Language of document :

Appell ippreżentat fid-19 ta’ Awissu 2013 mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) mis-sentenza mogħtija fis-26 ta’ Ġunju 2013 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża 21/12, Achab vs KESE

(Kawża T-430/13 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) (rappreżentanti: M. Arsène, aġent, assistiti minn D. Waelbroeck u A. Duron, avukati)

Appellat: Mohammed Achab (Brussell, il-Belġju)

Talbiet tal-appellant

tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-21/12, safejn din tannulla d-deċiżjoni tal-KESE tad-9 ta’ Ġunju 2011 dwar l-irkupru tal-allowance tal-espatrijazzjoni mħallsa lil M. Achab mill-1 ta’ Lulju 2010 u tikkundanna lill-KESE għall-ispejjeż tiegħu u għal nofs l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrent fl-ewwel istanza;

tilqa’ t-talbiet imressqa mill-appellant, jiġifieri tiċħad ir-rikors bħala infondat fl-intier tiegħu;

tikkundanna lill-appellat għall-ispejjeż ta’ din l-istanza u ta’ dik quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka ħames aggravji.

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi inkwantu t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkunsidra b’mod żbaljat li l-kundizzjonijiet dwar l-irkupru tal-ammont li ma kinex dovut ma kinux sodisfatti.It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi inkwantu s-sentenza mogħtija tikkontribwixxi għall-arrikkiment indebitu tar-rikorrent fl-ewwel istanza.It-tielet aggravju huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, inkwantu t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkunsidra b’mod żbaljat li l-KESE qatt ma ikkomunika mal-persunal tiegħu sabiex jiġbed l-attenzjoni tagħhom fuq il-konsegwenzi ta’ naturalizzazzjoni. Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi inkwantu t-Tribunal kiser il-prinċipju li permezz tiegħu d-dispożizzjonijiet finanzjarji għandhom jiġu applikati b’mod strett u l-prinċipju skont liema d-dispożizzjonijiet ta’ eċċezzjoni għandhom jiġu interpretati b’mod limitat u ristrett.Il-ħames aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fir-rigward tat

-tqassim tal-ispejjeż.