Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta' Jannar 2011 - Canon Europa vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-34/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Canon Europa NV (Amstelveen, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentanti: P. De Baere u P. Muñiz, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara r-rikors ammissibbli

tannulla r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 861/2010, tal-5 ta' Ottubru 2010, li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni tad-Dwana (ĠU L 284, p. 1) u b'mod partikolari s-subdiviżjonijiet introdotti taħt is-Sistema Armonizzata (iktar 'il quddiem is-"SA") subintestatura 8443 31 u r-rati ta' dazju korrispondenti; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha r-rikorrenti titlob, skont l-Artikolu 263 TFUE, l-annullament tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 861/2010, tal-5 ta' Ottubru 2010, li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni tad-Dwana (ĠU L 284, p. 1) u b'mod partikolari tas-subdiviżjonijiet introdotti taħt is-SA subintestatura 8443 31 u tar-rati ta' dazju korrispondenti.

Insostenn tar-rikors tagħha r-rikorrenti tinvoka s-segwenti motivi:

L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li r-rikors għal annullament huwa ammissibbli taħt l-Artikolu 263 TFUE peress li l-miżura kkontestata hija att regolatorju li jikkonċernha direttament u peress li din il-miżura ma tinvolvi ebda miżura ulterjuri ta' implementazzjoni.

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-att ikkontestat ma huwiex validu minħabba li jillimita l-kamp ta' applikazzjoni tas-SA 2007 subintestatura 8443.31 billi jeskludi mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha l-makkinarju multifunzjonali (iktar il-quddiem il-"MMF") li kien preċedentement klassifikabbli taħt is-SA 2002 subintestatura 8471.60, filwaqt li l-konvenuta ma tistax tbiddel il-kamp ta' applikazzjoni tas-subintestaturi tas-SA skont l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni SA 1, u l-Artikolu 1.2(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 2.

It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-att ikkontestat huwa invalidu peress li jbiddel r-rati tad-dazju applikabbli għal ċertu MMF li kien preċedentement klassifikabbli taħt is-SA 2002 subintestatura 8471.60 u 8517.21, u għalhekk jikser l-Artikolu 9.2 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87.

Fl-aħħar nett, l-att ikkontestat jikser l-Artikolu II tal-GATT 1994 3 u l-obbligi sottoskritti mill-UE fl-iskeda tal-konċessjonijiet minħabba li jimponi dazju fuq certu MMF li fir-rigward tiegħu l-UE impenjat ruħha li tneħħi d-dazji doganali kollha.

____________

1 - International Convention on the Harmonized Commodity Description and Coding System tal-14 ta' Ġunju 1983.

2 - Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta' Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382).

3 - Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tas-sena 1994.