Language of document : ECLI:EU:T:2015:255

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

5 ta’ Mejju 2015 (*)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra l-Iran bil-għan li titwaqqaf il-proliferazzjoni nukleari — Iffriżar ta’ fondi — Obbligu ta’ motivazzjoni — Żball ta’ evalwazzjoni — Eċċezzjoni ta’ illegalità — Dritt li tiġi eżerċitata attività ekonomika — Dritt għall-proprjetà — Protezzjoni tas-saħħa pubblika, tas-sigurtà u tal-ambjent — Prinċipju ta’ prekawzjoni — Proporzjonalità — Drittijiet tad-difiża”

Fil-Kawża T‑433/13,

Petropars Iran Co., stabbilita f’Kish Island (l-Iran),

Petropars Oilfields Services Co., stabbilita f’Kish Island,

Petropars Aria Kish Operation and Management Co., stabbilita f’Teheran (l‑Iran),

Petropars Resources Engineering Kish Co., stabbilita f’Teheran,

irrappreżentati minn S. Zaiwalla, P. Reddy, Z. Burbeza, solicitors, R. Blakeley, G. Beck, barristers, u M. Brindle, QC,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn V. Piessevaux u M. Bishop, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/270/PESK, tas-6 ta’ Ġunju 2013, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 156, p. 10), kif ukoll ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 522/2013, tas‑6 ta’ Ġunju 2013, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 156, p. 3), u, min-naħa l-oħra, talba għal dikjarazzjoni ta’ inapplikabbiltà tal-Artikolu 20(1)(ċ) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, Nru 2010/413, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39), kif ukoll tal-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 88, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn M. Jaeger, President, M. van der Woude (Relatur) u E. Buttigieg, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Novembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Petropars Iran Co. (iktar ʼil quddiem “PPI”), Petropars Oilfields Services Co. (iktar ʼil quddiem “POSCO”), Petropars Aria Kish Operation and Management Co. (iktar ʼil quddiem “POMC”) u Petropars Resources Engineering Kish Co. (iktar ʼil quddiem “PRE”), huma kumpanniji Iranjani li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fis-setturi taż-żejt, tal-gass u tal-petrokimika.

2        Din il-kawża taqa’ fil-kuntest ta’ miżuri restrittivi stabbiliti bil-għan li ssir pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex jintemmu l-attivitajiet nukleari li jippreżentaw riskju ta’ proliferazzjoni u l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ kunsinna ta’ armi nukleari.

3        Fid-9 ta’ Ġunju 2010, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ʼil quddiem il-“Kunsill tas-Sigurtà”) adotta r-Riżoluzzjoni 1929 (2010) (iktar ʼil quddiem “UNSCR 1929 (2010)”), maħsuba sabiex testendi l-portata tal-miżuri restrittivi stabbiliti bir-Riżoluzzjonijiet 1737 (2006), 1747 (2007), u 1803 (2008) u sabiex tistabbilixxi miżuri restrittivi addizzjonali kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran.

4        Fis-17 ta’ Ġunju 2010, il-Kunsill Ewropew enfasizza t-tħassib iktar u iktar profond tiegħu dwar il-programm nukleari tal-Iran u s-sodisfazzjon tiegħu dwar l-adozzjoni tal-UNSCR 1929 (2010). Il-Kunsill Ewropew, filwaqt li fakkar id-dikjarazzjoni tiegħu tal-11 ta’ Diċembru 2009, stieden lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropa sabiex jadotta l-miżuri li jimplementaw dawk li jinsabu fil-UNSCR 1929 (2010) kif ukoll il-miżuri li jakkumpanjawhom, bil-ħsieb li jiġi indirizzat, permezz ta’ negozjati, it-tħassib pendenti kollu rigward l-iżvilupp mir-Repubblika Iżlamika tal-Iran ta’ teknoloġiji sensittivi b’appoġġ għall-programmi nukleari u dak missilistiku tiegħu. Dawn il-miżuri għandhom jiffukaw fuq is-settur tal-kummerċ, is-settur finanzjarju, is-settur tat-trasport tal-Iran u s-setturi prinċipali fl-industrija taż-żejt u l-gass, kif ukoll deżinjazzjonijiet addizzjonali, b’mod partikolari l-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika.

5        Fis-26 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39), li l-Anness II tagħha jelenka l-persuni u l-entitajiet — minbarra dawk indikati mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet stabbilit permezz tar-Riżoluzzjoni 1737 (2006), imsemmija fl-Anness I — li l-assi tagħhom huma ffriżati. Il-premessa 22 tal-imsemmija deċiżjoni tagħmel riferiment għall-UNSCR 1929 (2010) u ssemmi li din ir-riżoluzzjoni tirrileva r-rabta potenzjali bejn id-dħul tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran mis-settur tagħha tal-enerġija u l-finanzjament tal-attivitajiet nukleari tagħha li jagħtu lok għal riskju ta’ proliferazzjoni.

6        Fit-23 ta’ Jannar 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/35/PESK, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK (ĠU L 19, p. 22). Skont il-premessa 13 ta’ din id-deċiżjoni, ir-restrizzjonijiet fuq l-ammissjoni u l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi għandhom jiġu applikati għal iktar persuni u entitajiet li jipprovdu appoġġ lill-Gvern tal-Iran u li jippermettulu jkompli b’attivitajiet nukleari li jippreżentaw riskju ta’ proliferazzjoni jew l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ konsenja ta’ armi nukleari, b’mod partikolari l-persuni u entitajiet li jipprovdu appoġġ finanzjarju, loġistiku jew materjali lill-Gvern tal-Iran.

7        L-Artikolu 1(7)(a)(ii) tad-Deċiżjoni 2012/35 żied il-punt li ġej mal-Artikolu 20(1) tad-Deċiżjoni 2010/413, li jipprevedi l-iffriżar ta’ fondi li huma l-proprjetà tal-persuni u l-entitajiet:

“c)      persuni jew entitajiet oħra mhumiex koperti mill-Anness I li jipprovdu appoġġ lill-Gvern tal-Iran, u persuni u entitajiet assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness II.”

8        Konsegwentement, fit-23 ta’ Marzu 2012, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 88, p. 1). Sabiex jiġi implementat l-Artikolu 1(7)(a)(ii) tad-Deċiżjoni 2012/35, l-Artikolu 23(2) ta’ dan ir-regolament jipprevedi l-iffriżar ta’ fondi tal-persuni, tal-entitajiet u tal-organi elenkati fl-Anness IX tiegħu, li ġew identifikati li:

“d)      huma persuni, entitajiet jew korpi oħrajn li jipprovdu appoġġ, bħal appoġġ materjali, loġistiku jew finanzjarju, lill-Gvern tal-Iran, u lill-persuni, u entitajiet assoċjati magħhom.”

9        Fil-15 ta’ Ottubru 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/635/PESK, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU L 282, p. 58). Skont il-premessa 16 ta’ din id-deċiżjoni, għandhom jiġu inklużi persuni u entitajiet oħra fil-lista ta’ persuni u entitajiet suġġetti għall-miżuri restrittivi stabbilita fl-Anness II għad-Deċiżjoni 2010/413/PESK, b’mod partikolari l-entitajiet tal-Istat tal-Iran li huma involuti fis-settur taż-żejt u tal-gass, minħabba li dawn jipprovdu sors ta’ dħul sostanzjali għall-Gvern tal-Iran.

10      L-Artikolu 1(8)(a) tad-Deċiżjoni 2012/635 emenda l-Artikolu20(1)(c) tad-Deċiżjoni 2010/413, li jipprevedi konsegwentement li dawn għandhom ikunu suġġetti għal miżuri restrittivi:

“c)      persuni jew entitajiet oħra mhux koperti mill-Anness I li jipprovdu appoġġ lill-Gvern tal-Iran u entitajiet ta’ proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom jew li huwa assoċjati magħhom, kif elenkat fl-Anness II.”

11      L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2012/635 inkluda, fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, l-ismijiet tal-entità bl-isem National Iranian Oil Co. (iktar ʼil quddiem “NIOC”), peress li din l-entità, li hija proprjetà tal-Istat tal-Iran u amministrata minnu, kienet tipprovdi riżorsi finanzjarji lill-Gvern tal-Iran, kif ukoll tal-entità bl-isem Naftiran Intertrade Co. (iktar ʼil quddiem “NICO”), entità li hija proprjetà sa 100 % ta’ NIOC, u tal-entità bl-isem Petropars Ltd (iktar ʼil quddiem “PPL”), sussidjarja ta’ NICO.

12      Konsegwentement, fl-istess ġurnata, il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 945/2012, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 (ĠU L 282, p. 16). L-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament ta’ implementazzjoni inkluda l-ismijiet tal-entitajiet bl-isem NIOC, NICO u PPL fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012 rispettivament għall-istess raġunijiet bħal dawk stabbiliti fid-Deċiżjoni 2012/635.

13      Fl-21 ta’ Diċembru 2012, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 1263/2012, li jemenda r-Regolament Nru 267/2012 (ĠU L 356, p. 34). L-Artikolu 1(11) ta’ dan ir-regolament emenda l-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012, li jipprevedi ukoll l-iffirżar tal-fondi tal-persuni, l-entitajiet u l-organi elenkati fl-Anness IX tiegħu, li ġew irrikonoxxuti:

“d)      li huma persuni, entitajiet jew korpi oħrajn li jipprovdu appoġġ, bħal appoġġ materjali, loġistiku jew finanzjarju, lill-Gvern tal-Iran, u l-entitajiet li huma proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom, u persuni, u entitajiet assoċjati magħhom.”

14      Fis-6 ta’ Ġunju 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/270/PESK. li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK (ĠU L 156, p. 10, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni inkluda l-ismijiet tar-rikorrenti fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, li tinkludi l-lista tal-“[p]ersuni u [ta’] entitajiet involuti f’attivitajiet nukleari jew relatati ma’ [missili] ballistiċi u persuni u [ta’] entitajiet li jagħtu appoġġ lill-Gvern [Iranjan]”.

15      Konsegwentement, fl-istess ġurnata, il-Kunsill adotta r-Regolament li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 522/2013, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 (ĠU L 156, p. 3, iktar ʼil quddiem “ir-regolament ikkontestat”). L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament inkluda l-ismijiet tar-rikorrenti fit-tabella tal-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012, li tinkludi l-lista tal-ismijiet tal-“[p]ersuni u [tal-] entitajiet involuti f’attivitajiet nukleari jew relatati ma’ [missili] ballistiċi u [tal-] persuni u entitajiet li jagħtu appoġġ lill-Gvern [Iranjan]”.

16      PPI ġiet inkluża fil-lista li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 kif ukoll fil-lista li tinsab fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012 (iktar ʼil quddiem, meħuda flimkien, il-“listi”) permezz tad-deċiżjoni u tar-regolament ikkontestati (iktar ʼil quddiem, meħuda flimkien, l-“atti kkontestati”) peress li din kienet “sussidjarja tal-entità bl-isem Petropars Ltd”. Fir-rigward tat-tliet rikorrenti l-oħra, il-Kunsill adotta r-raġunijiet li ġejjin: “sussidjarja tal-entità bl-isem [PPI]”.

17      L-atti kkontestati ġew ikkomunikati lir-rikorrenti bl-ittri tal-10 ta’ Ġunju 2013.

18      B’ittra tas-7 ta’ Awwissu 2013, ir-rikorrenti kkontestaw il-miżuri restrittivi adottati fil-konfront tagħhom u talbu lill-Kunsill li jispeċifika l-bażi legali tal-inklużjoni rispettiva tagħhom, li jippreżenta r-raġunijiet li ġġustifikaw din l-inklużjoni, li jipprovdi kopji tal-informazzjoni u l-provi kollha li huwa bbaża ruħu fuqhom sabiex jadotta l-atti kkontestati kif ukoll tad-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl tiegħu. Barra minn hekk, huwa enfasizzat f’din l-ittra li l-imsemmija atti ġew innotifikati biss lil PPI.

19      Fit-12 ta’ Awwissu 2013, il-Kunsill ikkonferma li kien irċieva l-ittra tar-rikorrenti tas-7 ta’ Awwissu 2013 u indika li din l-ittra kienet qiegħda tiġi eżaminata.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

20      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Awwissu 2013, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

21      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Seba’ Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla.

22      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-atti kkontestati, sa fejn dawn jikkonċernahom;

–        tiddikjara l-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni 2010/413 u l-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012 inapplikabbli fil-konfront tagħhom;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

23      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

24      Peress li żewġ membri tal-Awla ma setgħux jassumu posthom, il-President tal-Qorti Ġenerali ħatar, skont l-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, imħallef ieħor sabiex jikkompleta l-Awla.

 Id-dritt

25      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-assenza ta’ bażi legali għad-deżinjazzjoni tar-rikorrenti. It-tieni motiv huwa bbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni. It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-illegalità tal-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni 2010/413 u tal-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012 jekk dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu s-sussidjarji ta’ entitajiet inklużi. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dritt tal-proprjetà, tad-dritt għall-eżerċizzju ta’ attività kummerċjali, tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-ambjent kif ukoll tal-valuri umanitarji tal-Unjoni Ewropea u, fi kwalunkwe każ, tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ prekawzjoni. Il-ħames motiv, invokat sussidjarjament, huwa bbażat fuq l-assenza ta’ notifika fir-rigward ta’ żewġ rikorrenti u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

26      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti rrinunzjaw milli jinvokaw it-tielet motiv tagħhom, u ta’ dan ittieħed nota fil-proċess verbali tal-imsemmija seduta. Peress li t-tielet motiv huwa l-uniku motiv imqajjem fir-rikors insostenn tat-tieni kap tat-talbiet, dan tal-aħħar għandu għalhekk jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ bażi legali għad-deżinjazzjoni tar-rikorrenti

27      Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-inklużjoni ta’ isimhom fil-listi ma għandha l-ebda bażi legali. Fl-opinjoni tagħhom, il-fatt li tkun sussidjarja ta’ entità inkluża ma jifformax parti mill-kriterji previsti fl-Artikolu 20(1) tad-Deċiżjoni 2010/413 u lanqas fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 267/2012.

28      Fir-replika tagħhom, ir-rikorrenti jenfasizzaw, qabel xejn, li kien biss fir-risposta li l-Kunsill iġġustifika l-inklużjoni ta’ isimhom fil-listi abbażi tal-fatt li huma kienu proprjetà ta’ jew ikkontrollati minn NIOC.

29      Sussegwentement, ir-rikorrenti jsostnu li l-fatt li tkun sussidjarja ta’ entità ddeżinjata bħala li tipprovdi appoġġ lill-Gvern Iranjan ma jikkostitwixxix raġuni li tippermetti l-inklużjoni ta’ isimhom fil-listi, peress li dan ma jfissirx li din is-sussidjarja hija proprjetà ta’ jew hija kkontrollata minn din l-entità.

30      Fl-aħħar, ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-Kunsill jista’ jinkludi fil-listi l-isem ta’ entità li hija proprjetà jew ikkontrollata minn entità oħra biss jekk din tal-aħħar hija stess inkluża abbażi ta’ kriterju legali marbut mal-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi. Issa, f’dan il-każ, l-ismijiet ta’ PPL u ta’ PPI ma ġewx inklużi fil-listi abbażi ta’ tali kriterju.

31      Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li, l-kwistjoni mqajma fil-kuntest tal-ewwel motiv hija dik dwar jekk l-atti kkontestati jippermettux lir-rikorrenti jidentifikaw il-kriterju li jikkostitwixxi l-bażi legali li abbażi tagħha huma ġew inklużi fil-listi. Għaldaqstant, din il-kwistjoni għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-ġurisprudenza marbuta mal-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq il-Kunsill meta dan jadotta miżuri restrittivi. Għalhekk, l-argumenti marbuta mal-legalità fil-mertu tal-atti kkontestati, b’mod partikolari dawk marbuta mal-assenza ta’ kontroll eżerċitat minn PPI fuq is-sussidjarji tagħha u mal-privatizzazzjoni ta’ PPL, ser jiġu eżaminati mat-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni.

32      Qabel kollox, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward ta’ att li jikkawża preġudizzju, li jikkostitwixxi korollarju għall-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, għandu l-għan, minn naħa, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex ikun jista’ jiġi stabbilit jekk l-att huwiex fondat jew jekk huwiex eventwalment ivvizzjat b’difett li jippermetti l-kontestazzjoni tal-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità ta’ dak l-att (ara s-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Il-Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Il-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 296 TFUE għandha turi b’mod ċar u mingħajr ekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtur tal-att, b’tali mod li tippermetti lill-individwi kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżuri adottati u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza Il-Kunsill vs Bamba, punt 32 iktar ʼil fuq, EU:C:2012:718, punt 50). Għaldaqstant, bħala regola ġenerali, il-motivazzjoni għandha tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess ħin bħall-att li jikkawżalha preġudizzju, u l-assenza ta’ motivazzjoni ma tistax tiġi rregolarizzata mill-fatt li l-persuna kkonċernata ssir taf il-motivi tal-att matul il-proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, imsejħa “OMPI I”, T‑228/02, Ġabra, EU:T:2006:384, punt 139).

34      Sussegwentement, f’dak li jirrigwarda l-miżuri restrittivi adottati fil-qafas tal-politika barranija u tas-sigurtà komuni, hemm lok li jiġi enfasizzat li, sa fejn il-persuna kkonċernata ma għandhiex dritt li tinstema’ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni inizjali ta’ inklużjoni, l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni hija iktar importanti, għaliex hija tikkostitwixxi l-unika garanzija li tippermetti lill-persuna kkonċernata, speċjalment wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, li tagħmel użu effettiv mir-rimedji għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tikkontesta l-legalità tal-imsemmija deċiżjoni (sentenzi Il-Kunsill vs Bamba, punt 32 iktar ʼil fuq, EU:C:2012:718, punt 51, u OMPI I, punt 33 iktar ʼil fuq, EU:T:2006:384, punt 140).

35      Għaldaqstant, il-motivazzjoni ta’ att tal-Kunsill li jimponi miżura restrittiva ma għandhiex sempliċiment tidentifika l-bażi legali ta’ din il-miżura, iżda wkoll ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti li abbażi tagħhom il-Kunsill ikkunsidra, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, li l-persuna kkonċernata għandha tiġi ssuġġettata għal tali miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi OMPI I, punt 33 iktar ʼil fuq, EU:T:2006:384, punt 146; u tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T‑390/08, Ġabra, EU:T:2009:401, punt 83, u Il-Kunsill vs Bamba, punt 32 iktar ʼil fuq, EU:C:2012:718, punt 52).

36      Madankollu, il-motivazzjoni għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih ġie adottat. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament jew individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex mitlub li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tagħha, iżda anki fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li permezz tiegħu tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha (sentenza Il-Kunsill vs Bamba, punt 32 iktar ʼil fuq, EU:C:2012:718, punti 53 u 54; OMPI I, punt 33 iktar ʼil fuq, EU:T:2006:384, punt 141, u Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 35 iktar ʼil fuq, EU:T:2009:401, punt 82).

37      F’dan il-każ, jeħtieġ li jitfakkar li l-isem ta’ PPI ġie inkluż fil-listi minħabba li din kienet sussidjarja tal-entità ddeżinjata PPL, filwaqt li t-tliet rikorrenti l-oħra ġew iddeżinjati, minħabba li kienu sussidjarji ta’ PPI.

38      Għandu jiġi kkonstatat li din il-motivazzjoni ma tindikax b’mod espliċitu l-bażi legali tal-atti kkontestati. Madankollu, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 36 iktar ʼil fuq, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ. Għaldaqstant hemm lok li jiġu eżaminati l-motivi tal-atti kkontestati fid-dawl tal-kliem tagħhom, iżda wkoll tal-kuntest li fih l-imsemmija atti ġew adottati kif ukoll tal-motivi invokati fil-konfront ta’ NIOC u ta’ entitajiet oħra li jiffurmaw parti mill-grupp ikkontrollat minn din il-kumpannija.

39      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, jeħtieġ li jitfakkar li l-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni 2010/413 u l-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012 jipprevedu l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi tal-entitajiet li jipprovdu appoġġ lill-Gvern Iranjan. Id-dispożizzjonijiet surreferiti jipprevedu wkoll l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-konfront tal-entitajiet li huma proprjetà ta’ jew ikkontrollati minn entità li tipprovdi appoġġ lill-imsemmi Gvern. Kif jenfasizzaw ir-rikorrenti, għalhekk entità tista’ tiġi inkluża fil-listi abbażi ta’ dan l-aħħar imsemmi kriterju biss jekk il-kumpannija parent tagħha li tkun il-proprjetarja tagħha jew li tikkontrollaha tkun tipprovdi tali appoġġ, fatt li ma huwiex ikkontestat mill-Kunsill.

40      Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-użu tal-kelma “sussidjarja” fil-motivazzjoni tal-inklużjoni tal-isem ta’ kull waħda mir-rikorrenti jippermettu lil dawn tal-aħħar li jifhmu li l-Kunsill kien iddeċieda li jinkludi isimhom fil-listi mhux abbażi ta’ kriterju ta’ inklużjoni li jindirizza l-entitajiet li jipprovdu appoġġ lill-Gvern Iranjan, iżda abbażi ta’ kriterju ta’ inklużjoni maħsub għall-entitajiet li huma proprjetà ta’ jew ikkontrollati minn entità li tipprovdi appoġġ lill-imsemmi Gvern. Fil-fatt, din il-kelma neċessarjament tagħmel riferiment għall-eżistenza ta’ kontroll minn kumpannija parent li jista’ jirriżulta, b’mod partikolari, mill-eżistenza ta’ rabtiet kapitalistiċi bejn din tal-aħħar u s-sussidjarja inkwistjoni. Billi ssemmi li r-rikorrenti huma “sussidjarji”, il-motivazzjoni tindika għaldaqstant b’mod ċar l-eżistenza ta’ proprjetà jew ta’ kontroll fis-sens tad-Deċiżjoni 20110/413 u tar-Regolament Nru 267/2012.

41      Fit-tielet lok, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, ċertament, l-atti kkontestati ma jindikawx b’mod espliċitu liema entità, li isimha ġie inkluż fil-listi minħabba appoġġ ipprovdut lill-Gvern Iranjan, hija proprjetarja jew tikkontrolla lir-rikorrenti. Fil-fatt, PPI, il-kumpannija parent tat-tliet rikorrenti l-oħra, ma ġietx inkluża fil-listi peress li hija tipprovdi appoġġ lill-imsemmi Gvern, iżda peress li hija kienet sussidjarja ta’ PPL, li isimha kien inkluż fil-listi minħabba li hija kienet sussidjarja ta’ NICO.

42      Madankollu, f’dan il-każ, fid-dawl tal-kuntest li fih saru l-atti kkontestati u, b’mod partikolari, tal-inklużjoni tal-isem ta’ NIOC fil-listi kif ukoll ta’ dik tal-ismijiet tal-entitajiet l-oħra li huma proprjetà jew huma kkontrollati minn din l-entità, hemm lok li jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti jistgħu raġonevolment jidentifikaw lil NIOC bħala kumpannija parent li hija l-proprjetarja tagħhom jew li tikkontrollahom u, għaldaqstant, il-bażi legali tal-inklużjoni tagħhom, mingħajr ma jirċievu iktar spjegazzjonijiet.

43      Fil-fatt, fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-listi li fihom ġew inklużi r-rikorrenti, riprodotti fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012, isemmu l-ismijiet tal-“[p]ersuni u [ta’] entitajiet involuti f’attivitajiet nukleari jew relatati ma’ [missili] ballistiċi u persuni u [ta’] entitajiet li jagħtu appoġġ lill-Gvern [Iranjan]”. Fost dawn tal-aħħar hemm, mhux biss l-isem ta’ NIOC, li l-inklużjoni tagħha hija ġġustifikata mill-fatt li l-imsemmija kumpannija tipprovdi riżorsi finanzjarji lill-imsemmi Gvern, iżda wkoll l-ismijiet ta’ numru kbir ta’ entitajiet li din il-kumpannija hija proprjetarja tagħhom b’mod dirett jew indirett. NIOC għaldaqstant hija fil-quċċata ta’ grupp kbir ta’ kumpanniji u l-katina taż-żamma li torbot lil din il-kumpannija mar-rikorrenti tista’ faċilment tiġi identifikata fid-dawl tal-motivi ta’ inklużjoni tal-entitajiet differenti li jiffurmaw parti minn dan il-grupp.

44      B’mod partikolari, l-inklużjoni fil-listi tal-isem ta’ PPL, identifikata bħala l-kumpannija parent ta’ PPI, minħabba l-fatt li kienet sussidjarja ta’ NICO, li isimha wkoll kien inkluż fil-listi peress li din tal-aħħar kienet sussidjarja ta’ NIOC, kienet tippermetti lil PPI kif ukoll lill-erba’ rikorrenti l-oħra li jifhmu li huma kienu indirizzati mill-miżuri restrittivi minħabba l-fatt li huma kienu indirettament proprjetà ta’, jew ikkontrollati minn NIOC, l-unika entità fi ħdan il-grupp li isimha ġie inkluż fil-listi minħabba l-provvista ta’ appoġġ lill-Gvern Iranjan, kif previst mill-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni 2010/413 kif ukoll mill-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012. Għaldaqstant, eżaminata fid-dawl ta’ dawn il-listi, il-motivazzjoni tal-atti kkontestati tippermetti lir-rikorrenti li jidentifikaw il-kriterju previst fid-dispożizzjonijiet surreferiti li ntuża bħala bażi legali għall-inklużjoni ta’ isimhom fil-listi.

45      Fit-tieni lok, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, peress li jiffurmaw parti mill-grupp ikkontrollat minn NIOC, ir-rikorrenti kellu jkollhom konoxxenza tal-miżuri restrittivi adottati fil-konfront ta’ entitajiet oħra li jifformaw parti minn dan il-grupp u setgħu għaldaqstant jifhmu li, bħal dawn l-entitajiet l-oħra, l-inklużjoni ta’ isimhom fil-listi kienet iġġustifikata fid-dawl tar-rabtiet ta’ żamma u ta’ kontroll li jeżistu bejniethom u NIOC.

46      Fit-tielet lok, mill-kontenut tar-rikors jirriżulta li, waqt l-adozzjoni tal-atti kkontestati, ir-rikorrenti kellhom l-informazzjoni neċessarja sabiex jifhmu r-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ isimhom fil-listi u, għaldaqstant, li jidentifikaw il-bażi legali għal din l-inklużjoni. Fil-fatt, fir-rikors ġiet riprodotta skema li tindika b’mod ċar il-kriterju li jiġġustifika l-inklużjoni ta’ NIOC, jiġifieri l-kriterju ta’ inklużjoni li jikkonċerna l-entitajiet li jipprovdu appoġġ lill-Gvern Iranjan, kif ukoll il-katina taż-żamma li torbot lil din tal-aħħar ma’ kull waħda mir-rikorrenti.

47      Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li jiġi konkluż li, minkejja li suċċinta u li ma tispeċifikax l-elementi rilevanti kollha ta’ fatt u ta’ dritt, il-motivazzjoni tal-atti kkontestati madankollu tippermetti lir-rikorrenti li jidentifikaw il-kriterju previst fl-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni 2010/413 kif ukoll fl-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012 li serva bħala bażi legali għall-inklużjoni ta’ isimhom fil-listi. Fil-fatt, minn naħa, l-użu tat-terminu “sussidjarja” jindika b’mod ċar li l-inklużjoni tar-rikorrenti hija bbażata fuq il-kriterju ta’ inklużjoni li jikkonċerna l-entitajiet miżmuma jew ikkontrollati minn entità li tipprovdi appoġġ lill-imsemmi Gvern, u, min-naħa l-oħra, il-kuntest li fih l-atti kkontestati ġew adottati jippermetti li tiġi identifikata l-entità inkwistjoni li, skont il-Kunsill, iżżommhom jew tikkontrollahom, jiġifieri NIOC, li l-inklużjoni ta’ isimha, magħrufa mir-rikorrenti, kienet ibbażata fuq il-kriterju ta’ inklużjoni li jikkonċerna l-entitajiet li jipprovdu appoġġ lil dan il-Gvern, kif previst mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ʼil fuq.

48      Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dak li ntqal, jeħtieġ li l-ewwel motiv jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni

49      Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Kunsill wettaq żball ta’ evalwazzjoni billi kkunsidra li l-kriterju ta’ inklużjoni previst fl-Artikolu 20(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2010/413 kif ukoll l-Artikolu 23(3)(d) tar-Regolament Nru 267/2012 kien issodisfatt.

50      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li POSCO, POMC u PRE ma huma miżmuma b’titolu ta’ proprjetà biss sa 97 %, sa 48 % u sa 49 % rispettivament minn PPI, b’tali mod li ma jistax jiġi preżunt li POSCO, POMC u PRE huma proprjetà ta’ jew ikkontrollati minn PPI.

51      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jenfasizzaw li minn Marzu 2012, PPL ma għadhiex tinżamm minn NIOC jew minn NICO, peress li l-kapital azzjonarju kollu ta’ din l-ewwel kumpannija ġie ttrasferit lejn il-fondi tal-pensjoni nazzjonali Iranjana u lejn l-organu ta’ sigurtà soċjali. Għaldaqstant, huma jikkunsidraw li ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala miżmuma jew ikkontrollati minn NIOC fil-mument tal-inklużjoni ta’ isimhom fil-listi fin-nuqqas ta’ provi oħra mressqa mill-Kunsill.

52      Preliminarjament, hemm lok li jiġi enfasizzat li r-rikorrenti jsemmu fil-qasir ħafna fir-rikors li PPL, il-kumpannija parent ta’ PPI, hija indipendenti mill-entitajiet li jinsabu ʼil fuq minnha, jiġifieri NICO u NIOC, mingħajr ma jipprovdu ebda preċiżjoni f’dan ir-rigward. Kien biss fir-replika li r-rikorrenti bbażaw ruħhom fuq dan it-trasferiment ta’ proprjetà sabiex juru li ma kinux iktar jinżammu minn NIOC waqt l-inklużjoni ta’ isimhom fil-listi.

53      Fil-kontroreplika, il-Kunsill isostni li l-argument tar-rikorrenti li PPL ma kienx għadu jifforma parti mill-grupp ikkontrollat minn NIOC jikkontradixxi l-kontenut tar-rikors.

54      Jeħtieġ li jitfakkar li mid-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 44(1)(ċ) u tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li r-rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u għandu jkollu sunt tal-motivi mressqa u li ma huwiex permess li jitressqu motivi ġodda fil-mori tal-kawża sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq elementi ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. Madankollu, motiv li jikkostitwixxi ripetizzjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li jkollu rabta mill-qrib miegħu għandu jiġi ddikjarat ammissibbli (sentenza tal-20 ta’ Settembru 1990, Hanning vs Il-Parlament, T-37/89, Ġabra, EU:T:1990:49, punt 38). Rekwiżiti simili huma meħtieġa meta lment jiġi invokat insostenn ta’ motiv (ara, pereżempju, is-sentenza tal-14 ta’ Mejju 1998, Mo Och Domsjö vs Il-Kummissjoni, T‑352/94, Ġabra EU:T:1998:103, punt 333).

55      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-argument żviluppat mir-rikorrenti fir-replika, li jikkontesta ż-żamma ta’ PPL minn NICO, ma huwa bbażat fuq l-ebda element ġdid li ġie rrilevat matul il-proċedura. Barra minn hekk, dan l-argument ma jistax jiġi kkunsidrat bħala żvilupp ta’ lment imsemmi preċedentement fir-rikors sa fejn dan bl-ebda mod ma jikkorrispondi mal-fatti ppreżentati mir-rikorrenti waqt il-preżentata tar-rikors.

56      Fil-fatt, fl-ewwel lok, fir-rikors, ir-rikorrenti irriproduċew skema tal-istruttura ġerarkika tal-grupp ta’ kontroll minn NIOC li skontha din tal-aħħar kienet iżżomm integralment il-kapital azzjonarju ta’ NICO, li min-naħa tagħha, kienet iżżomm 100 % tal-kapital azzjonarju ta’ PPL, li kienet iżżomm il-kapital azzjonarju kollu ta’ PPI, li kienet iżżomm il-kapital azzjonarju tar-rikorrenti l-oħra, li jammonta għal 97 % fil-każ ta’ POSCO, għal 48 % fil-każ ta’ POMC u għal 49 % fil-każ ta’ PRE. Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-katina ta’ żamma kif deskritta ma tippreżenta l-ebda punt ta’ ksur fir-rabtiet ta’ żamma li jgħaqqdu lir-rikorrenti ma’ NIOC.

57      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti, fl-ebda mument ma jsemmu fir-rikors li r-rabtiet eżistenti bejniethom u NIOC inkisru f’Marzu 2012, iżda jsostnu biss li dawn ir-rabtiet huma wisq fil-bogħod sabiex jissodisfaw il-kriterju ta’ inklużjoni previst fl-Artikolu 20(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2010/413 u fl-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012.

58      Fit-tielet lok, fir-rikors, meta r-rikorrenti jsemmu li l-isem ta’ PPL ġie inkluż fil-listi minħabba li kienet sussidjarja ta’ NICO, ma tressaq l-ebda argument sabiex jiġi kkontestat dan il-motiv. Għall-kuntrarju, ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq dan il-fatt sabiex isostnu l-argument tagħhom li huma ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala entitajiet marbuta ma’ entità li tipprovdi appoġġ lill-Gvern Iranjan, peress li l-isem tal-kumpannija parent rispettiva tagħhom ma kienx inkluż fil-listi minħabba l-provvista ta’ tali appoġġ, iżda bħala entità li tinżamm jew li hija kkontrollata minn entità li tipprovdi dan l-appoġġ.

59      Għaldaqstant, hemm lok li tinċaħad bħala infondata l-allegazzjoni li PPL ma tifformax iktar parti mill-grupp ikkontrollat minn NIOC minn Marzu 2012 u li tiġi eżaminata l-fondatezza tal-atti kkontestati unikament fir-rigward tal-katina ta’ żamma kif deskritta fil-punt 56 iktar ʼil fuq.

60      Prinċipalment, jeħtieġ li jitfakkar li l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea teżiġi b’mod partikolari li, bħala parti mill-istħarriġ tal-legalità tal-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni li jiġi inkluż jew li jinżamm l-isem ta’ persuna speċifika fil-listi, il-qorti tal-Unjoni għandha tiżgura ruħha li din id-deċiżjoni tkun bbażata fuq bażi fattwali suffiċjentement solida. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi li huma l-bażi tal-imsemmija deċiżjoni, b’mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tal-verosimiljanzja b’mod astratt tal-motivi invokati, iżda jirrigwarda l-punt jekk dawn il-motivi, jew, għall-inqas wieħed minnhom ikkunsidrat bħala suffiċjenti fih innifsu sabiex isostni din l-istess deċiżjoni, humiex sostnuti (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, imsejħa “Kadi II”, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, Ġabra, EU:C:2013:518, punt 119).

61      Hija l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li għandha, fil-każ ta’ kontestazzjoni, tistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi invokati kontra l-persuna kkonċernata, u mhux din tal-aħħar li tipproduċi l-prova negattiva tal-assenza ta’ fondatezza tal-imsemmija motivi. Huwa importanti madankollu li l-informazzjoni jew l-elementi prodotti jsostnu r-raġunijiet meqjusa kontra l-persuna kkonċernata. Jekk dawn l-elementi ma jippermettux li tiġi kkonstatata l-fondatezza ta’ motiv, il-qorti tal-Unjoni għandha tiċħdu bħala appoġġ għad-deċiżjoni ta’ inklużjoni jew ta’ żamma tal-inklużjoni inkwistjoni (sentenza Kadi II, punt 60 iktar ʼil fuq, EU:C:2013:518, punti 121 sa 123).

62      Sussegwentement, skont il-ġurisprudenza, meta l-fondi ta’ entità rikonoxxuta bħala li tipprovdi appoġġ lill-Gvern Iranjan jiġu ffriżati, ikun hemm riskju kunsiderevoli li din tal-aħħar teżerċita pressjoni fuq l-entitajiet li huma proprjetà tagħha jew li hija tikkontrolla jew li jappartjenu lilha, sabiex tevita l-effett tal-miżuri li jindirizzaw lilha. Konsegwentement, l-iffriżar tal-fondi ta’ dawn l-entitajiet impost mill-Kunsill permezz tal-Artikolu 20(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2010/413 u mill-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012, huwa neċessarju u xieraq sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tal-miżuri adottati u sabiex jiġi ggarantit li dawn il-miżuri ma jkunux evitati (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2012, Melli Bank vs Il-Kunsill, C‑380/09 P, Ġabra, EU:C:2012:137, punti 39 u 58).

63      Għaldaqstant, waqt l-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ʼil fuq, il-Kunsill għandu jwettaq evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ sabiex jiddetermina liema entitajiet għandhom il-kwalità ta’ entitajiet miżmuma jew ikkontrollati. Għall-kuntrarju, in-natura tal-attività tal-entità kkonċernata u l-assenza eventwali ta’ rabta bejn din l-attività u l-provvista ta’ appoġġ lill-Gvern Iranjan ma humiex kriterji rilevanti f’dan il-kuntest, peress li l-adozzjoni ta’ miżura ta’ ffriżar tal-fondi li tikkonċerna l-entità miżmuma jew ikkontrollata ma hijiex immotivata mill-fatt li hija tipprovdi hija stess direttament appoġġ lill-imsemmi Gvern (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Melli Bank vs Il-Kunsill, punt 62 iktar ʼil fuq, EU:C:2012:137, punti 40 sa 42).

64      Fl-aħħar, dejjem skont il-ġurisprudenza, meta l-kapital azzjonarju ta’ entità jkun miżmum integralment minn entità li tipprovdi appoġġ lill-Gvern Iranjan, il-kriterju ta’ inklużjoni previst fl-Artikolu 20(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 22010/413 kif ukoll l-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012 ikun issodisfatt (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Melli Bank vs Il-Kunsill, punt 62 iktar ʼil fuq, EU:C:2012:137, punt 79).

65      F’dan il-każ, il-Kunsill ikkunsidra li, peress li NIOC kienet iżżomm 100 % tal-kapital azzjonarju ta’ NICO, li kienet iżżomm min-naħa tagħha 100 % tal-kapital azzjonarju ta’ PPL, li kienet iżżomm min-naħa tagħha l-kapital azzjonarju kollu ta’ PPI, li kienet iżżomm il-kapital azzjonarju tar-rikorrenti l-oħra, fil-perċentwal ta’ 97 % fil-każ ta’ POSCO, 48 % fil-każ ta’ POMC u 49 % fil-każ ta’ PRE, kull waħda mir-rikorrenti kellha tiġi kkunsidrata bħala miżmuma jew ikkontrollata minn NIOC fis-sens tal-Artikolu 20(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2010/413 u tal-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012.

66      Għalhekk, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk, fid-dawl ta’ din il-katina taż-żamma, u għal kull waħda mir-rikorrenti, il-Kunsill wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li l-kriterju ta’ inklużjoni li jirrigwarda l-entitajiet miżmuma minn entità li tipprovdi appoġġ lill-Gvern Iranjan kien issodisfatt.

67      Fl-ewwel lok, fir-rigward ta’ PPI, li hija sussidjarja ta’ NIOC, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Kunsill ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta inkluda l-isem ta’ din l-entità fil-listi.

68      Fil-fatt, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 64 iktar ʼil fuq, iż-żamma integrali tal-kapital azzjonarju ta’ entità minn entità li tipprovdi appoġġ lill-Gvern Iranjan timplika, waħidha, li l-kriterju ta’ inklużjoni previst fl-Artikolu 20(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2010/413 kif ukoll fl-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012 huwa ssodisfatt. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, li fih hemm inkluża wkoll il-kwistjoni tar-rapporti bejn sussidjarja u l-kumpannija parent tagħha, il-preżenza ta’ kumpanniji intermedjarji bejn dawn iż-żewġ kumpanniji bl-ebda mod ma taffettwa l-applikazzjoni tal-preżunzjoni konfutabbli li l-kumpannija parent inkwistjoni teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha. Fil-fatt huwa kkunsidrat li tali influwenza tista’ tiġi eżerċitata indirettament, permezz tal-kumpanniji intermedjarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Jannar 2011, General Química et vs Il-Kummissjoni, C‑90/09 P, Ġabra, EU:C:2011:21, punt 88, u tas-27 ta’ Settembru 2012, Shell Petroleum et vs Il-Kummissjoni, T‑343/06, Ġabra, EU:T:2012:478, punt 52).

69      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, meta l-kapital azzjonarju ta’ entità ikun miżmum indirettament minn entità li tipprovdi appoġġ lill-Gvern Iranjan, il-kriterju ta’ inklużjoni previst fl-Artikolu 20(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2010/413 kif ukoll fl-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012 ikun issodisfatt u dan, indipendentement mill-preżenza u min-numru ta’ kumpanniji intermedjarji bejn din il-kumpannija parent u l-entità miżmuma, sa fejn kull waħda minn dawn l-entitajiet b’hekk preżenti fil-katina taż-żamma tkun miżmuma integralment mill-kumpannija parent diretta u rispettiva tagħha. Fil-fatt, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-entità parent iżżomm kontroll uniku u esklużiv fuq is-sussidjarji kollha tagħha u hija għalhekk f’pożizzjoni, permezz ta’ kumpanniji intermedjarji, li teżerċita pressjoni fuq l-entità li hija żżomm indirettament sabiex tevita l-effett tal-miżuri li jirrigwardawha, li jiġġustifika b’hekk l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-konfront ta’ din l-entità miżuma indirettament.

70      F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi konkluż li l-inklużjoni fil-listi tal-isem ta’ PPI, li l-kapital azzjonarju tagħha kien miżmum 100 % minn PPL, li l-kapital azzjonarju tagħha kien miżmum integralment minn NICO, li l-kapital azzjonarju tagħha kien miżmum 100 % minn NIOC, kienet iġġustifikata fid-dawl tal-kriterju li jirrigwarda l-entitajiet miżmuma jew ikkontrollati minn entità li tipprovdi appoġġ lill-Gvern Iranjan.

71      Fit-tieni lok, fir-rigward ta’ POSCO, hemm lok li jitfakkar li kważi l-kapital kollu, jiġifieri 97 %, tal-kapital azzjonarju ta’ din l-entità kien miżmum minn PPI.

72      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni jirriżulta li kumpannija parent hija f’pożizzjoni li teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha meta hija jkollha l-kapital kollu jew anki kważi kollu ta’ din is-sussidjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2009, Arkema vs Il-Kummissjoni, T‑168/05, EU:T:2009:367, punt 71).

73      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, meta t-totalità jew kważi totalità tal-kapital azzjonarju ta’ entità ikun miżmum minn entità li tipprovdi appoġġ lill-Gvern Iranjan, il-kriterju ta’ inklużjoni previst fl-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni 2010/413 u fl-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012 ikun issodisfatt.

74      F’dan il-każ, minħabba l-preżenza ta’ tliet kumpanniji intermedjarji bejn NIOC u POSCO u l-fatt li PPI ma hijiex il-proprjetarja esklużiva ta’ POSCO, il-Kunsill ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni billi adotta miżuri restrittivi fil-konfront ta’ din tal-aħħar.

75      Fil-fatt, kif indikat fil-punti 68 u 69 iktar ʼil fuq, in-numru ta’ kumpanniji intermedjarji ma għandux effett fuq il-kapaċità ta’ kumpannija parent li tinfluwenza b’mod rilevanti l-aġir tas-sussidjarja tagħha meta l-kapital azzjonarju ta’ din tal-aħħar kif ukoll dak ta’ kull waħda mill-kumpanniji interposti jkun miżmum integralment mill-imsemmija kumpannija parent. L-istess konklużjoni hija applikabbli meta ż-żamma tal-kapital tas-sussidjarja u tal-imsemmija kumpanniji tkun kawżi totali, bħal f’dan il-każ fejn, permezz ta’ PPI, NIOC kienet iżżomm 97 % tal-kapital azzjonarju ta’ POSCO. Fil-fatt, jista’ raġonevolment jiġi kkunsidrat li, minħabba l-eżistenza ta’ rabtiet ta’ żamma esklużivi jew kważi esklużivi bejn NIOC u PPI, din tal-aħħar tibqa’ suġġetta għal kontroll esklużiv u uniku ta’ din il-kumpannija parent.

76      Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi konkluż li l-Kunsill ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li POSCO kienet miżmuma minn NIOC u li jiġi miċħud it-tieni motiv bħala infondat fir-rigward ta’ din ir-rikorrenti.

77      Fit-tielet lok, fir-rigward ta’ POMC u ta’ PRE, il-Kunsill isostni li, skont il-ġurisprudenza marbuta mad-dritt tal-kompetizzjoni, il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha japplika wkoll meta żewġ kumpanniji jkunu f’sitwazzjoni analoga għal dik li fiha kumpannija żżomm il-kapital azzjonarju kollu tas-sussidjarja tagħha. F’dan il-każ, peress li l-kapital azzjonarju ta’ POMC huwa miżmum konġuntement minn PPI u minn Global O & M Company, sal-perċentwal ta’ 48 % u 47 % rispettivament, u li PRE hija impriża komuni li l-kapital azzjonarju tagħha kien miżmum minn PPI u minn Telford International sal-perċentwal ta’ 49 % u ta’ 47 % rispettivament, il-Kunsill ikkunsidra li l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 64 hija rilevanti u li POMC u PRE għandhom għaldaqstant jiġu kkunsidrati bħala kkontrollati indirettament minn NIOC permezz, b’mod partikolari, ta’ PPI.

78      Barra minn hekk, waqt is-seduta, il-Kunsill sostna li, peress li PPI kienet iżżomm perċentwal fil-kapital azzjonarju ta’ POMC ogħla minn dak miżmum minn Global O & M Company u perċentwal fil-kapital azzjonarju ta’ PRE ogħla minn dak miżmum minn Telford International, seta’ jiġi preżunt li din l-entità kellha l-aħħar kelma u setgħet timponi d-deċiżjonijiet tagħha fuq POMC u fuq PRE.

79      Il-Qorti Ġenerali madankollu tikkunsidra li, f’dan il-każ, fir-rigward ta’ POMC u ta’ PRE, il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fuqhom mill-kumpannija parent tagħhom ma tistax tapplika.

80      Fil-fatt, qabel xejn, fir-rigward tal-argument marbut maż-żamma konġunta tal-kapitali azzjonarji ta’ POMC u ta’ PRE, jeħtieġ li jiġi nnutat li, b’mod kuntrarju għal PPI, Global O & M Company u Telford International ma ġewx suġġetti għal miżuri restrittivi. Issa, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex fl-interess ta’ dawn l-aħħar żewġ kumpanniji li jgħinu lil PPI teżerċita pressjoni fuq is-sussidjarja komuni tagħhom sabiex jiġi evitat l-effett tal-miżuri restrittivi li jikkonċernaw biss lil din tal-aħħar. Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkunsidrat li s-sitwazzjoni hija analoga għal dik li fiha entità waħda tkun iżżomm il-kapital azzjonarju kollu tas-sussidjarja tagħha peress li, f’dan il-każ, l-eżistenza ta’ kontroll konġunt jista’ jipprekludi lil PPI u, konsegwentement lil NIOC, milli teżerċita pressjoni fuq POMC u PRE sabiex tevita l-effett tal-miżuri restrittivi li jikkonċernawha.

81      Sussegwentement, hemm lok li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, iż-żamma ta’ 60% tal-kapital azzjonarju ta’ entità ma timplikax, waħidha, li l-kriterju ta’ inklużjoni previst fl-Artikolu 20(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2010/413 u fl-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012 huwa ssodisfatt [sentenza tas-6 ta’ Settembru 2013, Persia International Bank vs Il-Kunsill, T‑493/10, Ġabra (Estratti), EU:T:2013:398, punt 106]. A fortiori, f’dan il-każ, iż-żamma fil-perċentwali ta’ 48 % u ta’ 49 % rispettivament tal-kapital azzjonarju ta’ POMC u ta’ PRE ma hijiex suffiċjenti sabiex waħidha tippermetti, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 64 iktar ʼil fuq, li tiġi ġġustifikata l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi li jikkonċernaw lil dawn l-entitajiet.

82      Fl-assenza taż-żamma minn PPI tat-totalità jew tal-kawżi totalità tal-kapital azzjonarju ta’ POMC u ta’ PRE, jeħtieġ għaldaqstant li jiġi eżaminat jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, jeżistix riskju kunsiderevoli li dawn l-aħħar imsemmija żewġ kumpanniji jaslu sabiex jevitaw l-effett tal-miżuri restrittivi li jikkonċernaw lil NIOC.

83      Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill ma jipproduċi l-ebda prova li tippermetti lill-Qorti Ġenerali tikkunsidra li PPI kienet f’pożizzjoni li teżerċita kontroll fuq POMC jew fuq PRE. Fil-fatt, minkejja li l-parti miżmuma minn PPI fil-kapital azzjonarju ta’ dawn tal-aħħar hija ftit ogħla minn dik miżmuma mill-azzjonisti prinċipali l-oħra ta’ dawn l-entitajiet, din tal-aħħar tibqa’ parti f’minoranza. Għaldaqstant ma jistax jiġi preżunt li PPI kellha s-setgħa li tinnomina iktar min-nofs tal-membri tal-bord tad-diretturi ta’ POMC u nofs il-membri tal-bord tad-diretturi ta’ PRE li fiha, b’xi mod ieħor, l-aħħar kelma fi ħdan il-bordijiet ta’ diretturi ta’ dawn l-entitajiet.

84      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li l-Kunsill wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li POMC u PRE kienu miżmuma jew ikkontrollati minn NIOC.

85      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, jeħtieġ li jinċaħad it-tieni motiv bħala infondat fir-rigward ta’ PPI u ta’ POSCO u li dan jintlaqa’ fir-rigward ta’ POMC u ta’ PRE. Konsegwentement, hemm lok li jiġu annullati l-atti kkontestati sa fejn dawn jikkonċernaw lil dawn iż-żewġ rikorrenti.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà, tad-dritt li tiġi eżerċitata attività kummerċjali, tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-ambjent kif ukoll tal-valuri umanitarji tal-Unjoni u, fi kwalunkwe każ, tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ prekawzjoni

86      Ir-rikorrenti jsostnu li l-atti kkontestati jikkostitwixxu ksur tal-libertajiet u d-drittijiet fundamentali.

87      Qabel xejn, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-atti kkontestati jiksru d-dritt tagħhom għall-proprjetà u d-dritt tagħhom li jeżerċitaw attività kummerċjali u huma sproporzjonati inkwantu l-għan segwit.

88      Sussegwentement, ir-rikorrenti jsostnu li l-atti kkontestati jistgħu jikkawżaw danni kunsiderevoli lill-ambjent kif ukoll lis-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema u ta-ċittadini Iranjani, inklużi t-tfal. Fil-fatt, huma jikkonfermaw li, minħabba s-sanzjonijiet, huma mhux ser ikunu f’pożizzjoni li jikkompletaw il-fażi 19 tal-proġett ta’ esplojtazzjoni ta’ South Pars li t-twettiq tiegħu huwa essenzjali sabiex jiġi evitat nuqqas ta’ gass fl-Iran matul ix-xitwa. Barra minn hekk, fir-replika, huma jispeċifikaw li l-biċċa l-kbira tal-materjal u tas-servizzi tekniċi użati joriġinaw minn pajjiżi membri tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-impossibbiltà li jinkiseb materjal iġġiegħel lir-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex tirrikorri għal kombustibbli oħra ta’ tisħin iktar dannużi għall-ambjent u li jżidu r-riskji għas-saħħa u għas-sigurtà tal-persuni ħajjin u li jaħdmu madwar proġetti ta’ esplojtazzjoni.

89      Fid-dawl ta’ dawn ir-riskji, ir-rikorrenti jqisu li l-Kunsill kiser il-prinċipju ta’ prekawzjoni. Dan tal-aħħar kellu fil-fatt jieħu inkunsiderazzjoni l-effetti tal-iffriżar tal-assi tagħhom qabel ma jadotta l-atti kkontestati.

90      Fl-aħħar, ir-rikorrenti jsostnu li l-miżuri adottati mill-Kunsill huma sproporzjonati inkwantu l-oġġettiv iddikjarat tagħhom.

91      Il-Qorti Ġenerali tqis li hemm lok li jinċaħdu l-argumenti kollha mressqa mir-rikorrenti.

92      Fl-ewwel lok, fir-rigward tad-dritt tal-proprjetà u tad-dritt tar-rikorrenti li jeżerċitaw attività kummerċjali, jeħtieġ li jiġi osservat, qabel xejn, li l-imsemmija drittijiet jiffurmaw parti mid-drittijiet fundamentali sanċiti rispettivament fl-Artikolu 17 u fl-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li l-qorti tal-Unjoni għandha tiżgura r-rispett lejhom. Madankollu, hemm lok li jitfakkar li d-drittijiet fundamentali ma humiex prerogattivi assoluti u li l-eżerċizzju tagħhom jista’ jkun is-suġġett ta’ restrizzjonijiet iġġustifikati mill-għanijiet ta’ interess ġenerali mħaddna mill-Unjoni (sentenza tas-16 ta’ Novembru 2011, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, C‑548/09 P, Ġabra, EU:C:2011:735, punt 113).

93      Sussegwentement, skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-atti tal-Unjoni ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa meħtieġ u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, peress li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u li l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti (sentenza tat-18 ta’ Novembru 1987, Maizena et, 137/85, Ġabra, EU:C:1987:493, punt 15).

94      F’dan il-każ, id-dritt tar-rikorrenti li jeżerċitaw attività ekonomika kif ukoll id-dritt tagħhom għall-proprjetà huma ristretti b’mod kunsiderevoli, mill-fatt tal-adozzjoni tal-atti kkontestati, peress li ma għandhomx id-disponibbiltà tal-fondi tagħhom li jinsabu fit-territorju tal-Unjoni, ħlief permezz ta’ awtorizzazzjonijiet partikolari, u peress li l-ebda minn dawn il-fondi jew riżorsi ekonomiċi ma jistgħu jitpoġġew għad-dispożizzjoni tagħhom, direttament jew indirettament skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 267/2012. Madankollu, fid-dawl tal-importanza bażilari taż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali, il-Kunsill seta’ jikkunsidra, ġustament, li l-ksur tad-drittijiet suesposti li jirriżulta mill-inklużjoni fil-listi tal-entitajiet miżmuma minn entità li tipprovdi appoġġ lill-Gvern Iranjan kienu adegwati u neċessarji sabiex issir pressjoni fuq l-imsemmi Gvern sabiex jiġu kostrett iwaqqaf l-attivitajiet tiegħu ta’ proliferazzjoni nukleari (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Melli Bank vs Il-Kunsill, punt 62 iktar ʼil fuq, EU:C:2012:137, punt 61).

95      Għaldaqstant, tali ksur ma jistax jiġi kkunsidrat, fid-dawl tal-għanijiet segwiti, bħala intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza tad-dritt għall-proprjetà u tad-dritt li tiġi eżerċitata attività kummerċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 92 iktar ʼil fuq, EU:C:2011:735, punti 114 u 115).

96      Barra minn hekk, b’mod kuntrarju għal dak li jikkonfermaw ir-rikorrenti, l-iffriżar tal-fondi tagħhom ma jistax jiġi kklassifikat bħala sporporzjonat minħabba allegat ksur tad-dritt tagħhom li jippreżentaw l-argumenti tagħhom quddiem il-Kunsill. Fil-fatt, kif ser jiġi konkluż fil-kuntest tal-ħames motiv (ara l-punti 123 et seq iktar ʼil fuq), ir-rikorrenti kellhom l-okkażjoni li jsostnu l-opinjoni tagħhom.

97      Għaldaqstant, jeħtieġ li jinċaħdu bħala infondati, l-argumenti bbażati fuq il-ksur tad-dritt għall-proprjetà u tad-dritt li tiġi eżerċitata attività kummerċjali u fuq in-natura sproporzjonata tal-miżuri inkwistjoni.

98      Fit-tieni lok, fir-rigward tar-riskji ta’ danni għall-ambjent kif ukoll għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema u ċ-ċittadini Iranjani, qabel xejn, jeħtieġ li jiġi nnutat li l-impossibbiltà li jinkiseb materjal u servizzi tekniċi bażiċi minn impriżi stabbiliti fi ħdan l-Unjoni, vantata bħala l-kawża ta’ dawn ir-riskji, bl-ebda mod ma tirriżulta mill-miżuri restrittivi li jikkonċernaw lir-rikorrenti.

99      Fil-fatt, mill-argument tar-rikorrenti, kif ukoll mid-dokumenti annessi mar-replika li ġew riprodotti insostenn ta’ dan l-argument, jirriżulta li r-riskji ta’ nuqqas ta’ gass jew dawk marbuta mal-użu ta’ kombustibbli oħra ta’ tisħin ma humiex il-konsegwenza ta’ diffikultajiet finanzjarji possibbli li jolqtu lir-rikorrenti wara l-iffriżar tal-fondi tagħhom u li jipprekluduhom milli jakkwistaw il-materjal neċessarju sabiex jeżegwixxu l-attivitajiet tagħhom, iżda jirriżultaw minn restrizzjonijiet imposti mill-Unjoni fir-rigward tal-provvista lil entitajiet Iranjani ta’ beni jew ta’ teknoloġiji essenzjali kif ukoll ta’ servizzi tekniċi inkonnessjoni ma’ dawn il-beni maħsuba għall-industrija tal-gass fl-Iran.

100    Issa, kif jirrileva l-Kunsill, dawn ir-restrizzjonijiet, previsti b’mod partikolari fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2010/412 kif ukoll fl-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament Nru 267/2012, jirrigwardaw kull entità Iranjana u jistgħu b’hekk jaffettwaw lir-rikorrenti, indipendentement mill-inklużjoni ta’ isimhom fil-lista. Barra minn hekk, il-legalità tal-imsemmija dispożizzjonijiet ma tistax tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ dan ir-rikors peress li dawn tal-aħħar ma jikkostitwixxux il-bażi legali tal-atti kkontestati.

101    Għaldaqstant hemm lok li jiġi konkluż li l-allegazzjoni li l-atti kkontestati joħolqu riskju għall-ambjent kif ukoll għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema u taċ-ċittadini Iranjani ma hijiex fondata.

102    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, jeħtieġ li jitfakkar li dan il-prinċipju jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jobbliga lill-awtoritajiet ikkonċernati li jadottaw, fil-kuntest preċiż tal-eżerċizzju tal-kompetenzi lilhom attribwiti mil-leġiżlazzjoni rilevanti, miżuri adegwati bil-għan li jiġu evitati ċerti riskji potenzjali għas-saħħa pubblika, is-sigurtà u l-ambjent, billi jagħtu preċedenza lir-rekwiżiti marbuta mal-protezzjoni ta’ dawn l-interessi fuq l-interessi ekonomiċi (ara s-sentenzi tas-26 ta’ Novembru 2002, Artegodan et vs Il-Kummissjoni, T‑74/00, T‑76/00, T‑83/00 sa T‑85/00, T‑132/00, T‑137/00 u T‑141/00, Ġabra, EU:T:2002:283, punti 183 u 184, u tal-21 ta’ Ottubru 2003, Solvay Pharmaceuticals vs Il-Kunsill, T‑392/02, Ġabra, EU:T:2003:277, punt 121 u l-ġurisprudenza ċċitata).

103    Issa, f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 98 sa 101 iktar ʼil fuq, ir-rikorrenti ma stabbilixxewx l-eżistenza ta’ riskji possibbli għas-saħħa, is-sigurtà jew l-ambjent li setgħu jirriżultaw mill-iffriżar tal-fondi. Għaldaqstant, ma jistax jiġi allegat li l-Kunsill ma pprevediex l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni waqt l-adozzjoni tal-atti kkontestati.

104    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, hemm lok li r-raba’ motiv jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ notifika fir-rigward ta’ tnejn mir-rikorrenti u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

105    Ir-rikorrenti jqisu li l-Kunsill wettaq diversi istanzi ta’ ksur tad-drittijiet proċedurali, tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fir-rigward tagħhom.

106    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kunsill ma nnotifikax l-atti kkontestati individwalment lil POMC u lil PRE.

107    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kunsill ma mmotivax id-deċiżjoni tiegħu li jimponi miżuri restrittivi li jirrigwardawhom u għaldaqstant ma informahomx bil-bażi għall-inklużjoni ta’ isimhom fil-listi. Fir-risposta, huma jispeċifikaw li l-motiv li huma miżmuma jew ikkontrollati minn NIOC ma jikkorrispondix mal-motivazzjoni ddikjarata fl-atti kkontestati.

108    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jikkonfermaw li l-Kunsill ma pprovdilhomx, minkejja t-talba tagħhom, l-informazzjoni u l-provi li fuqhom huwa bbaża ruħu waqt l-adozzjoni tal-atti kkontestati. Huma jikkunsidraw li huma ma setgħux jippreżentaw l-argumenti tagħhom u li jikkontestaw b’mod sodisfaċenti l-inklużjoni ta’ isimhom fil-listi.

109    Preliminarjament, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti talbu lill-Qorti Ġenerali li teżamina l-argumenti tal-proċedura mqajma fil-kuntest tal-ħames motiv unikament sa fejn ġiet mitluba ċ-ċaħda tal-ewwel erba’ motivi. Peress li, fir-rigward ta’ POMC u ta’ PRE, inltaqa’ t-tieni motiv, jeħtieġ għaldaqstant li jiġi eżaminat il-ħames motiv unikament sa fejn dan jikkonċerna lil PPI u lil POSCO (iktar ʼil quddiem l-“ewwel żewġ rikorrenti”). Għaldaqstant, l-argument marbut mal-assenza ta’ notifika tal-atti kkontestati lil POMC u lil PRE ma huwiex ser jiġi eżaminat fil-kuntest ta’ dan il-ħames motiv.

110    Prinċipalment, qabel xejn, fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni, jirriżulta b’mod ċar mill-eżami tal-ewwel motiv (ara l-punti 27 sa 48 iktar ʼil fuq) li l-motivazzjoni tal-atti kkontestati hija suffiċjenti sa fejn din ippermettiet lill-ewwel żewġ rikorrenti mhux biss li jidentifikaw il-bażi legali ta’ dawn l-atti, iżda wkoll ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti li abbażi tagħhom il-Kunsill kkunsidra li dawn kellhom jiġu ssuġġettati għal miżuri restrittivi, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 35 iktar ʼil fuq.

111    Sussegwentement, fir-rigward tad-drittijiet tad-difiża, jeħtieġ li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rispett ta’ dawn id-drittijiet, u b’mod partikolari tad-dritt għal smigħ, f’kull proċedura miftuħa fil-konfront ta’ entità li tista’ twassal għal att li jikkawżalha preġudizzju, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni u għandu jiġi żgurat, anki fl-assenza ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni fir-rigward tal-proċedura inkwistjoni (sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 35 iktar ʼil fuq, EU:T:2009:401, punt 91).

112    Il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi, minn naħa, li l-elementi miżmuma kontra l-entità kkonċernata sabiex isostnu l-att li jikkawżalha preġudizzju għandhom jiġu kkomunikati lilha. Min-naħa l-oħra, hija għandha titpoġġa f’pożizzjoni fejn tkun tista’ ssostni b’mod utli l-opinjoni tagħha dwar dawn l-elementi (ara, b’analoġija, is-sentenza OMPI I, punt 33 iktar ʼil fuq, EU:T:2006:384, punt 93).

113    Għaldaqstant, fil-każ ta’ att inizjali li permezz tiegħu l-fondi ta’ entità jiġu ffriżati, sakemm ma tkunx prekluża minn kunsiderazzjonijiet imperattivi li jikkonċernaw is-sigurtà tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha jew it-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom, il-komunikazzjoni tal-provi mressqa kontra l-entità kkonċernata għandha ssir jew simultanjament mal-adozzjoni tal-att ikkontestat, jew fl-iqsar żmien possibbli wara l-imsemmija adozzjoni. Fuq talba tal-entità kkonċernata, din tal-aħħar għandha wkoll id-dritt li ssostni l-opinjoni tagħha dwar dawn l-elementi labarba l-att jiġi adottat (ara, b’analoġija, is-sentenza OMPI I, punt 33 iktar ʼil fuq, EU:T:2006:384, punt 137).

114    Barra minn hekk, għandu jingħad li, meta tiġi kkomunikata informazzjoni biżżejjed preċiża, li permezz tagħha l-entità kkonċernata tkun tista’ tesprimi b’mod utli l-opinjoni tagħha dwar il-provi kkunsidrati kontriha mill-Kunsill, il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża ma jimplikax li din l-istituzzjoni għandha l-obbligu li tagħti, b’mod spontanju, aċċess għad-dokumenti li jinsabu fil-fajl tagħha. Huwa biss meta ssir talba mill-parti kkonċernata li l-Kunsill huwa obbligat jagħti aċċess għad-dokumenti amministrattivi mhux kunfidenzjali kollha li jkunu jikkonċernaw il-miżura inkwistjoni (ara s-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 35 iktar ʼil fuq, EU:T:2009:401, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata).

115    Fl-aħħar, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jimplika li l-awtorità tal-Unjoni inkwistjoni hija obbligata tikkomunika r-raġunijiet ta’ miżura restrittiva lill-entità kkonċernata, sa fejn ikun possibbli, jew fil-mument meta l-imsemmija miżura tkun adottata, jew, tal-inqas, malajr kemm jista’ jkun wara li tkun ġiet adottata, u dan sabiex l-entità kkonċernata tkun tista’ teżerċita, fit-termini, id-dritt tagħha għal rimedju. L-osservanza ta’ dan l-obbligu li jiġu kkomunikati l-imsemmija raġunijiet hija fil-fatt meħtieġa, kemm sabiex id-destinatarji tal-miżuri restrittivi jkunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u jkunu jistgħu jiddeċiedu b’għarfien sħiħ tal-kwistjoni jekk ikunx utli għalihom li jirrikorru għall-qorti tal-Unjoni, u kemm sabiex din tal-aħħar tkun tista’ teżerċita b’mod sħiħ l-istħarriġ tal-legalità tal-att inkwistjoni li jinkombi fuqha (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra, EU:C:2008:461, punti 335 sa 337 u l-ġurisprudenza ċċitata).

116    F’dan il-każ, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-komunikazzjoni inizjali tal-elementi akkużatorji, hemm lok li jitfakkar, minn naħa, li l-atti kkontestati ġew ikkomunikati lill-ewwel żewġ rikorrenti permezz tal-ittri tal-10 ta’ Ġunju 2013 u, min-naħa l-oħra, li jirriżulta mill-eżami tal-ewwel motiv kif ukoll mill-punt 110 iktar ʼil fuq, marbuta mal-obbligu ta’ motivazzjoni, li l-atti kkontestati huma mmotivati suffiċjentement sa fejn ippermettew lill-ewwel żewġ rikorrenti li jifhmu r-raġunijiet li abbażi tagħhom huma ġew inklużi fil-listi.

117    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill ma kisirx id-drittijiet tad-difiża tal-ewwel żewġ rikorrenti f’dak li jikkonċerna l-komunikazzjoni inizjali tal-elementi akkużatorji.

118    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-aċċess għad-dokumenti, mingħajr in-neċessità li tingħata deċiżjoni fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill ma kkomunikax lill-ewwel żewġ rikorrenti d-dokumenti li jinsabu fil-fajl tiegħu b’mod tempestiv, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-Kunsill ma kisirx id-drittijiet tad-difiża ta’ dawn ir-rikorrenti.

119    Fil-fatt, jeħtieġ li jitfakkar li l-komunikazzjoni tardiva ta’ dokument li l-Kunsill ibbaża ruħu fuqu sabiex jadotta jew iżomm fis-seħħ il-miżuri restrittivi li jikkonċernaw entità ma tikkostitwixxix ksur tad-drittijiet tad-difiża li jiġġustifikaw l-annullament tal-atti kkonċernati sakemm ma jiġix stabbilit li l-miżuri restrittivi inkwistjoni ma setgħux jiġu adottati jew miżmuma fis-seħħ b’mod legali jekk id-dokument ikkomunikat tardivament kellu jiġi skartat bħala prova akkużatorja (sentenza Persia International Bank vs Il-Kunsill, punt 81 iktar ʼil fuq, EU:T:2013:398, punt 85).

120    Konsegwentement, f’dan il-każ, anki jekk jiġi preżunt li l-Kunsill ikkomunika b’mod tardiv l-atti li jinsabu fil-fajl tar-rikorrenti, din iċ-ċirkustanza tista’ tiġġustifika l-annullament tal-atti kkontestati biss jekk jiġi barra minn hekk stabbiliti li l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fil-konfront tal-ewwel żewġ rikorrenti ma setgħetx tiġi ġġustifikata mill-elementi kkomunikati lil dawn tal-aħħar b’mod tempestiv, jiġifieri l-motivi li jinsabu fl-atti kkontestati.

121    Issa, minn naħa, hemm lok li jiġi kkonstatat li d-dokumenti kkomunikati waqt il-preżentata tar-risposta ma jinkludu l-ebda informazzjoni ġdida utli għad-difiża tal-ewwel żewġ rikorrenti, peress li l-kontenut tagħhom ma jirrileva l-ebda element ġdid li jikkonċernahom. Min-naħa l-oħra, mill-eżami tat-tieni motiv jirriżulta li l-motivi li jinsabu fl-atti kkontestati, kif ikkomunikati lill-ewwel żewġ rikorrenti, kienu suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi li jikkonċernawhom.

122    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi konkluż li l-Kunsill ma kisirx id-drittijiet tad-difiża tal-ewwel żewġ rikorrenti fir-rigward tal-aċċess għad-dokumenti.

123    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-possibbiltà tal-ewwel żewġ rikorrenti li jsostnu b’mod utli l-opinjoni tagħhom, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, wara l-adozzjoni tal-atti kkontestati, ir-rikorrenti bagħtu lill-Kunsill, fid-9 ta’ Awwissu 2013, ittra li fiha huma esponew l-opinjoni tagħhom u talbu li jiġu kkomunikati lilhom ir-raġunijiet għall-inklużjoni tagħhom kif ukoll il-provi li jinsabu fil-fajl tagħhom.

124    Għaldaqstant, l-ewwel żewġ rikorrenti kellhom l-okkażjoni li jsostnu b’mod utli l-opinjoni tagħhom b’tali mod li ma jistax jiġi allegat li l-Kunsill kiser id-drittijiet tagħhom tad-difiża f’dan ir-rigward.

125    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-ewwel żewġ rikorrenti setgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u li hija f’pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ tal-legalità tal-atti kkontestati. Għaldaqstant huwa b’mod żbaljat li l-ewwel żewġ rikorrenti jallegaw li l-Kunsill kiser id-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

126    Konsegwentement, hemm lok li l-ħames motiv jinċaħad bħala infondat fir-rigward tal-ewwel żewġ rikorrenti.

127    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal preċedentement, jeħtieġ għalhekk li jinċaħad ir-rikors sa fejn dan jikkonċerna lil PPI u POSCO u li jintlaqa’ fir-rigward ta’ POMC u ta’ PRE.

 Fuq l-effetti ratione temporis tal-annullament tal-atti kkontestati sa fejn dawn jikkonċernaw lil POMC u lil PRE

128    Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 264(2) TFUE, il-Qorti Ġenerali tista’, jekk tqis li jkun meħtieġ, tindika dawk l-effetti tal-att annullat li għandhom jitqiesu bħala definittivi. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li din id-dispożizzjoni tippermetti lill-qorti tal-Unjoni tiddeċiedi d-data li fihom jidħlu fis-seħħ is-sentenzi tagħha ta’ annullament (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Nabipour et vs Il-Kunsill, T‑58/12, EU:T:2013:640, punti 250 u 251).

129    F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, għall-motivi spjegati iktar ’il fuq, li huwa neċessarju li jinżammu l-effetti tal-atti kkontestati fiż-żmien sad-data ta’ skadenza tat-terminu tal-appell previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew, jekk ġie introdott appell f’dan it-terminu, saċ-ċaħda tal-appell.

130    Fil-fatt, jeħtieġ li jitfakkar li l-programm nukleari implementat mir-Repubblika Iżlamika tal-Iran huwa sors ta’ tħassib imqanqal kemm fil-livell internazzjonali kif ukoll fil-livell Ewropew. Huwa f’dan il-kuntest li l-Kunsill kabbar gradwalment in-numru ta’ miżuri restrittivi adottati kontra dan l-Istat, sabiex jostakola l-iżvilupp ta’ attivitajiet li jqiegħdu f’periklu l-paċi u s-sigurtà internazzjonali, fil-kuntest tal-implementazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà.

131    Għaldaqstant, l-interess ta’ POMC u ta’ PRE li jinkiseb id-dħul fis-seħħ immedjat tal-annullament tal-atti kkontestati sa fejn dawn jikkonċernawhom għandu jkun ibbilanċjat mal-għan ta’ interess ġenerali segwit mill-politika tal-Unjoni fil-qasam ta’ miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran. Il-modulazzjoni tal-effetti ratione temporis tal-annullament ta’ miżura restrittiva tista’ b’hekk tkun iġġustifikata mill-ħtieġa li tiġi żgurata l-effettività tal-miżuri restrittivi u, b’mod definittiv, minn kunsiderazzjonijiet imperattivi li jolqtu s-sigurtà jew it-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha (ara, b’analoġija, l-assenza ta’ obbligu ta’ komunikazzjoni minn qabel lill-parti kkonċernata tal-motivi ta’ inklużjoni inizjali ta’ isimha fil-listi, sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, France vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, Ġabra, EU:C:2011:853, punt 67).

132    Issa, l-annullament b’effett immedjat tal-atti kkontestati sa fejn dawn jikkonċernaw lil POMC u PRE jippermetti lil dawn tal-aħħar jittrasferixxu l-assi kollha tagħhom jew parti minnhom barra mill-Unjoni, mingħajr mal-Kunsill ikun jista’, fejn xieraq, japplika fi żmien xieraq l-Artikolu 266 TFUE sabiex jiġu korretti l-irregolaritajiet ikkonstatati f’din is-sentenza, b’tali mod li jkun hemm ir-riskju li jsir preġudizzju serju u irreversibbli għall-effettività ta’ kull iffriżar ta’ assi li jista’, fil-ġejjieni, jiġi deċiż mill-Kunsill fir-rigward ta’ dawn l-entitajiet.

133    Fil-fatt, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 266 TFUE f’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-annullament permezz ta’ din is-sentenza tal-inklużjoni tal-isem ta’ POMC u ta’ PRE fil-listi jirriżulta mill-fatt li l-motivi għal din l-inklużjoni ma humiex sostnuti bi provi suffiċjenti (ara l-punti 77 sa 84 iktar ʼil fuq). Minkejja li huwa l-Kunsill li għandu jiddeċiedi dwar il-miżuri ta’ eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza, inklużjoni ġdida tal-imsemmija ismijiet fil-listi ma tistax tiġi eskluża awtomatikament. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ dan l-eżami ġdid, il-Kunsill għandu l-possibbiltà li jinkludi mill-ġdid dawn l-ismijiet abbażi ta’ motivi sostnuti b’mod suffiċjenti fid-dritt.

134    Għaldaqstant l-effetti tal-atti kkontestati għandhom jinżammu fir-rigward ta’ POMC u ta’ PRE, sad-data tal-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ appell jew, jekk jiġi ppreżentat appell f’dan it-terminu, sakemm dan l-appell jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

135    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

136    Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, għandu jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-segwenti atti huma annullati sa fejn dawn jikkonċernaw lil Petropars Aria Kish Operation and Management Co. u lil Petropars Resources Engineering Kish Co.:

–        id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/270/PESK, tas-6 ta’ Ġunju 2013, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran;

–        ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 522/2013, tas-6 ta’ Ġunju 2013, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran.

2)      L-effetti tad-Deċiżjoni 2013/270 u tar-Regolament Nru 522/2013 għandhom jinżammu fir-rigward ta’ Petropars Aria Kish Operation and Management Co. u ta’ Petropars Resources Engineering Kish Co. sad-data tal-iskadenza tat-terminu tal-appell imsemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew, jekk jiġi ppreżentat appell f’dan it-terminu, sakemm dan l-appell jiġi miċħud.

3)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Jaeger

Van der Woude

Buttigieg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-5 ta’ Mejju 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.