Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2017 – Laufen Austria vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-411/10 RENV) 1

(“Kompetizzjoni - Akkordji - Suq Belġjan, Ġermaniż, Franċiż, Taljan, tal-Pajjiżi l-Baxxi u Awstrijak tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju - Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE - Multi - Impożizzjoni ‘in solidum’ ta’ multa fuq kumpannija omm u fuq is-sussidjarja tagħha - Limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ- Kalkolu tal-limitu massimu skont id-dħul mill-bejgħ biss tas-sussidjarja għall-perijodu ta’ ksur qabel l-akkwist tagħha mill-kumpannija omm”)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Laufen Austria AG (Wilhelmsburg, l-Awstrija) (rappreżentant: E. Navarro Varona, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: F. Castillo de la Torre, F. Jimeno Fernández u F. Castilla Contreras, aġenti)

Suġġett

Talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża, minn naħa waħda, għall-annullament parzjali tad-Deċizjoni tal-Kummissjoni C(2010) 4185 finali, tat-23 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Kawża COMP/39092 — Installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju), u, min-naħa l-oħra, talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti f’din id-deċiżjoni.

Dispożittiv

Il-parti tal-multa imposta fuq Laufen Austria AG li għaliha hija tinżamm individwalment responsabbli, abbażi tal-ksur imwettaq matul il-perijodu inkluż bejn it-12 ta’ Ottubru 1994 u t-28 ta’ Ottubru 1999 hija stabbilita għal EUR 4 788 001.

Laufen Austria u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu kull waħda minnhom l-ispejjeż proprji tagħhom relatati mal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

____________

1     ĠU C 301, 6.11.2010.