Language of document : ECLI:EU:T:2012:77

Kawża T-33/11

Peeters Landbouwmachines BV

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Trade mark Komunitarja verbali BIGAB — Raġuni assoluta għal rifjut — Assenza ta’ mala fide — Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Sommarju tas-sentenza

Trade mark Komunitarja — Ċessjoni, revoka u invalidità — Raġunijiet assoluti ta’ invalidità — Applikant in mala fide matul il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Teħid inkunsiderazzjoni tal-fatturi rilevanti kollha eżistenti fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 52(1)(b))

L-eżistenza tal-mala fide tal-applikant, fis-sens tal-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/09 dwar it-trade mark Komunitarja, għandha tiġi evalwata b’mod globali, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni tal-fatturi kollha rilevanti għal dan il-każ, u b’mod partikolari:

- il-fatt li l-applikant jaf jew għandu jkun jaf li terz juża, tal-inqas fi Stat Membru wieħed, sinjal identiku jew li jixxiebah għal prodott identiku jew li jixxiebah li kapaċi jwassal għal konfużjoni mas-sinjal li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni;

- l-intenzjoni tal-applikant li jipprekludi lil dan it-terz milli jkompli juża dan is-sinjal;

- il-livell ta’ protezzjoni li jgawdu minnha s-sinjal tat-terz u s-sinjal li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

Barra minn hekk, l-intenzjoni li prodott jiġi prekluż milli jiġi kkummerċjalizzat tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tikkaratterizza l-mala fide tal-applikant. Dan huwa partikolarment il-każ meta jirriżulta, iktar tard, li dan tal-aħħar ikun irreġistra sinjal bħala trade mark Komunitarja mingħajr l-intenzjoni li jużah, unikament sabiex jipprekludi d-dħul fis-suq ta’ terz.

Madankollu, it-tliet fatturi elenkati hawn fuq huma biss eżempji fost numru ta’ elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tingħata deċiżjoni dwar l-eventwali mala fide ta’ applikant għal trade mark fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni. Fil-fatt, fil-kuntest tal-analiżi globali mwettqa skont l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, tista’ wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni l-oriġini tas-sinjal ikkontestat u l-użu tiegħu sa mill-ħolqien tiegħu kif ukoll il-loġika kummerċjali li ntużat fil-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ dan is-sinjal bħala trade mark Komunitarja.

Iċ-ċirkustanza li l-applikant jaf jew għandu jkun jaf li terz ilu żmien twil juża, tal-inqas fi Stat Membru wieħed, sinjal identiku jew li jixxiebah għal prodott identiku jew li jixxiebah, li kapaċi jwassal għal konfużjoni mas-sinjal li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, ma hijiex biżżejjed, waħedha, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-mala fide tal-applikant. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li, meta diversi produtturi jużaw, fis-suq, sinjali identiċi jew li jixxiebhu għal prodotti identiċi jew li jixxiebhu, li kapaċi jwasslu għal konfużjoni mas-sinjal li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, l-applikant isegwi, permezz tar-reġistazzjoni ta’ dan is-sinjal, għan leġittimu. Dan jista’ jkun b’mod partikolari l-każ fejn l-applikant, fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, ikun jaf li impriża terza tagħmel użu mit-trade mark suġġetta għar-reġistrazzjoni billi toħloq fil-klijentela tagħha l-illużjoni li hija tiddistribwixxi uffiċjalment il-prodotti mibjugħa b’dik it-trade mark, filwaqt li hija ma tkunx irċiviet l-awtorizzazzjoni biex tagħmel dan.

Il-bona fide tal-applikant għat-trade mark ma tistax tiġi kkontestata minħabba l-fatt biss li dan l-istess applikant huwa proprjetarju ta’ trade marks oħra u li ma ħax l-inizjattiva li jitlob ir-reġistrazzjoni ta’ dawn tal-aħħar bħala trade marks Komunitarji.

Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza tal-mala fide tal-applikant, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni l-livell ta’ reputazzjoni li jgawdi minnha sinjal fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni sabiex jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja, u dan peress li tali livell ta’ reputazzjoni jista’ preċiżament jiġġustifika l-interess tal-applikant sabiex jiżgura protezzjoni legali iktar estiża tas-sinjal tiegħu.

(ara l-punti 18-21, 27, 28, 30)