Language of document :

Rikors ippreżentat fit-30 ta' Marzu 2012 - Aventis Pharmaceuticals vs UASI - Fasel (CULTRA)

(Kawża T-142/12)

Lingwa tar-rikors: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Aventis Pharmaceuticals, Inc. (New Jersey, l-Istati Uniti) (rappreżentant: R. Gilbey, avukat)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: Fasel Srl (Bologna, l-Italja)

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tas-26 ta' Jannar 2012 fil-Każ 2478/2010-1;

tagħti l-opinjoni u l-motivi tagħha dwar ix-xebh tas-sinjali, li kieku l-Bord tal-Appell applika l-fatti u t-testijiet t-tajba; u

tikkundanna lill-parti li titlef għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti f'dawn il-proċeduri u f'dawk preċedenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Applikanti għat-trade mark Komunitarja: il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell;

Trade mark Komunitarja kkonċernata: it-trade mark figurattiva "CULTRA", għal prodotti fil-klassi 10 - Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja Nru 7534035

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: ir-rikorrenti

Trade mark jew sinjal invokat: it-trade mark Ċeka rreġistrata bin-Nru 301724 għat-trade mark verbali "SCULPTRA", għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 5, 10 u 44; it-trade mark Ġermaniża rreġistrata bin-Nru 30406574 għat-trade mark verbali "SCULPTRA", għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 5, 10 u 44; it-trade mark Finlandiża rreġistrata bin-Nru 233638 għat-trade mark verbali "SCULPTRA", għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 5, 10 u 44; it-trade mark tar-Renju Unit irreġistrata bin-Nru 2355273 għat-trade mark verbali "SCULPTRA", għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 5, 10 u 44; it-trade mark Ungeriża rreġistrata bin-Nru 183214 għat-trade mark verbali "SCULPTRA", għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 5, 10 u 44

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni: oppożizzjoni miċħuda fl-intier tagħha

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: appell miċħud

Motivi invokati: ksur tar-Regola 50 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95 kif ukoll tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, billi l-Bord tal-Appell: (i) ibbaża r-raġunament u d-deċiżjoni tiegħu fuq fatt li ma kienx allegat jew sostnut mill-partijiet, u lanqas ma sar riferiment għalih fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri li s-sinjal inkwistjoni primarjament jew esklużivament kellu jiġi pperċepit bħala "ULTRA" b'element figurattiv tond; (ii) naqas milli jikkunsidra argumenti u provi importanti prodotti mir-rikorrenti, dwar ix-xebh kunċettwali, naqas milli jipparaguna b'mod korrett is-sinjali fir-rigward tal-impressjoni ġenerali tagħhom, u naqas milli japplika ir-regola ta' paragun globali, kif stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja; (iii) naqas milli jevalwa l-probabbiltà ta' konfużjoni bbażata biss fuq il-fatti li kellu quddiemu; u (iv) naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni. b'mod legalment ġustifikabbli, l-interdipendenza ta' fatturi globali relevanti, b'mod partikolari, l-identità jew ix-xebh tal-prodotti jew tas-servizzi, u x-xebh tas-sinjali.

____________