex stabbilit taħt ġurament jew sottomess għar-reviżjoni tax-xhud jew ta’ l-avukat tiegħu.

240    It-tieni nett, ADM tikunsidra li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq ir-rapport ta’ l-FBI peress li hija ma kellhiex l-opportunità teżerċita d-drittijiet tagħha tad-difiża kontra awtoinkriminazzjoni, bħal dawk irrikonoxxuti mis-sentenza Orkem vs Il-Kummissjoni, punt 238 supra. ADM iżżid li huwa mingħajr rilevanza li r-rinunċja minn proċedimenti li jikkonċernaw ADM hija applikabbli biss għal proċedura kriminali.

241    ADM tfakkar li d-dikjarazzjoni kkonċernata ġiet magħmula mill-ex rappreżentant ta’ ADM u kienet is-suġġett ta’ rinunzja tad-drittijiet tad-difiża kontra awtoinkriminazzjoni bil-kundizzjoni li l-imsemmija dikjarazzjoni ma tiġix użata mill-awtoritajiet Amerikani kontra, b’mod partikolari, l-ex rappreżentant ta’ ADM jew kontriha stess. Hija tkompli tgħid li madankollu, bil-kontra ta’ l-awtoritajiet ta’ l-Istati Uniti, il-Kummissjoni ma tagħtux, waqt il-proċedura li hija kienet bdiet, l-opportunità jeżerċita d-dritt ta’ oppożizzjoni tiegħu għall-awtoinkriminazzjoni fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta' l-ex rappreżentant ta’ ADM. ADM ma tikkontestax li l-Kummissjoni setgħet tinvoka partijiet mir-rapport ta’ l-FBI li jaqblu max-xhieda diretta ta' l-ex rappreżentant ta’ ADM quddiem il-Kummissjoni. Issa, ADM issostni li x-xhieda diretta ta' l-ex rappreżentant tagħha quddiem il-Kummissjoni ma tirrelatax mal-punti relatati mal-“leadership” li fuqhom hija bbażat ruħha meta rreferiet għar-rapport ta’ l-FBI. ADM tikkontesta lill-Kummissjoni li interrogat l-ex rappreżentant tagħha personalment u li kellha l-opportunità sħiħa li tinterrogah direttament mhux b’domandi bil-miktub, iżda talli ma ppruvatx issir taf jekk ADM kinitx mexxejja, tant li hija ma għamlitx hekk iżjed il-quddiem, f’mument kwalunkwe ta’ l-investigazzjoni.

242    It-tielet nett, ADM issostni li, għal tliet raġunijiet, ir-rapport ta’ l-FBI mhuwiex intrinsikament affidabbli.

243    L-ewwel nett, ADM tirrimarka li r-rapport ġie mfassal minn aġenti ta’ l-FBI u minn maġistrati Amerikani prosekuturi intenzjonati li jressqu l-kawża tagħhom. Rapporti simili ġew skartati mill-proċedura quddiem il-ġurisdizzjoni Amerikana bħala elementi ta’ prova b’allegazzjonijiet u għaldaqstant, inammissibbli, minħabba li investigaturi li jippruvaw jistabbilixxu dokument sod għal kawża kriminali jistgħu jiġu mitluba ma jipreżentawx rendikont eżawrjenti ta’ dak li ddikjara l-persuna interrogata.

244    It-tieni nett, ADM terġa ssostni l-punt li jgħid li la l-ex rappreżentant ta’ ADM u l-anqas l-avukat tiegħu ma kellhom l-opportunità jaqraw, japprovaw jew jiffirmaw id-dikjarazzjoni u li, sentejn wara, waqt kontro eżami bbażat fuq ix-xhieda tiegħu fis-seduta, meta l-ex rappreżentant ta’ ADM deher bħala xhud imħarrek mill-awtoritajiet ta’ l-Istati Uniti, dan kien iddikjara li ma kienx qara r-rapport ta’ l-FBI minn qabel. Barra minn hekk, ADM tirrimarka li waqt dan l-interrogatorju, l-ex rappreżentant ta’ ADM kien iddubita mill-eżattezza tal-parti tar-rapport li kien ġie sottomess lilu f’din l-okkażjoni.

245    It-tielet nett, ADM tqis li r-rapport ta’ l-FBI għandu kontradizzjoni interna fir-rigward tar-rwol ta’ mexxejja li hija suppost kellha. Fil-fatt, ADM issostni li filwaqt li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-parti tar-rapport, fil-paġna 22, li tgħid li min kien fuq l-ex rappreżentant ta’ ADM kien fassal il-ftehim, u kellu rwol attiv fil-laqgħa inizjali tas-6 ta’ Marzu 1991, fil-paġna 7 tar-rapport huwa ppreċiżat, fir-rigward ta’ din l-istess laqgħa tas-6 ta’ Marzu 1991, li “[l]-laqgħa kienet ‘manifestament immexxija mi[r-rappreżentant ta’ HLR]’, li l-ex rappreżentant ta’ ADM kien għażel bħala ‘l-protagonista prinċipali’”.

246    ADM iżżid li jirriżulta mill-memorandum tal-11 ta’ Diċembru 1998 (ara l-punt 232 supra) li “[r-rappreżentant ta’ HLR] […] iggarantixxa l-preżenza ta’ dan il-grupp informali”, li “ADM ma pparteċipatx” u li “[r-rappreżentanti ta’ ADM] illimitaw rwieħhom biss li jisimgħu” (p.3).

247    Ir-raba’ nett, ADM tinvoka d-dikjarazzjonijiet ta' l-ex rappreżentant ta’ ADM u ta’ l-avukat tiegħu magħmula fis-26 ta’ Frar 2002 għall-bżonnijiet tal-proċedura preżenti.

248    Fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ l-avukat ta' l-ex rappreżentant ta’ ADM, ADM tosserva li huwa jippreċiża li n-noti li huwa stess kien ħa mir-risposti mogħtija mill-ex rappreżentant ta’ ADM fl-interrogatorju quddiem l-FBI juru li r-rapport ta’ l-FBI jvarja bi ftit, iżda b'mod kunsiderevoli, fuq ir-rilevanza effettiva tar-risposti mogħtija mill-ex rappreżentant ta’ ADM f'dak li jikkonċerna preċiżament il-kwistjoni tal-leadership. ADM tirrimarka li n-noti ta’ l-avukat ta' l-ex rappreżentant tagħha kienu jaqblu mad-dikjarazzjonijiet tal-klijient tiegħu, filwaqt li r-rapport ta’ l-FBI jiċċita konsegwentement il-kliem użati mill-ex rappreżentant ta’ ADM.

249    Fil-fatt, l-ewwel nett, jirriżulta min-noti ta’ l-avukat ta' l-ex rappreżentant ta’ ADM li huwa kien qal li r-rwol tar-rappreżentant l-ieħor ta’ ADM fil-laqgħa tas-6 ta’ Marzu 1991 kien “raġonevolment attiv”. Ir-rapport ta’ l-FBI jieħu in kunsiderazzjoni din il-parteċipazzjoni billi jikkwalifikaha bħala “rwol attiv”, iżda ħalla r-restrizzjoni avverbjali importanti ċċitata iktar ’il fuq.

250    It-tieni nett, jirriżulta minn noti ta’ l-avukat ta' l-ex rappreżentant ta’ ADM li l-FBI ma talbitux jekk l-implementazzjoni tal-ftehim tal-“G-4/G-5” kinitx idea tar-rappreżentant l-ieħor ta’ ADM. Iżjed preċiżament, fil-kuntest ta’ numru ta’ domandi relatati ma’ l-akkordju, kien ġie mistoqsi lill-ex rappreżentant ta’ ADM jekk “kienx jidher li kien jirrigwarda idea [tar-rappreżentant l-ieħor ta’ ADM]”, li għaliha l-ex rappreżentant ta’ ADM kien wieġeb “iva”. B’hekk, id-domandi kienu bbażati fuq li jsir magħruf jekk l-adeżjoni ta’ ADM fl-akkordju kinitx l-idea tar-rappreżentant l-ieħor ta’ ADM u mhux jekk l-implementazzjoni tal-ftehim kienx l-idea ta’ l-imsemmi rappreżentant. Id-domanda u r-risposta huma mill-inqas ambigwi ħafna u ma jistgħux jiġu assimilati mad-dikjarazzjoni affermattiva li tinsab fir-rapport ta’ l-FBI, li jgħid li “l-implementazzjoni tal-ftehim G-4/G-5 tidher li hi l-idea ta[r-rappreżentant l-ieħor ta’ ADM]”. Min-naħa l-oħra, ADM issostni li, fir-rigward tad-diskussjonijiet relatati ma’ l-implementazzjoni ta’ l-akkordju mwettaq fil-laqgħa tas-6 ta’ Marzu 1991, in-noti ta’ l-avukat ta' l-ex rappreżentant ta’ ADM juru li dan ta’ l-aħħar iddikjara, mingħajr l-ebda ambigwità, li r-rappreżentant ta’ HLR kien il-parteċipant prinċipali, kien jirrakkomanda sistema ta’ kwoti. Barra minn hekk, jirriżulta minn dan li r-rappreżentant l-ieħor ta’ ADM “ma kienx tkellem ħafna” u li dan ta’ l-aħħar “kellu d-drawwa li waqt il-laqgħat, jisma' u jara dak li jiġri”. ADM tippreċiża li dan jaqbel mad-dikjarazzjoni ta' l-ex rappreżentant tagħha li tgħid li r-rappreżentant l-ieħor ta’ ADM “ma [kien] qatt ipprova jmexxi” u li “oħrajn kienu għamlu hekk qabel”.

251    It-tielet nett, ADM tosserva li n-noti ta’ l-avukat ta' l-ex rappreżentant tagħha jindikaw li huwa ma użax il-kliem “l-Għaref” fir-rigward tar-rappreżentant l-ieħor ta’ ADM.

252    Fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta' l-ex rappreżentant ta’ ADM, ADM issostni li huwa kien ukoll ikkonferma li d-dikjarazzjonijiet li huwa kien jiftakar kienu differenti minn dawk attribwiti lilu fir-rapport ta’ l-FBI fuq tliet punti.

253    L-ewwel nett, jirriżulta li r-rappreżentant l-ieħor ta’ ADM ftit li xejn ikkontribwixxa fil-laqgħa tas-6 ta’ Marzu 1991 u ma jistax jiġi meqjus bħala li kien hu li mexxa.

254    Wara, jidher fid-dikjarazzjoni ta' l-ex rappreżentant ta’ ADM li r-rappreżentant ta’ HLR kien stieden lill-ex rappreżentant ta’ ADM u r-rappreżentant l-ieħor ta’ ADM għal-laqgħa tas-6 ta’ Marzu 1991, kien mexxa l-laqgħa u kien irrakkomanda s-sistema ta’ informazzjoni u ta’ kontroll relatata ma’ l-implementazzjoni ta’ l-akkordju.

255    Jirriżulta minn dan li l-ex rappreżentant ta’ ADM ma jiftakarx li r-rappreżentant l-ieħor ta’ ADM kien ġie mlaqqam l-“Għaref”, imma kien jiftakar li r-rappreżentant ta’ JBL, li pparteċipa bħala president fil-laqgħat ta’ l-akkordju mix-xahar ta’ Mejju 1994, kien isejjaħ lir-rappreżentant l-ieħor ta’ ADM il-“predikatur”. Barra minn hekk, jirriżulta minn dan li l-ex rappreżentant ta’ ADM kien jippreżumi li dawn l-ismijiet kienu użati peress li r-“[rappreżentant l-ieħor ta’ ADM] ġeneralment kellu komportament riżervat u ma kienx jitkellem ta’ spiss ħlief jekk kellu komunikazzjoni importanti x'jagħti”. Fl-aħħar nett, jirriżulta li l-espressjoni “l-Għaref” ma ġiex użat biex jiddistingwi r-rappreżentant l-ieħor ta’ ADM.

256    Il-ħames nett, ADM issostni li r-rapport ta’ l-FBI huwa inkompatibbli mal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni. Fil-fatt, ADM tosserva li, fil-punt 265 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tipprova tpinġi lir-rappreżentant l-ieħor ta’ ADM, billi tibbaża ruħha fuq ir-rapport ta’ l-FBI, bħala persuna li kellha rwol ta’ mexxejja fil-laqgħa inizjali ta’ l-akkordju, fis-6 ta’ Marzu 1991, meta, fil-punt 78 tad-Deċiżjoni, hija tinnota li din il-laqgħa “kienet ġiet organizzata u mmexxija minn rappreżentant ta’ [HLR]”.

257    B’hekk, ADM issostni li din id-deskrizzjoni tal-laqgħa tas-6 ta’ Marzu 1991 hija differenti minn dik li l-Kummissjoni kienet għamlet fin-nota ta' lmenti. Fil-fatt, fil-punt 62 tagħha, il-Kummissjoni nnutat li din il-laqgħa kienet “organizzata u kienet immexxija mi[r-rappreżentant ta’ HLR]”.

258    ADM iżżid li r-rwol ċentrali tar-rappreżentant ta’ HLR fil-laqgħa tas-6 ta’ Marzu 1991 jirriżulta wkoll mill-punti 85 u 89 tad-Deċiżjoni.

259    Il-Kummissjoni titlob li l-argumenti kollha ta’ ADM jiġu miċħuda.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

–       Introduzzjoni

260    ADM tqajjem żewġ tipi ta’ lmenti differenti. L-ewwel nett, hija ssostni li, billi bbażat ruħha fuq ir-rapport ta’ l-FBI, il-Kummissjoni kisret il-garanziji proċedurali previsti mid-dritt Komunitarju. It-tieni nett, ADM tqis li l-Kummissjoni m’evalwatx korrettament il-kontenut tar-rapport ta’ l-FBI.

–       Dwar l-argument li l-Kummissjoni kisret il-garanziji proċedurali previsti mid-dritt Komunitarju

261    Huwa stabbilit li l-ebda dispożizzjoni ma tipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tibbaża ruħha, bħala element ta’ prova li jista' jservi biex jiġi kkonstatat ksur ta’ l-Artikoli 81 KE u 82 KE u li tiffissa multa, fuq dokument li, bħal f’dan il-każ jirrigwarda rapport ta’ l-FBI, ikun ġie stabbilit fil-kuntest ta’ proċedura barra minn dik immexxija mill-Kummissjoni stess.

262    Għaldaqstant, skond il-ġurisprudenza, huwa rrikonoxxut, bis-saħħa tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, li minnhom id-drittijiet fundamentali huma parti integrali tiegħu u li fid-dawl tagħhom it-testi kollha tad-dritt Komunitarju għandhom jiġu interpretati, id-dritt għal impriża li ma tiġix ikkontestata mill-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, li tiddikjara l-parteċipazzjoni tagħha għal ksur (sentenza Orkem vs Il-Kummissjoni, punt 238 supra, punt 35). Il-protezzjoni ta’ dan id-dritt jimplika, fil-każ li tiġi kkontestata l-portata ta’ domanda, li jiġi vverifikat jekk risposta tad-destinatarju tkunx effettivament ekwivalenti għal dikjarazzjoni ta’ ksur, tat-tip li tkun ta’ ħsara għad-drittijiet tad-difiża (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I-8375, punt 273, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Frar 2001, Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, T-112/98, Ġabra p. II-729, punt 64).

263    Huwa veru li s-sitwazzjoni fattwali ta’ dan il-każ hija differenti minn dawk tal-kawżi ċċitati iktar ’il fuq, li fihom il-Kummissjoni kienet għamlet xi domandi lil impriżi li kellhom id-dritt li jirrifjutaw li jirrispondu.

264    Madankollu, meta, bħal f’dan il-każ, il-Kummissjoni tibbaża ruħha, fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni ħielsa tagħha ta’ l-elementi ta’ prova li hija għandha, fuq dikjarazzjoni magħmula f’kuntest differenti minn dak tal-proċedura mwettqa quddiem il-Kummissjoni, u meta din id-dikjarazzjoni potenzjalment tirrigwarda informazzjonijiet li l-impriża kkonċernata kellha d-dritt li tirrifjuta li tgħaddi lill-Kummissjoni bis-saħħa tal-ġurisprudenza Orkem vs Il-Kummissjoni, punt 238 supra, din ta’ l-aħħar hija marbuta li tiggarantixxi lill-impriża kkonċernata drittijiet proċedurali ekwivalenti għal dawk mogħtija mill-imsemmija ġurisprudenza.

265    Ir-rispett ta’ dawn il-garanziji proċedurali jimplika, fil-kuntest bħal dak tal-każ ikkonċernat, li l-Kummissjoni hija marbuta li teżamina ex officio jekk, l-ewwel nett, jeżistux dubji serji fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet proċedurali tal-partijiet ikkonċernati fil-kuntest tal-proċedura li fiha huma kienu għamlu tali dikjarazzjonijiet. Fin-nuqqas ta' tali dubji serji, id-drittijiet proċedurali tal-partijiet ikkonċernati għandhom jiġu kkunsidrati bħala li ġew suffiċjentement iggarantiti jekk, fin-nota ta' lmenti, il-Kummissjoni tindika b’mod ċar, f’dan il-każ billi tannetti d-dokumenti kkonċernati ma’ din il-komunikazzjoni, li hija għandha l-intenzjoni tibbaża ruħha fuq id-dikjarazzjonijiet ikkonċernati. B’dan il-mod, il-Kummissjoni tippermetti lil partijiet ikkonċernati li jieħdu pożizzjoni fir-rigward mhux biss tal-kontenut ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, iżda wkoll għal irregolaritajiet eventwali jew għal ċirkustanzi partikolari li jkunu xekklu jew il-formulazzjoni tagħhom, jew il-preżentata tagħhom quddiem il-Kummissjoni.

266    Fil-każ ikkonċernat, l-ewwel nett, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni li r-rapport ta’ l-FBI ġie mgħoddi lill-Kummissjoni minn kompetitriċi ta’ ADM, Bayer, li kienet ukoll parti mill-akkordju (ara l-punt 232 supra) u li ADM ma sostnietx li dan id-dokument ġie f’idejn Bayer jew il-Kummissjoni b’mod illegali.

267    It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li r-rapport ta’ l-FBI jikkostitwixxi dokument stabbilit mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istati Uniti biex jiġu ppersegwiti l-kartellijiet sigrieti, li ġie mressaq quddiem il-qrati Amerikani fil-proċedimenti li fihom l-istess akkordju kien is-suġġett. Dan ma kellu ebda sinjal estern li seta' jġiegħel il-Kummissjoni tiddubita mill-valur probatorju tiegħu. Fir-rigward li f’dan il-kuntest ADM tinvoka l-fatt li, fl-ittra indirizzata fil-11 ta’ Ottubru 1996 mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Uniti lill-avukat ta' l-ex rappreżentant ta’ ADM, ġie ppreċiżat li l-informazzjoni mogħtija minnu f’dan ir-rapport ma setgħet tiġi użata la kontrih u l-anqas kontra ADM, għandu jiġi nnutat li din ir-riżerva tirreferi espliċitament għal proċeduri kriminali fis-sens tal-ġurisdizzjoni legali ta’ l-Istati Uniti u mhux għal proċeduri bħal dawk mwettqa quddiem il-Kummissjoni.

268    It-tielet nett, u iżjed fundamentalment, għandu jiġi mfakkar li, fin-nota ta' lmenti, il-Kummissjoni indikat li kellha l-intenzjoni tibbaża ruħha fuq dan ir-rapport u li hija annettiet dan id-dokument ma’ din il-komunikazzjoni. Hija ppermettiet b'hekk lil ADM tieħu pożizzjoni fir-rigward mhux biss fuq il-kontenut ta’ dan id-dokument, iżda wkoll fuq irregolaritajiet eventwali jew ċirkustanzi partikolari li kienu jeffettwaw kemm it-twaqqif tiegħu, bħal dawk imqajma quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza (ara b’mod partikolari l-punti 243 u 244 supra), kemm għall-preżentata tiegħu quddiem il-Kummissjoni, irregolaritajiet jew ċirkustanzi li minħabba fihom, skond ADM, il-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq dan id-dokument mingħajr ma tikser id-drittijiet proċedurali ggarantiti mid-dritt Komunitarju.

269    ADM għaldaqstant ma għamlet l-ebda kritika fir-risposta tagħha għan-nota ta' lmenti fir-rigward tal-kunsiderazzjoni ta’ dan id-dokument mill-Kummissjoni. Bil-kontra, hija bbażat ruħha espressament fuq dan id-dokument biex issostni l-argumenti tagħha, inkluż fejn tirrigwarda l-kwistjoni li jsir magħruf jekk hija kellhiex rwol ta’ mexxejja fi ħdan l-akkordju. Barra minn hekk, ADM ma tippretendix ukoll li f’xi mument ieħor tal-proċedura amministrattiva hija ġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni fuq in-nuqqas ta’ affidabbiltà tar-rapport ta’ l-FBI jew li talbet lill-Kummissjoni tinterroga l-ex rappreżentant ta’ ADM fir-rigward tal-verità ta’ l-affarijiet allegati f’dan ir-rapport.

270    Fit-tali sitwazzjoni, il-Kummissjoni ma kisritx id-drittijiet proċedurali ggarantiti mid-dritt Komunitarju billi bbażat ruħha fuq ir-rapport ta’ l-FBI, fl-evalwazzjoni ħielsa tagħha tal-provi li hija kellha.

–       Dwar l-argument li l-Kummissjoni ma evalwatx korrettament il-kontenut tar-rapport ta’ l-FBI

271    Fir-rigward ta’ dak li ADM issostni, li r-rapport ta’ l-FBI għandu kontradizzjonijiet interni (punt 245 supra), għandu jiġi kkonstatat li, fil-parti tar-rapport ta’ l-FBI li fuqha l-Kummissjoni bbażat ruħha fil-punt 265 tad-Deċiżjoni, l-ex rappreżentant ta’ ADM kien iddikjara li r-rappreżentant l-ieħor ta’ ADM ġie bl-idea tal-ftehim u kellu rwol attiv fl-ewwel laqgħa ta’ l-akkordju, fis-6 ta’ Marzu 1991. B’hekk, huwa żied li r-rappreżentant l-ieħor ta’ ADM kien meqjus bħala l-“Għaref”, u kien ukoll imlaqqam il-“predikatur” mir-rappreżentant ta’ JBL. Barra minn hekk, fil-paġna 7 ta’ l-imsemmi rapport, huwa ppreċiżat, fir-rigward ta’ din l-istess laqgħa tas-6 ta’ Marzu 1991, li “[l]-laqgħa kienet ‘immexxija b’mod manifest mi[r-rappreżentant ta’HLR]’, li huwa msejjaħ mill-ex rappreżentant ta’ ADM bħala ‘l-protagonist prinċipali’”.

272    Jirriżulta minn dan li l-ex rappreżentant ta’ ADM kellu l-impressjoni li r-rappreżentanti ta’ ADM u ta’ HLR kellhom rwol determinanti waqt din il-laqgħa, wieħed (dak ta’ HLR) essenzjalment billi organizza u mexxa l-laqgħa, l-ieħor (dak ta’ ADM) billi kellu rwol preponderanti fit-tfassil tal-ftehim konklużi.

273    Huwa b’hekk li l-Kummissjoni tat din l-interpretazzjoni lid-dokument. Fil-fatt, jirriżulta mill-punti 268 sa 272 tad-Deċiżjoni li hija qieset li kemm ADM u HLR kellhom rwol ta’ mexxejja ta’ l-akkordju. Fil-punt 269, il-Kummissjoni bbażat ruħha f’dan ir-rigward fuq ir-rapport ta’ l-FBI, anki jekk hija ċċitat parti oħra minn dik invokata minn ADM.

274    Għaldaqstant, ADM b'mod żbaljat tinvoka l-eżistenza ta’ kontradizzjonijiet interni fir-rapport ta’ l-FBI.

275    Fir-rigward ta’ l-argument li ADM issib kuntradizzjonijiet bejn ir-rapport ta’ l-FBI u d-dikjarazzjoni ta' l-ex rappreżentant ta’ ADM quddiem il-Kummissjoni, bħal ma jirriżulta mill-memorandum miktub minn ADM (punt 246 supra), għandu jiġi osservat li, jekk jiġi għall-inqas issupponut li d-deskrizzjoni tar-rwol interpretat mir-rappreżentanti ta’ ADM waqt il-laqgħat ikkonċernati kienet differenti min dik li tirriżulta mir-rapport ta’ l-FBI, ma jfissirx li, anki kif kien ġie deċiż fil-punt 270 supra, il-Kummissjoni setgħet validament tibbaża ruħha fuq ir-rapport ta’ l-FBI u l-Kummissjoni m’għandhiex tiġi akkużata li tat iżjed kredibbiltà lir-rapport ta’ l-FBI mill-memorandum stabbilit minn ADM relatat ma’ l-interrogatorju ta’ l-istess ex rappreżentant ta’ ADM quddiem il-Kummissjoni, li kien sar in tempore suspecto.

276    Fir-rigward ta’ l-argument li ADM issostni li jeżistu kuntradizzjonijiet fil-konklużjonijiet ta’ l-istess Kummissjoni li jinsabu fid-Deċiżjoni u fin-nota ta' lmenti (punti 256 sa 258 supra), għandu jiġi rrimarkat li, fil-punti 78, 85 u 89 tad-Deċiżjoni u fil-punt 62 tan-nota ta' lmenti, huwa indikat li kien ir-rappreżentant ta’ HLR li kien organizza u mexxa l-laqgħa tas-6 ta’ Marzu 1991. Madankollu, dan il-fatt ma jinvalidax il-konklużjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kwalità ta’ mexxejja konġunta ta’ ADM. Fil-fatt, xejn ma jmur kontra li, bħal f’dan il-każ, waħda mill-partijiet tmexxi u torganizza laqgħa filwaqt li l-parti l-oħra jkollha rwol attiv prinċipali, bħal ma joħroġ mill-punt 265 tad-Deċiżjoni, u li ż-żewġ partijiet jiġu meqjusa bħala mexxejja ta’ l-akkordju minħabba r-rwoli rispettivi tagħhom.

277    Fir-rigward ta’ l-argument li bih ADM tinvoka dikjarazzjonjiet ta' l-ex rappreżentant ta’ ADM u ta’ l-avukat tiegħu, magħmula fis-26 ta’ Frar 2002 għall-bżonnijiet tal-proċedura preżenti, li jinkludu deskrizzjoni differenti tad-dikjarazzjonijiet magħmula mill-ex rappreżentant ta’ ADM quddiem l-FBI (punti 247 sa 255 supra), huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li ADM qatt ma sostniet, waqt il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni, li r-rapport ta’ l-FBI ma kellux deskrizzjoni eżatta tad-dikjarazzjonijiet magħmula mill-ex rappreżentant ta’ ADM (ara l-punt 234 supra). B’hekk, il-Kummissjoni m’għamlitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta tat validità probatorja superjuri lir-rapport ta’ l-FBI, imressaq waqt il-proċedura amministrattiva, meta mqabbel ma’ dikjarazzjonijiet preċedenti magħmula in tempore suspecto għall-bżonnijiet tal-proċedura preżenti.

278    Għaldaqstant, ADM ma stabbilietx li l-Kummissjoni evalwat b’mod żbaljat il-kontenut tar-rapport ta’ l-FBI.

279    Jirriżulta minn kull ma ntqal li l-Kummissjoni m’għamlitx żball manifest fl-evalwazzjoni tar-rapport ta’ l-FBI.

c)     Fuq id-dikjarazzjoni ta’ Cerestar

 L-argumenti tal-partijiet

280    L-ewwel nett, ADM tqis li, anki li kieku kellu jiġi ammess li l-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha fuq l-element ta’ prova mogħtija minn Cerestar, it-tmexxija tal-laqgħat tax-sherpas tindika li l-iżjed li kien hemm kienet parteċipazzjoni attiva fl-akkordju, iżda mhux l-eżerċizzju ta’ “leadership” fuq din ta’ l-aħħar.

281    Fil-fatt, ADM issostni li l-laqgħat tax-sherpas kienu laqgħat ta’ membri ta’ livell inqas għoli mill-ġerarkija ta’ kull waħda mill-partijiet ikkonċernati. Huma nżammu biss mix-xahar ta’ Ġunju 1993 u kellhomx bħala għan biss l-eżami ta’ kwistjonijiet tekniċi (punt 117 tad-Deċiżjoni). Effettivament, ADM tindika li xi wħud kienu relatati mhux wisq għall-ftehim illegali, iżda għal attivitajiet legalizzati minn assoċjazzjoni kummerċjali, bħall-evalwazzjoni tal-possibbiltà ta’ użi oħrajn għall-aċidu ċitriku, bil-ħsieb li jestendu s-suq, u l-kunsiderazzjoni ta’ lment antidumping kontra l-produtturi Ċiniżi. Dawn il-laqgħat jikkuntrastaw ma’ dawk tal-“masters” prinċipali, li nżammu waqt il-perijodu kollu ta’ l-akkordju u meta dawn inqatgħu b’deċiżjonijiet fuq punti essenzjali (iffissar ta’ kwoti, żieda fil-prezzijiet, metodi ta’ kontroll, ħlas ta’ kumpens).

282    It-tieni nett, ADM issostni li l-element ta’ prova mogħti minn Cerestar huwa, b’mod ġenerali, suġġett għal prudenza, peress li l-memorja li Cerestar għandha tal-laqgħat mhijiex attendibbli: xi dettalji mhumiex mogħtija ħlief għal tlieta minn 17-il laqgħa identifikati minn Cerestar bħala laqgħat “possibbli” taħt il-kappa ta’ l-akkordju u sitta mil-laqgħat li dwarhom tiftakar Cerestar ma seħħewx, jekk wieħed jirreferi għall-elementi ta’ prova li joħorġu minn parteċipanti oħra u mill-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni.

283    It-tielet nett, ADM tqis li l-element ta’ prova mressaq minn Cerestar fir-rigward, iżjed partikolarment tal-laqgħat tax-sherpas, għandu elementi żbaljati. Cerestar tidentifika pożittivament waħda biss minn dawn il-laqgħat waqt il-parteċipazzjoni kollha tagħha fl-akkordju (jiġifieri laqgħa tal-15 ta’ April 1994 fl-ajruport O’Hare ta’ Chicago) u ddikjarat li “s-Sur [D.] m’għandux memorji preċiżi”. Issa, skond ix-xhieda tal-parteċipanti l-oħra, din il-laqgħa ma saritx. Barra minn hekk, Cerestar semmiet tliet laqgħat oħra. Għaldaqstant, ADM issostni li Cerestar iddikjarat li ma pparteċipatx f’laqgħat oħra wara t-2 ta’ Novembru 1994, li mhijiex xi ħaġa sorprendenti, peress li ċerti laqgħat tax-sherpas kienu ddedikati wkoll għal kwistjonijiet li ma kellhomx x’jaqsmu ma’ l-akkordju u l-Kummissjoni m’għamlitx distinzjoni bejn dawn il-laqgħat tax-sherpas u l-oħrajn.

284    Ir-raba’ nett, ADM issostni li d-dikjarazzjoni ta’ Cerestar hija inkompatibbli mad-dikjarazzjoni magħmula mill-ex rappreżentant ta’ ADM għall-bżonnijiet tal-proċedura quddiem il-Kummissjoni. Issa, meta wieħed iqis in-nuqqas ta’ affidabbiltà tad-dikjarazzjoni ta’ Cerestar u l-inkapaċità ta’ din ta’ l-aħħar li tippreċiża d-dati jew il-postijiet li fihom effettivament seħħew dawn il-laqgħat tax-sherpas, l-imsemmija dikjarazzjoni magħmula mill-ex rappreżentant ta’ ADM għall-bżonnijiet tal-proċedura quddiem il-Kummissjoni kellha tiġi kkunsidrata bħala iżjed kredibbli. Issa, hija tkompli tgħid li, skond id-dikjarazzjoni ta' l-ex rappreżentant ta’ ADM, ma kienx hemm xi ħadd imsejjaħ jew uffiċjalment magħżul biex imexxi l-laqgħat tar-rappreżentanti ta’ livell li jalterna fil-ġerarkija ta’ l-impriżi parteċipanti u huwa żbaljat li jiġi allegat li kien jipprepara d-dokumenti u kien jissuġġerixxi figuri. ADM tammetti li huwa veru li l-ex rappreżentant tagħha okkażjonalment kien jipprepara xi dokumenti għal-laqgħat, iżda huwa wkoll veru li l-parteċipanti l-oħra kienu jagħmlu l-istess. Bl-istess mod, il-parteċipanti kollha kienu ħadu parti fil-propożizzjonijiet tal-prezzijiet. L-uniċi drabi li fihom l-ex rappreżentant ta’ ADM kien jiftakar li kien ipprepara figuri għall-parteċipanti oħrajn kien jikkonċerna l-applikazzjoni ta’ rata tal-kambju tal-prezz miftiehem, li seħħ rarament.

285    Il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti ta’ ADM.

 Il-kunsiderazzjonjiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

286    L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li, fil-punt 226 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni rreferiet bil-kliem li ġejjin għad-dikjarazzjoni magħmula minn Cerestar:

“Fid-dikjarazzjoni tagħha tal-25 ta’ Marzu 1999, Cerestar [...] tafferma wkoll li, ‘minkejja li [r-rappreżentanti ta’ HLR u ta’ JBL] kienu normalment imexxu l-laqgħa ‘masters’, [Cerestar] kellha l-impressjoni ċara li [r-rappreżentant ta’ ADM] kellu rwol ta’ mexxej. [Ir-rappreżentant ta’ ADM] kien imexxi l-laqgħat [tax-]sherpa[s] u kien ġeneralment jipprepara d-dokumenti u l-proposti għall-figuri li jridu jiġu diskussi’.”

287    Fir-rigward tar-“rwol ta’ mexxej” li, skond id-dikjarazzjoni ta’ Cerestar, l-ex rappreżentant ta’ ADM kellu fi ħdan il-laqgħat ta’ l-akkordju fl-ogħla livell (laqgħat imsemmija tal-“masters”), għandu jiġi nnutat li ADM intrabtet li ssostni li jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet tagħha stess li hija ma’ kellhiex “rwol ta’ mexxej” fil-kuntest ta’ dawn il-laqgħat u li d-dikjarazzjonijiet tagħha kellhom l-istess valur ġuridiku ta’ dawk ta’ Cerestar.

288    Issa, hemm lok li jiġi kkonstatat li d-deskrizzjoni mogħtija minn Cerestar f’dan ir-rigward taqbel ma dik mogħtija mill-ex rappreżentant ta’ ADM fir-rapport ta’ l-FBI. Fir-rigward tal-kredibbiltà li għandha tingħata lid-dikjarazzjoni ta’ Cerestar, għandu jiġi rrimarkat li huwa stabbilit li Cerestar ma kellhiex rwol attiv fi ħdan l-akkordju, meta din ma ġietx ukoll meqjusa bħala ċirkustanza attenwanti (ara l-punti 282 u 283 tad-Deċiżjoni).

289    Fir-rigward tar-rwol interpretat mill-ex rappreżentant ta’ ADM fi ħdan il-laqgħat imwettqa fuq livell tekniku (laqgħat imsemmija “sherpas”), għandu jiġi osservat li Cerestar iddikjarat li, b’mod ġenerali, din kienet organizzat u mexxiet laqgħat u kienet għamlet proposti tekniċi. Hija għaldaqstant mingħajr rilevanza li, fid-dikjarazzjoni tagħha, Cerestar ma tatx dettalji ħlief għal ċerti laqgħat ta’ l-akkordju.

290    Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza diġà ġġudikat li ADM ma setgħetx validament tinvoka allegata inkompatibbiltà tad-dikjarazzjoni ta’ Cerestar mad-dikjarazzjoni ta' l-ex rappreżentant ta’ ADM għall-bżonnijiet tal-proċedura quddiem il-Kummissjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni m’għamlitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi tat lil din id-dikjarazzjoni saħħa probatorja superjuri għad-dikjarazzjonijiet magħmula in tempore suspecto għall-bżonnijiet tal-proċedura ġudizzjarja preżenti.

291    Għaldaqstant, il-Kummissjoni m’għamlitx żball manifest fl-evalwazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ Cerestar.

3.     Fuq il-kwalifika ta’ ADM bħala mexxejja fil-kuntest ta’ l-akkordju

a)     L-argumenti tal-partijiet

292    Billi bbażat ruħha fuq il-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni, ADM issostni li, jekk kellu jiġi meqjus li l-Kummissjoni m’għamlitx żball billi bbażat ruħha fuq ir-rapport ta’ l-FBI u d-dikjarazzjoni ta’ Cerestar, l-elementi invokati mill-Kummissjoni abbażi ta’ dawn id-dokumenti jippermettu l-iżjed li jiġi konkluż li ADM kellha rwol attiv fl-akkordju, iżda mhux li ADM kellha rwol ta’ mexxejja.

293    Fil-fatt, skond ADM, il-Kummissjoni tammetti li hija ma kinitx l-istigatriċi ta’ l-akkordju (punt 264 tad-Deċiżjoni), ma ġietx fdata bħala segretarjat inkarigata milli tiġbor, tikkontrolla u tqassam l-informazzjonijiet fuq il-bejgħ (punt 272 tad-Deċiżjoni), m’aġġixxietx bħala medjatriċi fid-differenzi li kien hemm bejn il-parteċipanti (punt 270 tad-Deċiżjoni) u fl-aħħar la ġiegħlet jew stiednet lil impriżi oħrajn biex jipparteċipaw fl-akkordju (punt 271 tad-Deċiżjoni). Madankollu, kien pjuttost lil HLR li l-Kummissjoni kienet attribwiet kull waħda minn dawn l-elementi billi attribwiet il-fatt li HLR kienet mexxiet u organizzat il-laqgħa inizjali tas-6 ta’ Marzu 1991 u kienet kompliet tiżgura t-tmexxija tal-laqgħat, mingħajr interruzzjoni sa Mejju 1994 (punti 120 u 268 tad-Deċiżjoni).

294    B’hekk, skond ADM, il-Kummissjoni kisret il-prattika amministrattiva tagħha kif ukoll il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

295    Il-Kummissjoni tikkontesta s-sustanza ta’ l-argumenti ta’ ADM.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

296    Meta jkun seħħ ksur minn bosta impriżi, hemm lok, fil-kuntest tad-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multi, li tiġi eżaminata l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni ta’ kull waħda minnhom (sentenza Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, punt 181 supra, punt 623), li jimplika, b’mod partikolari, li għandu jiġi stabbilit rwol rispettiv fit-tul tal-parteċipazzjoni tagħhom għall-ksur (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C-49/92 P, Ġabra p. I-4125, punt 150, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Diċembru 1991, Enichem Anic vs Il-Kummissjoni, T-6/89, Ġabra p. II-1623, punt 264).

297    Minn dan jirriżulta, b’mod partikolari, li r-rwol ta’ “kap prinċipali” interpretat minn wieħed jew iżjed impriżi fil-kuntest ta’ akkordju għandu jittieħed in kunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu ta’ l-ammont tal-multa, safejn dawn l-impriżi li kellhom tali rwol ikollhom, b’dan il-fatt, iġibu responsabbiltà partikolari meta mqabblin ma’ impriżi oħrajn (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Finnboard vs Il-Kummissjoni, C-298/98 P, Ġabra p. I-10157, punt 45; sentenza Mayr-Melnhof vs Il-Kummissjoni, punt 180 supra, punt 291).

298    Il-punt 2 tal-linji gwida, taħt it-titolu ta’ “ċirkustanzi aggravanti”, għandu lista mhux eżawrjenti taċ-ċirkustanzi li jistgħu jagħtu lok għal żieda ta’ l-ammont bażiku tal-multa li fosthom jinsab, b’mod partikolari, ir-“rwol ta’ mexxejja jew ta’ istigatriċi tal-ksur”.

299    F’dan il-każ, jirriżulta mill-analiżi preċedenti li, mingħajr ma tagħmel żball manifest ta’ evalwazzjoni, il-Kummissjoni invokat tliet elementi differenti biex tikkonkludi li, permezz ta’ HLR, ADM interpretat ir-rwol ta’ mexxejja ta’ l-akkordju, jiġifieri, l-ewwel nett, il-laqgħat bilaterali organizzati minn ADM f’Jannar 1991, it-tieni nett, ir-rapport ta’ l-FBI u, t-tielet nett, id-dikjarazzjoni ta’ Cerestar. Issa, dawn it-tliet indizzji invokati mill-Kummissjoni jikkonverġu f’konklużjoni waħda, jiġifieri li, fil-fażi inizjali ta’ l-akkordju, ADM interpretat rwol ta’ istigatriċi ta’ l-akkordju u, waqt il-fażi operazzjonali ta’ l-akkordju, ADM kellha rwol predominanti meta mqabbla mal-membri l-oħra ta’ l-akkordju.

300    Jekk huwa veru li, kif tammetti l-Kummissjoni fil-punt 273 tad-Deċiżjoni, membri oħrajn ta’ l-akkordju kienu wkoll inkarigaw ruħhom minn attivitajiet normalment marbuta ma’ l-eżerċizzju tar-rwol ta’ mexxejja, madankollu ADM ma tinvoka l-ebda argument li fih jirriżulta li r-rwol ta’ dawn il-membri l-oħra kien ukoll partikolari bħal tagħha u ta’ HLR. Barra minn hekk, jirriżulta mill-punt 273 tad-Deċiżjoni li l-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni l-fatt li membri oħrajn ta’ l-akkordju li kienu wkoll ħadu sehem f’attivitajiet frekwentement marbuta ma’ l-eżerċizzju tar-rwol ta’ mexxejja meta hija ffissat l-ammont taż-żieda għal 35 %.

301    Iċ-ċirkustanza kkonstatata minn ADM li l-Kummissjoni kienet ukoll attribwiet lil HLR ir-rwol ta’ mexxejja ma tbiddilx din il-konklużjoni (ara l-punt 276 supra). B’hekk, il-fatt li, kif il-Kummissjoni wkoll tindika fil-punt 77 tad-Deċiżjoni, ċerti partijiet ikkonċernati, fosthom partikolarment JBL, kienu diġà ħadu l-inizjattiva biex jistabbilixxu akkordju fis-suq ta’ l-aċidu ċitriku qabel ma ADM kienet ħadet l-inizjattivi mqajma mill-Kummissjoni ma tinvalidax il-konklużjoni li ADM kellha rwol ta’ mexxejja fil-kuntest, b’mod partikolari, tat-twaqqif ta’ l-akkordju li kien is-suġġett tad-Deċiżjoni.

302    Għaldaqstant, il-Kummissjoni m’għamlitx żball ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat li ADM kienet mexxejja ta’ l-akkordju.

C –  Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali safejn il-Kummissjoni imponiet fuq ADM l-istess rata ta’ żieda ta’ HLR

1.     L-argumenti tal-partijiet

303    ADM issostni li, anki billi taċċetta l-opinjoni tal-Kummissjoni fuq ir-rwol interpretat minnha, li jikkuntrasta mar-rwol reali tagħha fi ħdan l-akkordju, HLR kellha rwol essenzjali fil-ftehim li jikkorrispondi għall-karatteristiċi ġeneralment meqjusa mill-Kummissjoni bħala indizzji ta’ “leadership” f’kawżi oħrajn. Min-naħa l-oħra, ADM ma kellhiex rwol minuri, ftit jew wisq komparabbli ma’ dak ta’ JBL, li ġiet ikkunsdrata bħala membru attiv ta’ l-akkordju (ara l-punti 120 u 284 tad-Deċiżjoni). Issa, ADM tikkontesta li l-Kummissjoni ma rrikonoxxietx ċirkustanzi aggravanti lil JBL u b’hekk kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

304    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

305    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li jirriżulta mill-punti 268 sa 272 tad-Deċiżjoni li, biex jiġi konkluż li HLR kellha rwol ta’ mexxejja ta’ l-akkordju, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-fatt li r-rappreżentant ta’ din l-impriża kien organizza u mexxa l-ewwel laqgħa ta’ l-akkordju, li kien żgura li jmexxi l-laqgħat l-oħra sat-18 ta’ Mejju 1994 (ara l-punt 120 tad-Deċiżjoni) u li ħa ħsieb, tul il-parteċipazzjoni tiegħu fl-akkordju, li jiżgura li dan jaħdem kif suppost billi jiġbed l-attenzjoni tal-membri l-oħrajn ta’ l-akkordju għall-bżonn li l-affarijiet ta’ l-akkordju jiġu miżmuma sigrieti, billi jispjega lil Cerestar kif kienu jaħdmu l-ftehim bejn il-membri meta din il-parti tingħaqad fl-akkordju.

306    Fir-rigward ta’ ADM, il-Kummissjoni essenzjalment ħadet in kunsiderazzjoni r-rwol determinanti li r-rappreżentanti tagħha kellhom fit-tfassil ta’ l-akkordju u bħala membru attiv fil-ħidma tiegħu (ara l-punt 229 supra).

307    Issa, il-Kummissjoni validament setgħet tqis li r-rwol li ADM kellha waqt il-fażi inizjali ta’ l-akkordju kien ta’ gravità relattiva għall-inqas ekwivalenti għal dik tar-rwol ta’ HLR.

308    Għaldaqstant, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għandu jiġi miċħud.

D –  Fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u tal-proporzjonalità safejn il-Kummissjoni ma tatx każ tal-prattika deċiżjonali tagħha fir-rigward tar-rata ta’ żieda mogħtija lil ADM

1.     L-argumenti tal-partijiet

309    ADM issostni li, anki jekk wieħed jaċċetta l-pożizzjoni tal-Kummissjoni fuq ir-rwol interpretat minn ADM fi ħdan l-akkordju, id-Deċiżjoni hija vvizzjata minn ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità, meta l-Kummissjoni skartat il-prattika deċiżjonali tagħha fil-kawżi preċedenti billi applikat, f’dan il-każ, żieda għall-“leadership” li taqbeż il-25 %.

310    Fil-fatt, fil-kawżi msemmija “Bastimenti tal-ġarr Griegi”, “Ħlas addizzjonali fuq il-liga” kif ukoll – preċedentement għal-linji gwida - “Kartun” u “Propylene”, il-Kummissjoni applikat biss rata ta’ żieda ta’ minn 20 sa 25 %. Dan m’huwa xejn ħlief ir-riżultat ta’ ċirkustanzi aggravanti magħquda, li jinkludu l-“leadership”, li żidiet iżjed kunsiderevoli jkunu approprjati. Għaldaqstant, fil-kawża tal-pajpijiet preisolati, il-Kummissjoni imponiet fuq ABB żieda ta’ 50 % bħala sanzjoni ta’ bosta fatturi f’daqqa.

311    Il-Kummissjoni titlob li l-motivi invokati jiġu miċħuda.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

312    Għandu jiġi mfakkar li, fl-iffissar ta’ l-ammont tal-multa, il-Kummissjoni għandha poter ta’ evalwazzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ April 1995, Martinelli vs Il-Kummissjoni, T-150/89, Ġabra p. II-1165, punt 59). Il-fatt li l-Kummissjoni, meta kienet ikkonfrontata b’ċirkustanzi aggravanti, fl-imgħoddi applikat ċerta rata ta’ żieda tal-multi, ma jitneħħiliex id-dritt li żżid dawn ir-rati, fil-limiti indikati fir-Regolament Nru 17 u fil-linji gwida, jekk dan ikun neċessarju biex tiżgura l-implementazzjoni tal-politika Komunitarja fuq il-kompetizzjoni.

313    Fir-rigward tal-fatt li ADM tallega ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi kkunsidrat li, meta jitqies li l-Kummissjoni għandha tiffissa l-multa għal livell li jiggarantixxi effett suffiċjentement dissważiv, il-Kummissjoni ma eċċedietx il-poter ta’ evalwazzjoni tagħha billi kkunsidrat li r-rwol ta’ mexxejja interpretat minn ADM u HLR fil-kuntest ta’ l-akkordju kien jiġġustifika żieda ta’ l-ammonti rispettivi tal-multi ta’ 35 % li kellhom jingħataw lil dawn iż-żewġ partijiet.

314    Fir-rigward tal-fatt li ADM issostni ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, għandu jiġi mfakkar li l-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni ma tikkostitwixxix il-bażi ġuridika għall-impożizzjoni tal-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni, liema bażi hija fformulata mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.

315    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi mfakkar ukoll li, fl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għal kull każ ikkonċernat, il-Kummissjoni hija marbuta li tirrispetta l-prinċipji ġenerali tad-dritt, li fosthom hemm il-prinċipju ta’ trattament ugwali, kif interpretat mill-qrati Komunitarji (ara l-punt 133 supra).

316    Fir-rigward tal-komparazzjonijiet imwettqa minn ADM ma’ deċiżjonijiet oħra tal-Kummissjoni mogħtija fil-qasam tal-multi, jirriżulta li dawn id-deċiżjonijiet ma jistgħux ikunu rilevanti fir-rigward tar-rispett tal-prinċipju ta’ trattament ugwali ħlief jekk jiġi ppruvat li l-informazzjoni ċirkustanzjali tal-kawżi relatati ma’ dawn id-deċiżjonijiet l-oħra, bħas-swieq, il-prodotti, il-pajjiżi, l-impriżi u l-perijodi kkonċernati, huma komparabbli ma’ dawk ta’ dan il-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Jannar 2004, JCB Service vs Il-Kummissjoni, T-67/01, Ġabra p. II-49, punt 187).

317    Issa, ir-rikorrenti ma tatx elementi suffiċjenti li jippermettu li jiġi konkluż li dawn il-kundizzjonijiet huma sodisfatti f’dan il-każ. B’mod partikolari, għandu jiġi kkonstatat li ADM ma tinvokax deċiżjonijiet kontemporanji għal dawk tal-kawża “aċidu ċitriku”. F’kull każ, għandu jiġi rrimarkat li l-Kummissjoni għandha, sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa, tikkunsidra n-natura dissważiva tal-multa tagħha. Għaldaqstant, b’mod partikolari fil-każ ta’ mexxejja ta’ akkordju, anki żieda kunsiderevoli tal-livell tal-multi imposti bis-saħħa taċ-ċirkustanzi aggravanti tista' tiġi kkunsidrata bħala ġġustifikata sabiex tiżgura r-rispett sħiħ tar-regoli tal-kompetizzjoni.

318    B’hekk, il-motivi bbażati fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità għandhom jiġu miċħuda.

E –  Fuq il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni fl-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi aggravanti

319    Skond ADM, il-motivazzjoni tad-Deċiżjoni mhijiex suffiċjenti, peress li mhuwiex indikat għal liema raġunijiet il-Kummissjoni sabet ċirkustanzi aggravanti kontriha u għal liema raġunijiet hija ħasset li kien neċessarju li timponi rata ta’ żieda ta’ 35 %.

320    Il-Kummissjoni tqis li motivat suffiċjentement id-Deċiżjoni tagħha fil-punti 263 sa 267.

321    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 117 u 118 supra u tosserva li, f’dan il-każ, jirriżulta mill-punti 263 sa 265 tad-Deċiżjoni li l-Kummissjoni esponiet l-elementi ta’ evalwazzjoni li abbażi tagħhom hija qieset li ADM kellha rwol ta’ mexxejja ta’ l-akkordju. Fil-fatt, il-Kummissjoni essenzjalment ħadet in kunsiderazzjoni r-rwol determinanti li r-rappreżentanti ta’ din il-parti kienu interpretaw fit-twaqqif ta’ l-akkordju u bħala membru attiv ta’ l-ewwel pjan waqt li dan inħadem. B’hekk, fir-rigward ta’ l-importanza tar-rata ta’ żieda applikata, jirriżulta mill-punt 273 tad-Deċiżjoni li l-Kummissjoni kkunsidrat il-fatt li membri oħrajn ta’ l-akkordju kienu assumew ukoll attivitajiet normalment marbutin ma’ l-eżerċizzju tar-rwol ta’ ġestjoni.

322    F’dawn iċ-ċirkustanzi, m’għandux jiġi kkontestat lill-Kummissjoni li ma tatx motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward ta’ l-applikazzjoni ta’ rata ta’ żieda ta’ 35 % applikata minħabba ċ-ċirkustanzi aggravanti.

323    B’hekk, il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-obbligu tal-motivazzjoni għandu jiġi miċħud.

324    Fir-rigward ta’ kull ma ntqal, għandu jiġi kkunsidrat li l-motivi invokati minn ADM fir-rigward taż-żieda ta’ l-ammont tal-multa minħabba ċ-ċirkustanzi aggravanti għandhom jiġu miċħuda.

VI –  Fuq iċ-ċirkustanzi attenwanti

A –  Rimarka preliminari

325    Fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti, ADM tqajjem żbalji ta’ evalwazzjoni relatati, l-ewwel nett, mal-waqfien mill-parteċipazzjoni fl-akkordju wara l-ewwel interventi mill-awtoritajiet kompetenti, it-tieni nett, min-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tad-danni u l-interessi u, it-tielet nett, mill-adozzjoni ta’ kodiċi ta’ imġiba minn ADM.

B –  Fuq il-waqfien mill-parteċipazzjoni fl-akkordju wara l-ewwel interventi mill-awtoritajiet kompetenti

1.     L-argumenti tal-partijiet

326    ADM tinvoka l-fatt li, fit-tielet inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida, il-waqfien mill-ksur wara l-ewwel interventi mill-Kummissjoni hija rikonoxxuta bħala ċirkustanza attenwanti, iżda li, f’dan il-każ, hija ma bbenefikatx minnha.

327    Barra minn hekk, hija ssostni li l-fatti tal-kawża preżenti huma kważi identiċi għal dawk li taw lok għall-kawża msemmija “ta’ l-aċidi aminiċi” [deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/418/KE, tas-7 ta’ Ġunju 2000, rigward proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 KE u ta’ l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (kawża COMP/36.545/F3 – Aċidi aminiċi) (ĠU L 152, 2001, p. 24, iktar ’il quddiem il-“kawża ta’ l-aċidi aminiċi”], li fiha l-Kummissjoni tat tnaqqis fl-ammont tal-multa ta’ 10 %. Għaldaqstant, hija tinvoka s-sentenza ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni (punt 35 supra, punt 238), li fiha l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tnaqqis fil-multa kellu jingħata lill-impriżi li preċedentment kienu kkollaboraw mal-Kummissjoni biex jintemm l-akkordju.

328    Fl-aħħar nett, kontra dak li ssostni l-Kummissjoni, jeżistu każijiet fejn akkordji baqgħu jeżistu wara l-intervent ta’ l-awtoritajiet kompetenti.

329    ADM tiddeduċi minn dan li l-Kummissjoni kisret xi prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali.

330    Il-Kummissjoni tqis li l-fatt li għandu jintemm akkordju sigriet meta dan jiġi skopert ma jixraqlu l-ebda premju u li għaldaqstant ma jeżisti l-ebda dritt għall-kunsiderazzjoni ta’ dan il-waqfien fid-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multa.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

331    Il-punt 3 tal-linji gwida, intitolat “Ċirkustanzi attenwanti”, jipprevedi tnaqqis fl-ammont bażi tal-multa meta l-Kummissjoni ssib xi ċirkustanzi attenwanti partikolari, bħal, per eżempju, il-waqfien mill-ksur wara l-ewwel interventi mill-Kummissjoni (b’mod partikolari wara l-ewwel verifiki).

332    F’dan ir-rigward, għandu jiġi għaldaqstant imfakkar, l-ewwel net, li, sabiex jiġi stabbilit suq komuni li għandu livell għoli ta’ kompetittività, l-Artikolu 3 KE jipprevedi li l-azzjoni tal-Komunità tirrigwarda reġim li jiżgura li l-kompetizzjoni ma tiġix iddanneġġata fis-suq intern. L-Artikolu 81(1) KE jipprojbixxi l-ftehim kollha bejn l-impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet ta’ l-impriżi, u l-prattiċi miftiehma kollha li jistgħu jeffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri u li għandhom bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni, jikkostitwixxi wieħed mill-istrumenti prinċipali li jippermetti l-implementazzjoni ta’ dan ir-reġim.

333    B’hekk, għandu jiġi mfakkar li hija responsabbiltà tal-Kummissjoni kemm li ssegwi politika ġenerali intiża li tapplika fil-qasam tal-kompetizzjoni, il-prinċipji ffissati mit-trattat u li f’dan is-sens tagħti direzzjoni lill-komportament ta’ l-impriżi kif ukoll li tistruwixxi u tneħħi ksur individwali. Biex tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha l-poter li timponi multi fuq l-impriżi li, b’intenzjoni jew b’negliġenza, jikkommettu b’mod partikolari ksur ta’ l-Artikolu 81(1) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 47 supra, punt 105).

334    Isegwi li, fl-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, il-Kummissjoni għandha tieħu in kunsiderazzjoni mhux biss iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, iżda wkoll il-kuntest li fih il-ksur jinsab filwaqt li tara n-natura dissważiva ta’ l-azzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 47 supra, punt 106). Fil-fatt, hija biss il-kunsiderazzjoni ta’ dawn l-aspetti li tippermetti li tiġi ggarantita effikaċja sħiħa ta’ l-azzjoni tal-Kummissjoni sabiex iżżomm kompetizzjoni mingħajr distorsjonijiet fis-suq komuni.

335    Analiżi purament testwali tad-dispożizzjoni li tinsab fit-tielet inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida tista' tagħti l-impressjoni li, b’mod ġenerali u mingħajr riżerva, għal min iwettaq il-ksur, il-fatt biss li jwaqqaf kull ksur mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti. Issa, tali interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tnaqqas l-effett utli tad-dispożizzjonijiet li jippermettu ż-żamma ta’ kompetizzjoni effikaċi, peress li ddgħajjef kemm is-sanzjoni li tista' tiġi imposta wara li jkun hemm ksur ta’ l-Artikolu 81 KE, kif ukoll l-effett dissważiv ta' tali sanzjoni.

336    Fil-fatt, b’differenza miċ-ċirkustanzi attenwanti l-oħra, din iċ-ċirkustanza ma hi inerenti la għall-partikolarità suġġettiva ta’ min iwettaq il-ksur u l-anqas għall-fatti proprji tal-każ ikkonċernat, meta din prinċipalment tiġi mill-intervent estern tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, il-waqfien minn ksur biss wara l-intervent tal-Kummissjoni mhuwiex assimilat mill-merti li jirriżultaw minn inizjattiva awtonoma ta’ min iwettaq il-ksur, iżda jikkostitwixxu reazzjoni approprjata u normali għall-imsemmi intervent. Barra minn hekk, din iċ-ċirkustanza twassal biss għal ritorn minn min iwettaq il-ksur għal komportament leċitu u ma jikkontribwixxix li jirrendi l-inizjattivi tal-Kummissjoni iżjed effiċjenti. Fl-aħħar nett, l-allegata natura attenwanti ta’ din iċ-ċirkustanza ma tiġġustifikax ruħha biss mill-inċentivazzjoni li jintemm il-ksur li hija tirrigwarda, u dan iżjed meta jiġu meqjusa ċ-ċirkustanzi hawn fuq imsemmija. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, li l-kwalifika tal-kontinwazzjoni ta’ ksur wara l-ewwel interventi tal-Kummissjoni bħala ċirkustanza aggravanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, Sigma Tecnologie vs Il-Kummissjoni, T-28/99, Ġabra p. II-1845, punti 102 u s-segwenti) diġà ġustament jikkostitwixxi sejħa sabiex jintemm il-ksur, iżda li, bil-kontra taċ-ċirkustanza attenwanti kkonċernata, ma tnaqqas la s-sanzjoni u l-anqas l-effett dissważiv ta’ din is-sanzjoni.

337    Għalhekk, ir-rikonoxximent tal-waqfien minn ksur wara l-ewwel interventi tal-Kummissjoni bħala ċirkustanza attenwanti hi ta’ ħsara inġustifikata għall-effettività ta’ l-Artikolu 81(1) KE, minħabba t-tnaqqis kemm tas-sanzjoni kif ukoll ta’ l-effett dissważiv tas-sanzjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax timponi fuqha nnifisha li tikkunsidra sempliċi waqfien mill-ksur wara l-ewwel interventi tagħha bħala ċirkustanza attenwanti. B’hekk, hemm lok li d-dispożizzjoni li tinsab fit-tielet inċiż tal-punt 3, tal-linji gwida, tiġi interpretata b’mod restrittiv, b’mod li din ma tmurx kontra l-effettività ta’ l-Artikolu 81(1) KE.

338    Għaldaqstant, hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata fis-sens li huma biss iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ ikkonċernat, li fihom l-ipoteżi tal-waqfien mill-ksur wara l-ewwel interventi tal-Kummissjoni tikkonkretizza ruħha, li jistgħu jiġġustifikaw il-kunsiderazzjoni ta’ din l-aħħar ċirkustanza bħala ċirkustanza attenwanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, punt 35 supra, punt 213). ADM hi għalhekk fit-tort meta tqis li l-Kummissjoni wettqet illegalità fid-Deċiżjoni minħabba li hija kellha ex officio tieħu in kunsiderazzjoni l-waqfien tal-ksur minn ADM wara l-ewwel interventi tal-Kummissjoni, skond il-linji gwida.

339    Madankollu, l-illegalità invokata minn ADM tista' tiġi interpretata li qed tirreferi għan-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-waqfien mill-ksur tagħha fil-kuntest partikolari tal-każ ikkonċernat.

340    F’dan il-każ, għandu għaldaqstant jiġi mfakkar li l-ksur ikkonċernat jiġi minn akkordju sigriet li għandu bħala għan l-iffissar tal-prezzijiet u diviżjoni tas-swieq. Dan it-tip ta’ akkordju huwa espressament ipprojbit mill-Artikolu 81(1) (a) u (ċ), KE, u jikkostitwixxi ksur partikolarment gravi. Il-partijiet għandhom għalhekk ikollhom għarfien tan-natura illegali ta’ l-imġiba tagħhom. In-natura sigrieta ta’ l-akkordju jikkonferma l-fatt li l-partijiet għandhom għarfien tan-natura illegali ta’ l-azzjoni tagħhom. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li m’hemmx dubju li dan il-ksur seħħ intenzjonalment mill-partijiet ikkonċernati.

341    Issa, il-Qorti tal-Prim’Istanza diġà kkunsidrat espressament li l-waqfien minn ksur imwettaq intenzjonalment m’għandux jiġi meqjus bħala ċirkustanza attenwanti meta din ġiet iddeterminata bl-intervent tal-Kummissjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Marzu 1999, Aristrain vs Il-Kummissjoni, T-156/94, Ġabra p. II-645, punt 138, u Ensidesa vs Il-Kummissjoni, T-157/94, Ġabra p. II-707, punt 498).

342    Fir-rigward ta’ dak li ntqal, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li, f’dan il-każ, il-fatt li ADM temmet il-ksur wara l-ewwel intervent minn awtorità tal-kompetizzjoni ma jikkostitwixxix ċirkustanza attenwanti.

343    Din il-konklużjoni mhijiex effettwata mill-fatt li, f’dan il-każ, huwa wara l-intervent ta’ l-awtoritajiet Amerikani u mhux tal-Kummissjoni li ADM temmet il-prattiċi antikompetittivi kkonċernati (ara l-punti 128 u 193 tad-Deċiżjoni). Fil-fatt, il-fatt li ADM temmet kull ksur wara l-ewwel interventi mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni Amerikani ma jirrendix dan il-waqfien iżjed intenzjonali milli kieku tali waqfien kellu jseħħ wara l-ewwel interventi mill-Kummissjoni.

344    ADM terġa tinvoka s-sentenza ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni (punt 35 supra, punt 238) biex tiddefendi l-argumenti tagħha, safejn il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tnaqqis fil-multa kellu jingħata lill-impriżi li preċedentement ikkollaboraw mal-Kummissjoni biex jintemm l-akkordju. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrimarkat li din is-sentenza ma tippermettix li jiġi konkluż li l-fatt li r-rikorrenti waqfet il-ksur wara l-ewwel interventi minn awtorità tal-kompetizzjoni jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti f’kull każ. Barra minn hekk, fil-parti invokata minn ADM, is-sentenza ssemmi l-prinċipju li jgħid li, meta l-imġiba ta’ l-impriża inkriminata tkun ippermettiet lill-Kummissjoni tikkonstata ksur b-inqas diffikultà u, f’dan il-każ, biex ittemm dan il-ksur, din iċ-ċirkustanza għandha tittieħed in kunsiderazzjoni. Issa, din iċ-ċirkustanza timplika inizjattiva ta’ l-impriża inkriminata li tmur lil hinn mis-sempliċi waqfien mill-ksur wara l-intervent tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, din il-ġurisprudenza mhijiex tat-tip li tikkontesta l-analiżi mwettqa hawn fuq.

345    Fir-rigward tal-kawża ta’ l-aċidi aminiċi (ara l-punt 327 supra), invokata minn ADM biex turi ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis l-ewwel nett li prattika amministrattiva ma tistax tirriżulta minn każ wieħed biss. Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-fatt waħdu li l-Kummissjoni evalwat imġiba ta’ ċerta manjiera, fil-kuntest tal-prattika deċiżjonali preċedenti tagħha, ma jfissirx li hija obbligata li tagħmel l-istess evalwazzjoni meta tiġi biex tadotta deċiżjoni ulterjuri (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, T-7/89, Ġabra p. II-1711, punt 357; Mayr-Melnhof, punt 180 supra, punt 368, u LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 41 supra, punti 234 u 337). Fl-aħħar nett u f’kull każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li dan il-każ ma jqiegħed fid-dubju la l-analiżi li tirriżulta minn waħda mill-għanijiet prinċipali tal-Komunità diskussa hawn fuq u l-anqas il-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenzi Aristrain vs Il-Kummissjoni u Ensidesa vs Il-Kummissjoni, punt 341 supra, peress li hija turi biss l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni.

346    Għaldaqstant, għar-raġunijiet hawn fuq imsemmija, in-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni f’dan il-każ tal-waqfien mill-ksur wara l-ewwel interventi mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni Amerikani bħala ċirkustanza attenwanti ma tistax tiġi kkunsidrata bħala żbaljata.

C –  Fuq in-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tad-danni u ta’ l-interessi

1.     L-argumenti tal-partijiet

347    ADM tistma d-danni bl-interessi li hija ħallset lil xerrejja minbarra dawk ta’ l-Istati Uniti għal USD 15700000. Hija tqis li, minn dan l-ammont, somma ta’ bejn USD 6800000 u 11700000 hija relatata ma’ xiri mwettaq fl-Unjoni Ewropea. ADM tqis li huwa żbaljat li l-Kummissjoni ddikjarat li hija ma kinitx marbuta li tieħu in kunsiderazzjoni d-danni bl-interessi ddepożitati fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili (punt 335 tad-Deċiżjoni). Skond ADM, il-Kummissjoni kellha tieħu dan in kunsiderazzjoni bħala ċirkustanza attenwanti.

348    Il-Kummissjoni titlob biex dan il-motiv jiġi miċħud.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

349    Il-ħlasijiet invokati minn ADM bħala ċirkustanza attenwanti li tikkonċerna d-danni u l-interessi li ADM ħallset lil xerrejja minbarra dawk fl-Istati Uniti li parti minnhom jirrelataw ma’ xiri li sar fl-Unjoni Ewropea. Peress li l-kundanna ta’ ADM fl-Istati Uniti tinkludi l-ħlas ta’ danni u interessi tripli, id-danni u l-interessi invokati minn ADM jinkludu potenzjalment mhux biss sempliċi ħlas ta’ danni iżda sanzjoni wkoll.

350    Fir-rigward tal-fatt li d-danni u l-interessi jikkostitwixxu sanzjoni (danni u interessi ttriplikati), il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-ħlas ta’ dawn id-danni u interessi ma tikkostitwixxix ċirkustanza attenwanti li l-Kummissjoni kellha tieħu in kunsiderazzjoni f’dan il-każ. Fil-fatt, il-ħlas minn ADM ta’ sanzjoni lill-Istati Uniti mhi xejn ħlief il-konsegwenza ta’ proċeduri mibdija fl-Istati Uniti. Il-ħlas ta’ din is-sanzjoni ma tirreferix għal partikolarità ta’ ADM u ma tirrelatax suffiċjentement mal-fatti li għandha tkun taf dwarhom il-Kummissjoni. Għaldaqstant, il-ħlas ta’ din is-sanzjoni ma tistax tqiegħed fid-dubju r-realtà u l-gravità tal-ksur li sar.

351    Fir-rigward tal-fatt li d-danni u l-interessi jikkostitwixxu ħlas ta’ danni lix-xerrejja ta’ l-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-proċeduri kkonċernati u l-ħlas pretiż mill-Kummissjoni, minn naħa, u mill-awtoritajiet Amerikani, min-naħa l-oħra, m’għandhomx l-istess għanijiet. Jekk, fl-ewwel każ, il-Kummissjoni permezz ta’ multa, għandha l-intenzjoni li tissanzjona l-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni fil-Komunità jew fiż-ŻEE, fit-tieni każ, l-awtoritajiet Amerikani għandhom l-intenzjoni li jħallsu d-danni tal-vittmi ta’ l-azzjonijiet ta’ ADM. B’hekk, il-ħlas ta’ dawn id-danni u interessi ma jirrelatawx suffiċjentement mal-fatti li għandha jkollha għarfien dwarhom il-Kummissjoni.

352    Għaldaqstant, il-Kummissjoni mhijiex marbuta li tieħu in kunsiderazzjoni, meta tiffissa l-ammont tal-multa, iċ-ċirkustanza li fiha ADM diġà kienet ħallset xi danni u interessi fil-kuntest ta’ l-azzjonijiet imwettqa fl-Istati Uniti.

353    ADM madankollu tqis li, billi ma tiħux in kunsiderazzjoni d-danni u l-interessi mħallsa lil xerrejja ta’ l-aċidu ċitriku stabbilita fiż-ŻEE bħala ċirkustanza attenwanti, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali safejn hija ma tapplikax il-prattika li segwiet f’kawżi simili.

354    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva, f’dan ir-rigward, li ADM ibbażat l-eżistenza ta' tali prattika fuq kawża waħda, jiġifieri l-kawża msemmija “pajpijiet tal-ħadid mhux magħquda” [deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/60/KE, tal-21 ta’ Ottubru 1998, rigward il-proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu [81] KE (kawża IV/35.691/E-4 - Pajpijiet tal-ħadid mhux magħquda) (ĠU L 24, 1999, p. 1)]. Issa, l-invokazzjoni ta’ kawża waħda ma jippermettix li tintwera' l-eżistenza ta’ prattika tal-Kummissjoni u ADM tibqa' fin-nuqqas milli turi n-natura komparabbli taż-żewġ kawżi. Fil-fatt, ADM ma tindika xejn kif il-ħlas ta’ danni tagħha f’dan il-każ huwa ta’ l-istess tip ta’ dak imsemmi fil-kawża ċċitata iktar ’il fuq, jiġifieri kbir u limitat għal wieħed mill-produtturi tas-settur u għall-proprjetarju tiegħu. Barra minn hekk, kif inhu mfakkar fil-punt 345 supra, il-fatt waħdu li l-Kummissjoni evalwat, fil-kuntest tal-prattika deċiżjonali preċedenti tagħha, imġiba ta’ ċertu mod ma jfissirx li hija marbuta li tagħmel l-istess evalwazzjoni fl-adozzjoni ta’ deċiżjoni ulterjuri.

355    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali safejn id-Deċiżjoni twarrab prattika li fiha d-danni u l-interessi mħallsa lil xerrejja tas-suq ikkonċernat jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti għandu jiġi miċħud.

D –  Fuq l-adozzjoni ta’ kodiċi ta’mġiba minn ADM

1.     L-argumenti tal-partijiet

356    ADM issostni li l-Kummissjoni kellha tieħu in kunsiderazzjoni, fil-kalkolu tal-multa, l-implementazzjoni fi ħdan ADM ta’ programm rigoruż u permanenti ta’ konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni li jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-adozzjoni ta’ kodiċi ta’ mġiba indirizzat lill-impjegati kollha ta’ l-impriża u għall-ħolqien ta’ dipartiment speċjalizzat.

357    Barra minn hekk, l-adozzjoni ta’ programm ta’ konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni, it-tfassil ta’ direzzjoni ġdida u t-tkeċċija tal-livelli superjuri implikati fil-ksur juru sforzi sinċieri mill-impriża. ADM tirrimarka wkoll li sa dak iż-żmien hija ma kienet qatt is-suġġett ta’ konstatazzjoni sfavorevoli skond il-leġiżlazzjoni Komunitarja tal-kompetizzjoni. ADM tiddeduċi minn dan li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju tal-proporzjonalità.

358    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

359    Fir-rigward ta' l-implementazzjoni ta’ programm ta’ konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni, kien diġà ġie deċiż li, jekk huwa ċertament importanti li impriża tieħu miżuri biex tara li ma jsirx ksur mill-ġdid tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni mill-membri tal-persunal tagħha, it-teħid ta' tali miżuri ma jbiddilx ir-realtà tal-ksur ikkonstatat, il-Kummissjoni mhijiex għalhekk marbuta li tikkunsidra tali element bħala ċirkustanza attenwanti, wisq iżjed meta l-ksur ikkonċernat jikkostitwixxi, bħal f’dan il-każ, ksur manifest ta’ l-Artikolu 81(1) KE (sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 41 supra, punt 373; Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 41 supra, punti 280 u 281, u ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, punt 35 supra, punt 221).

360    Għaldaqstant dan il-motiv għandu wkoll jiġi miċħud.

VII –  Fuq il-kooperazzjoni ta’ ADM waqt il-proċedura amministrattiva

A –  Introduzzjoni

361    Fir-rigward tal-kooperazzjoni tagħha waqt il-proċedura amministrattiva, ADM tqajjem sostanzjalment erba’ motivi. L-ewwel nett, ADM tallega ksur tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni li twassal għal ksur tal-prinċipju ta’ l-aspettattivi leġittimi peress li l-Kummissjoni ma kkonstatatx li ADM kienet l-ewwel waħda li tat elementi determinanti biex tipprova l-eżistenza ta’ l-akkordju. It-tieni nett, ADM issemmi ksur tal-prinċipju ta’ l-aspettattivi leġittimi peress li l-Kummissjoni ħolqot aspettattivi fondati lil ADM, fuq it-tama li kienu ser japplikawlha t-titolu B tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. It-tielet nett, ADM issostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali billi hija tat trattament differenti lil ADM u lil Cerestar. Ir-raba’ nett, ADM tqis li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ trattament ugwali u tal-proporzjonalità billi hija limitat it-tnaqqis tal-multa b' 50 %.

362    Qabel ma tiġi evalwata s-sustanza ta’ dawn il-motivi, għandha tiġi spjegata fil-qosor l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kooperazzjoni ta’ l-impriżi waqt il-proċedura amministrattiva, kif jirriżulta mill-punti 249 sa 326 tad-Deċiżjoni.

363    L-ewwel nett, fl-applikazzjoni tat-titolu B tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni (ara l-punt 6 supra), il-Kummissjoni tat “tnaqqis kunsiderevoli ħafna” lil Cerestar, ta’ 90 %, mill-ammont tal-multa li kien jingħata lilha fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li Cerestar kienet l-ewwel impriża li tat elementi determinanti biex jippruvaw l-eżistenza ta’ l-akkordju waqt laqgħa mad-dipartimenti tal-Kummissjoni fid-29 ta’ Ottubru 1998. Hija żżid li l-“informazzjonijiet mogħtija minn [Cerestar fil-] l-laqgħa tad-29 ta’ Ottubru 1998, li jikkorrispondu ma’ dawk li jidhru ulterjorament fid-dikjarazzjoni bil-miktub tagħha tal-25 ta’ Marzu 1999, kienu suffiċenti biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ l-akkordju u ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni qabel ma ADM ma għamlet dan” (punt 306 tad-Deċiżjoni). B’hekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-argumenti ta’ ADM dwar il-fatt li hija kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fit-titolu B ta’ din l-istess komunikazzjoni biex hija tibbenefika minn “tnaqqis kunsiderevoli ħafna” mill-ammont tal-multi u żiedet ukoll “li ADM kienet waħda mill-mexxejja ta’ l-akkordju” (punti 305 sa 308 tad-Deċiżjoni).

364    Barra minn hekk, skond it-titolu D ta’ din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni tat “tnaqqis sinjifikattiv ħafna” ta’ 50 % mill-ammont tal-multa lil ADM. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni li, f’laqgħa li saret fil-11 ta’ Diċembru 1998, ADM kienet tatha rendikont orali ta’ l-akkordju u li, fil-15 ta’ Jannar 1999, hija kienet ikkomunikatilha dikjarazzjoni bil-miktub li kienet tikkonferma t-termini tar-rendikont. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet li “l-informazzjonijiet mogħtija minn ADM kienu ddettaljati u li kienet użathom estensivament biex tipproċedi bl-investigazzjoni tagħha”. Fil-fatt, bl-informazzjonijiet miksuba minn Cerestar, dawn l-informazzjonijiet servew sabiex ifasslu t-talbiet għal informazzjoni li kkontribwixxew ħafna sabiex iwasslu lill-partijiet l-oħra kkonċernati jammettu l-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat “li ADM [setgħet] tagħti lill-Kummissjoni xi dokumenti kontemporanji mal-ksur, u b’mod partikolari n-noti meħuda waqt il-laqgħat ta’ l-akkordju u ta’ l-istruzzjonijiet marbuta mad-deċiżjonijiet meħuda mill-membri ta’ l-akkordju fir-rigward tal-prezzijiet” (punti 312 sa 315 tad-Deċiżjoni).

B –  Fuq l-argument li ADM kienet l-ewwel li tagħti l-elementi determinanti biex jippruvaw l-eżistenza ta’ l-akkordju

1.     L-argumenti tal-partijiet

365    ADM tqis li l-Kummissjoni naqqset milli tapplika korrettament il-komunikazzjoni tagħha fuq il-kooperazzjoni u kissret ukoll il-prinċipju ta’ l-aspettattivi leġittimi. Hija ssostni li tnaqqis ta’ 50 % mill-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha, skond id-dispożizzjonijet tat-titolu D tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, mhijiex biżżejjed. Skond hi, kontra dak li tirrileva l-Kummissjoni fil-punt 308 tad-Deċiżjoni, ADM kienet l-ewwel waħda li tat elementi determinati biex tipprova l-eżistenza ta’ l-akkordju skond it-titolu B(b) tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Min-naħa l-oħra, kontra dak li tqis il-Kummissjoni fil-punt 305 tad-Deċiżjoni, il-provi mogħtija minn Cerestar fil-laqgħa tad-29 ta’ Ottubru 1998 mad-dipartimenti tal-Kummissjoni ma’ ġewx iddeterminati skond l-imsemmija dispożizzjoni tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

366    Fil-fatt, l-ewwel nett, l-ebda informazzjoni ma ġiet mogħtija minn Cerestar dwar l-akkordju qabel it-12 ta’ Mejju 1992, data li fiha hija bdiet tiġi implikata. L-għarfien li l-Kummissjoni kellha fuq l-akkordju waqt il-perijodu preċedenti għat-12 ta’ Mejju 1992 kienet dovuta għal informazzjonijiet mogħtija mill-ewwel minn ADM.

367    It-tieni nett, id-dikjarazzjoni mogħtija minn Cerestar fit-18 ta’ Marzu 1999 ma kienet la konklużiva u l-anqas preċiża fir-rigward tad-dati tal-laqgħat u tal-parteċipanti fl-akkordju. Hija identifikat 32 laqgħa, li saru f’dati differenti bejn l-14 ta’ Novembru 1991 (qabel il-parteċipazzjoni ta’ Cerestar fl-akkordju) u s-17 ta’ Lulju 1996 (sew wara li spiċċa l-akkordju). Hija ddikjarat li disgħa minnhom kienu laqgħat ta’ l-akkordju li ċertament seħħew, tmienja kienu laqgħat “possibbli” u ħmistax ma kinux laqgħat ta’ l-akkordju jew “[kien] inqas u inqas probabbli li kienu”. L-identità tal-parteċipanti kienet mogħtija għal tlieta mis-17 il-laqgħa li kienu jidhru li kienu laqgħat “ċerti” jew “possibbli” ta’ l-akkordju. Sitta mil-laqgħat li ġew ukoll identifikati ma seħħewx fil-verità, skond ix-xhieda tal-partijiet l-oħra kkonċernati u l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni.

368    It-tielet nett, f’ittra indirizzata lill-Kummissjoni fis-7 ta’ Mejju 1999 Cerestar irrikonoxxiet ulterjorment li ċertu numru ta’ laqgħat li kienu identifikati, fil-verità, wara eżami iżjed iddettaljat, ma kinux saru.

369    Ir-raba’ nett, id-dikjarazzjoni ta’ Cerestar kienet vaga u ftit konklużiva fir-rigward tas-suġġett tal-laqgħat. L-ebda informazzjoni preċiża ma ġiet mogħtija fir-rigward tal-prezzijiet u tal-kwoti (minbarra l-kwoti ffissati minn Cerestar għaliha nnifisha).

370    Il-ħames nett, ma jidhirx b’mod ċar jekk, wara ADM, Cerestar tatx lill-Kummissjoni prova taħt forma ta’ xhieda personali. Madankollu, Cerestar qieset li kien neċessarju li tiżviluppa u li tikkjarifika d-dikjarazzjoni orali tagħha tad-29 ta’ Ottubru 1998.

371    Is-sitt nett, Cerestar stess kienet is-suġġett ta’ talba għal informazzjonijiet iżjed iddettaljati mill-Kummissjoni, tat-3 ta’ Marzu 1999 u bbażata fuq it-talbiet ta’ ADM. Cerestar kellha l-opportunità teżamina t-talba għal informazzjonijiet, li tirreferi għal dati u postijiet determinati ta’ laqgħat li kienu bbażati fuq il-kooperazzjoni ta’ ADM, qabel ma kkomunikat id-dikjarazzjoni finali tagħha tal-25 ta’ Marzu 1991 lill-Kummissjoni (tat-18 ta’ Marzu 1999).

372    Min-naħa l-oħra, ADM issostni li l-provi mressqa minnha kienu konklużivi. Fil-fatt, ADM tirrimarka li fil-laqgħa tal-11 ta’ Diċembru 1998, hija tat xhieda personali lill-Kummissjoni, prova dokumentarja kontemporanja kif ukoll dokumenti ta’ prova li jistabbilixxu l-kuntest u l-implementazzjoni tal-ftehim li organizza l-akkordju. L-elementi ta’ prova mressqa minn ADM taw numru ta’ dettalji preċiżi dwar il-laqgħat, il-parteċipanti, il-metodi ta’ kumpens u ta’kontroll, il-prezzijiet u l-kwoti, kif tammetti wkoll il-Kummissjoni fil-punti 313 u 314 tad-Deċiżjoni.

373    Il-Kummissjoni titlob li l-motivi invokati jiġu miċħuda.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

374    It-titolu B tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni msemmija “Nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multa jew tnaqqis kunsiderevoli ħafna ta’ l-ammont tagħha”, jgħid:

“L-impriża li

a)      tirrapporta l-akkordju sigriet lill-Kummissjoni qabel ma din tkun ipproċediet għal verifika fuq deċiżjoni relatata ma’ impriżi li huma parti fl-akkordju, u mingħajr ma hija diġà għandha informazzjonijiet suffiċenti biex tipprova l-eżistenza ta’ l-akkordju rrapurtat;

b)      hija l-ewwel li tgħaddi elementi determinanti biex jippruvaw l-eżistenza ta’ l-akkordju;

ċ)      tkun temmet il-parteċipazzjoni tagħha f’attività l-iżjed tard, fil-mument meta hija tirrapporta l-akkordju;

d)      tagħti l-informazzjonijiet utili kollha lill-Kummissjoni, kif ukoll id-dokumenti kollha u elementi ta’ prova li hija għandha dwar l-akkordju u żżomm kooperazzjoni permanenti u totali tul l-investigazzjoni kollha;

e)      ma ġiegħelx impriża oħra tipparteċipa fl-akkordju u l-anqas ikollha rwol ta’ inizzjazzjoni jew rwol determinanti fl-attività illegali,

tibbenefika minn tnaqqis ta’ mhux inqas minn 75 % mill-ammont ta’ multa li tkun ingħatat lilha fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni, liema tnaqqis jista' jinżel għal non impożizzjoni totali tal-multa.”

375    Jirriżulta mit-termini tat-titolu B tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni li impriża ma tistax tibbenefika minn tnaqqis kunsiderevoli ħafna mill-ammont tal-multa, wisq iżjed minn ebda impożizzjoni tal-multa, fis-sens ta’ dan it-titolu, ħlief jekk hija tissodisfa flimkien il-kundizzjonijiet kollha previsti fit-titolu B(a) sa (e) ta’ din il-komunikazzjoni.

376    F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, anki kif tqis il-Kummissjoni fil-punt 308 tad-Deċiżjoni, ADM ma setgħetx, f’kull każ, tibbenefika minn tnaqqis tal-multa, wisq iżjed minn ebda impożizzjoni tal-multa, bis-saħħa tat-titolu B tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Fil-fatt, ADM ma tissodisfax waħda mill-kundizzjonijiet kumulattivi previsti, jiġifieri dawk tat-titolu B(e), li tgħid li, impriża li, b’mod partikolari, kellha rwol “ta’ inizzjazzjoni jew rwol determinanti fl-attività illegali”, ma tistax tibbenefika minn tali tnaqqis wisq iżjed minn ebda impożizzjoni tal-multa.

377    Issa, kif ġie wkoll deċiż fil-punt 302 supra, il-Kummissjoni m’għamlitx żball ta’ evalwazzjoni meta qieset li ADM kellha rwol ta’ mexxejja fl-akkordju. Anki jekk il-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, il-linji gwida u d-Deċiżjoni ma jużawx terminoloġija identika f’dan ir-rigward, jirriżulta mill-intenzjoni tat-titolu B(e) tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni li l-Kummissjoni m’għandhiex l-intenzjoni li tnaqqas b’ħafna l-multa, wisq iżjed li ma tagħti l-ebda impożizzjoni tagħha, jekk il-parti kkonċernata kellha rwol partikolarment determinanti fi ħdan l-akkordju, bħal rwol ta’ mexxejja, inċitatriċi jew istigatriċi.

378    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-motivi bbażati fuq il-ksur tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ l-aspettattivi leġittimi dwar il-fatt li ADM kienet l-ewwel li tat elementi determinanti biex tipprova li kien jeżisti l-akkordju huma inoperanti, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kkunsidratx ġustament li kienet Cerestar li kienet l-ewwel li tat informazzjonijiet determinanti biex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ l-akkordju.

379    Għaldaqstant, il-motivi bbażati fuq il-ksur tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni u tal-prinċipju ta’ l-aspettattivi leġittimi għandhom jiġu miċħuda.

C –  Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ l-aspettattivi leġittimi

1.     L-argumenti tal-partijiet

380    ADM issostni li, waqt id-diversi laqgħat mad-dipartimenti tal-Kummissjoni u fil-korrispondenza preċedenti u segwenti għall-espożizzjoni ta’ l-elementi ta’ prova minn ADM fil-11 ta’ Diċembru 1998, il-Kummissjoni kkonfermat li ADM kienet l-ewwel li kkooperat magħha fis-sens tat-titolu B tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

381    Fil-fatt, f’laqgħa li saret fl-10 ta’ Diċembru 1998 bejn ADM, l-avukati tagħha u d-dipartimenti tal-Kummissjoni, il-kap tad-diviżjoni inkarigat mill-każ ikkonferma lil ADM li din kienet l-ewwel waħda li kkooperat, kif ukoll jirriżulta mir-rendikont stabbilit mill-avukati ta’ ADM fl-istess ġurnata. Barra minn hekk, fl-ittra tagħha tad-19 ta’ Jannar 1999, il-Kummissjoni rreferiet għat-titolu B tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Fir-risposta ta’ l-avukati ta’ ADM, dawn ikkonfermaw dan il-punt. Fl-aħħar nett, fl-ittra tagħha tal-5 ta’ Frar 1999, il-Kummissjoni rreferiet mill-ġdid għat-titolu B(b) ta’ l-imsemmija komunikazzjoni.

382    Issa, ADM issostni, fil-punt 308 tad-Deċiżjoni, li l-Kummissjoni biddlet l-evalwazzjoni tagħha tal-kooperazzjoni ta’ ADM meta, waqt il-proċedura amministrattiva, din kienet fdat id-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni meta għadditilha l-elementi tagħha ta’ prova fil-11 ta’ Diċembru 1998 kif ukoll waqt il-kooperazzjoni ulterjuri tagħha, kontinwa u mingħajr riżervi mal-Kummissjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, skond ADM, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju tar-rispett ta’ l-aspettattivi leġittimi.

383    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

384    Id-dritt li titlob il-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, jestendi għall-kull ħaġa li tinsab f’sitwazzjoni li fiha jirriżulta li l-amministrazzjoni Komunitarja, billi tatha assigurazzjonijiet preċiżi, tat lok li hija jkollha speranzi fondati (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Marzu 1987, Van den Bergh en Jurgens vs Il-Kummissjoni, 265/85, Ġabra p. 1155, punt 44, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, T-220/00, Ġabra p. II-2473, punt 33).

385    Għandu jiġi eżaminat jekk, bħal ma ssostni ADM, il-Kummissjoni tatha assigurazzjonijiet preċiżi fis-sens li hija kienet tagħtiha l-benefiċċju tat-tnaqqis tal-multa billi tapplika t-titolu B tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

386    L-ewwel nett, jidher li jirriżulta min-noti bil-miktub li l-avukat ta’ ADM ġabar fil-laqgħa ta’ l-10 ta’ Diċembru 1998 li saret bejn ir-rappreżentanti ta’ ADM u d-dipartimenti tal-Kummissjoni, li uffiċjal tal-Kummissjoni f’din l-okkażjoni qal li ADM kienet l-ewwel waħda li kkooperat magħha fil-kuntest tal-kawża ta’ l-“aċidu ċitriku” (“[Isem ta’ l-uffiċjal] ikkonferma li aħna konna l-ewwel kooperaturi fir-rigward tal-kawża ta’ l-aċidu ċitriku”). Jekk din il-frażi tidher li hi fis-sens indikat minn ADM, min-naħa l-oħra mhijiex daqshekk espliċita bħal ma trid turi ADM.

387    It-tieni nett, f’ittra indirizzata fid-19 ta’ Jannar 1999 lill-avukat ta’ ADM, meta jirreferi għal-laqgħa tal-11 ta’ Diċembru 1998, il-kap tad-diviżjoni inkarigat mill-kawża nnota li ġej:

“Fil-laqgħa, [ADM] tat il-kunsens, wara diskussjoni approfondita dwar dan is-suġġett, [li] tagħti dikjarazzjoni bil-miktub lill-Kummissjoni bl-informazzjonijiet kollha li [hija] kellha [...] relatati ma’ l-akkordju illegali fis-suq ta’ l-aċidu ċitriku li fiha hija kien[et] ħadet sehem, billi ssodisfat il-kundizzjonijiet previsti mill-[Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni] u iżjed partikolarment fit-[ titolu B (d)].”

388    Fl-aħħar ta’ din l-ittra, il-kap tad-diviżjoni inkarigat mill-kawża reġa' fakkar fuq “l-importanza tal-kundizzjoni prevista fit-[titolu B (d)] tal-[Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni]”.

389    Fir-risposta tiegħu ta’ l-1 ta’ Frar 1999, l-avukat ta’ ADM ikkonferma “li l-klijenta [tiegħu] [kellha] l-intenzjoni li żżomm kooperazzjoni permanenti u totali, skond it-[titolu B (d)] tal-[Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni]”.

390    Fl-aħħar nett, f’ittra indirizzata fil-5 ta’ Frar 1999 lill-avukat ta’ ADM, meta kien qed jirreferi għal memorandum li hija kienet għaddiet lill-Kummissjoni fil-15 ta’ Jannar 1999, il-kap tad-diviżjoni inkarigat mill-każ kiteb dan li ġej:

“[I]s-suġġett kollu ta’ l-offerta volontarja ta’ kooperazzjoni tagħkom magħmula lill-Kummissjoni, skond il-komunikazzjoni fuq il-[kooperazzjoni], jikkonsisti f’li l-elementi mogħtija jippreżentaw rwieħhom taħt forma li tikkostitwixxi prova (determinanti) fil-konfront ta’ parteċipanti oħra fi ħdan l-akkordju.”

391    Jirriżulta minn dak li ntqal li l-Kummissjoni effettivament ippruvat tħajjar il-partijiet ikkonċernati jikkooperaw magħha kemm jista' jkun fuq kollox billi ppruvat tagħmel dan l-eżerċizzju l-iżjed attraenti possibbli u billi naqqset ir-riferimenti għat-titolu B tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

392    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni indikat lil ADM li, fil-bidu, hija kienet “eliġibbli” għal tnaqqis kunsiderevoli tal-multa skond it-titolu B tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni u ħadet il-ħsieb teżamina d-dokumenti mogħtija minn ADM biex tivverifika jekk din kinitx tissodisfa l-kriterji li kienu previsti, u b’mod partikolari dawk previsti fit-titolu B (d).

393    Madankollu, fl-ittri kollha li ppreċedew it-trażmissjoni tan-nota ta' lmenti u l-adozzjoni tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ma tat l-ebda assigurazzjoni preċiża – u ma setgħet l-anqas tagħmel dan – fis-sens li hija kienet tagħtiha l-benefiċċju tat-tnaqqis tal-multa b'applikazzjoni tat-titolu B tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

394    Issa, huwa biss abbażi ta’ evalwazzjoni ta’ l-informazzjoni kollha sottomessa mill-impriżi waqt il-proċedura amministrattiva li l-Kummissjoni tista' tiddeċiedi jekk waħda minnhom tistax tibbenefika minn tnaqqis tal-multa billi tapplika t-titolu B tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, tant li l-Kummissjoni rrimarkat dan mingħajr l-ebda ambigwità fil-punt 159 tan-nota ta' lmenti.

395    Għaldaqstant, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ l-aspettattivi leġittimi għandu jiġi miċħud.

D –  Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali safejn il-Kummissjoni tirriżerva trattament differenti lil ADM u lil Cerestar

1.     L-argumenti tal-partijiet

396    Skond ADM, it-trattament differenti mogħti lil Cerestar kiser il-prinċipju ta’ trattament ugwali, meta hi u Cerestar ikkooperaw f’ċirkustanzi simili, fl-istess waqt tal-proċedura u waqt l-istess perijodu.

397    Fil-fatt, ADM tqis li meta ż-żewġ partijiet ikkooperaw wara t-talba għal informazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni lill-produtturi kollha f’Ġunju-Lulju 1998, l-ebda waħda mit-tnejn ma kienu jafu dwar il-kooperazzjoni ta’ l-oħra u, fir-rigward tal-perijodu li fih seħħet il-kooperazzjoni, mill-ammissjoni inizjali tal-parteċipazzjoni fl-akkordju sat-trażmissjoni ta’ dikjarazzjoni miktuba kompleta lill-Kummissjoni, il-kooperazzjoni ta’ ADM żvolġiet waqt perijodu simili u bdiet u ntemmet qabel dik ta’ Cerestar.

398    Issa, ADM tfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet fis-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2001, Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni (T-45/98 u T-47/98, Ġabra p. II-3757, punti 246 sa 248), li l-evalwazzjoni tal-livell ta’ kooperazzjoni mogħtija minn impriża m’għandhiex tiddependi fuq fatturi purament każwali, bħall-ordni li fiha jiġu interrogati mill-Kummissjoni. Madankollu dan kien proprju l-każ hawnhekk. Fil-fatt, ADM tirrimarka li d-data li fiha l-kumpanniji kkonċernati qablu mal-Kummissjoni d-data għal laqgħa biex jagħtu lil din ta’ l-aħħar deskrizzjoni orali ta’ l-akkordju jirriżulta minn fattur purament każwali. Fil-fehma tagħha, ADM m’għandhiex tiġi preġudikata f’dan ir-rigward minħabba d-dewmien ta’ żmien li hija ħadet biex tagħmel riċerki dokumentarji fil-fond fl-Istati Uniti u li tara kif tikseb xhieda diretta quddiem il-Kummissjoni sabiex hija jkollha elementi determinanti biex tipprova l-eżistenza ta’ akkordju, skond it-termini tat-titolu B (b) tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Ir-rettifiki, dikjarazzjonijiet irriformulati u informazzjonijiet komplimentari kkomunikati minn Cerestar jippruvaw il-mertu tal-ħsieb li ħadet ADM biex tagħti lill-Kummissjoni informazzjonijiet preċiżi, ddettaljati u abbondanti.

399    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

400    L-argumentazzjoni ta’ ADM hija essenzjalment ibbażata fuq il-prinċipji msemmija mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 238 sa 248 tas-sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, punt 398 supra. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi mfakkar li f’din is-sentenza, kif ukoll, fis-sentenza tagħha tat-13 ta’ Diċembru 2001, Acerinox vs Il-Kummissjoni (T-48/98, Ġabra p. II-3859, punti 132 sa 141), il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat l-applikazzjoni tat-titolu D tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, mill-Kummissjoni. Sostanzjalment hija ddeċidiet li sabiex tevita milli tidħol f’kunflitt mal-prinċipju ta’ trattament ugwali, il-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni għandha tiġi applikata fis-sens li, fir-rigward tat-tnaqqis tal-multi, il-Kummissjoni għandha titratta bl-istess mod l-impriżi li jagħtu l-fatti li huma mitluba mingħandhom lill-Kummissjoni fl-istess stadju tal-proċedura u f’ċirkustanzi analogi ta’ informazzjonijiet li jinxtiebhu. Il-Qorti tal-Prim’Istanza żiedet li l-unika ċirkustanza li waħda minn dawn l-impriżi rrikonoxxiet il-fatti mitluba billi rrispondiet l-ewwel għad-domandi li l-Kummissjoni għamlitilhom fl-istess stadju tal-proċedura ma tikkostitwixxix raġuni oġġettiva biex tirriżervalhom trattament differenzjat.

401    Għandu jiġi kkonstatat li, f’dawn il-każijiet l-oħra u d-differenza tal-każ ikkonċernat, kien stabbilit li l-kooperazzjoni ta’ l-impriżi kkonċernati ma kienx jaqa' fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-titoli B u Ċ tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Anki kif jirriżulta mill-punt 219 tas-sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, punt 398 supra, il-Kummissjoni applikat għall-impriżi kollha kkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata d-dispożizzjonijiet tat-titolu D ta’ din il-komunikazzjoni. Dawn il-kawżi l-oħra jqajmu għalhekk biss il-kwistjoni li jsir magħruf jekk, billi rriżervat trattament differenti lill-partijiet rikorrenti meta mqabbel ma’ dak mogħti lil impriża oħra kkonċernata, fil-marġini ta’ evalwazzjoni li hija għandha għall-applikazzjoni tat-titolu D ta’ din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

402    Madankollu, f’dan il-każ, ADM tipprova turi sostanzjalment, li kien permezz ta' fatturi purament każwali li Cerestar kienet l-ewwel li kienet ħadet ħsieb li tikkoopera mal-Kummissjoni u li kien minħabba f’hekk li Cerestar ingħatat tnaqqis bis-saħħa tat-titolu B tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. ADM tallega li kieku hi kienet tiftiehem l-ewwel mal-Kummissjoni dwar data għal laqgħa biex tagħtiha deskrizzjoni ta’ l-akkordju, hija setgħet tgawdi minn tnaqqis ta’ l-ammont tal-multa iżjed sostanzjali bis-saħħa, ftit jew wisq, tat-titolu Ċ ta’ din il-komunikazzjoni, peress li hi setgħet kienet l-ewwel li tagħti l-informazzjonijiet trażmessi minn Cerestar. Għaldaqstant ADM ma tinvokax il-ġurisprudenza li ħarġet mis-sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, punt 398 supra, biex turi li l-Kummissjoni applikat it-titolu D tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni fil-konfronti tagħha b’mod diskriminatorju meta mqabbla mal-membri l-oħra ta’ l-akkordju.

403    Issa, għandu jiġi osservat li, bil-kontra tat-titoli B u Ċ tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, it-titolu D ta’ din ma tipprevedix trattament differenti mill-impriżi kkonċernati minħabba l-ordni li fiha dawn jikkooperaw mal-Kummissjoni. B’hekk, fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, punt 398 supra, u Acerinox vs Il-Kummissjoni, punt 400 supra, il-Kummissjoni ħadet dan l-element in kunsiderazzjoni mingħajr ma kien espressament previst mit-titolu D ta’ l-imsemmija komunikazzjoni.

404    Għaldaqstant, anki jekk, biex tiżgura s-suċċess tar-reġim tal-kooperazzjoni ta’ l-impriżi kkonċernati mal-Kummissjoni fil-qasam tal-kartelli sigrieti, din għandha jkollha marġini ta’ evalwazzjoni wiesgħa fl-organizzazzjoni tal-proċedura, ma jfissirx li l-Kummissjoni ma tistax taġixxi b’mod arbitrarju.

405    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fil-punti 54 u 55 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni indikat li, wara l-intervent ta’ l-awtoritajiet Amerikani fil-qasam ta’ l-aċidu ċitriku, il-Kummissjoni, f’Awwissu 1997, bagħtet talbiet għal informazzjonijiet lill-erba’ produtturi ta’ l-aċidu ċitriku l-iżjed importanti tal-Komunità. Wara talba bil-miktub mill-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni kkonfermat li din it-talba, b’mod partikolari, ġiet mibgħuta lil ADM. F’Ġunju u Lulju 1998, talbiet għal informazzjonijiet supplementari ġew mibgħuta lill-produtturi prinċipali ta’ l-aċidu ċitriku tal-Komunità, fosthom ADM. Barra minn hekk, l-ewwel talba għal informazzjoni ġiet indirizzata lil Cerestar. It-trażmissjoni ta’ dawn l-aħħar talbiet għal informazzjonijiet hija kkonfermata kemm mill-Kummissjoni fir-risposti tagħha għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza kif ukoll minn ADM stess (ara l-punt 397 supra). Hija wara din l-aħħar talba għal informazzjonijiet li Cerestar talbet li tiltaqa' mal-Kummissjoni fid-29 ta’ Ottubru 1998 u li, waqt din il-laqgħa, hija ddikjarat li riedet tikkoopera mal-Kummissjoni u tat elementi fuq l-eżistenza ta’ akkordju li jeffettwa ż-ŻEE fis-settur ta’ l-aċidu ċitriku. Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkontestat lill-Kummissjoni li aġixxiet b’mod arbitrarju fil-konfronti ta’ ADM fir-rigward ta’ l-organizzazzjoni tal-proċedura li tinkludi talbiet għal informazzjoni.

E –  Fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u tal-proporzjonalità safejn il-Kummissjoni limitat it-tnaqqis tal-multa għal 50 %

1.     L-argumenti tal-partijiet

406    Billi rreferiet għall-argumenti mqajma fil-punti 365 sa 372 supra, ADM issostni li l-Kummissjoni mhijiex marbuta bil-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni li hija għamlet u li hija kellha tagħtiha tnaqqis ugwali jew superjuri għal dik mogħtija lil Cerestar. ADM iżżid li l-kooperazzjoni tagħha waqt il-proċedura amministrattiva kienet ta’ l-inqas ugwali għal dik ta’ Stora Kopparbergs Bergslags AB fil-kawża msemmija tal-“Kartun”, li fiha l-Kummissjoni kienet naqqset il-multa b’żewġ terzi.

407    Għalhekk, skond ADM, il-Kummissjoni wettqet ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u tal-proporzjonalità.

408    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv invokat għandu jiġi miċħud.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

409    Għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 15 (2) tar-Regolament Nru 17, li jikkostitwixxi l-bażi ġuridika għall-impożizzjoni tal-multi fil-każ ta’ ksur tar-regoli tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, jagħti lill-Kummissjoni marġini ta’ evalwazzjoni fl-iffissar tal-multi (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Ottubru 1997, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, T-229/94, Ġabra p. II-1689, punt 127) li hi, b’mod partikolari, l-implementazzjoni tal-politika ġenerali tagħha fil-qasam tal-kompetizzjoni (sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 47 supra, punti 105 u 109). Huwa f’dan il-kuntest li, biex tiżgura t-trasparenza u n-natura oġġettiva tad-deċiżjonijiet tagħha fil-qasam tal-multi, il-Kummissjoni adottat u ppubblikat, fl-1996, il-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Dan jirrigwarda strument intiż li jippreċiża, fir-rispett tad-dritt ta’ kompetenzi superjuri, il-kriterji li hija tixtieq tapplika fil-kuntest ta’ l-eżerċizzju tal-poter tagħha ta’ evalwazzjoni; jirriżulta, minn dan, awtolimitazzjoni ta’ dan il-poter (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ April 1998, Vlaams Gewest vs Il-Kummissjoni, T-214/95, Ġabra p. II-717, punt 89, u Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 63 supra, punt 157), safejn hija l-Kummissjoni li għandha tikkonforma ruħha mar-regoli indikativi li hija imponiet fuqha nnifisha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il-Kummissjoni, T-380/94, Ġabra p. II-2169, punt 57).

410    B’hekk, kontra dak li ssostni ADM, il-Kummissjoni kienet marbuta li tapplika l-kriterji li hija ffissat lilha nnifisha fil-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni (sentenza Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 63 supra, punt 157). Din l-applikazzjoni ta’ kriterji ffissati fil-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ma tistax f’dan il-każ, tiġi effettwata mid-dispożizzjoni tal-linji gwida li bħala ċirkustanza attenwanti jipprevedu l-kollaborazzjoni effettiva ta’ l-impriża fil-proċedura. Fil-fatt, l-aħħar inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida jippreċiża espressament li hija biss kollaborazzjoni effettiva ’l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni li tikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti. Issa, f’dan il-każ, il-kollaborazzjoni ta’ ADM mill-bidu ġiet effettwata mill-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, li teskludi l-kunsiderazzjoni ta’ din il-kollaborazzjoni bħala ċirkustanza attenwanti. Barra minn hekk, fir-rigward tat-tnaqqis mill-ammont tal-multa għal ADM, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li, fir-rigward ta’ l-informazzjonijiet ikkomunikati minn ADM fil-kuntest tal-kooperazzjoni tagħha, dan it-tnaqqis mhuwiex sproporzjonat. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ksur ta’ trattament ugwali fir-rigward tad-deċiżjoni tal-kawża msejħa tal-“Kartun” (punt 406 supra), il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li din id-deċiżjoni ttieħdet fl-1994, qabel l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, u li ADM ma stabbilixxietx ekwivalenza bejn il-provi ddettaljati mogħtija minn Stora fil-kawża msemmija tal-“Kartun” u dawk mogħtija minnha fid-Deċiżjoni. Għaldaqstant, f’dan ir-rigward, ma jistax jiġi stabbilit li hemm ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

411    Għaldaqstant, il-motivi bbażati fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u tal-proporzjonalità għandhom jiġu miċħuda.

VIII –  Fuq il-vizzji li jeffettwaw il-proċedura amministrattiva

A –  Fuq il-portata tal-ksur li l-partijiet allegatament ikkommettew

1.     L-argumenti tal-partijiet

412    ADM issostni li, fil-punt 158 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni indikat liema kienu l-elementi li, fil-ftehim u arranġamenti konklużi fil-kuntest ta’ l-akkordju, kienu rilevanti biex jiġi stabbilit ksur ta’ l-Artikolu 81(1) KE u ta’ l-Artikolu 53(3), ŻEE. Issa, ADM issostni li tnejn minn dawn l-elementi ma ssemmewx fin-nota ta' lmenti, jiġifieri li l-partijiet, l-ewwel nett, kienu naqqsu l-kapaċitajiet tal-produzzjoni (it-tieni inċiż) u, it-tieni nett, kienu għażlu minn fosthom produttur li kellu jimplementa ż-żidiet fil-prezzijiet f’kull suq nazzjonali (ir-raba’ inċiż).

413    ADM tikkontesta l-asserzjoni li tgħid li dan in-nuqqas ma kellu l-ebda influwenza fuq il-bażi ta’ l-analiżi tal-fatti u tal-provi kif ukoll fuq il-kalkolu tal-multa. Fil-fatt, ADM issostni li, waqt il-proċedura amministrattiva, hija sostniet li kien preċiżament in-nuqqas ta’ restrizzjoni ta’ kapaċità li kien inaqqas l-effetti ta’ l-akkordju, konklużjoni li ġiet miċħuda mill-Kummissjoni li kienet qieset, bil-kontra, li din ir-restrizzjoni kellha impatt reali fuq is-suq.

414    ADM tiddeduċi minn dan li, skond il-konklużjonijiet tagħha, l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni għandu jiġi annullat peress li jiddisponi, b’rabta mal-punt 158 tad-Deċiżjoni, li l-partijiet ikkonċernati naqqsu l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tagħhom u għażlu produttur minn fosthom li kellu jimplementa ż-żiediet fil-prezzijiet f’kull qasam nazzjonali tas-suq ikkonċernat.

415    Il-Kummissjoni ssostni li, jekk huwa veru li ż-żewġ elementi in kwistjoni ma jidhrux fin-nota ta' lmenti, ma jfissirx li kien jirrigwarda biss tnejn minn tmien elementi li jistgħu jiġu identifikati fil-ksur ikkonċernat, ippreżentati bħala eżempju pjuttost milli bħala lista eżawrjenti. Dawn iż-żewġ elementi ma biddlux il-bażi tad-deskrizzjonijiet u elementi ta’ prova li jinsabu fin-nota ta' lmenti u m’għandhom l-ebda influwenza fuq il-kalkolu ta’ l-ammont tal-multa imposta fuqha ADM.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

a)     Introduzzjoni

416    Għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza, in-nota ta' lmenti għandha tinkludi deskrizzjoni ta’ l-ilmenti mniżżlin f’termini li huma ċari biżżejjed, possibbilment imqassra, sabiex jippermettu lill-persuni interessati jkollhom effettivament l-għarfien ta’ l-imġiba li l-Kummissjoni tilmenta li dawn wettqu. Mhuwiex, fil-fatt, ħlief b’din il-kundizzjoni li n-nota ta' lmenti tista' tissodisfa l-funzjoni attribwita lilha mir-regolamenti Komunitarji li tikkonsisti milli tagħti l-elementi kollha neċessarji għall-impriżi u assoċjazzjonijiet sabiex huma jkunu jistgħu jsostnu ulterjorment id-difiża tagħhom qabel ma l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni definittiva (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, C-89/85, C-104/85, C-114/85, C-116/85, C-117/85 u C-125/85 sa C-129/85, Ġabra p. I-1307, punt 42; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, T-352/94, Ġabra p. II-1989, punt 63, ikkonfermata fl-appell mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, C-283/98 P, Ġabra p. I-9855; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T-191/98, T-212/98 sa T-214/98 , Ġabra p. II-3275, punt 138).

417    Għandu jiġi għalhekk eżaminat jekk, fin-nota ta' lmenti, il-Kummissjoni esponietx f’termini ċari biżżejjed, possibbilment imqassra, l-ilmenti kontra ADM fid-Deċiżjoni, inklużi ż-żewġt ilmenti invokati minn ADM, b’mod li jippermettulha jkollha l-għarfien dwar il-fatti inkriminati lilha.

418    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat li, fil-punt 158 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni żammet l-elementi li ġejjin bħala ksur ta’ l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE :

–        “allokazzjoni tas-swieq u ta’ kwoti ta’ partijiet mis-suq;

–        iffriżar/restrizzjoni/waqfien tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni;

–        ftehim ikkonċernat fuq żidiet tal-prezzijiet;

–        għażla ta’ produttur li kellu jimplementa żidiet fil-prezzijiet f’kull suq nazzjonali;

–        distribuzzjoni ta’ listi ta’ prezzijiet ikkonċernati attwali u futuri, sabiex jiġu kkoordinati ż-żidiet fil-prezzijiet;

–        tfassil u implementazzjoni ta’ sistema ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjonijiet u ta’ kontroll, sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni ta’ ftehimijiet restrittivi;

–        diviżjoni jew allokazzjoni ta’ klijenti;

–        parteċipazzjoni f’laqgħat regolari jew kuntatti oħrajn sabiex jiftehmu dwar ir-restrizzjonijiet ta’ hawn fuq u li jimplementawhom u/jew jemendawhom skond is-sitwazzjoni”.

419    Huwa stabbilit li, fil-punt 134 tan-nota ta' lmenti, li għandu, fil-bidu tal-punt 158 tad-Deċiżjoni, ġabra fil-qosor ta’ l-ilmenti invokati kontra l-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni ma semmietx b’mod espliċitu l-elementi li jinsabu bejn it-tieni u r-raba’ inċiżi tal-punt 158 tad-Deċiżjoni.

420    Hemm għalhekk lok li jiġi evalwat jekk, abbażi ta’ qari komplet tan-nota ta' lmenti, dawn l-elementi jirriżultawx li huma ċari biżżejjed sabiex jippermettu lill-partijiet ikkonċernati biex isostnu d-drittijiet tad-difiża tagħhom.

b)     Fuq l-ilment relatat ma’ l-iffriżar, ir-restrizzjoni u l-waqfien mill-kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ aċidu ċitriku

421    Fit-tieni inċiż tal-punt 158 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkontesta lill-partijiet ikkonċernati li ffriżaw, irrestrinġew u waqqfu l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni. Dan l-ilment huwa ċertament marbut ma’ l-ilment allegat fl-ewwel inċiż tal-punt 158, tad-Deċiżjoni (jew hija konsegwenza), fejn il-Kummissjoni tikkontesta lill-partijiet ikkonċernati li allokaw xi kwoti f’partijiet tas-suq.

422    Madankollu, dawn iż-żewġt ilmenti, kif il-Kummissjoni stess tammetti, mhumiex identiċi, wieħed ibbażat fuq il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni u l-ieħor pjuttost fuq il-kwoti ta’ bejgħ. F’dan ir-rigward, għandu jiġi wkoll imfakkar li l-Artikolu 81(1) KE jagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, il-limitazzjoni jew il-kontroll tal-produzzjoni [(b)] u, min-naħa l-oħra, it-tqassim tas-swieq [(ċ)].

423    Issa, fin-nota ta' lmenti, din irreferiet biss għall-iffissar ta’ kwoti tal-bejgħ (ara, b’mod partikolari, il-punti 63, 70, 79 sa 82, 86 u 87).

424    Għaldaqstant, ADM ġustament issostni li l-ilment ibbażat fuq l-iffriżar, ir-restrizzjoni u l-waqfien mill-kapaċitajiet ta’ produzzjoni mhuwiex imsemmi fin-nota ta' lmenti u ma setgħetx għalhekk tiġi attribwita lilha fid-Deċiżjoni.

425    B’hekk, l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni għandu jiġi annullat peress li, meta jinqara flimkien mal-punt 158, jikkonstata li ADM u l-membri l-oħra ta’ l-akkordju iffriżaw, irrestrinġew u waqqfu l-kapaċitajiet fil-produzzjoni ta’ l-aċidu ċitriku.

c)     Fuq l-ilment relatat ma’ l-għażla ta’ produttur li kellu jmexxi ż-żidiet tal-prezzijiet f’kull parti nazzjonali tas-suq ikkonċernat

426    Fir-raba’ inċiż tal-punt 158 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkontesta lill-partijiet ikkonċernati li għażlu produttur inkarigat li jmexxi ż-żidiet tal-prezzijiet f’kull parti nazzjonali tas-suq ikkonċernat.

427    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fin-nota ta' lmenti, il-Kummissjoni ma esponietx dan l-element ta’ l-ilment, ibbażat fuq il-konklużjoni ta’ ftehim fuq żidiet tal-prezzijiet, b’mod li tippermetti lill partijiet interessati li jkollhom effettivament l-għarfien ta’ l-imġiba li qed tiġi attribwita lilhom mill-Kummissjoni.

428    Għalhekk, ADM ġustament issostni li l-ilment ibbażat fuq l-għażla ta’ produttur sabiex imexxi ż-żidiet fil-prezzijiet f’kull parti nazzjonali tas-suq ikkonċernat ma kienx imsemmi fin-nota ta' lmenti u ma setgħax għaldaqstant jiġi attribwit lilha fid-Deċiżjoni.

429    B’hekk, l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni għandu jiġi annullat peress li, meta jinqara flimkien mal-punt 158, huwa jikkonstata li ADM u l-membri l-oħra ta’ l-akkordju għażlu produttur sabiex imexxi ż-żidiet fil-prezzijiet f’kull parti nazzjonali tas-suq ikkonċernat.

B –  Fuq l-applikazzjoni ta’ fattur ta’ dissważjoni u tal-kwalifika ta’ ADM bħala waħda mill-mexxejja ta’ l-akkordju

1.     L-argumenti tal-partijiet

430    L-ewwel nett, ADM issostni li hija ma setgħetx issemma leħinha fuq l-użu, bħala provi, tar-rapport ta’ l-FBI u tad-dikjarazzjoni ta’ Cerestar tat-18 ta’ Marzu 1999.

431    It-tieni nett, ADM tikkontesta lill-Kummissjoni li naqset milli tinfurmaha waqt il-proċedura amministrattiva li hija kienet ikkunsidrata bħala mexxejja ta’ l-akkordju u li ma indikatx il-provi li fuqhom hija bbażata din il-konklużjoni.

432    It-tielet nett, ADM issostni li, minħabba l-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, waqt il-proċedura amministrattiva, fir-rigward ta’ l-applikazzjoni ta’ koeffiċenti multiplikatur ta’ 2 fuq l-ammont tal-bidu għall-finijiet ta’ dissważjoni, koeffiċenti multiplikatur li mhuwiex previst mil-linji gwida.

433    Il-Kummissjoni titlob li l-motivi mqajma jiġu miċħuda.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

434    Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, meta l-Kummissjoni tindika espressament, fin-nota ta' lmenti, li hija sejra teżamina jekk huwiex meħtieġ li jingħataw multi lill-partijiet ikkonċernati u li hija ssemmi l-elementi prinċipali ta’ fatt u tad-dritt li jistgħu jwasslu għal multa, bħall-gravità u d-dewmien tal-ksur allegat kif ukoll il-fatt li għamlet dan “deliberatament jew b’negliġenza”, hija tissodisfa l-obbligu tagħha li tirrispetta d-dritt ta’ l-impriżi li jiġu mismugħa. Billi tagħmel dan, hija tagħtihom l-elementi neċessarji sabiex tiddefendi ruħha mhux biss kontra kontestazzjoni tal-ksur, iżda wkoll kontra l-fatt li tingħata multa (sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 47 supra, punt 21).

435    Isegwi li, fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multi, id-drittijiet tad-difiża ta’ l-impriżi kkonċernati huma ggarantiti quddiem il-Kummissjoni permezz tal-possibbiltà li jagħmlu osservazzjonijiet fuq id-dewmien, il-gravità u l-prevedibbiltà tan-natura antikompetittiva tal-ksur (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Ottubru 1994, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, T-83/91, Ġabra p. II-755, punt 235, u HFB et vs Il-Kummissjoni, punt 98 supra, punt 312). Din il-konklużjoni hija neċessarja tant li l-Kummissjoni, bil-pubblikazzjoni tal-linji gwida, għarrfet lill-persuni interessati, b’mod iddettaljat, il-metodu tal-kalkolu ta’ l-ammont ta’ multa eventwali u l-metodu li bih hija tieħu dawn il-kriterji in kunsiderazzjoni. Din il-konklużjoni mhijiex imxekkla mill-fatt li l-linji gwida ma jirreferux espressament għal koeffiċenti multiplikatur sakemm huma jindikaw li huwa neċessarju li tittieħed in kunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva ta’ min iwettaq il-ksur sabiex joħolqu dannu kunsiderevoli lill-operaturi u li jiddeterminaw l-ammont tal-multa għal livell li jiżguralha natura suffiċentement dissważiva.

436    Fir-rigward tal-każ ikkonċernat, għandu jiġi kkonstatat li, fin-nota ta' lmenti, il-Kummissjoni indikat l-elementi prinċipali ta’ fatt u ta’ dritt li jistgħu jifformaw il-multa li hija għandha l-intenzjoni timponi fuq ADM, liema ammont tal-multa hija tiddetermina b’mod partikolari permezz tal-gravità u d-dewmien tal-ksur.

437    Il-Kummissjoni indikat ukoll fil-punt 160 tan-nota ta' lmenti li hija kellha l-intenzjoni tiffissa l-ammont tal-multi għal livell suffiċjentement dissważiv. B’hekk, fil-punt 161, tan-nota ta' lmenti, hija ppreċiżat sostanzjalment, li, biex tevalwa l-gravità tal-ksur, hija kellha l-intenzjoni tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li kien jirrigwarda ksur gravi ħafna li kellu bħala għan li jnaqqas il-kompetizzjoni u li, b’hekk, meta titqies l-istess natura tal-ftehimijiet konklużi, kellu impatt kunsiderevoli fuq il-kompetizzjoni.

438    Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża ta’ l-impriżi kkonċernati ma jobbligax lill-Kummissjoni tindika b’mod iżjed preċiż, fin-nota ta' lmenti, il-metodu li hija se tuża, f’dan il-każ, l-elementi kollha biex tiddetermina l-livell tal-multa. B’mod partikolari, il-Kummissjoni mhijiex marbuta li tindika la li hija setgħet tikkunsidra lil ADM bħala mexxejja ta’ l-akkordju, l-anqas l-importanza taż-żieda li hija eventwalment tapplika għall-multa ta’ ADM għal din ir-raġuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 1983, Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punt 20).

439    Fir-rigward ta’ dak li ADM issostni, jiġifieri li hija ma setgħetx issemma leħinha fuq l-użu, bħala provi, tar-rapport ta’ l-FBI u tad-dikjarazzjoni ta’ Cerestar tat-18 ta’ Marzu 1999, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni annettiet dawn id-dokumenti man-nota ta' lmenti u li l-partijiet kienu wkoll f’pożizzjoni li jesprimu ruħhom dwar dan is-suġġett, inkluż dak li jirrigwarda l-użu tagħhom bħala elementi ta’ prova.

440    Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li d-distribuzzjoni tal-membri tal-kartellijiet fi gruppi tikkostitwixxi prattika li l-Kummissjoni żviluppat abbażi tal-linji gwida. Id-Deċiżjoni ġiet għalhekk adottata f’kuntest magħruf sew minn ADM u toqgħod fi prattika deċiżjonali stabbilita (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Settembru 2003, Freistaat Sachsen et vs Il-Kummissjoni, C-57/00 P u C-61/00 P, Ġabra p. I-9975, punt 77).

441    Għaldaqstant, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-eżerċizzju ta’ poter ta’ ġurisdizzjoni sħiħa

442    Fir-rigward ta’ l-analiżi tal-motivi kollha invokati minn ADM, jidher li huma biss dawk l-ilmenti ta’ ADM ibbażati fuq in-nuqqas ta’ komunikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ ċerti elementi sostnuti minnha kontra ADM fin-nota ta' lmenti li huma fondati. Għaldaqstant, ġie rrikonoxxut fil-punt 424 supra li ADM ġustament issostni li l-ilment ibbażat fuq l-iffriżar, fuq ir-restrizzjoni u fuq il-waqfien tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni ma ġewx imsemmija fin-nota ta' lmenti u ma jistgħux għalhekk jiġu attribwiti lilha. Barra minn hekk, ġie rrikonoxxut fil-punt 428 supra li ADM ġustament issosnti li l-ilment ibbażat fuq l-għażla ta’ produttur li kellu jimplementa ż-żidiet fil-prezzijiet f’kull parti nazzjonali tas-suq ikkonċernat ma ssemmiex fin-nota ta' lmenti u, għaldaqstant, ma jistax jiġi attribwit lilha.

443    Fir-rigward tar-rikonoxximent ta’ din l-illegalità, huwa f’idejn il-Qorti tal-Prim’Istanza li tieħu deċiżjoni fuq il-bżonn li tiġi rriformata d-Deċiżjoni. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis, f’dan ir-rigward, li għandha tieħu in kunsiderazzjoni li l-akkordju, essenzjalment kien ibbażat fuq l-iffissar tal-prezzijiet, fuq id-distribuzzjoni ta’ kwoti ta’ bejgħ u fuq sistema ta’ kumpensi organizzat mill-membri ta’ l-akkordju bil-għan ta’ effikaċja sħiħa ta’ l-akkordju, jikkostitwixxi ksur gravi ħafna mir-regoli tal-kompetizzjoni Komunitarji. Dan jikkostitwixxi ksur wieħed u kontinwu.

444    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata wara li jirriżulta mill-punti tad-Deċiżjoni, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur minħabba n-natura tagħha u l-effetti reali fuq is-suq ta’ l-aċidu ċitriku, li ż-żewġt ilmenti li l-Kummissjoni naqqset milli ssemmi fin-nota ta' lmenti kellhom natura eċċessiva fir-rigward tal-ftehim relatati ma’ l-iffissar tal-prezzijiet, l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ bejgħ u dwar sistema ta’ kumpens sistematika mill-membri ta’ l-akkordju.

445    Għaldaqstant, fil-kuntest tal-poter sħiħ ta’ ġurisdizzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li, minkejja l-ommissjonijiet tal-Kummissjoni fin-nota ta' lmenti, mhemmx lok li jiġi mibdul l-ammont tal-multa ffissata mill-Kummissjoni.

 Fuq l-ispejjeż

446    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 87(3) jipprevedi li jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista' tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż.

447    F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma tilfitx ħlief talli naqqset milli ssemmi, fin-nota ta' lmenti, tnejn mill-ilmenti mressqa lil ADM fid-Deċiżjoni (ara l-punti 425 u 429 supra), li kienu eċċessivi meta mqabbla ma’ l-ilmenti oħra sostnuti mill-Kummissjoni. ADM tilfet fir-rigward tat-talbiet l-oħra kollha li hija ressqet.

448    Fit-tali sitwazzjoni, għandha ssir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-każ billi tiddeċiedi li l-Kummissjoni għandha tbati 10 % ta’ l-ispejjeż sostnuti minn ADM filwaqt li ADM tbati l-bqija ta’ l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi

1)      L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/742/KE, tal-5 ta’ Diċembru 2001, li tirrigwarda l-proċedura ta’ applikazzjoni skond l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u ta’ l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (kawża COMP/E-1/36.604 - Aċidu ċitriku), huwa annullat peress li, meta jinqara flimkien mal-punt 158, dan jikkonstata li Archer Daniels Midland Co. iffriżat, irrestrinġiet u waqqfet il-kapaċitajiet tal-produzzjoni ta’ aċidu ċitriku.

2)      L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2002/742 huwa annullat peress li, meta jinqara flimkien mal-punt 158, dan jikkonstata li Archer Daniels Midland Co. għażlet li twettaq żidiet fil-prezzijiet f’kull parti nazzjonali tas-suq ikkonċernat.

3)      Il-bqija tar-rikors huwa miċħud.

4)      Il-Kummissjoni hija kkundannata tbati 10 % ta’ l-ispejjeż sostnuti minn Archer Daniels Midland Co.

5)      Archer Daniels Midland Co. hija kkundannata tbati l-bqija ta’ l-ispejjeż tagħha kif ukoll l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni.

Azizi

Jaeger

Dehousse

Mogħtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-27 ta' Settembru 2006.

E. Coulon

 

       J. Azizi

Reġistratur

 

      President


Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

I –  Fuq l-applikabbiltà tal-linji gwida

A –  L-argumenti tal-partijiet

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

II –  Fuq ir-rilevanza tal-multi diġà imposti f’pajjiżi oħra

A –  L-argumenti tal-partijiet

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

III –  Fuq il-gravità tal-ksur

A –  Introduzzjoni

B –  Fuq in-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-fatturat imwettaq mill-bejgħ tal-prodott ikkonċernat

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

a)  Fuq il-ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità

b)  Fuq il-ksur tal-linji gwida

c)  Fuq il-ksur ta’ l-obbligu tal-motivazzjoni

C –  Fuq l-applikazzjoni ta’ koeffiċenti multiplikatur fuq l-ammont tal-bidu

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

a)  Fuq il-ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità

b)  Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

c)  Fuq il-ksur ta’ l-obbligu tal-motivazzjoni

D –  Fuq l-eżistenza ta’ żbalji ta’ evalwazzjoni relatati ma’ l-impatt konkret ta’ l-akkordju fuq is-suq

1.  Introduzzjoni

2.  Fir-rigward ta’ l-argument li l-Kummissjoni għażlet metodu żbaljat biex turi li l-akkordju kellu impatt konkret fuq is-suq

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

–  Ġabra fil-qosor ta’ l-analiżi mressqa mill-Kummissjoni

–  Il-kunsiderazzjonijiet

3.  Fuq dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni ta’ l-evoluzzjoni fil-prezzijiet ta’ l-aċidu ċitriku

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

4.  Fuq id-definizzjoni tas-suq ta’ prodotti rilevanti

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

IV –  Fuq id-dewmien tal-ksur

V –  Fuq iċ-ċirkustanzi aggravanti

A –  Introduzzjoni

B –  Fuq il-kwalifika ta’ ADM bħala mexxejja ta’ l-akkordju

1.  Introduzzjoni

2.  Fuq l-allegati żbalji tal-Kummissjoni fuq ir-rwol ta’ mexxejja ta’ ADM

a)  Fuq il-laqgħat bilaterali organizzati minn ADM f’Jannar 1991

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

b)  Fuq id-dikjarazzjoni ta' l-ex rappreżentant ta’ ADM quddiem l-FBI

Tifkira tal-fatti u tal-kontenut tad-Deċiżjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

–  Introduzzjoni

–  Dwar l-argument li l-Kummissjoni kisret il-garanziji proċedurali previsti mid-dritt Komunitarju

–  Dwar l-argument li l-Kummissjoni ma evalwatx korrettament il-kontenut tar-rapport ta’ l-FBI

c)  Fuq id-dikjarazzjoni ta’ Cerestar

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonjiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

3.  Fuq il-kwalifika ta’ ADM bħala mexxejja fil-kuntest ta’ l-akkordju

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

C –  Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali safejn il-Kummissjoni imponiet fuq ADM l-istess rata ta’ żieda ta’ HLR

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

D –  Fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u tal-proporzjonalità safejn il-Kummissjoni ma tatx każ tal-prattika deċiżjonali tagħha fir-rigward tar-rata ta’ żieda mogħtija lil ADM

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

E –  Fuq il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni fl-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi aggravanti

VI –  Fuq iċ-ċirkustanzi attenwanti

A –  Rimarka preliminari

B –  Fuq il-waqfien mill-parteċipazzjoni fl-akkordju wara l-ewwel interventi mill-awtoritajiet kompetenti

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

C –  Fuq in-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tad-danni u ta’ l-interessi

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

D –  Fuq l-adozzjoni ta’ kodiċi ta’mġiba minn ADM

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

VII –  Fuq il-kooperazzjoni ta’ ADM waqt il-proċedura amministrattiva

A –  Introduzzjoni

B –  Fuq l-argument li ADM kienet l-ewwel li tagħti l-elementi determinanti biex jippruvaw l-eżistenza ta’ l-akkordju

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

C –  Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ l-aspettattivi leġittimi

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

D –  Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali safejn il-Kummissjoni tirriżerva trattament differenti lil ADM u lil Cerestar

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

E –  Fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u tal-proporzjonalità safejn il-Kummissjoni limitat it-tnaqqis tal-multa għal 50 %

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

VIII –  Fuq il-vizzji li jeffettwaw il-proċedura amministrattiva

A –  Fuq il-portata tal-ksur li l-partijiet allegatament ikkommettew

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

a)  Introduzzjoni

b)  Fuq l-ilment relatat ma’ l-iffriżar, ir-restrizzjoni u l-waqfien mill-kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ aċidu ċitriku

c)  Fuq l-ilment relatat ma’ l-għażla ta’ produttur li kellu jmexxi ż-żidiet tal-prezzijiet f’kull parti nazzjonali tas-suq ikkonċernat

B –  Fuq l-applikazzjoni ta’ fattur ta’ dissważjoni u tal-kwalifika ta’ ADM bħala waħda mill-mexxejja ta’ l-akkordju

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-eżerċizzju ta’ poter ta’ ġurisdizzjoni sħiħa

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.