Language of document : ECLI:EU:T:2015:122

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

27 ta’ Frar 2015

Kawża T‑430/13 P

Il-Kumitat Ekonomiku u Socjali Ewropew (KESE)

vs

Mohammed Achab

“Appell - Servizz pubbliku – Uffiċjali – Remunerazzjoni – Allowance tal-espatrijazzjoni – Naturalizzazzjoni – Artikolu 4(1)(a) u (b) tal-Anness VII Regolamenti tal-Persunal – Irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament – L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 85(2) tar-Regolamenti tal-Persunal”

Suġġett:      Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tielet Awla) tas-26 ta’ Ġunju 2013, Achab vs KESE (F‑21/12, ĠabraSP, EU:F:2013:95), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:      L-appell huwa miċħud. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess kif ukoll dawk sostnuti minn Mohammed Achab fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament – Kundizzjonijiet – Irregolarità evidenti tal-ħlas – Kriterji

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 85)

2.      Uffiċjali – Remunerazzjoni – Allowance ta’ espatrijazzjoni – Avveniment li jiġġustifika eżami mill-ġdid mill-amministrazzjoni tas-sitwazzjoni tal-benefiċjarju – Portata – Bidla taċ-ċittadinanza

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VII, Artikolu 4(1)(a)(b))

3.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Prinċipju tal-projbizzjoni tal-arrikkiment indebitu tal-Unjoni – Kunċett

4.      Appell – Aggravji – Aggravju indirizzat kontra d-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku dwar l-ispejjeż – Inammissibbiltà fil-każ ta’ ċaħda tal-motivi l-oħra kollha

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11(2))

1.      Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, kull somma indebitament imħallsa għandha tiġi rkuprata fil-każ ta’ irregolarità li ma taħrabx minn uffiċjal diliġenti. F’dan ir-rigward għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, f’kull każ, tal-kapaċità tal-uffiċjal ikkonċernat li jkun inkarigat li jagħmel il-verifiki neċessarji.

Barra minn hekk, l-espressjoni, “[tant] evidenti” li tidher fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal ma tfissirx li l-uffiċjal li jibbenefika mill-pagamenti indebiti huwa eżentat mill-isforz ta’ riflessjoni jew kontroll. Bil-maqlub, l-irkupru huwa dovut fir-rigward ta’ żball li ma setax jaħrab lil uffiċjal li huwa normalment diliġenti u li huwa mistenni li jkun jaf ir-regoli li jirregolaw is-salarju tiegħu.

Fl-aħħar nett, l-elementi li jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-qorti tal-Unjoni, f’dan ir-rigward, jirrigwardaw il-livell ta’ responsabbiltà tal-uffiċjal, il-grad tiegħu u l-anzjanità tiegħu, il-grad ta’ ċarezza tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet tal-għoti ta’ allowance kif ukoll l-importanza tat-tibdil li seħħ fis-sitwazzjoni personali jew familjari tagħha, meta l-ħlas tas-somma kkontestata hija marbuta mal-evalwazzjoni, mill-amministrazzjoni, ta’ din is-sitwazzjoni. Għalhekk, uffiċjal bi grad relattivament għoli u li għandu anzjanità kbira fis-servizz pubbliku tal-Unjoni għandu jkun kapaċi li jintebaħ b’irregolarità li jkun qed jibbenefika minnha.

Il-kundizzjoni dwar in-natura evidenti tal-irregolarità tal-ħlas, li tagħha l-persuna kkonċernata ma setgħetx ma tkunx taf dwarha, ma tistax tiġi eżaminata mill-perspettiva tal-preeminenza tal-kriterju tal-anzjanità fir-rigward ta’ kriterji oħra bħalma huma grad jew il-funzjonijiet okkupati, iżda fid-dawl ta’ serje ta’ elementi li jippermettu li jiġi ddeterminat il-grad ta’ għarfien li l-persuna kkonċernata għandu jkollha tan-natura irregolari tal-ħlas imwettaq.

(ara l-punti 29 sa 32)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: Sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1979, Broe vs Il-Kummissjoni, 252/78, Ġabra, EU:C:1979:186, punti 13 u 14; tas-17 ta’ Jannar 1989, Stempels vs Il-Kummissjoni, 310/87, Rec, EU:C:1989:9, punti 10 u 11, u digriet tal-14 juillet 2005, Gouvras vs Il-Kummissjoni, C‑420/04 P, Ġabra, EU:C:2005:482, punt 59

Il-Qorti Ġenerali: Sentenzi tat-28 ta’ Frar 1991, Kormeier vs Il-Kummissjoni, T‑124/89, Ġabra, EU:T:1991:12, punti 17 u 18; tal-24 ta’ Frar 1994, Stahlschmidt vs Il-Parlament, T‑38/93, ĠabraSP, EU:T:1994:23, punt 19; tas-27 ta’ Frar 1996, Galtieri vs Il-Parlament, T‑235/94, ĠabraSP, EU:T:1996:22, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċtitata; tal-5 ta’ Novembru 2002, Ronsse vs Il-Kummissjoni, T‑205/01, ĠabraSP, EU:T:2002:269, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċtitata, u tat-2 ta’ Marzu 2004, Di Marzio vs Il-Kummissjoni, T‑14/03, ĠabraSP, EU:T:2004:59, punt 91

2.      Għall-uffiċjali li ma humiex ċittadini tal-pajjiż ta’ assenjazzjoni tagħhom, it-telf jew ir-rifjut tal-benefiċċju ta’ allowance tal-espatrijazzjoni jseħħ biss fil-każ fejn ir-residenza abitwali tal-persuna kkonċernata fil-pajjiż tal-assenjazzjoni futur tagħha tkun issoktat matul il-perijodu kollu ta’ ħames snin ta’ referenza, min-naħa l-oħra, għall-uffiċjali li għandhom in-nazzjonalità tal-pajjiż ta’ assenjazzjoni, il-fatt li huma żammew jew stabbilixxew ir-residenza abitwali tagħhom hemmhekk, minkejja li għal żmien qasir ħafna matul il-perijodu ta’ għaxar snin ta’ referenza, huwa suffiċjenti sabiex iwassal għat-telf jew għar-rifjut tal-għoti ta’ din l-allowance.

Minkejja, li l-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal ma huwiex ambigwu, l-eżami tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata jista’ xorta jkollu bżonn l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1)(b) tal-imsemmi Anness. Dan huwa l-każ f’sitwazzjoni ta’ uffiċjal li jkollu, fil-mument tal-ingaġġ tiegħu, iċ-ċittadinanza ta’ pajjiż terz u li, minkejja r-residenza tiegħu fl-Istat ta’ assenjazzjoni fit-tlett snin preċedenti qabel l-ingaġġ tiegħu, jkun ibbenefika mill-allowance ta’ espatrijazzjoni skont l-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal u, minħabba l-kisba ta’ ċittadinanza tal-Istat ta’ assenjazzjoni tiegħu, jiġi rrifjutat, skont l-Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, l-benefiċċju tal-imsemmija allowance minħabba li, fl-għaxar snin preċedenti għall-ingaġġ tiegħu, huwa għex fl-Istat tal-assenzjazzjoni.

Għalhekk, sa fejn, kemm fir-rigward ta’ uffiċjal li huwa normalment diliġenti, il-perijodu ta’ tlett snin ta’ residenza fl-Istat ta’ assenjazzjoni matul il-perijodu ta’ ħames snin preċedenti għad-data tad-dħul tiegħu fis-servizz ma pprekludiehx milli jikseb l-allowance ta’ espatrijazzjoni, dan seta’ ġegħlu leġittimament jippreżumi li dan l-istess perijodu ma jipprekludihx milli jingħata l-istess allowance li kieku kiseb iċ-ċittadinanza tal-Istat tal-assenjazzjoni tiegħu.

(ara l-punti 53 sa 56)

3.      Skont il-prinċipji komuni għal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri, persuna li sofriet telf li jarrikkixxi l-patrimonju ta’ persuna oħra mingħajr l-eżistenza ta’ bażi ġuridika għal dan l-arrikkiment għandha, bħala regola ġenerali, dritt għal restituzzjoni, f’ammont ugwali għat-telf, mill-persuna arrikkita. Għalhekk, sabiex din l-azzjoni tintlaqa’, huwa essenzjali li l-arrikkiment ma jkollu l-ebda bażi legali valida.

(ara l-punt 60)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: Sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Masdar (UK) vs Il-Kummissjoni, C‑47/07 P, Rec, EU:C:2008:726, punti 44 u 46

4.      Mill-Artikolu 11(2) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ma jistax isir appell fuq il-kap tal-ispejjeż biss u l-ammonti tagħhom. Minn dan jirriżulta li, fil-każ fejn l-aggravji l-oħra kollha kontra deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jkunu ġew miċħuda, it-talbiet dwar l-allegata irregolarità tad-deċiżjoni tal-imsemmi Tribunal dwar liema parti għandha tbati l-ispejjeż għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

(ara l-punt 72)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: Sentenza tas-26 ta’ Mejju 2005, Tralli vs BĊE, C‑301/02 P, Rec, EU:C:2005:306, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċtitata

Il-Qorti Ġenerali: Digriet tad-29 ta’ Ottubru 2009, Nijs vs Il-Qorti tal-Awdituri, T‑375/08 P, EU:T:2009:423, punt 71