Language of document :

Appell ippreżentat fl-4 ta' Awissu 2009 minn Luigi Marcuccio mid-digriet mogħti fl-20 ta' Mejju 2009 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-73/08, Marcuccio vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-311/09 P)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Appellant: Luigi Marcuccio (Tricase, l-Italja) (rappreżentant: G. Cipressa, avukat)

Appellata: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tal-appellant

Fi kwalunkwe każ:

tannulla in toto d-digriet appellat.

tiddikjara ammissibbli r-rikors li ta' lok għall-kawża de qua.

Prinċipalment:

tannulla d-deċiżjoni tal-appellata li tiċħad it-talba tas-27 ta' Ġunju 2007.

tannulla d-deċiżjoni tal-appellata li tiċħad it-talba tad-29 Ġunju 2007.

tannulla d-deċiżjoni tal-appellata li tiċħad it-talba tat-30 ta' Ġunju 2007.

tannulla d-deċiżjoni tal-appellata li tiċħad it-talba tat-2 ta' Lulju 2007.

tannulla, sa fejn meħtieġ, in-nota tad-29 ta' April 2008, iffirmata minn Bernhard Jansen.

kif speċifikat fil-bidu tar-rikors promotur, tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lill-appellant is-somma ta' EUR 4 747.29, jew somma ikbar jew iżgħar li din l-Onorabbli Qorti jista' jidhrilha ġusta u ekwa, flimkien mal-interessi fuq din is-somma appena msemmija li għandhom jiddekorru mis-7 ta' Novembru 2007, bir-rata ta' 10% fis-sena u bil-kapitalizzazzjoni annwali, jew bir-rata, bil-kapitalizzazzjoni u bid-dies a quo li din l-Onorabbli Qorti jogħġobha tikkunsidra xierqa.

tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lura lill-appellant l-ispejjeż, id-drittijiet u l-onorarji kollha tal-proċedura magħmula minnu s'issa fir-rigward tal-kawża de qua, fl-istanzi li saru s'issa.

Sussidjarjament:

tirrinvija l-kawża de qua quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jiddeċiedi mill-ġdid il-mertu tal-istess.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appell preżenti huwa dirett kontra d-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (TSP) tal-20 ta' Mejju 2009, mogħti fil-Kawża F-73/08. Dan id-digriet ċaħad bħala parzjalment inammissibbli u bħala parzjalment infondat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-appellata li ma tilqax it-talbiet tal-appellant fir-rigward tal-ħlas lura bir-rata normali, kif ukoll b'dik "komplementari", jiġifieri 100%, ta' ċerti spejjeż mediċi.

Insostenn tat-talbiet tiegħu, l-appellant jallega l-ksur tal-kunċett ta' motivazzjoni ta' deċiżjoni Komunitarja, tal-kunċett ta' att li jista' jiġi kkontestat, tal-prinċipju tar-res judicata, tal-prinċipju ta' separazzjoni tal-poteri, kif ukoll tal-ġurisprudenza dwar l-effetti tal-annullament, mill-Qorti Komunitarja, ta' deċiżjoni minn istituzzjoni Komunitarja.

L-appellant jallega wkoll il-ksur tal-kunċetti ta' lis alibi pendens u ta' deċiżjoni konfermattiva, kif ukoll tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-ispejjeż tal-kawża.

____________