Language of document :

Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Awissu 2013 – Petropars Iran et vs Il-Kunsill

(Kawża T-433/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Petropars Iran Co. (Kish Island, l-Iran); Petropars Oilfields Services Co. (Kish Island); Petropars Aria Kish Operation and Management Co. (Tehran, l-Iran); u Petropars Resources Engineering Kish Co. (Tehran) (rappreżentanti: S. Zaiwalla, solicitor, P. Reddy, solicitor, R. Blakeley, barrister, u Z. Burbeza, solicitor)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-punti 1 sa 4 tal-Anness II.I.B. tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/270/PESK 1 u l-punti 1 sa 4 tal-Anness II.I.B. tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill Nru°522/2013 2 ; u/jew

tiddikjara l-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK 3 u l-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012 4 mingħajr effett fir-rigward tar-rikorrenti; u

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-inklużjoni tar-rikorrenti permezz tad-Deċiżjoni 2013/270/PESK u tar-Regolament Nru°522/2013 hija nieqsa minn bażi legali peress li r-raġuni għall-inklużjoni ta’ kull waħda mir-rikorrenti (“Sussidjarja [ta’] entità inkluża”) ma tissemmix fost il-kriterji għall-inklużjoni fil-lista prevista mir-Regolament Nru 267/2012 u mid-Deċiżjoni 2010/413/PESK.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-inklużjoni tar-rikorrenti hija illegali sa fejn il-Kunsill prova jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012 jew l-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni 2010/413/PESK, peress li (1) il-kriterji sostantivi għall-inklużjoni f’dawn it-testi ma humiex sodisfatti fir-rigward tal-ebda wieħed mir-rikorrenti u/jew il-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta eżamina jekk il-kriterji kinux sodisfatti jew le, u li (2) il-Kunsill inkluda lir-rikorrenti abbażi ta’ provi insuffiċjenti sabiex jistabbilixxi li l-kriterji kienu sodisfatti u għalhekk wettaq żball manifest (ieħor) ta’ evalwazzjoni.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li sa fejn l-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012 u/jew l-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni 2010/413/PESK jippermettu li r-rikorrenti jiġu inklużi abbażi biss tal-fatt li huma sussidjarji ta’ entitajiet inklużi (li huma nnifishom huma sussidjarji ta’ entitajiet inklużi li ma kinux akkużati bl-ebda ksur), dawn l-artikoli huma illegali peress li jmorru kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità u għandhom jiġu ddikjarati mingħajr effett fir-rigward tar-rikorrenti.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-inklużjoni tar-rikorrenti tikser, fi kwalunkwe każ, id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tagħhom bis-saħħa tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jew ta’ dawk li b’mod ieħor jagħmlu parti mid-dritt tal-Unjoni, inkluż id-dritt tagħhom ta’ negozju u li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom u d-dritt tagħhom għall-pussess paċifiku tal-proprjetà tagħhom, u/jew tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Barra minn hekk, l-inklużjoni tagħhom tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ prekawzjoni u tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-ambjent u tal-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-bniedem, u x’aktarx toħloq danni serji għas-saħħa u għas-sigurtà tal-ħaddiema Iranjani kif ukoll għall-ambjent.

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li meta adotta d-Deċiżjoni 2013/270/PESK u r-Regolament Nru 522/2013, sa fejn dawn japplikaw fil-konfront tar-rikorrenti, il-Kunsill kiser ir-rekwiżiti proċedurali li jirrikjedu (i) notifika fuq bażi individwali (lit-tielet u lir-raba’) rikorrenti dwar l-inklużjoni tagħhom, (ii) il-komunikazzjoni (lir-rikorrenti kollha) ta’ motivazzjoni xierqa u suffiċjenti, u (iii) ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrenti.

____________

1 Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/270/PESK, tas-6 ta’ Ġunju 2013, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 156, p. 10).

2 Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 522/2013, tas-6 ta’ Ġunju 2013, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 156, p. 3).

3 Deċiżjoni tal-Kunsill, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39).

4 Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 88, p. 1).