Language of document :

Rikors ippreżentat fit-3 ta' Ottubru 2011 - Deutsche Bahn et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-521/11)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Deutsche Bahn AG (Berlin, il-Ġermanja), Deutsche Umschlaggesellschaft Schiene-Straße (DUSS) mbH (Bodenheim, il-Ġermanja), DB Netz AG (Frankfurt am Main, il-Ġermanja), DB Schenker Rail GmbH (Mainz, il-Ġermanja), DB Schenker Rail Deutschland AG (Mainz, il-Ġermanja) (rappreżentanti: W. Deselaers, J. Brückner u O. Mross, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni ta' spezzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Lulju 2011 innotifikata fis-26 ta' Lulju 2011;

tannulla kull miżura meħuda abbażi tal-ispezzjonijiet li saru fuq il-bażi ta' din id-deċiżjoni illegali;

tikkundanna b'mod partikolari lill-Kummissjoni sabiex tagħti lura l-kopji kollha ta' dokumenti magħmula waqt l-ispezzjonijiet, taħt piena ta' annullament tad-deċiżjoni futura tal-Kummissjoni mill-Qorti Ġenerali, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011)5230, tal-14 ta' Lulju 2011 (Każ COMP/39.678 - DB I u Każ COMP/39.731 - DB II), li tordna, taħt l-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, li jsiru spezzjonijiet fil-konfront ta' Deutsche Bahn AG kif ukoll tal-persuni ġuridiċi kollha li huma direttament jew indirettament ikkontrollati minn din tal-aħħar minħabba mudell potenzjalment antikompetittiv ta' użu strateġiku tal-infrastruttura amministrata mill-kumpanniji tal-grupp DB u tal-provvista ta' servizzi fil-qasam ferrovjarju.

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi.

L-ewwel motiv: ksur tad-dritt fundamentali għall-invjolabbiltà tad-dar minħabba li ma saritx talba a priori għall-awtorizzazzjoni ġudizzjarja.

It-tieni motiv: ksur tad-dritt fundamentali għal rimedju legali effettiv minħabba n-nuqqas ta' possibbiltà ta' stħarriġ ġudizzjarju a priori tad-deċiżjoni ta' spezzjoni, kemm mill-perspettiva fattwali kif ukoll mill-perspettiva ġuridika.

It-tielet motiv: illegalità tad-deċiżjoni ta' spezzjoni, peress li din hija bbażata fuq informazzjoni miksuba mill-Kummissjoni, u għalhekk bi ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

L-informazzjoni inksibet waqt l-implementazzjoni tad-deċiżjoni ta' spezzjoni tal-14 ta' Marzu 2011 fl-ambitu ta' riċerka wiesgħa ħafna ("fishing expedition"). Anki l-informazzjoni miksuba waqt l-implementazzjoni tat-tieni deċiżjoni ta' stħarriġ tat-30 ta' Marzu 2011 hija illegali, minħabba li din l-investigazzjoni tirriżulta minn informazzjoni miksuba illegalment, u minn informazzjoni bbażata fuq deċiżjoni ta' spezzjoni illegali.

Ir-raba' motiv: ksur tad-drittijiet tad-difiża minħabba li s-suġġett tal-ispezzjoni ġie deskritt b'mod sproporzjonat u ma kienx speċifikat.

Il-ħames motiv: ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità.

Il-Kummissjoni ma għandhiex ġurisdizzjoni fuq is-suġġett tal-ispezzjoni u setgħet ukoll, fi kwalunkwe każ, tikseb l-informazzjoni rilevanti mingħand ir-rikorrenti permezz tal-Bundesnetzagentur (aġenzija federali tan-netwerks) kompetenti jew permezz ta' sempliċi talba għal informazzjoni.

____________